EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AP0056

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fil-25 ta' Frar 2016 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi ta' emerġenza għar-Repubblika tat-Tuneżija (COM(2015)0460 – C8-0273/2015 – 2015/0218(COD))

ĠU C 35, 31.1.2018, p. 164–166 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 35/164


P8_TA(2016)0056

L-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi ta' emerġenza għar-Repubblika tat-Tuneżija ***I

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fil-25 ta' Frar 2016 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi ta' emerġenza għar-Repubblika tat-Tuneżija (COM(2015)0460 – C8-0273/2015 – 2015/0218(COD)) (1)

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2018/C 035/41)

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW (*1)

għall-proposta tal-Kummissjoni


(1)  Il-każ ġie mgħoddi lura lill-kumitat responsabbli biex jerġa jiġi eżaminat skont l-Artikolu 61(2), it-tieni subparagrafu (A8-0013/2016).

(*1)  Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.


REGOLAMENT (UE) 2016/…

TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri kummerċjali awtonomi ta’ emerġenza għar-Repubblika

tat-Tuneżija

[Emendi 1-4, sakemm mhux indikat mod ieħor]IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (1) ('il-Ftehim') jikkostitwixxi l-bażi tar-relazzjoni bejn l-Unjoni u t-Tuneżija.

(2)

Wara l-attakk terroristiku tas-26 ta’ Ġunju 2015 viċin Sousse, fit-Tuneżija, il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Lulju 2015, iddikjara li l-Unjoni, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri tagħha, għandha tesplora l-possibbiltà li jittieħdu miżuri eċċezzjonali u temporanji sabiex tiġi appoġġata l-ekonomija Tuneżina.

(3)

Iż-żejt taż-żebbuġa huwa l-prodott agrikolu ewlieni tat-Tuneżija ta' esportazzjoni lejn l-Unjoni u l-industrija taż-żejt taż-żebbuġa hija parti importanti tal-ekonomija tal-pajjiż, bħal ma hi f'xi reġjuni ta' ċerti Stati Membri .

(4)

L-aħjar mod biex l-Unjoni tappoġġa l-ekonomija tat-Tuneżija, b’konformità mal-objettivi stabbiliti fil-Politika Ewropea tal-Viċinat u fil-Ftehim, huwa billi tipprovdi suq attraenti u affidabbli għall-esportazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa tat-Tuneżija. Il-proviżjoni ta' tali suq jeħtieġ l-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi li jippermettu l-importazzjoni ta’ dak il-prodott fl-Unjoni, fuq il-bażi ta’ kwoti tariffarji mingħajr dazju.

(5)

Sabiex jipprevjenu l-frodi u jiġi żgurat li l-miżuri kummerċjali awtonomi previsti jkunu ta' benefiċċju reali għall-ekonomija tat-Tuneżija, dawk il-miżuri għandhom ikunu soġġetti għall-konformità mit-Tuneżija mar-regoli previsti fil-Ftehim dwar l-oriġini tal-prodotti u l-proċeduri marbuta magħhom, kif ukoll għall-kooperazzjoni amministrattiva effettiva tat-Tuneżija mal-Unjoni.

(6)

Il-preservazzjoni tal-istabbiltà tas-suq taż-żejt taż-żebbuġa fl-Unjoni teħtieġ li l-volum addizzjonali ġġenerat permezz tal-miżuri kummerċjali awtonomi jsir disponibbli biss wara li jispiċċa l-volum taż-żejt taż-żebbuġa mhux raffinat mingħajr dazju tal-kwota tariffarja annwali stipulata fl-Artikolu 3(1) tal-Protokoll Nru 1 tal-Ftehim.

(7)

L-Artikolu 184 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi r-regoli dwar l-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji. Dawk ir-regoli għandhom japplikaw ukoll għall-miżuri kummerċjali awtonomi stipulati f’dan ir-Regolament.

