Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE0869

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “REFIT” (Opinjoni esploratorja)

    ĠU C 303, 19.8.2016, p. 45–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 303/45


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “REFIT”

    (Opinjoni esploratorja)

    (2016/C 303/06)

    Relatur:

    Denis MEYNENT

    Nhar it-13 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    “REFIT”

    (Opinjoni esploratorja).

    Is-sottokumitat “REFIT”, imwaqqaf skont l-Artikolu 19 tar-Regoli ta’ Proċedura, u inkarigat sabiex jipprepara l-ħidma dwar is-suġġett, adotta l-abbozz ta’ Opinjoni tiegħu nhar id-19 ta’ April 2016 b’unanimità.

    Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta' Mejju 2016 (seduta tas-26 ta' Mejju 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'185 vot favur, 4 voti kontra u 8 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-Kumitat ifakkar li l-għan ewlieni tal-programm REFIT (1) huwa t-titjib tal-kwalità u l-effiċjenza tal-leġislazzjoni Ewropea u l-iżvilupp ta’ regolamenti sempliċi, li jinftiehmu u li jkunu konsistenti, mingħajr ma jiġu kompromessi l-għanijiet strateġiċi stabbiliti u mingħajr ma jittieħdu azzjonijiet li jagħmlu ħsara lill-protezzjoni taċ-ċittadini, tal-konsumaturi, tal-ħaddiema u tad-djalogu soċjali, jew tal-ambjent.

    1.2

    Ir-regolamentazzjoni Ewropea hija fattur ta’ integrazzjoni essenzjali li ma tikkostitwixxix piż jew spiża li jridu jitnaqqsu. Jekk tkun proporzjonata kif xieraq, għall-kuntrarju hija garanzija ta’ protezzjoni, ta’ promozzjoni u ta’ sigurtà legali importanti għall-atturi u ċ-ċittadini Eworpej kollha.

    1.3

    Il-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ kull proposta leġislattiva jridu jkunu integrati u jagħtu lid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, inklużi dawk għall-SMEs, l-importanza kollha li jistħoqqilhom. Il-Kumitat jitlob li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea jirnexxilhom jaqblu dwar metodoloġija komuni dwar il-valutazzjoni tal-impatt, li tista’ tispira wkoll lill-Kumitat u lill-Kumitat tar-Reġjuni (KtR).

    1.4

    Il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika kif ukoll il-konsultazzjoni mal-esperti u mal-partijiet interessati għandhom ikunu miftuħa kemm jista’ jkun, iżda m’għandhomx jieħdu post il-konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali u mal-Kumitat.

    1.5

    Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi fit-tabella ta’ valutazzjoni tagħha valutazzjoni annwali tal-ispejjeż u l-benefiċċji ewlenin tal-miżuri tal-programm REFIT, kemm fil-livell ta’ kwantità kif ukoll ta’ kwalità, inkluż fir-rigward tal-livell u l-kwalità tal-impjieg, il-protezzjoni soċjali u ambjentali u l-protezzjoni tal-konsumaturi.

    1.6

    Il-proċess tad-deċiżjonijiet għandu jkun fluwidu u rilevanti kemm jista’ jkun. Il-korpi u l-filtri kollha stabbiliti biex jivverifikaw il-korettezza tagħhom ma jistgħux imorru kontra d-deċiżjoni politika, li għandha tibqa’ sovrana. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li tiġi miġġielda l-burokrazija tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

    1.7

    Il-Kumitat jieħu nota tal-istabbiliment tal-pjattaforma REFIT, li b’mod partikolari ngħatat il-mandat li taħdem favur leġislazzjoni iżjed effiċjenti u regoli amministrattivi iżjed sempliċi. Huwa jenfasizza li din għandha tillimita ruħha għall-eżami limitat ta’ għadd ta’ temi u ma tistax tieħu post il-koleġislaturi jew il-konsultazzjonijiet obbligatorji tal-Kumitat, peress li l-ħidma tiegħu hija ta’ natura differenti, u tal-imsieħba soċjali previsti mit-Trattati. Huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika l-kriterji ta’ preselezzjoni tas-suġġerimenti indirizzati lill-pjattaforma, tissorvelja l-bilanċ tagħhom u tiċċara l-azzjonijiet li jittieħdu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-pjattaforma, b’mod li tinħoloq traċċabbiltà tal-influwenzi.

