Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE0518

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat” (JOIN(2015) 50 final)

    ĠU C 303, 19.8.2016, p. 138–146 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 303/138


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni

    “Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat”

    (JOIN(2015) 50 final)

    (2016/C 303/20)

    Relatur:

    Is-Sur Andrzej ADAMCZYK

    Ko-relatur:

    Is-Sur Gintaras MORKIS

    Nhar it-18 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    “Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat”

    (JOIN(2015)50-final).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta' April 2016.

    Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’162 vot favur, 15 voti kontra u 21 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jilqa’ l-adozzjoni mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni Ewropea tal-Komunikazzjoni Konġunta dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u jirrikonoxxi li ħafna mill-proposti li saru mill-KESE fl-Opinjoni dwar id-Dokument ta’ Konsultazzjoni Konġunta Lejn politika Ewropea tal-Viċinat ġdida  (1) huma inklużi fir-rieżami, li huwa tentattiv sabiex il-PEV tiġi definita mill-ġdid bil-għan li ssir aktar effettiva.

    1.2

    Il-ħtieġa li l-PEV tiġi riveduta hija, minn naħa waħda, riżultat tal-falliment tal-approċċ uniformi ta’ “wieħed tajjeb għal kulħadd” u, min-naħa l-oħra, konsegwenza tal-frammentazzjoni u d-dekompożizzjoni kontinwi tal-uniformità relattiva tal-Viċinat tan-Nofsinhar u tal-Viċinat tal-Lvant.

    1.3

    Il-PEV il-ġdida għandha tirrikonoxxi li l-għeruq tal-iżviluppi drammatiċi f’dawk ir-reġjuni jinsabu kemm fil-pressjoni esterna kif ukoll fl-instabbiltà interna, marbuta mal-faqar, l-inugwaljanza, in-nuqqas ta’ opportunitajiet, il-korruzzjoni, ir-radikalizzazzjoni politika u reliġjuża kif ukoll l-estremiżmu vjolenti.

    1.4

    L-intenzjoni tar-reviżjoni tal-PEV hija li din issir flessibbli biżżejjed sabiex jinżammu abbord dawk il-pajjiżi li ma jistgħux jew li mhumiex lesti li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha relatati mal-integrazzjoni ekonomika jew mal-allinjament mal-acquis communautaire. F'dan is-sens, il-PEV il-ġdida hija ddisinjata fi spirtu ta’ inklussività.

    1.5

    Sabiex jiġi llimitat id-dannu li jirriżulta mill-iżviluppi drammatiċi fil-viċinat, il-Komunikazzjoni tistabbilixxi prijorità ġdida ta’ stabbilizzazzjoni u approċċ ġdid ta’ differenzjazzjoni.

    1.6

    L-enfasi li ssir fuq l-istabbilizzazzjoni tispjega għaliex il-kwistjoni tas-sigurtà interna u esterna għandha post daqstant prominenti fil-komunikazzjoni. Madankollu, għalkemm l-istrumenti għad-dispożizzjoni tal-UE huma limitati, l-attitudni reattiva preżenti għandha tiġi sostitwita minn politika proattiva ta’ sforzi diplomatiċi dinamiċi mmirati għal prevenzjoni tal-kunflitti u sabiex tinstab soluzzjoni paċifika għall-kunflitti ffriżati.

    1.7

    Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ekonomiku bħala l-prerekwiżit ewlieni għal ambjent stabbli u sigur fil-viċinat tal-UE. L-UE għandha tkun konsistenti ħafna f’li tipprovdi appoġġ ekonomiku lill-imsieħba tal-PEV u s-saħħaħ il-kundizzjonijiet fit-tul u l-motivazzjoni biex ikomplu bir-riformi ekonomiċi, iżidu l-kompetittività u jimmodernizzaw ir-regolamenti dwar in-negozju.

    1.8

    Huwa wkoll evidenti li l-iżvilupp ekonomiku jrid ikun akkumpanjat mid-dimensjonijiet soċjali u ambjentali tiegħu, huwa biss jekk dawn il-fatturi jmorru flimkien li jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv għal progress stabbiltà u paċi soċjali reali.

    1.9

    Il-KESE jifhem li l-metodu ta’ ħidma ġdid ta’ differenzjazzjoni jirrifletti s-sens ta’ realiżmu politiku, il-lakuni li qegħdin jikbru bejn il-pajjiżi msieħba u l-aspirazzjonijiet differenti tagħhom. Madankollu, anki jekk ma jistgħux jiġu ssodisfati l-kriterji ekonomiċi kollha, l-UE ma għandhiex tagħmel kompromessi fuq il-kwistjoni tal-valuri fundamentali Ewropej, inklużi d-dimensjoni soċjali, ir-rispett għad-drittijiet universali tal-bniedem u l-istat tad-dritt. Hija ħasra li l-prinċipju tar-rispett għall-istandards tax-xogħol tal-ILO mhuwiex imsemmi fil-komunikazzjoni bħala pedament tar-relazzjonijiet industrijali b’saħħithom.

    1.10

    Ma hemmx biżżejjed enfasi fuq ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata u d-djalogu soċjali u ċivili awtonomu. L-għanijiet tal-PEV, inkluża l-istabbilizzazzjoni, qatt ma jistgħu jintlaħqu mingħajr l-involviment sostanzjali tal-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili. M’għandna qatt ninsew li l-integrazzjoni Ewropea hija, fuq kollox, proġett ta’ paċi, u s-soċjetà ċivili hija interessata b’mod vitali fis-suċċess tagħha.

