EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE1921

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta’ ċerti data” [COM(2016) 56 final – 2016/0033 (COD)] u dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji kif ukoll ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq u r-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli fir-rigward ta’ ċerti dati” [COM(2016) 57 final – 2016/0034 (COD)]

ĠU C 303, 19.8.2016, p. 91–93 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 303/91


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta’ ċerti data”

[COM(2016) 56 final – 2016/0033 (COD)]

u dwar

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji kif ukoll ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq u r-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli fir-rigward ta’ ċerti dati”

[COM(2016) 57 final – 2016/0034 (COD)]

(2016/C 303/12)

Relatur:

is-Sur Daniel MAREELS

Nhar il-25 ta' Frar 2016, il-Parlament Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' ċerti dati”

[COM(2016) 56 final – 2016/0033 (COD)]

Nhar il-25 ta’ Frar 2016. il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq u r-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli fir-rigward ta’ ċerti dati”

[COM(2016) 57 final – 2016/0034 (COD)].

Is-Sezzjoni Specjalizzata ghas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni taghha nhar l-10 ta’ Mejju 2016.

Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tas-26 ta’ Mejju 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni bi 132 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

B’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi msemmija fl-Opinjoni, il-Kumitat jaċċetta l-proposti tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jipposponu b’sena, mit-3 ta’ Jannar 2017 għat-3 ta’ Jannar 2018, l-applikazzjoni tar-regoli kollha tal-MiFID II. Dan il-posponiment huwa allegatament ġġustifikat mill-fatt li rriżultaw għadd ta’ problemi tekniċi – u tal-informatika – importanti u mill-fatt li posponiment parzjali muwiex daqsekk evidenti, peress li dan, min-naħa l-oħra, iwassal għal numru ta’ kwistjonijiet diffiċli oħra fir-rigward ta’ ċarezza, ċertezza legali, distorsjonijiet potenzjali fis-suq u spejjeż u investimenti addizzjonali. Madankollu, il-Kumitat jitlob li jsir kull sforz sabiex jiġi evitat aktar dewmien fl-applikazzjoni tal-MiFID II u sabiex jiġi żgurat li r-regoli dwar il-ħarsien tal-investituri ma jiġux kompromessi fil-prattika matul il-perjodu ta’ differiment. Sakemm jitnieda r-reġim il-ġdid, fejn xieraq, jeħtieġ li r-regoli eżistenti tal-MiFID I jibqgħu japplikaw mingħajr ma jiġu modifikati.

1.2

Din ir-rakkomandazzjoni hija aktar valida fid-dawl tal-fatt li fil-passat, il-Kumitat kien diġà appella għal ċerti riformi għas-swieq finanzjarji (1) u ħeġġeġ li jiġu implimentati malajr, bħal meta ġiet adottata l-MiFID II fl-2014. Il-MiFID II hija verżjoni riveduta u mtejba tad-Direttiva Ewropea MiFID (2) introdotta fl-2007, (MiFID I) u l-introduzzjoni tar-Regolament MiFIR (3). Fil-qosor dan ifisser li l-MiFID II għandha l-għan li tagħmel is-swieq finanzjarji Ewropej aktar effettivi u trasparenti u li tipprovdi aktar protezzjoni għall-investituri.

1.3

Meta b’mod partikolari ġie kkonsultat dwar ir-reviżjoni u t-tisħiħ tal-MiFID, il-Kumitat iddikjara li “L-għan ewlieni tad-Direttiva hu li żżid it-trasparenza u l- effiċjenza tal-kummerċ u li tillimita l-volatilità tas-swieq, iżda wkoll li ssaħħaħ l-integrità tal-intermedjarji u l-protezzjoni tal-investituri u li tiftaħ is-swieq Ewropej għal kompetizzjoni reali fil-provvista tas-servizzi finanzjarji. Il-KESE jappoġġja dawn għanijiet u jemmen li b'mod globali l-proposta tmur fid-direzzjoni t-tajba” (4). L-għanijiet u l-applikazzjoni tat-testi l-ġodda m’għandhom bl-ebda mod jiġu affettwati ħażin minn dan il-posponiment.

2.   Sfond

2.1

Ir-regolazzjoni tas-swieq finanzjarji ħadet triq ġdida minn mindu tfasslet il-MiFID I fl-2007 bl-għan aħħari li jiġu promossi swieq ġusti u trasparenti. Id-Direttiva primarjament għamlet titjib fil-qasam tal-kompetizzjoni u l-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq finanzjarji Ewropej. Il-MiFID I fissret li s-suq jiġi liberalizzat għall-eżekuzzjoni. Il-kompetizzjoni bejn il-pjattaformi tan-negozjar żdiedet, u s-suq sar iktar frammentat. Ġew introdotti wkoll regoli sabiex jiġu protetti kemm l-investiment kif ukoll l-integrità tas-suq.