    1.8

    F’dak li jirrigwarda r-rappreżentattività tal-pjattaforma REFIT, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-għoti ta’ żewġ siġġijiet addizzjonali jippermettulu jirrispetta bis-sħiħ in-natura tal-mandat tiegħu u li b’hekk jirrifletti s-soċjetà ċivili li huwa inkarigat li jirrappreżenta. Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota n-nuqqas ta’ rappreżentanza pan-Ewropea tal-mikrointrapriżi, u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju fil-“grupp tal-partijiet interessati” tal-pjattaforma u jitlob li dan jiġi rimedjat mill-aktar fis possibbli.

    1.9

    Il-Kumitat, li għandu l-vantaġġi ta’ kuntatt dirett mar-realtà fuq il-post u jibbenefika minn netwerk kbir ta’ organizzazzjonijiet fuq livell nazzjonali, u mill-għarfien tal-membri tiegħu, jinsab f’pożizzjoni tajba biex jagħti kontribut sostanzjali għal din l-attività ta’ valutazzjoni tal-impatt li ssir fil-livell Ewropew. Huwa għandu l-għan li jagħti prijorità lill-valutazzjonijiet ex post u kwalitattivi, sabiex ikun jista’ jiġi identifikat l-impatt ta’ intervent leġislattiv jew ta’ politika Ewropea u dak li ħassew l-imsieħba ekonomiċi u soċjali Ewropej.

    1.10

    Fil-każ tat-traspożizzjoni ta’ ċerti direttivi, il-Kumitat jixtieq jagħti kontribut speċifiku lir-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport annwali tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE mill-Istati Membri billi jimmira fuq iż-żidiet li saru mill-Istat Membri waqt it-traspożizzjoni.

    1.11

    Il-Kumitat jappella biex il-programm REFIT ikun eżerċizzju li jaħdem fiż-żewġ direzzjonijiet, jiġifieri li ma jantiċipax, a priori, id-direzzjoni li għandu jingħata r-regolament: żieda, suppliment, emenda jew tħassir ta’ att leġislattiv.

    1.12

    Il-Kumitat ma jistax jaċċetta li jinvolvi ruħu f’eżerċizzju ta’ għanijiet immirati ta’ tnaqqis tal-acquis tal-UE fuq bażi kwantitattiva mingħajr ma jqis minn qabel il-konsegwenzi kollha fuq il-protezzjoni soċjali u ambjentali u l-protezzjoni tal-konsumaturi.

    1.13

    Il-Kumitat huwa favur valutazzjoni ex post aktar stretta tal-effetti tar-regolamentazzjoni tal-UE fil-kuntest taċ-ċiklu politiku tal-UE, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi mistennija fuq it-tkabbir u l-impjieg indikati fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta leġislattiva inizjali. Il-valutazzjonijiet ex post għandhom isiru b’mod pluralistiku wara perjodu ta’ żmien raġonevoli wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1

    Il-Kumitat ifakkar li l-leġislazzjoni hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat kif ukoll biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, għall-benefiċċju taċ-ċittadini, tal-kumpaniji u tal-ħaddiema (2). Ir-regolamentazzjoni tgħin ukoll fit-titjib tal-benesseri, fil-ħarsien tal-interess ġenerali u tad-drittijiet fundamentali, fil-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali u fl-iżgurar taċ-ċertezza u l-prevedibbiltà ġuridika. Hija għandha timpedixxi d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u d-dumping soċjali.

    2.2

    Il-Kumitat huwa sodisfatt, għalhekk, li l-viċi-President ripetutament fakkar li l-programm REFIT ma setax iwassal għal deregolamentazzjoni tal-acquis tal-UE u lanqas ikollu l-effett li jnaqqas il-livell tal-protezzjoni soċjali, il-protezzjoni tal-ambjent u tad-drittijiet fundamentali (3).

    2.3

    Il-Kumitat iqis li r-regolamentazzjoni toħloq spejjeż u piżijiet amministrattivi, li jistgħu jkunu kbar jew bla bżonn, iżda wkoll benefiċċji sostanzjali għaċ-ċittadini, l-impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi. Huwa jfakkar li r-regolamentazzjoni intelliġenti għandha dejjem tfittex li tilħaq valur miżjud reali. Kull fejn possibbli, ir-regoli tal-UE jridu jneħħu l-piż mhux joħolqu piż ieħor.

    2.4

    Il-Kumitat iqis li t-“Regolamentazzjoni Aħjar” għandu jiffavorixxi r-risposta l-aktar adegwata biex tiġi approfondita l-kisba tas-suq intern tal-UE: armonizzazzjoni mmirata, applikazzjoni rilevanti tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fl-oqsma mhux armonizzati, koregolazzjoni, awtoregolazzjoni u standardizzazzjoni. Il-Kumitat ifakkar f’dan ir-rigward li armonizzazzjoni mmirata u intelliġenti tal-leġislazzjonijiet tikkontribwixxi biex jitneħħew l-ostakli għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Għall-intrapriżi u ċ-ċittadini tal-UE, l-armonizzazzjoni tat-28 leġislazzjoni nazzjonali hija, sors importanti ta’ semplifikazzjoni u ta’ tnaqqis ta’ piż regolatorju u amministrattiv.