    1.11

    Il-Komunikazzjoni ma ssemmix l-iżbilanċ eżistenti tad-djalogu soċjali u ċivili kif ukoll il-ksur tad-dritt ta’ assoċjazzjoni u l-organizzazzjoni libera fiż-żona tal-PEV.

    1.12

    Il-komunikazzjoni tidher li qiegħda tipproponi approċċ pjuttost difensiv illi tillimita l-ambizzjonijiet tal-PEV minħabba l-potenzjal li qed jiċkien tagħha. Huwa minnu li l-UE kienet ikkonfrontata bi żviluppi problematiċi u xi drabi drammatiċi kemm fil-Viċinat tan-Nofsinhar kif ukoll f’dak tal-Lvant. Madankollu, nuqqas ta’ viżjoni ma jgħinx sabiex jingħeleb l-imblokk. Il-KESE jissuġġerixxi li tiġi definita aġenda ta’ PEV ġdida, kuraġġuża u dinamika, inkluż il-prospett ta’ adeżjoni mal-UE għal uħud minn dawk il-pajjiżi msieħba, speċjalment fil-Lvant, li għandhom aspirazzjonijiet bħal dawn u li jistgħu u huma lesti li jissodisfaw ir-rekwiżiti.

    1.13

    Il-KESE jilqa’ d-dikjarazzjoni li l-komunikazzjoni u l-promozzjoni aħjar tal-politiki tal-UE se jkunu fil-qalba tal-Politika Ewropea tal-Viċinat il-ġdida bl-għan li tispjega aħjar ir-raġuni fundamentali tal-politiki tal-UE u l-impatt pożittiv ta’ azzjonijiet konkreti tal-UE. Madankollu, huwa importanti wkoll li jiġi limitat il-periklu li jirriżulta mill-informazzjoni ħażina, mid-diżinformazzjoni u mill-propaganda, li huma f’kunflitt mar-realtà, il-valuri tal-UE u mal-għanijiet tal-PEV.

    1.14

    Għandu jiġi enfasizzat li l-PEV, kemm fin-Nofsinhar kif ukoll fil-Lvant, hija mhedda minn fatturi esterni. Id-Da’esh qed tipprova tiddestabilizza, fost l-oħrajn, il-Viċinat tan-Nofsinhar permezz ta’ terroriżmu u gwerra. L-isforzi diplomatiċi u l-azzjoni militari tar-Russja għandhom fil-mira diretta l-PEV, b’mod partikolari s-Sħubija tal-Lvant. Barra minn hekk, l-intervent militari tagħha fin-Nofsinhar isaħħaħ ir-reġim awtoritarju fis-Sirja.

    2.   Il-ħtieġa għal PEV ġdida riveduta

    2.1

    Il-KESE jilqa’ r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat mill-Kummissjoni, li għandu l-għan li jiddefinixxi mill-ġdid il-miri u l-approċċ ġenerali tagħha wara l-iżviluppi drammatiċi fil-viċinat tal-UE.

    2.2

    Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-viċinat tagħha huma bbażati fuq l-Artikolu 8 tat-trattat UE, li jgħid li l-Unjoni għandha tiżviluppa relazzjoni speċjali mal-pajjiżi ġirien, bil-għan li tistabbilixxi żona ta’ prosperità u ta’ viċinanza tajba, ibbażata fuq il-valuri tal-Unjoni u kkaratterizzata minn relazzjonijiet paċifiċi u mill-qrib abbażi tal-kooperazzjoni.

    2.3

    Oriġinarjament, il-miri tal-PEV kienu pjuttost ambizzjużi u l-għan ġenerali kien li tinkiseb l-eqreb assoċjazzjoni politika possibbli u l-akbar livell possibbli ta’ integrazzjoni ekonomika mal-viċinati tan-nofsinhar u tal-lvant tal-UE.

    2.4

    Waħda mill-konsegwenzi tal-integrazzjoni ekonomika hija l-aċċess potenzjalment akbar għas-suq uniku tal-UE, li għandu jimxi id f’id mar-riformi politiċi, ekonomiċi u istituzzjonali diffiċli, kif ukoll l-impenn għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

    2.5

    Madankollu, sa mill-2003-2004, meta tfasslet il-PEV, il-viċinat għadda minn bidliet drammatiċi u l-prinċipju oriġinali ta’ “wieħed tajjeb għal kulħadd” wera li kien kompletament ineffettiv.

    2.6

    Sa mill-2014, il-Viċinat tal-Lvant kien affettwat severament mill-politika aggressiva tal-gvern u l-amministrazzjoni presidenzjali attwali tar-Russja, speċjalment il-gwerra fl-Ukraina u l-manuvri (parzjalment ta’ suċċess) sabiex il-ġirien tal-lvant tal-UE jiġu attirati lejn l-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika ddominata mir-Russja.

    2.7

    Filwaqt li jiġi rikonoxxut li kull pajjiż għandu d-dritt għall-perspettiva politika tiegħu, ta’ min wieħed jinnota li l-amministrazzjoni preżenti tar-Russja tixtieq tiżviluppa l-politika tal-viċinat tagħha stess, li hija inkompatibbli mal-PEV, u trid li titqies bħala parteċipanta globali u entità ta’ importanza simili għall-UE.