2.2

B’reazzjoni għall-kriżi finanzjarja, kien hemm appelli għal aktar superviżjoni u superviżjoni aktar stretta. Ġew identifikati wkoll nuqqasijiet fir-rigward tal-protezzjoni tal-investitur u fl-operat u t-trasparenza tas-swieq finanzjarji. Barra minn hekk, kellu jitqies għadd ta’ żviluppi tekniċi ġodda fis-suq, pereżempju fir-rigward tan-negozjar ta’ frekwenza għolja u agoritmiku.

2.3

Dan wassal sabiex il-qafas eżistenti jinbidel u jissaħħaħ. Dan il-proċess twettaq fl-2014 permezz tal-MiFID II u, b’rabta ma’ dan, ġie introdott il-MiFIR. Dawk it-testi għandhom jissostitwixxu l-MiFID I. L-għan tal-MiFID II huwa li s-swieq finanzjarji Ewropej isiru aktar trasparenti u effiċjenti u l-investituri jiġu protetti aktar.

2.4

Il-MiFID II tkopri firxa usa’ ta’ strumenti finanzjarji u tiżgura li n-negozjar iseħħ f’pjattaformi regolati. Ittejjeb kemm it-trasparenza kif ukoll is-superviżjoni tas-swieq finanzjarji kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni fin-negozjar u fl-ikklerjar ta’ strumenti finanzjarji. Ir-regoli tal-MiFID riveduti jsaħħu wkoll il-protezzjoni tal-investituri billi jintroduċi rekwiżiti robusti għall-organizzazzjoni u t-twettiq tan-negozju.

2.5

Fl-abbozzar tat-testi fl-2014, ġie stipulat li t-traspożizzjoni tagħhom f’liġi nazzjonali (5) għandha ssir sat-3 ta’ Lulju 2016 u t-testi għandhom jibdew japplikaw mit-3 ta’ Jannar 2017.

2.6

Il-proposta attwali għandha l-għan li tippostponi d-dħul fis-seħħ tal-MiFID II b’sena, mit-3 ta’ Jannar 2017 sat-3 ta’ Jannar 2018.

2.7

Dan il-posponiment huwa prinċipalment dovut għall-problemi fl-implimentazzjoni teknika li ffaċċjaw l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA (6)), l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-partijiet interessati. Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li l-MiFID II hija kumplessa ħafna u hemm bżonn ta’ għadd sinifikanti ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, inklużi dawk relatati mal-obbligi ta’ rappurtar. L-istrutturi għal dan kellhom xi ftit jew wisq jinbdew mix-xejn, li ser jieħdu aktar żmien milli stmat oriġinarjament.

3.   Kummenti

3.1

Meta ġiet adottata l-MiFID II, l-intenzjoni kienet li tiġi trasposta mill-Istati Membri sat-3 ta’ Lulju 2016 u t-testi jibdew japplikaw fit-3 ta’ Jannar 2017.

3.2

Fost affarijiet oħra, il-MiFID II tipprovdi għal sistema estensiva ta’ ġbir ta’ data bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet. Sabiex tinġabar id-data b'mod effiċjenti u armonizzat, trid tiġi żviluppata infrastruttura ġdida ta' ġbir ta' data. Dan jobbliga lill-ESMA, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jistabbilixxu Sistema ta' Data ta' Referenza tal-Istrumenti Finanzjarji (Financial Instruments Reference Data System – FIRDS), li tkopri l-firxa sħiħa ta’ strumenti finanzjarji li huma inklużi fl-ambitu estensiv tal-MiFID II. Fit-twettiq ta' dan il-kompitu, il-FIRDS ikollha bżonn tgħaqqad id-data li toħroġ mill-ESMA, l-NCAs u minn madwar 300 post ta' kummerċ madwar l-Unjoni Ewropea. Skont l-informazzjoni disponibbli jidher li l-maġġoranza l-kbira tas-sistemi tal-IT ġodda li jirfdu lill-FIRDS ikunu jridu jiġu kostruwiti mill-bidu nett, abbażi ta' parametri ġodda (7).