    2.5

    Il-Kumitat ifakkar li l-għan ewlieni tal-programm REFIT huwa t-titjib tal-kwalità u l-effiċjenza tal-leġislazzjoni Ewropea u l-iżvilupp ta’ regolamenti sempliċi, li jinftiehmu u li jkunu konsistenti, mingħajr ma jiġu kompromessi l-għanijiet strateġiċi stabbiliti u mingħajr ma jittieħdu azzjonijiet li jagħmlu ħsara lill-protezzjoni taċ-ċittadini, tal-konsumaturi, tal-ħaddiema u tad-djalogu soċjali, jew tal-ambjent.

    2.6

    Il-Kumitat ifakkar f’dan ir-rigward l-impenn tiegħu li jiżgura li l-leġislazzjoni kkunsidrata u l-piż marbut magħha jkunu utli, li joħolqu benefiċċji finali akbar mill-ispejjeż li jiġġeneraw u li l-leġislazzjoni tkun proporzjonata u tiżgura ċertezza legali suffiċjenti.

    2.7    Fil-livell tal-valutazzjoni tal-impatt

    2.7.1

    Il-Kumitat jieħu nota tal-iffirmar tal-ftehim interistituzzjonali “Regolamentazzjoni Aħjar” li sar bejn it-tliet istituzzjonijiet fit-13 ta’ April 2016.

    2.7.2

    Il-Kumitat jilqa’ b’mod partikolari l-fatt li t-tliet istituzzjonijiet irrikonoxxew li s-sistema ta’ valutazzjoni tal-impatt hija għodda li għandha tgħinhom jaslu għal deċiżjonijiet infurmati tajjeb, u li ma tiħux post id-deċiżjonijiet politiċi (4).

    2.7.3

    Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tinkludi fil-kuntest tal-valutazzjonijiet tal-impatt integrati, bilanċjati u pluralisti tagħha soluzzjonijiet alternattivi li jirrigwarda l-ispiża tan-nuqqas ta’ Ewropa u l-impatt fuq il-kompetittività tad-diversi għażliet, iżda wkoll l-impatt tal-proposti fuq l-SMEs u l-mikrointrapriżi kif ukoll id-dimensjoni diġitali u territorjali (5).

    2.7.4

    Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tiffinalizza l-valutazzjoni tal-impatt tagħha fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, iżda jiddispjaċih li kull istituzzjoni tiddetermina waħedha l-mod kif torganizza l-ħidma ta’ valutazzjoni tagħha. Il-Kumitat jitlob li t-tliet istituzzjonijiet jirnexxilhom jaqblu dwar metodoloġija komuni dwar il-valutazzjoni tal-impatt, li tista’ tispira wkoll lill-KESE u lill-KtR biex jibbażaw l-emendi tagħhom fuqhom.

    2.7.5

    Mill-aspett tal-Kumitat, il-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom isiru fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej. Madankollu, meta jkun hemm ħsieb li jintużaw konsulenti privati, għal raġunijiet speċifiċi, il-Kumitat jinsisti li:

    l-ispeċifikazzjonijiet ikunu mfassla b’mod imparzjali abbażi ta’ kriterji trasparenti u ċari u jiġu ppubblikati minn qabel;

    l-għażla tal-kandidati ssir f’kundizzjonijiet ta’ trasparenza totali abbażi ta’ sejħa għall-offerti wiesgħa u pluralista li tippermetti r-rotazzjoni tal-konsulenti magħżula u l-verifika tal-kompetenzi tagħhom;

    l-għoti tal-kuntratt ikun magħmul pubbliku.

    2.8    Fil-livell tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati

    2.8.1

    Il-Kumitat iqis li l-konsultazzjoni tal-partijiet interessati u tal-esperti mgħandhiex tieħu post la l-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, mal-Kumitat u mal-Kumitat tar-Reġjuni, li jseħħu f’mumenti preċiżi ħafna taċ-ċiklu leġislattiv u fil-limiti stabbiliti mit-TFUE, u lanqas il-konsultazzjonijiet li jeżistu fil-livell nazzjonali, li għandhom jissejsu fuq parteċipazzjoni msaħħa tal-imsieħba soċjali. Huwa jenfasizza li l-immappjar adatt tal-partijiet interessati huwa essenzjali għal rappreżentattività tajba tal-atturi u għal proċedura ta’ konsultazzjoni ta’ kwalità, u jistieden lill-Kummissjoni biex tibbaża fuq ir-reġistru tat-trasparenza biex tagħmel dan.