    2.8

    Għalkemm il-kooperazzjoni kostruttiva tal-UE mar-Russja tista’ potenzjalment tkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat, ma jidhirx li huwa probabbli li fil-futur prevedibbli ser ikun possibbli li jiġi evitat il-kunflitt ta’ interess fil-Viċinat tal-Lvant, sakemm ir-Russja ma tbiddilx l-attitudni aggressiva u sovversiva tagħha. L-iżviluppi reċenti fis-Sirja huma evidenza li dan jista’ japplika wkoll għal Viċinat tan-Nofsinhar.

    2.9

    Fil-Viċinat tan-Nofsinhar, il-gwerra fis-Sirja, il-kunflitti fil-Libja, l-emerġenza tad-Da’esh, l-iżviluppi politiċi kontroversjali f’xi pajjiżi tar-reġjun u kunflitti armati oħrajn fil-Lvant Nofsani jfissru li t-tamiet kbar għall-paċi u t-trasformazzjoni demokratika assoċjati mar-Rebbiegħa Għarbija qed jisfaxxaw fix-xejn, għall-inqas fil-futur qrib.

    2.10

    Dawn l-iżviluppi negattivi kollha u l-lakuni li qegħdin jikbru f’ħafna żoni bejn pajjiżi differenti kemm fil-Viċinat tan-Nofsinhar kif ukoll f’dak tal-Lvant jappellaw għal prijoritizzazzjoni mill-ġdid, approċċ ġdid, metodi ta’ ħidma ġodda u diplomazija tal-UE aktar proattiva u effettiva. Il-komunikazzjoni hija reazzjoni għal dawn l-isfidi.

    3.   L-istabbilizzazzjoni – prijorità ġdida

    3.1

    Il-Kummissjoni aċċettat l-opinjonijiet tal-KESE dwar il-ħtieġa li l-istabbiltà, is-sigurtà akbar, il-flessibbiltà u d-differenzjazzjoni, kif ukoll is-sjieda reċiproka akbar, isiru prijoritajiet tal-PEV riveduta. Ir-rieżami jidentifika l-istabbilizzazzjoni bħala l-aktar sfida urġenti f’ħafna partijiet tal-viċinat u, għalhekk, jirrakkomanda li din issir il-prijorità politika ewlenija tal-PEV il-ġdida.

    3.2

    Il-KESE jemmen li din ir-rakkomandazzjoni hija fondata sewwa, hekk kif l-iżviluppi riċenti jipprovdu evidenza li l-UE setgħet trawwem l-istabbiltà, il-prosperità u s-sigurtà fil-viċinat parzjalment biss.

    3.3

    Huwa ċar ħafna wkoll li t-theddidiet għall-istabbiltà tal-viċinat jistgħu jirrappreżentaw mhux biss l-ostakoli għat-tranżizzjoni demokratika u l-proċess ta’ riforma li appellat għalihom l-UE, iżda għandhom ukoll impatt negattiv fuq il-pajjiżi li qegħdin jirnexxu fit-trasformazzjoni tagħhom xprunata mill-PEV u fuq l-UE nnifisha.

    3.4

    Il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti għandhom jissaħħu b’mod sostanzjali, speċjalment minħabba li ħafna kunflitti ffriżati għadhom theddida serja għall-istabbiltà kemm fil-Viċinat tan-Nofsinhar kif ukoll f'dak tal-Lvant. Sabiex ikollha rwol pożittiv fit-tfittxija ta’ soluzzjonijiet paċifiċi, l-Ewropa għandha, fuq naħa waħda, tibqa’ imparzjali u, fuq in-naħa l-oħra, tgħin lill-vittmi, lil dawk l-aktar vulnerabbli u lil dawk li jinsabu taħt theddida.

    3.5

    Huwa pjuttost evidenti wkoll li l-instabbiltà mhijiex biss riżultat ta’ pressjoni esterna, u l-komunikazzjoni konġunta hija korretta meta tidentifika rabta bejn l-istabbiltà u l-faqar, l-inugwaljanza, in-nuqqas ta’ opportunitajiet u l-korruzzjoni, li kollha jistgħu jżidu l-vulnerabbiltà għar-radikalizzazzjoni. Madankollu, id-dokument għandu nuqqas ta’ bilanċ bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali, fejn jissottovaluta r-rwol importanti tal-benesseri u tal-protezzjoni soċjali għall-istabbiltà.

    4.   Differenzjazzjoni

    4.1

    Il-PEV il-ġdida tfasslet sabiex tkun tirrifletti l-aspirazzjonijiet, l-ambizzjonijiet u l-interessi differenti tal-pajjiżi msieħba u s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-iżviluppi differenti fil-pajjiżi partikolari tal-viċinat tal-UE.

    4.2

    Il-komunikazzjoni konġunta tiddikjara li “l-UE ser tkompli taħdem mal-gvernijiet imsieħba, mas-soċjetà ċivili u maċ-ċittadini fuq kwistjonijiet relatati mad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem”. Din id-dikjarazzjoni hija ’l bogħod minn kategorika, billi tirrifletti s-sens ġdid ta’ realiżmu politiku u r-rieda li ddgħajjef il-promozzjoni soda tal-valuri Ewropej stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

    4.3

    Fil-komunikazzjoni ma hemm ebda referenza għar-Rakkomandazzjonijiet u l-Konvenzjonijiet tal-ILO. Madankollu, ir-rispett għall-istandards tax-xogħol ewlenin tal-ILO huwa linja kruċjali li ma għandhiex tinqasam; dan il-prinċipju ma għandux jiddgħajjef mid-differenzjazzjoni.

