Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AG0021(02)

    Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 21/2006 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi għas-sajd tal-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal u dispożizzjonijiet għas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali tal-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002

    ĠU C 433, 23.11.2016, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.11.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 433/19


    Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 21/2006 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi għas-sajd tal-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal u dispożizzjonijiet għas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali tal-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002

    (2016/C 433/02)

    I.   INTRODUZZJONI

    1.

    Fid-19 ta' Lulju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-proposta fis-suġġett lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. (1) Il-proposta kellha l-għan li taġġorna r-Regolament eżistenti li jistabbilixxi kondizzjonijiet speċifiċi għas-sajd tal-istokkijiet tal-baħar fond. (2)

    2.

    Bejn Jannar 2014 u Novembru 2015, il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Politika Interna u Esterna tas-Sajd wettaq qari bir-reqqa tal-proposta.

    3.

    Il-Parlament Ewropew ivvota dwar il-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fl-10 ta' Diċembru 2013. (3)

    4.

    Wara eżami tal-emendi tal-Parlament mill-Grupp ta' Ħidma, b'kont meħud ukoll tal-prinċipji tal-PKS il-ġdida (4), il-Presidenza Lussemburgiża ħejjiet test ta' kompromess kif jinsab fit-tielet kolonna tad-dokument 5803/5/14, inkluż l-aġġornamenti tekniċi deskritti fid-dokument 15306/15. Dan it-test ġie approvat mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti fl-11 ta' Novembru 2015, u abbażi ta' dan il-Presidenza ngħatat il-mandat li tiftaħ negozjati mal-Parlament Ewropew.

    5.

    Wara t-trilogu tas-17 ta' Novembru 2015 li sar waqt il-Presidenza Lussemburgiża, u t-trilogi l-oħra tas-26 ta' April, il-25 ta' Mejju, l-14 u t-30 ta' Ġunju 2016 li saru taħt il-Presidenza Netherlandiża, intlaħaq qbil proviżorju mal-Parlament.

    6.

    B'ittra datata t-13 ta' Lulju 2016, il-President tal-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament Ewropew għarraf lill-President tal-Coreper 1 li, jekk il-Kunsill jibgħat formalment lill-Parlament Ewropew il-pożizzjoni tiegħu kif maqbula, soġġetta għal verifika mill-ġuristi-lingwisti, huwa ser jirrakkomanda lill-Plenarja li l-pożizzjoni tal-Kunsill tiġi aċċettata mingħajr emendi fit-tieni qari tal-Parlament.

    7.

    Fl-20 ta' Lulju 2016, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti kkonferma t-test ta' kompromess finali bil-ħsieb li jkun hemm qbil. (5)

    II.   OBJETTIV

    8.

    L-għan tal-proposta kien li taġġorna u tiffoka aħjar l-elementi ewlenin tar-Regolament eżistenti (ir-reġim għall-awtorizzazzjoni tas-sajd, il-ġbir ta' data, il-monitoraġġ tal-isforz, u l-kontroll), tissimplifika l-obbligi tar-rappurtar u tissupplimenta r-reġim b'miżuri biex jitnaqqas l-impatt tas-sajd fil-fond fuq l-ekosistema (il-kunċett ta' “impronta tas-sajd” u t-tneħħija gradwali tat-tkarkir tal-qiegħ).

    III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

    A.    Ġenerali

    9.

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill, fil-biċċa l-kbira tagħha, tapprova l-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tal-immodernizzar tar-reġim għall-awtorizzazzjoni tas-sajd, l-allinjament aħjar tad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-ġbir ta' data u r-reġistrazzjoni, is-simplifikazzjoni tar-rappurtar, u r-rieżami tad-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll. Madankollu, il-Kunsill introduċa elementi ta' flessibbiltà sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u jiġu evitati miżuri sproporzjonati (ara pereżempju l-Artikoli 5(6), 6(2), 10, 12 u 13(2) tal-pożizzjoni tal-Kunsill). Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet fakultattivi tal-proposta dwar il-ġestjoni tal-isforz tas-sajd ġew imħassra mill-Kunsill, minħabba l-prinċipji ġodda ta' ġestjoni stabbiliti bir-riforma tal-PKS, fosthom l-introduzzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art.

    10.

    Fid-dawl tar-riforma tal-PKS li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014 wara li l-Parlament kien ivvota l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, il-Kunsill ma setax jaqbel ma' ċerti emendi proposti mill-Parlament Ewropew li kellhom l-għan li jmorru lil hinn mill-prinċipji l-ġodda tal-PKS għas-sajd fil-fond (eż. l-emendi 36 u 37 dwar il-ġestjoni tal-kapaċità, l-emendi 65 u 66 dwar il-limiti ta' qbid f'sitwazzjonijiet bi ftit data dwarhom, l-emenda 71 dwar l-obbligu ta' ħatt l-art għall-ispeċijiet tal-baħar fond) jew elementi tal-PKS imtennija (eż. l-emenda 119 dwar l-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd).

    11.