    2.8.2

    Il-Kumitat jitlob li l-konsultazzjoni ssir mingħajr preġudizzju għad-djalogu ċivili strutturat (l-Artikolu 11(2) tat-TFUE) jew tal-konsultazzjonijiet li jsiru f'kuntesti speċifiċi, bħall-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali fil-qafas tad-djalogu soċjali (l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u t-trejdjunjins (l-Artikolu 154 tat-TFUE) jew il-konsultazzjoni tal-korpi konsultattivi bħall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (l-Artikolu 304 tat-TFUE).

    2.8.3

    Il-Kumitat jenfasizza li għandu jiġi żgurat tqassim tajjeb, ġeografiku jew skont il-grupp fil-mira, b’attenzjoni partikolari fuq il-gruppi li mhumiex rappreżentati biżżejjed, fl-“immappjar tal-partijiet interessati”. Għandu jiġi applikat mekkaniżmu ta’ peżar ġustifikat fil-kuntest tal-analiżi tar-risposti għall-konsultazzjonijiet (6).

    2.9    Fil-livell tal-programm REFIT

    2.9.1

    Il-Kumitat jinnota l-għanijiet ġenerali tal-programm REFIT imfassal mill-Kummissjoni, u jiġbed l-attenzjoni għall-opinjonijiet tiegħu (7) li jkopru l-programm dwar ir-“Regolamentazzjoni Aħjar” u r-“Regolamentazzjoni Intelliġenti”. Skont il-Kumitat, regolamentazzjoni intelliġenti ma tfissirx li jitwarrbu r-regolamenti dwar il-protezzjoni taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tal-ħaddiema, ir-regoli dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u r-regoli ambjentali, u ma jistax ikollha l-effett li tostakola t-titjib. Din għandha tirrispetta wkoll id-dimensjoni soċjali tas-suq intern kif previst mit-Trattat, speċjalment fil-livell ta’ traspożizzjoni tal-ftehimiet innegozjati fil-qafas tad-djalogu soċjali Ewropew.

    2.9.2

    Il-Kumitat jinnota li l-Kummissjoni tipprova ttejjeb il-proċess u l-kwalità tal-għodod maħsuba biex jiżguraw l-aħjar monitoraġġ tal-implimentazzjoni.

    2.9.3

    Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi fit-tabella ta’ valutazzjoni tagħha valutazzjoni annwali tal-ispejjeż u l-benefiċċji ewlenin tal-miżuri tal-programm REFIT, kemm fil-livell ta’ kwantità kif ukoll ta’ kwalità, inkluż fir-rigward tal-livell u l-kwalità tal-impjieg, il-protezzjoni soċjali u ambjentali u l-protezzjoni tal-konsumaturi.

    2.9.4

    Il-Kumitat jispeċifika li t-titjib tar-regolamentazzjoni ma jistax u mgħandux jissostitwixxi deċiżjonijiet politiċi.

    2.10    Il-Pjattaforma REFIT

    2.10.1

    Il-Kumitat jieħu nota tal-istabbiliment tal-pjattaforma REFIT li fiha jipparteċipa, li għandha tanalizza l-proposti li għandhom l-għan li jnaqqsu l-piż amministrattiv u regolatorju bla bżonn u li jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea fl-Istati Membri. Huwa jinnota li l-oqsma tad-djalogu soċjali u tal-kompetenza tal-imsieħba soċjali tneħħew mill-attribuzzjonijiet tal-pjattaforma.

    2.10.2

    Madankollu l-Kumitat jinnota li l-pjattaforma għandha:

    tibqa’ post ta’ skambju ta’ konsulenza li m’għandhiex tibdel il-funzjonament normali tal-istituzzjonijiet, u b’mod partikolari dak tal-koleġislaturi;

    tirrispetta l-konsultazzjoni tal-Kumitat u l-konsultazzjonijiet obbligatorji l-oħra previsti fit-Trattati, inkluż l-Artikolu 154 TFUE fir-rigward tal-imsieħba soċjali;

    tillimita ruħha għall-analiżi ta’ għadd limitat ta’ suġġetti.

    2.10.3

    Il-Kumitat jistenna wkoll li:

    din il-pjattaforma ma tirduppjax il-proċessi ta’ konsultazzjoni implimentati minn bnadi oħra u ma tirrappreżentax saff burokratiku inutli;

    il-pjattaforma ma taffettwax il-proċess deċiżjonali minħabba li tkun ġiet ikkonsultata, tkun iddedikat dibattitu għal kwistjoni speċifika jew tkun issuġġeriet mod partikolari ta’ intervent.