    4.4

    Il-komunikazzjoni tgħid li “li se jfeġġu mudelli differenti ta' relazzjonijiet, li jippermettu sens ikbar ta' intitolament miż-żewġ naħat. L-UE lesta tiddiskuti l-possibilità li jiġu ffissati konġuntement il-prijoritajiet tas-sħubija l-ġdida, li jkunu jiffukaw kull relazzjoni b'mod iktar ċar fuq l-interessi komuni identifikati flimkien”. Dan ifisser mhux biss bidla fil-lingwa iżda wkoll l-abbandun ta’ “approċċ pjuttost normattiv” li jiffoka fuq it-traspożizzjoni tal-valuri Ewropej fil-pajjiżi msieħba.

    4.5

    Il-bidla tal-istrateġija tista’ tkun parzjalment dovuta għal xewqa li titneħħa l-illużjoni li l-popli kollha jridu jadottaw standards demokratiċi tal-UE u huma biss is-sistemi oppressivi li jwaqqfuhom milli jagħmlu dan. Madankollu, il-KESE jirrappreżenta l-pożizzjoni li l-ebda kompromess dwar id-drittijiet universali tal-bniedem u l-valuri demokratiċi ma jista’ jkun previst.

    4.6

    Huwa veru wkoll li xi pajjiżi msieħba esprimew l-opinjoni li l-PEV kienet preskrittiva wisq u ma kinitx tirrifletti biżżejjed l-ispeċifiċitajiet u l-aspirazzjonijiet tal-pajjiżi msieħba.

    4.7

    L-approċċ ta’ “aktar għal aktar” ibbażat fuq l-inċentivi wera li kien biss parzjalment effikaċi. Huwa ma ħadimx f’dawk il-pajjiżi fejn l-elit lokali rreżistew it-trasformazzjoni xprunata mill-UE. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ “aktar għal aktar” xi drabi ta l-impressjoni li jeħtieġ li wieħed iħallas sabiex jiġu rrispettati l-valuri tal-UE. Madankollu, l-uniku mod kif jiġi żgurat li l-valuri tal-UE jiġu rrispettati huwa li n-nies u l-komunitajiet jemmnu tabilħaqq fis-sinifikat universali tagħhom u jadottawhom bħala l-valuri tagħhom. Mhuwiex effettiv li jinxtraw il-valuri għall-proġetti. F’dan ir-rigward, il-KESE japprezza d-dikjarazzjoni li “l-UE se tesplora modi iktar effettivi biex tbigħ ir-riformi fundamentali lis-sħab, inkluż permezz ta' impenn mal-atturi ċivili, ekonomiċi u soċjali”.

    4.8

    Madankollu, anki meta nieħdu f’kunsiderazzjoni l-approċċ differenzjat, aħna ma għandniex inħallu l-prinċipju “aktar għal aktar” isir “aktar għal inqas” għall-fini tal-objettiv fundamentali ġdid tal-istabbilizzazzjoni fil-viċinat. Il-prinċipju tal-kundizzjonalità fl-implimentazzjoni tal-politika “mfassla apposta” fi ħdan il-PEV għandu jiġi żviluppat aktar.

    4.9

    Għadna rridu naraw jekk l-approċċ ġdid ta’ differenzjazzjoni fil-prattika jfissirx żarmar gradwali tal-PEV u tranżizzjoni bla xkiel lejn approċċ purament bilaterali.

    4.10

    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li s-“sjieda konġunta” ġdida, li tfisser sjieda inqas patronizzanti u aktar ġenwina, flimkien mad-differenzjazzjoni, ma għandhiex twassal għal politika ta’ għażla każwali fejn il-pajjiżi msieħba jistgħu jagħżlu biss dawk il-partijiet tas-sħubija li huma konvenjenti għall-gvernijiet tagħhom.

    4.11

    Id-divrenzjar ser jaffettwa wkoll il-mod ta’ rappurtar dwar il-progress li jkun sar mill-pajjiżi msieħba. Se jiġi żviluppat stil ġdid ta’ evalwazzjoni li jiffokaw fuq l-objettivi speċifiċi miftiehma mal-imsieħba. Huwa ta’ dispjaċir li l-mod trasparenti attwali biex jitħejjew rapporti ta’ progress, f’format simili għall-pajjiżi kollha fl-istess ħin ser jiġi sostitwit minn serje ta’ rapporti ta’ natura differenti għal pajjiżi differenti, f’formati li għad iridu jiġu determinati.

    5.   Ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata

    5.1

    Il-komunikazzjoni ma tagħtix biżżejjed attenzjoni lir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata jew lid-djalogu soċjali jew ċivili. Hemm biss referenza vaga għall-ħtieġa għal involviment aktar profond mas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, u li “tespandi s-sensibilizzazzjoni lill-membri rilevanti tas-soċjetà ċivili fl-iktar sens wiesa' tal-kelma kif ukoll lis-sħab soċjali”.

    5.2

    Jeżisti wkoll nuqqas ta’ djalogu ċivili u soċjali kważi fil-pajjiżi kollha, kemm fil-Viċinat tan-Nofsinhar kif ukoll f’dak tal-Lvant, għalkemm hemm ukoll pajjiżi bħat-Tuneżija jew il-Ġeorġja fejn sar progress sostanzjali f’dan ir-rigward.