3.3

Il-Kummissjoni tenfasizza li minħabba l-kumplessità tal-qafas il-ġdid u l-ħtieġa ta' għadd kbir ħafna ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni, id-data tal-applikabilità ttal-MiFIR ġiet posposta bi 30 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ. Minkejja dan il-perjodu twil aktar mis-soltu, il-partijiet interessati, bħal ma huma l-pjattaformi ta’ negozjar, l-NCAs u l-ESMA, jaffermaw li mhumiex f’pożizzjoni li jiżguraw li l-infrastrutturi meħtieġa tad-dejta jkunu f'posthom u operattivi sat-3 ta’ Jannar 2017. Fil-fatt, qabel tmiem l-2015, l-ESMA informat lill-Kummissjoni li kien inevitabbli li jkun hemm dewmien fl-implimentazzjoni teknika tal-MiFID, filwaqt li allegat li dan kien minħabba d-daqs u l-kumplessità tad-data li trid tinġabar u tiġi pproċessata sabiex il-qafas il-ġdid isir operattiv, b’mod partikolari f’ċerti każi (8), kif ukoll minħabba n-nuqqas ta' strutturi għall-ġbir ta’ data, li għandu implikazzjonijiet fuq l-ambitu kollu tal-MiFID II (9).

3.4

Il-Kummissjoni aċċettat din is-sitwazzjoni u għalhekk ivvalutat iż-żewġ possibbiltajiet, jiġifieri posponiment parzjali u posponiment sħiħ tal-MiFID II. Madankollu, għall-Kummissjoni, apparentament, posponiment parzjali mhuwiex opportun u fi kwalunkwe każ iwassal għal għadd ta’ problemi ġodda u konsiderevoli, li jikkonċernaw, b’mod partikolari, ir-riskju ta’ konfużjoni, id-distinzjoni bejn ir-regoli infurzabbli immedjatament u l-oħrajn, it-tħejjija ta’ regoli tranżitorji li, barra minn hekk, min-naħa tagħhom, jistgħu jagħtu lok għal problemi ġodda u r-riskju ta’ aktar dewmien. Barra minn hekk, għandha titqies ukoll il-kosteffettività.

3.5

Fil-fehma tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-problemi tekniċi – u tal-informatika – allegatament eżistenti u tal-fatt li dħul fis-seħħ parzjali huwa allegatament kumpless u għandu jsir kull sforz biex jiġi evitat dewmien ulterjuri, li ma jistax jiġi eskluż f’każ ta’ dħul fis-seħħ parzjali, f’dan il-kuntest, il-proposta li tiġi posposta b’sena l-implimentazzjoni sħiħa tal-MiFID II tidher li hija l-iktar għażla raġonevoli u aċċettabbli.

3.6

Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma rreaġixxiet immedjatament meta, fl-2015, irċeviet l-ewwel informazzjoni dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni teknika tad-Direttiva MiFID II u ma ħadet l-ebda inizjattiva sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni jew tfittex soluzzjoni oħra għall-problema, li kieku kien jagħmilha possibbli li jitjiebu l-kundizzjonijiet li bihom jiffunzjonaw is-swieq finanzjarji u tissaħħaħ il-protezzjoni tal-investituri.

3.7

Minkejja li jkollu jammetti li, taħt iċ-ċirkustanzi attwali, il-posponiment jikkostitwixxi l-inqas għażla li tagħmel ħsara, il-KESE jemmen li din l-estensjoni għandha ssir darba biss u li kollox għandu jiġi implimentat sabiex jiġi evitat dewmien ulterjuri fl-implimentazzjoni tal-MiFID II. Barra minn hekk, huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li sakemm jibda japplika dan ir-reġim il-ġdid tal-MiFID II fit-3 ta’ Jannar 2018, fil-prattika, ma jiġux imfixkla d-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-investitur li jidhru fil-MiFID II il-ġdid u li ma jintlaqtux, bħala tali, mid-diffikultajiet attwali. Sakemm jitnieda r-reġim il-ġdid, fejn xieraq, jeħtieġ li r-regoli eżistenti tal-MiFID I jibqgħu japplikaw mingħajr ma jiġu modifikati

Brussell, is-26 ta' Mejju 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  (ĠU C 143, 22.5.2012, p. 42).

(2)  Id-Direttiva dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji.

(3)  Ir-Regolament dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji.

(4)  (ĠU C 191, 29.6.2012, p. 80).

(5)  Partikolarment id-Direttiva MiFID II. MiFIR huwa Regolament.

(6)  Taqsira għall-isem tal-Awtorità bl-Ingliż: European Security and Markets Authority (ESMA).

(7)  COM(2016) 56 final – 2016/0033 (COD), premessa (4).

(8)  COM(2016) 57 final – 2016/0034 (COD), premessa (5).

(9)  COM(2016) 57 final – 2016/0034 (COD), premessa (6).


Top