    2.10.4

    Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għadd kbir ta’ parteċipanti f’din il-pjattaforma, in-natura differenti ħafna tal-partijiet interessati (Stati Membri, imsieħba soċjali, NGOs, membri tas-soċjetà ċivili), il-kamp wiesa’ ferm tas-suġġetti fuq l-aġenda kif ukoll il-frekwenza limitata ta’ laqgħat ma jistgħux jiġġeneraw diskussjonijiet fil-fond dwar is-suġġerimenti indirizzati mill-pjattaforma.

    2.11    Fil-livell tar-rappreżentattività tal-pjattaforma REFIT

    2.11.1

    Il-Kumitat jenfasizza f'dan ir-rigward li għandu biss siġġu wieħed u li jipparteċipa fix-xogħol abbażi ta’ rotazzjoni bejn it-tliet gruppi tiegħu meta huwa istituzzjoni stabbilita mit-Trattati li tirrappreżenta d-diversità tal-UE.

    2.11.2

    Għaldaqstant il-Kumitat huwa tal-fehma li l-għoti ta’ żewġ siġġijiet oħra jagħmilha possibbli li tiġi rispettata n-natura tripartitika tal-istituzzjoni u l-mandat tagħha, u għaldaqstant tkun tista’ tiġi riflessa s-soċjetà ċivili li huwa inkarigat li jirrappreżenta.

    2.11.3

    Il-Kumitat jinnota n-nuqqas ta’ rappreżentanza pan-Ewropea tal-mikrointrapriżi, u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju fil-“grupp tal-partijiet interessati” tal-pjattaforma u jitlob li dan jiġi rimedjat mill-aktar fis possibbli.

    2.12    Rigward il-funzjonament tal-pjattaforma

    2.12.1

    Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni:

    tiċċara l-metodi u l-kriterji tal-għażla tal-partijiet rappreżentati fil-pjattaforma;

    tiżgura li kull rappreżentant tal-partijiet interessati jkollu l-mezzi materjali li jgħinuh iħejji l-laqgħat u biex jieħu azzjoni effettiva fihom;

    tippubblika n-numru u l-kriterji tal-ewwel għażla tas-suġġerimenti li tirċievi l-Kummissjoni u li wara jintbagħtu lill-pjattaforma;

    tiżgura rappreżentattvità adatta tas-suġġerimenti (Stati Membri, imsieħba soċjali, membri tas-soċjetà ċivili);

    tipprovdi, fi żmien adatt, dokumenti preparatorji eżawrjenti u utli għall-membri, biex ikunu jistgħu jħejju ruħhom għal-laqgħa fl-aqwa kundizzjonijiet possibbli sabiex jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-eżerċizzju kollu;

    tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet jiġu ssorveljati b’mod li jippermetti traċċabbiltà tal-influwenzi;

    tippubblika r-riżultati miksuba fil-qafas tal-ħidma tal-pjattaforma.

    3.   Kummenti sekondarji

    3.1    Il-valutazzjoni tal-politiki tal-UE

    3.1.1

    Il-Kumitat ifakkar li għandu għandu jitqies bħala sieħeb istituzzjonali separat u mhux bħala sub-kategorija tal-partijiet interessati b’interessi multipli, diversi u kontradittorji.

    3.1.2

    Il-Kumitat ifakkar li peress li għandu l-vantaġġ ta’ kuntatt dirett mar-realtà fuq il-post, u billi jibbenefika minn netwerk kbir ta’ organizzazzjonijiet fuq livell nazzjonali, u l-għarfien tal-membri tiegħu, jinsab f’pożizzjoni tajba biex jagħti kontribut sostanzjali għal din l-attività ta’ valutazzjoni tal-impatt.

    3.1.3

    Il-Kumitat jenfasizza li din l-attività ta’ valutazzjoni għandha ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tiegħu mad-diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tippermettilu jsaħħaħ dan ir-rwol tiegħu ta’ pont bejn l-istituzzjonijiet u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

    3.1.4

    Il-KESE jispeċifika li din il-valutazzjoni li ser jagħmel ser tkun espressa fil-forma ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-politika u li dawn sejrin juru l-impatti ewlenin tal-politika eżaminata fuq is-soċjetà ċivili billi jipproponi l-aħjar triq li għandha tiġi segwita fil-futur.