    5.3

    Il-komunikazzjoni ma tgħid xejn dwar il-ksur tad-dritt ta’ assoċjazzjoni u tad-dritt li dawk li jħaddmu, il-ħaddiema jew l-NGOs jiġu organizzati liberament fiż-żona tal-PEV, filwaqt li hija nieqsa minn viżjoni ta’ kif dawn jistgħu jiġu pprovduti b’ambjent abilitanti sabiex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom fit-tiswir tal-politika, fil-programmazzjoni, fl-implimentazzjoni, fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tal-politiki tal-awtoritajiet pubbliċi.

    5.4

    Il-komunikazzjoni tagħmel enfasi fuq ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u fuq it-twassil tal-impenji tal-imsieħba tal-PEV għall-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda ma tagħmel ebda referenza għar-rwol tas-soċjetà ċivili f’dan ir-rigward.

    5.5

    Il-KESE huwa impenjat li jaħdem mal-organizzazzjonijiet imsieħba tiegħu fil-pajjiżi tal-PEV bl-għan ċar tal-monitoraġġ b’mod konġunt tal-implimentazzjoni tal-PEV u l-osservanza tal-impatt tal-approċċ ġdid ta’ differenzjazzjoni.

    6.   Il-migrazzjoni u l-mobbiltà

    6.1

    Għalkemm l-istrateġija tal-UE u l-azzjoni konkreta b’rabta mal-migrazzjoni u l-mobbiltà mhumiex speċifiċi għall-PEV, il-kooperazzjoni mal-pajjiżi msieħba f’dan ir-rigward hija kruċjali.

    6.2

    It-tiftix ta’ soluzzjoni għall-kriżi tar-refuġjati li għadha għaddejja għandu jkun parti minn strateġija akbar tal-UE, iżda l-implimentazzjoni effikaċi u effettiva tal-aġenda tal-PEV dwar il-migrazzjoni u l-mobbiltà tista’ tkun ta’ rilevanza kbira għaliha.

    6.3

    Il-komunikazzjoni ġustament tgħid li “l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-ispustament sfurzat huwa ċentrali għall-istabbilizzazzjoni fil-viċinat.” Madankollu, dan mhuwiex koerenti ħafna mal-approċċ ta’ differenzjazzjoni, li jista’ jfisser attitudni inqas ambizzjuża sabiex jiġi kkundannat il-ksur sistematiku tad-drittijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi minn xi gvernijiet imsieħba, anki jekk dan jibqa’ l-kawża ewlenija tal-instabbiltà.

    6.4

    Il-KESE jirrimarka wkoll li l-inizjattivi ta’ faċilitazzjoni fil-qasam tal-għoti tal-viża għandhom jiġu vvalutati bħala wieħed mill-aktar strumenti kruċjali fir-rigward tal-interazzjoni aktar mill-qrib mal-pajjiżi tal-PEV. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-iskemi ta’ faċilitazzjoni fil-qasam tal-għoti tal-viża u jwissi li ż-żarmar taż-Żona Schengen jista’ jpoġġihom f’riskju.

    6.5

    Il-KESE jappoġġja wkoll id-dikjarazzjoni inkluża fil-komunikazzjoni li “l-UE ser tkompli trawwem narrativa alternattiva realistika u ġusta dwar il-migrazzjoni u tiġġieled b’mod vigoruż kull forma u manifestazzjoni ta’ razziżmu u diskriminazzjoni filwaqt li tippromwovi djalogu interkulturali, diversità kulturali u fehim reċiproku”.

    7.   L-iżvilupp ekonomiku għall-istabbilizzazzjoni

    7.1

    Il-KESE jilqa’ l-isforzi sabiex tissaħħaħ il-kompetittività, jiġu appoġġjati l-ekonomiji tal-imsieħba tal-PEV u jittejbu l-prospetti għall-popolazzjoni lokali bħala l-prekundizzjoni għal ambjent stabbli u sikur fil-viċinat tal-UE. Il-pajjiżi ġirien kollha għandhom problemi ekonomiċi; madankollu, huma differenti ħafna fin-natura tagħhom, kemm f’termini tal-kawżi tagħhom kif ukoll l-iskala u l-impatt tagħhom fuq l-istabbiltà. Għalhekk, l-aspett tad-differenzjazzjoni għall-iżvilupp futur tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien huwa mitlub, fost l-oħrajn, mid-differenzi ekonomiċi u soċjali tagħhom. Ir-riformi fl-amministrazzjoni pubblika, fis-sistemi ġudizzjarji u fis-settur tas-sigurtà, kif ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, huma oqsma ta’ prijorità għal aktar kooperazzjoni. Il-progress f’dawn l-oqsma kollha huwa kruċjali għall-istabilità, iżda huwa neċessarju wkoll ambjent stabbli u sigur biex jinkiseb suċċess.

    7.2

    Il-KESE japprezza l-inklużjoni tal-ħtieġa li jiġu implimentati b’mod sħiħ u effettiv il-ftehimiet ta’ AA/DCFTA li diġà ġew iffirmati, flimkien mar-riformi fil-pajjiżi tal-PEV. Madankollu, sabiex ikunu jistgħu jibbenifikaw mid-DCFTA, il-pajjiżi msieħba jridu jgħaddu minn proċess diffiċli ta’ modernizzazzjoni essenzjali tal-produzzjoni u tas-servizzi. Il-Komunikazzjoni hija ċara f’dan ir-rigward u tiddikjara l-appoġġ tal-UE fil-bini tal-kapaċità sabiex jintlaħqu l-isfidi tad-DCFTA.