    Fir-rigward tal-bidliet tal-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill jibni fuq l-emendi ssuġġeriti mill-Parlament fir-rigward tal-“impronta tas-sajd” (mill-emenda 43 sa 55) u fir-rigward ta' żoni magħżula fejn jinsabu jew x'aktarx jinsabu ekosistemi marini vulnerabbli (VME) (l-emendi 42 u 56). Il-proposta tal-Kummissjoni għat-tneħħija gradwali tat-tkarkir tal-qiegħ waqt sajd fil-baħar fond, li l-Parlament ma kienx aċċettaha kif kienet (ara l-emenda 62), fil-pożizzjoni tal-Kunsill ġiet sostitwita minn pakkett ta' dispożizzjonijiet, abbażi tal-konverġenza tat-tliet opinjonijiet differenti (ebda tkarkir tal-qiegħ taħt it-800 metru fl-ilmijiet tal-UE u f'żoni tal-ilmijiet tal-UE identifikati għall-ħarsien ta' VME; kondizzjonijiet stretti għas-sajd esploratorju 'l barra minn żoni mistada stabbiliti (“impronta”), b'sanzjonijiet marbuta magħhom f'każ ta' nonkonformità; tisħiħ tal-ambitu ta' osservazzjoni, u tar-rekwiżiti għar-rappurtar dwar l-ispeċijiet li jindikaw il-probabbiltà ta' VME; u stima dettaljata tal-impatt tar-Regolament wara erba' snin).

    B.    Elementi partikolari

    12.

    Ta' tħassib partikolari għat-tliet istituzzjonijiet kien l-ambitu ta' osservazzjoni abbord bastimenti li jistadu għal speċijiet tal-baħar fond. F'tentattiv biex jintlaħaq bilanċ bejn l-interess tal-Parlament fl-għarfien xjentifiku li qed jiżdied b'rata mgħaġġla dwar l-ispeċijiet tal-baħar fond u l-impatt tal-irkaptu, mal-interess tal-Kunsill fl-applikazzjoni ta' parametri standard ta' ambitu u tal-evitar li ċertu sajd jingħata preferenza fuq sajd ieħor f'sitwazzjoni ta' riżorsi umani skarsi, instab kompromess ta' ambitu ta' osservazzjoni ta' 20 % li ser ikun obbligatorju fuq bastimenti li jistadu għall-ispeċijiet tal-baħar fond bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew xbieki tal-garġi ankrati tal-qiegħ (l-Artikolu 16 tal-pożizzjoni tal-Kunsill). Dan il-persentaġġ jista' jiġi rivedut f'kodeċiżjoni wara valutazzjoni xjentifika li ssir fuq talba tal-Kummissjoni.

    13.

    Matul il-kuntatti mal-Parlament u l-Kummissjoni, kien hemm nuqqas ta' qbil dwar il-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tar-Regolament. B'mod partikolari, il-Parlament appoġġa l-estensjoni tar-reġim il-ġdid għal operazzjonijiet ta' bastimenti tal-UE fl-ibħra internazzjonali tal-Atlantiku tal-Grigal, irregolati minn miżuri tal-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC). Il-Kunsill ikkontesta dan l-approċċ, fuq tħassib dwar ir-regoli diverġenti li ser ikunu japplikaw għall-istess żona, dwar l-approċċ ta' ġestjoni speċifika żviluppat min-NEAFC, filwaqt li enfasizza d-differenzi fil-modi ta' sajd. Jista' jinstab kompromess bl-estensjoni selettiva tar-regoli dwar l-ambitu ta' osservazzjoni biex jiġu koperti l-bastimenti li joperaw f'ibħra tal-NEAFC (l-Artikolu 16(5) tal-pożizzjoni tal-Kunsill), u b'hekk f'dan ir-rigward jiġi introdott standard li jkun ogħla minn dak applikat bħalissa fil-livell internazzjonali. Barra minn hekk, il-Kunsill jaqbel li, għall-operazzjonijiet f'ibħra tan-NEAFC, ikomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess inizjali tar-Regolament dwar portijiet deżinjati, l-obbligu tal-informazzjoni u l-permessi għas-sajd (l-Artikolu 20(3) tal-pożizzjoni tal-Kunsill).

    14.

    Fl-aħħar nett, il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar pakkett ta' elementi ta' valutazzjoni (l-Artikolu 19) li għandu jwassal għal rieżami dettaljat tal-miżuri eżistenti u dawk ġodda fir-rigward tal-adegwatezza tagħhom biex tinkiseb il-konservazzjoni fit-tul tal-istokkijiet, impatt baxx fuq il-VME u għarfien xjentifiku aħjar.

    IV.   KONKLUŻJONI

    15.

    Bl-istabbiliment tal-pożizzjoni tiegħu, il-Kunsill ħa kont sħiħ tal-proposta tal-Kummissjoni u tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari.


    (1)  Ara d-dokument 12801/12.

    (2)  Regolament (KE) Nru 2347/2002.

    (3)  Ara d-dokument 17452/2013.

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    (5)  Ara d-dokument 11141/16.


    Top