    3.1.5

    Il-Kumitat jenfasizza li ser ikollu jagħti prijorità lill-valutazzjonijiet ex post u kwalitattivi, sabiex ikun jista’ jiġi identifikat l-impatt ta’ intervent leġislattiv jew ta’ politika Ewropea u dak li ħassew l-imsieħba ekonomiċi u soċjali Ewropej.

    3.1.6

    Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-valutazzjonijiet ex post tal-Kummissjoni u tal-Parlament, li għalihom ser jikkontribwixxi l-Kumitat, se jservu bħala bażi għal emenda leġislattiva jew leġislazzjoni ġdida li l-Kumitat se jiġi kkonsultat dwarha.

    3.1.7

    Il-Kumitat huwa sodisfatt li jista’ jidħol kompletament fiċ-ċiklu leġislattiv u jimmultiplika l-opportunitajiet biex jikkontribwixxi għad-definizzjoni tal-istrateġiji ta’ politika futuri tal-Unjoni.

    3.2    Traspożizzjoni tad-direttivi

    3.2.1

    Bħala parti mit-traspożizzjoni tad-direttivi fil-liġi nazzjonali, l-Istati Membri xi drabi jżidu elementi li bl-ebda mod ma jkunu marbuta mal-leġislazzjoni tal-Unjoni kkonċernata; il-Kumitat għalhekk iqis li dawn iż-żidiet għandhom ikunu enfasizzati kemm bl-att jew bl-atti ta’ traspożizzjoni, kif ukoll b’dokumenti relatati (8). F’dan il-kuntest, il-Kumitat huwa tal-fehma li t-terminu “gold-plating”, li jirreferi għar-“regolamentazzjoni żejda”, huwa espressjoni li m’għandux juża peress li din tagħti isem ħażin lil ċerti prattiki nazzjonali u teskludi approċċ differenzjat u flessibbli.

    3.2.2

    Il-Kumitat jikkunsidra li, f’każijiet ta’ armonizzazzjoni minima, l-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jipprovdu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jippromovu l-impjieg, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, protezzjoni soċjali adegwata, livell għoli u sostenibbli ta’ impjiegi u l-ġlieda kontra l-esklużjonijiet (9), il-promozzjoni u l-iżvilupp tal-SMEs, kif ukoll livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-konsumaturi (10) u ta’ protezzjoni fil-qasam tal-ambjent (11), mingħajr ma joħolqu ostakli regolatorji jew amministrattivi bla bżonn, u għalhekk huwa importanti li tingħata preferenza lir-regolamenti minflok lid-direttivi, kull meta jkun possibbli.

    3.2.3

    Il-Kumitat jinnota li l-isforz għal armonizzazzjoni massima fi proposti leġislattivi spiss iwassal għal firxa wiesgħa ta’ derogi u esklużjonijiet bil-konsegwenza li joħolqu u jilleġittimizzaw aktar ostakli għas-suq intern.

    3.2.4

    Il-Kumitat jemmen li jista’ jaqdi rwol siewi bħala intermedjarju bejn il-leġislaturi u l-utenti tal-leġislazzjoni tal-UE u jagħti kontribut speċifiku lir-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew fir-rigward tar-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE mill-Istati Membri billi jiffoka fuq iż-żidiet magħmula mill-Istati Membri fit-traspożizzjoni, u jqis f'dan ir-rigward li l-istudju tal-Osservatorju tas-suq uniku tiegħu dwar “L-effetti tad-Direttiva ‘Servizzi’ fuq is-settur tal-kostruzzjoni” (12) kif ukoll l-istudju tal-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol tiegħu dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ (13), biex insemmu biss żewġ eżempji, jistgħu jkunu siewja mil-lat ta’ metodoloġija.

    3.3    Dimensjoni prospettiva

    3.3.1

    Il-Kumitat jappella biex il-programm REFIT ikun eżerċizzju li jaħdem fiż-żewġ direzzjonijiet, jiġifieri li ma jantiċipax, a priori, id-direzzjoni li għandu jingħata r-regolament: żieda, suppliment, emenda jew tħassir ta’ att leġislattiv.

    3.3.2

    Il-Kumitat jaqbel li l-iskrining u l-evalwazzjoni mill-ġdid permanenti tal-acquis tal-UE għandhom isiru mill-Kummissjoni, b’mod partikolari billi teżamina r-rilevanza u l-valur miżjud tal-atti leġislattivi u mhux leġislattivi tal-UE.