    7.3

    L-għan tal-kummerċ ħieles komplet bejn l-UE u l-pajjiżi tal-PEV, li jistinkaw għal kooperazzjoni aktar mill-qrib, ma għandux jiġi abbandunat. Il-possibbiltà ta’ aċċess għas-suq tal-UE timmotiva lill-pajjiżi ġirien sabiex isegwu r-riformi ekonomiċi u jimmodernizzaw il-produzzjoni u n-negozji. Madankollu, anki l-pajjiżi firmatarji tad-DCFTA għandhom diffikultajiet biex jimmodernizzaw l-ekonomiji tagħhom minħabba s-sitwazzjoni politika u ekonomika instabbli, li ma tħeġġiġx l-investiment. L-aċċess għall-UE u għal swieq internazzjonali oħrajn huwa direttament relatat mal-kwistjonijiet tal-impjiegi u l-prospetti taż-żgħażagħ li jiġu integrati fis-suq tax-xogħol. Il-konsolidazzjoni tal-oligarkiji u l-korruzzjoni jostakolaw ir-riformi ekonomiċi. L-UE għandha tapplika aktar pressjoni u tuża l-mezzi kollha possibbli sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni bil-għan li jkun possibbli li jiġi attirat investiment kapitali fil-pajjiżi li jirrappreżentaw ambjent ekonomiku sod.

    7.4

    Huwa ċar ukoll li l-implimentazzjoni tad-DCFTA ser timplika sfidi soċjali kbar. Għalhekk, l-involviment tal-partijiet interessati kollha fil-proċess, speċjalment l-imsieħba soċjali, huwa ta’ importanza kruċjali. Gruppi konsultattivi domestiċi u pjattaformi tas-soċjetà ċivili jista’ jkollhom rwol pożittiv f’dan ir-rigward u għandhom jiġu inklużi fl-aspetti kollha ta’ implimentazzjoni tad-DCFTA.

    7.5

    Il-KESE għandu l-pjaċir jinnota li l-Kummissjoni ġenwinament tagħti attenzjoni xierqa lill-kwistjoni tal-edukazzjoni u tat-taħriġ professjonali (speċjalment għaż-żgħażagħ). Huwa probabbli li jkun hemm appoġġ akbar għas-sistemi tal-edukazzjoni primarja u sekondarja fil-pajjiżi fejn dan huwa l-aktar meħtieġ u ser ikun hemm possibbiltà akbar għall-pajjiżi fil-viċinat sabiex jipparteċipaw f’Erasmus + f’termini tal-iskala u l-finanzjament; ser jintużaw ukoll miżuri oħrajn għall-iżvilupp tal-ħiliet taż-żgħażagħ – sabiex b’hekk l-aċċess għas-suq tax-xogħol isir ħafna aktar faċli.

    7.6

    L-iżvilupp tal-konnessjonijiet tat-trasport mal-pajjiżi fil-viċinat jista’ jikkontribwixxi aktar għat-tisħiħ tal-ekonomiji tagħhom. Id-dispożizzjoni li l-UE għandha testendi n-netwerks trans-Ewropej ewlenin fil-pajjiżi msieħba tal-Lvant u, flimkien mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u msieħba oħrajn, tippromwovi l-investiment kif ukoll tiżviluppa pjanijiet ta’ riferiment ta’ netwerks tat-trasport Ewro-Mediterranji, għandha tintlaqa’ tajjeb. Dawn il-pjani huma importanti ħafna wkoll għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li għandhom ikunu involuti b’mod attiv fl-implimentazzjoni tagħhom.

    7.7

    L-UE hija dipendenti fuq il-pajjiżi ġirien f’termini tal-provvista tal-enerġija. Għalhekk, il-proġetti tal-enerġija konġunti huma importanti u neċessarji b’mod reċiproku għaż-żewġ partijiet. Il-kwistjonijiet tal-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-proġetti fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli huma partikolarment rilevanti. Il-komunikazzjoni konġunta ġustament tenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu d-djalogu tal-UE dwar l-enerġija mal-pajjiżi tal-viċinat fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija, ir-riformi fis-suq tal-enerġija u l-promozzjoni tal-enerġija sostenibbli bil-għan li tinbena Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika klimatika ambizzjuża fil-qalba tagħha.

    7.8

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni li “l-agrikoltura hija sors ewlieni ta’ impjiegi f’ħafna pajjiżi msieħba u l-UE għandha tkompli tappoġġja politiki sostenibbli u inklużivi u investiment fil-modernizzazzjoni tas-settur, u d-diversifikazzjoni lejn attivitajiet oħra ta’ introjtu f’żoni rurali fejn meħtieġ”. Madankollu, għandu jkun enfasizzat li l-armonizzazzjoni fil-qasam tal-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel, bħala konsegwenza tal-implimentazzjoni tad-DCFTA, m’għandhiex twassal għal kwalità aktar baxxa ta’ prodotti agrikoli jew tnaqqis tal-istandards tax-xogħol.

    8.   Id-dimensjoni tas-sigurtà

    8.1

    Il-KESE jilqa’ l-enfasi qawwija fuq id-dimensjoni tas-sigurtà fil-Komunikazzjoni Konġunta. It-tisħiħ tar-reżiljenza tal-imsieħba għal theddidiet esterni u interni, kif ukoll il-promozzjoni tal-modernizzazzjoni għall-istabbiltà ekonomika u soċjali fit-tul, huwa ta’ importanza fundamentali.