(8)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sabiex tkun tista' tissospendi temporanjament l-arranġamenti preferenzali stabbiliti b'dan ir-Regolament u tintroduċi miżuri korrettivi f'każijiet fejn is-suq tal-Unjoni jiġi affettwat minn dan ir-Regolament. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(9)

Il-miżuri kummerċjali awtonomi ta' emerġenza stabbiliti minn dan ir-Regolament huma maħsuba biex itaffu s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli, li qiegħda tiffaċċja bħalissa t-Tuneżija, minħabba l-attakki terroristiċi. Għalhekk dawk il-miżuri għandhom ikunu limitati fiż-żmien u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal negozjati bejn l-Unjoni u t-Tuneżija dwar it-twaqqif ta’ Żona ta’ Kummerċ Ħieles fil-Fond u Komprensiv (DCFTA). ▌[Emendi 11 u 15]

(10)

Minħabba l-ħsara kbira li saret lill-ekonomija tat-Tuneżija, b’mod partikolari lis-settur tat-turiżmu tagħha, bl-attakk terroristiku viċin Sousse fis-26 ta’ Ġunju 2015, u minħabba l-ħtieġa li jittieħdu miżuri kummerċjali awtonomi ta’ emerġenza biex tittaffa s-sitwazzjoni ekonomika tat-Tuneżija fi żmien qasir, tqies li jkun xieraq li tingħata eċċezzjoni għall-perijodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Arranġamenti preferenzjali

Kwota tariffarja mingħajr dazju annwali fuq l-importazzjoni ta’ 35 000 tunnellata (“kwota tariffarja annwali fuq l-importazzjoni”) għas-snin kalendarji 2016 u 2017 hija miftuħa għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ żejt taż-żebbuġa mhux raffinat li joriġina mit-Tuneżija u li huwa kklassifikat fil-kodiċijiet tan-NM 1509 10 10 u 1509 10 90 meta dan iż-żejt verġni taż-żebbuġa joriġina kollu kemm hu mit-Tuneżija u jiġi ttrasportat direttament mit-Tuneżija lejn l-Unjoni . [Emendi. 5 u 12].

Artikolu 2

Kundizzjonijiet għad-dritt ta’ kwota tariffarja annwali fuq l-importazzjoni

Id-dritt għall-kwota tariffarja annwali fuq l-importazzjoni għandu jkun soġġett għall-konformità tat-Tuneżija mar-regoli li jikkonċernaw l-oriġini tal-prodotti u l-proċeduri marbuta magħhom, stipulati fil-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim.

Artikolu 3

Aċċess għall-kwota tariffarja annwali fuq l-importazzjoni

Il-kwota tariffarja annwali fuq l-importazzjoni għandha tkun disponibbli biss wara li jispiċċa l-volum tal-kwota tariffarja mingħajr dazju annwali taż-żejt taż-żebbuġa mhux raffinat stipulata fl-Artikolu 3(1) tal-Protokoll Nru 1 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Amministrazzjoni tal-kwota tariffarja annwali fuq l-importazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tamministra l-kwota tariffarja annwali fuq l-importazzjoni skont l-Artikolu 184 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

Artikolu 5

Sospensjoni temporanja

Jekk il-Kummissjoni ssib li jkun hemm biżżejjed evidenza li t-Tuneżija tkun naqqset milli tikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2, din tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jissospendi b'mod temporanju kompletament jew parzjalment l-arranġamenti preferenzjali previsti fl-Artikolu 1. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2).

Artikolu 6

Rieżami ta' nofs it-terminu

1.     Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta' nofs it-terminu dwar l-impatt ta' dan ir-Regolament fuq is-suq tal-Unjoni taż-żejt taż-żebbuġa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, u tippreżenta l-konklużjonijiet ta' dik l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.     Fil-każ li jiġi kkonstatat li s-suq tal-Unjoni taż-żejt taż-żebbuġa ġie affettwat mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta att ta' implimentazzjoni sabiex tintroduċi miżuri korrettivi intiżi sabiex titreġġa’ lura s-sitwazzjoni f'dak is-suq. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta' eżami prevista fl-Artikolu 7(2).

Artikolu 7

Proċedura ta’ Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli stabbilit bl-Artikolu 229 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi …,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2.

(2)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(3)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


Top