    3.3.3

    Il-Kumitat jemmen li l-karattru integrat u olistiku tal-valutazzjonijiet tal-impatt huwa fundamentali u li l-Kummissjoni mgħandhiex tiffoka biss fuq l-aspett tal-kompetittività; huwa jqis li jeħtieġ li jitqies kif meħtieġ il-valur miżjud tal-intervent tal-UE u li l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji għandha tikkunsidra l-aspetti kollha, inklużi l-ispejjeż ta’ nuqqas ta’ azzjoni.

    3.3.4   Il-valutazzjoni tal-impatt

    3.3.4.1

    Il-Kumitat iqis li d-diversi kriterji ta’ valutazzjoni tal-impatt ma jistgħux iwasslu biex il-Kummissjoni ma taġixxix jew biex tirrifjuta inizjattiva għar-raġuni li kriterju jew diversi kriterji ma ġewx issodisfati; huwa jqis għalhekk li l-Kummissjoni għandha twieżen il-kriterji bejniethom u jqis ukoll li d-diversi kriterji ma jistgħux iwasslu għal forma ta’ burokrazija tal-proċess deċiżjonali u għal astinenza leġislattiva.

    3.3.4.2

    Il-Kumitat jagħti attenzjoni partikolari lill-prinċipju ta’ “prijorità lill-SMEs” (“Think Small First”) u għat-test tal-SMEs, b’mod partikolari fil-qafas tal-Opinjoni tiegħu dwar is-Small Business Act (14), iżda huwa tal-fehma li l-mikrointrapriżi m’għandhomx jingħatax eżenzjonijiet ġeneralizzati u li jkun aktar għaqli li jiġi adottat, f’dak li jirrigwarda l-proposti leġislattivi, approċċ ta’ każ b’każ, abbażi ta’ valutazzjoni dettaljata tal-impatt.

    3.3.4.3

    Il-Kumitat jaqbel li l-proposti tal-Kummissjoni jkunu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt rigoruża msejsa fuq l-evidenza (“evidence-based”), iżda jenfasizza li huwa l-leġislatur tal-Unjoni li għandu jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu billi jara li jkun hemm ċertu bilanċ bejn il-ħarsien tas-saħħa, tal-ambjent u tal-konsumaturi minn naħa, u l-interessi ekonomiċi tal-operaturi min-naħa l-oħra, fil-qadi tal-għan assenjat lilu mit-Trattat li jiżgura livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa u tal-ambjent (15).

    3.3.4.4

    Il-Kumitat jispeċifika li dan l-eżerċizzju jista’ wkoll jirrigwarda l-kwantifikazzjoni tal-piż regolatorju u amministrattiv, diment li:

    jeżamina l-kwistjoni tal-ispiża u tal-piżijiet tar-regolamentazzjoni fir-rigward tal-impatt tagħha fuq l-impriżi u l-kompetittività inġenerali, iżda wkoll fir-rigward tal-benefiċċji tar-regolamentazzjoni eżistenti għas-soċjetà, għall-ambjent, għad-drittijiet tal-konsumaturi, għas-saħħa pubblika u għall-impjieg;

    ma jkollux il-konsegwenza li jnaqqas jew idgħajjef l-għanijiet politiċi tal-UE;

    jivverifika l-lakuni fir-regolamentazzjoni u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu biex l-UE jkollha standards intelliġenti ta’ kwalità għolja ħafna.

    3.3.4.5

    Il-Kumitat ma jistax jaċċetta li jinvolvi ruħu f’eżerċizzju ta’ għanijiet immirati ta’ tnaqqis tal-acquis tal-UE fuq bażi kwantitattiva mingħajr ma jqis minn qabel il-konsegwenzi kollha fuq il-protezzjoni soċjali u ambjentali u l-protezzjoni tal-konsumaturi.

    3.3.4.6

    Rigward il-valutazzjoni tal-ispejjeż kumulattivi (CCA), il-Kumitat jispeċifika li, meta l-Kummissjoni tivvaluta l-impatt ex ante jew ex post ta’ parti minn leġislazzjoni Ewropea, hija għandha tikkunsidra l-fatt li dawn l-ispejjeż il-ġodda ser jiżdiedu mal-ispejjeż eżistenti ta’ konformità u ta’ implimentazzjoni. Il-Kumitat jagħraf li s-CCA jikkalkulaw l-ispejjeż finanzjarji mġarrba mil-leġislazzjoni ta’ settur partikolari iżda din il-valutazzjoni m’għandhiex teżonera settur, b’mod parzjali jew sħiħ.

    3.3.5   Valutazzjoni ex ante

    3.3.5.1

    Il-Kumitat jinsab imħasseb dwar il-fatt li d-diskussjoni qiegħda timxi dejjem aktar ’il fuq fil-proċess, qabel ma jintervjenu l-koleġislaturi u l-imsieħba soċjali, li b’hekk jistgħu jiġu mċaħħda mit-termini tad-dibattitu, li jkun diġà sar mingħajrhom.