    8.2

    Il-KESE jappoġġja l-prijoritajiet elenkati taħt is-sigurtà tal-PEV, billi jagħti importanza fundamentali lill-ġlieda kontra t-terroriżmu, lill-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-kriminalità organizzata, lill-isfaxxar tal-korruzzjoni u lill-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità. Dawn il-prijoritajiet jistgħu jiġu enfasizzati bħala li jikkostitwixxu l-kompitu ewlieni li tiżdied is-sigurtà kemm fil-PEV kif ukoll fl-UE nnifisha.

    8.3

    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li mhux biss l-organizzazzjonijiet terroristiċi jew kriminali jirrappreżentaw theddida għall-istabbiltà tal-pajjiżi tal-PEV, iżda anki ċerti gvernijiet li jiksru l-liġi internazzjonali u jipprovokaw il-kunflitti u l-kriżijiet fir-reġjun tal-PEV.

    8.4

    Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva li tingħata spinta ġdida lill-kooperazzjoni fuq materji relatati mal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), billi jagħmel referenza partikolari għall-possibbiltà li jintużaw il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u, meta jkunu meħtieġa, l-hekk imsejħa EU Battlegroups, fl-implimentazzjoni prattika tal-interessi tas-sigurtà u tar-responsabbiltà komuni. Madankollu, l-istrumenti tal-PSDK u l-isforzi diplomatiċi għandhom jintużaw mhux biss bħala reazzjoni għall-kriżi, iżda wkoll bħala għodda politika għall-prevenzjoni tal-kriżi. L-UE għandha tenfasizza l-ħtieġa għal involviment akbar fil-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni diplomatika bejn il-pajjiżi potenzjalment konfliġġenti jew l-atturi mhux governattivi.

    9.   Id-dimensjoni reġjonali

    9.1

    Il-KESE jilqa’ l-pożizzjoni tal-Komunikazzjoni Konġunta li tippreserva l-formati tal-kooperazzjoni reġjonali prinċipali eżistenti – it-tisħiħ tal-programm ta’ Sħubija tal-Lvant u l-kooperazzjoni reġjonali fil-Viċinat tan-Nofsinhar. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, fl-oqfsa reġjonali eżistenti, matul dawn l-aħħar snin komplew jevolvu diskrepanzi u diversitajiet sinifikanti. Jista’ jkun inkoraġġanti li tiġi proposta distinzjoni aktar ċara bejn l-imsieħba tal-PEV, bejn dawk li diġà kisbu livell ogħla ta’ integrazzjoni mal-UE (permezz ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u oqsma ta’ kummerċ ħieles profondi u komprensivi – AA/DCFTA) jew li għandhom il-ħsieb li jagħmlu dan, u l-bqija tal-pajjiżi.

    9.2

    Għadu mhuwiex ċar kif il-PEV il-ġdida ser tippromwovi aktar kooperazzjoni mill-qrib ma’ dawk il-pajjiżi msieħba li qegħdin jiksbu suċċess fl-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA u li għandhom aspirazzjonijiet Ewropej. Il-KESE jtenni l-opinjoni tiegħu li għandha tiġi offruta perspettiva Ewropea ċara tal-adeżjoni lil xi wħud mill-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant. Din għandha timmobilizza u timmotiva mhux biss lill-gvernijiet tagħhom fl-isforzi sabiex jittrasformaw il-pajjiżi tagħhom u jallinjaw il-leġiżlazzjoni tagħhom mal-acquis communautaire, iżda wkoll tħeġġeġ lis-soċjetà ċivili organizzata sabiex tikkontribwixxi għal dawn l-isforzi. Din għandha wkoll tqarreb l-identità u l-valuri Ewropej lejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi msieħba.

    9.3

    Il-KESE jappoġġja l-idea ta’ oqfsa tematiċi, li għandhom jippromwovu l-moviment ġenerali lejn aktar inizjattivi u proġetti mfassla apposta għall-partijiet interessati mill-Viċinat tan-Nofsinhar u mill-Viċinat tal-Lvant. Madankollu, l-idea proposta tidher li hija wisq vaga u nieqsa minn għan ċar. Il-fora għad-diskussjonijiet dwar tali kwistjonijiet bħall-migrazzjoni, l-enerġija u s-sigurtà huma l-ewwel pass lejn kooperazzjoni aktar profonda fuq l-isfidi msemmija qabel. L-UE għandha tkun aktar ċara dwar l-eżiti speċifiċi li trid tikseb bl-użu ta’ dawn l-oqfsa tematiċi.

    9.4

    Għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-fatt li xi ġirien tal-ġirien (b’mod partikolari r-Russja) kienu mistiedna sabiex jipparteċipaw fil-PEV, iżda qatt ma ħadu din l-opportunità. Għalhekk, il-pjattaformi tematiċi għandhom jintużaw esklussivament għal għanijiet speċifiċi orjentati lejn l-iskop tagħhom u mhux sabiex jiġu pprovduti opportunitajiet għall-atturi terzi sabiex jippromwovu l-għanijiet tagħhom għad-detriment tal-prinċipji tal-PEV. Il-format tal-kooperazzjoni mal- “ġirien tal-ġirien”, kif deskritt fil-Komunikazzjoni, mhuwiex definit sew, għaldaqstant, kwalunkwe każ ta’ tali kooperazzjoni għandu jiġi sorveljat mill-qrib sabiex ikun żgurat li ma jiġix abbużat minn parti terza biex jiġi ppreġudikat l-interess tal-pajjiżi msieħba, tal-UE jew tal-PEV innifisha. L-involviment u l-kooperazzjoni ma’ atturi oħrajn ’lil hinn mill-viċinat (jew ġirien tal-ġirien) għandhom ikunu bbażati fuq deċiżjoni sovrana u ta’ rieda tajba tal-imsieħba tal-PEV li jinkludu atturi ġodda fil-kooperazzjoni tagħhom mal-UE.

    10.   Il-flessibbiltà tal-istrumenti finanzjarji

    10.1

    Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva li “tibni fuq il-finanzjament addizzjonali konsiderevoli billi tkabbar iżjed il-kooperazzjoni tagħha ma’ istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali kbar u permezz tal-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat (FIV)” u r-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE fl-2017. Għandu jiġi enfasizzat b’mod ċar li l-ħtiġijiet u l-isfidi akbar fil-viċinat tal-UE jirrikjedu mhux biss ridistribuzzjoni aktar effettiva tas-somma allinjata ta’ EUR 15-il biljun permezz tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (SEV) matul il-perjodu 2014-2020, iżda wkoll riżorsi addizzjonali sostanzjali.

    10.2

    Il-KESE jappoġġja l-proposti sabiex tintuża “riżerva ta’ flessibbiltà” fi ħdan l-SEV għall-allokazzjoni urġenti ta’ riżorsi għall-ħtiġijiet mhux previsti u għall-adattament tar-regolamenti finanzjarji, biex b’hekk il-fondi li ma jintużawx ikunu jistgħu jiġu riportati għas-sena ta’ wara.

    10.3

    Madankollu, aħna naħsbu li l-PEV għandha tiffoka primarjament fuq it-titjib tal-istrumenti finanzjarji eżistenti minflok fuq l-enfasi ta’ strutturi finanzjarji jew “Fondi fiduċjarji” ġodda. Kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi msieħba għandha tirriżulta fi trasparenza akbar tal-infiq u tal-kontabbiltà. Din tinkludi l-ħila li dawn jirreaġixxu aktar malajr għas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà li qiegħda tinbidel fil-prattika, b’ridirezzjonar tal-fondi, fejn ikun meħtieġ. L-UE għandha tadotta wkoll approċċ ċar f’każijiet fejn l-imsieħba ma jagħżlux integrazzjoni aktar mill-qrib, li jwassal għall-ħolqien ta’ inċentivi għar-rispett għall-valuri fundamentali u aktar riformi ewlenin.

    10.4

    L-UE u l-Istati Membri għandhom jesploraw l-opportunitajiet li jespandu l-programmazzjoni konġunta fil-PEV. It-trasparenza mtejba tal-programmazzjoni u r-rappurtar fuq ir-riżultati għandhom jitpoġġew disponibbli għall-Istati Membri u għal partijiet interessati oħrajn. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jaqdu rwol importanti f’dan ir-rigward.

    11.   Il-viżibbiltà, il-komunikazzjoni u l-ħidma ta’ kuntatt

    11.1

    Il-KESE jilqa’ d-determinazzjoni sabiex tiżdied il-viżibbiltà tal-politiki tal-UE u tiġi promossa komunikazzjoni aktar effettiva tal-PEV il-ġdida. Il-Komunikazzjoni ġustament tindika li diplomazija pubblika mtejba ser tikkontribwixxi biex tispjega aħjar ir-raġuni fundamentali tal-politiki tal-UE u l-impatt pożittiv tal-azzjonijiet konkreti tal-UE. Huwa importanti wkoll li ma jiġix injorat id-dannu li jirriżulta mill-informazzjoni ħażina, mid-diżinformazzjoni u mill-propaganda, li huma f’kunflitt mal-valuri tal-UE u mal-prinċipji tal-PEV.

    11.2

    L-UE għandha ssib strumenti u sorsi xierqa sabiex tittratta l-isfidi tal-komunikazzjoni fil-pajjiżi msieħba tal-PEV u ġewwa l-UE. It-Task Force Stratcom tal-Lvant tal-UE, li ġiet stabbilita mis-SEAE, hija biss l-ewwel pass sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini tal-UE u tal-pajjiżi tal-PEV dwar id-diskorsi ostili u ta’ tfixkil fil-komunikazzjoni pubblika. Is-SEAE ma għandux iwarrab mill-impenji li jkompli jsaħħaħ il-komunikazzjoni strateġika tal-UE ħafna aktar.

    11.3

    L-isfidi tal-migrazzjoni kemm fir-reġjun tal-PEV kif ukoll ġewwa l-UE għandhom jingħataw l-ogħla prijorità f’termini tal-komunikazzjoni strateġika u d-diplomazija pubblika. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jirrikonoxxu li l-komunikazzjoni ħażina dwar il-politika tal-migrazzjoni u r-refuġjati tista’ tagħmel ħafna ħsara lill-koerenza tal-Istati Membri, lill-fiduċja tal-imsieħba tal-PEV u saħansitra lill-istabbiltà tal-UE.

    Brussell, il-25 ta’ Mejju 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Opinjoni tal-KESE dwar id-Dokument ta’ Konsultazzjoni Konġunta Lejn politika Ewropea tal-viċinat ġdida, ĠU C 383, 17.11.2015, p. 91.


    Top