    3.3.6   Valutazzjoni ex post

    3.3.6.1

    Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-valutazzjonijiet ex post huma tal-inqas daqstant importanti daqs il-valutazzjoni ex ante; huwa jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta f’dan ir-rigward gwida metodoloġika dwar il-kriterji tal-iżvilupp sostenibbli.

    3.3.6.2

    Il-Kumitat huwa favur valutazzjoni ex post aktar stretta tal-effetti tar-regolamentazzjoni tal-UE fil-kuntest taċ-ċiklu politiku tal-Unjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi mistennija fuq it-tkabbir u l-impjieg indikati fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta leġislattiva inizjali.

    3.3.6.3

    Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-valutazzjonijiet ex post għandhom isiru b’mod pluralistiku wara perjodu ta’ żmien raġonevoli wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali.

    3.3.6.4

    Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-valutazzjonijiet ex post huma għodda importanti ta’ analiżi u li l-konklużjonijiet li joħorġu mill-valutazzjonijiet jistgħu jikkontribwixxu direttament għal valutazzjoni eventwali tal-impatt għar-reviżjoni ta’ att leġislattiv.

    Brussell, is-26 ta' Mejju 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  It-taqsira tfisser il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni.

    (2)  COM(2012) 746 final, p. 2.

    (3)  COM(2015) 215 final.

    (4)  Il-Ftehim Interistituzzjonali (IIA) tal-15 ta’ Diċembru 2015, punt 7 (http://ec.europa.eu/smart-regulation/better_regulation/documents/iia_blm_final_en.pdf).

    (5)  Ibidem.

    (6)  ĠU C 383, 17.11.2015, p. 57

    (7)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 33, ĠU C 248, 25.8.2011, p. 87ĠU C 48, 15.2.2011, p. 107.

    (8)  Punt 31 tal-FII.

    (9)  L-Artikolu 151 TFUE.

    (10)  L-Artikoli 168 u 169 TFUE.

    (11)  L-Artikolu 191 TFUE.

    (12)  http://api.eesc.europa.eu/documents/eesc-2014-02466-00-01-tcd-tra-mt.doc

    (13)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.fr.lmo-observatory-impact-study-youth

    (14)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51

    (15)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 2010 fil-Kawża Afton Chemical, C-343/09, ECLI:EU:C:2010:419, il-paragrafu 56.


    APPENDIĊI

    Il-proposti għal emendi li ġejjin, li kienu appoġġati minn tal-inqas kwart tal-voti mixħuta, inċaħdu matul id-dibattitu (f’konformità mal-Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

    a)   Punt 2.11.1 u punt 2.11.2

    Il-Kumitat jenfasizza f'dan ir-rigward li għandu biss siġġu wieħed u li jipparteċipa fix-xogħol abbażi ta’ rotazzjoni bejn it-tliet gruppi tiegħu meta huwa istituzzjoni stabbilita mit-Trattati li tirrappreżenta d-diversità tal-UE.

    Għaldaqstant il-Kumitat huwa tal-fehma li l-għoti ta’ żewġ siġġijiet oħra jagħmilha possibbli li tiġi rispettata n-natura tripartitika tal-istituzzjoni u l-mandat tagħha, u għaldaqstant tkun tista’ tiġi riflessa s-soċjetà ċivili li huwa inkarigat li jirrappreżenta.

    b)   Punt 1.8

    F’dak li jirrigwarda r-rappreżentattività tal-pjattaforma REFIT, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-għoti ta’ żewġ siġġijiet addizzjonali jippermettulu jirrispetta bis-sħiħ in-natura tal-mandat tiegħu u li b’hekk jirrifletti s-soċjetà ċivili li huwa inkarigat li jirrappreżenta. Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota n-nuqqas ta’ rappreżentanza pan-Ewropea tal-mikrointrapriżi, u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju fil-“grupp tal-partijiet interessati” tal-pjattaforma u jitlob li dan jiġi rimedjat mill-aktar fis possibbli.

    Raġuni

    Ir-rappreżentazzjoni tal-KESE tista’ tkun biss waħda. Hija dik tal-KESE u mhux dik ta’ kull grupp. Kif tiġi żgurata din l-unità hija l-prerogattiva esklussiva tal-KESE. Ma jistax ikun li jitkellem u jivvota permezz ta’ tliet voti, li skont il-każ, ikunu konfliġġenti.

    Riżultat tal-vot:

    Favur:

    49

    Kontra:

    123

    Astensjonijiet:

    16


    Top