Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE0050

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà għall-prodotti u s-servizzi” [COM(2015) 615 final – 2015/0278 (COD)]

    ĠU C 303, 19.8.2016, p. 103–108 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 303/103


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà għall-prodotti u s-servizzi”

    [COM(2015) 615 final – 2015/0278 (COD)]

    (2016/C 303/14)

    Relatur:

    is-Sur Ask Løvbjerg ABILDGAARD

    Nhar it-13 ta’ Jannar 2016, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi”

    [COM(2015) 615 final – 2015/0278 (COD)].

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta' Mejju 2016.

    Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'152 vot favur, u astensjoni waħda (1).

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà.

    1.2

    Il-KESE isib li l-proposta għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà hija eżempju tajjeb ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li għan biex tiżgura li s-Suq Intern ikun jista’ jaqdi kemm liċ-ċittadini kif ukoll lill-kumpaniji.

    1.3

    Abbażi tas-sorveljanza tas-suq u analiżijiet tal-ostakoli madwar l-UE relatati mal-aċċessibbiltà għal persuni b’limitazzjonijiet funzjonali, il-KESE jipproponi li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva proposta jiġi estiż b’mod gradwali, wara li ssir evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-direttiva proposta u f'konsultazzjoni mal-parti interessata, sabiex ikopri t-terminals tal-ħlas, is-servizzi ta’ ospitalità, is-servizzi tal-assigurazzjoni, ir-rivisti u l-gazzetti elettroniċi, kif ukoll il-bini fiżiku u siti web li jippermettu aċċess għal prodotti u servizzi li huma koperti b’mod ieħor mid-direttiva.

    1.4

    Il-KESE jħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati sabiex iwessgħu l-interpretazzjoni tal-bażi legali tal-proposta, l-Artikolu 114 tat-TFUE, sabiex tiġi evitata enfasi limitata wisq fuq il-frammentazzjoni tas-suq eżistenti b’rabta mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà.

    1.5

    Il-KESE jipproponi li l-infrastruttura tat-trasport u l-vetturi li mhumiex koperti b’xi mod ieħor mir-regolamenti tal-UE dwar l-aċċessibiltà jiġu inklużi b’mod espliċitu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva biex jiġu evitati lakuni regolatorji mhux intenzjonati.

    1.6

    Il-KESE jirrakkomanda li tiġi inkluża dispożizzjoni speċifika fit-test tad-Direttiva li tistipula li mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, l-obbligi tagħha japplikaw biss għal prodotti jew servizzi ġodda. Dan sabiex jiġi evitat telf imġarrab minn investiment fl-aċċessibbiltà li jkun diġà seħħ.

    1.7

    Il-KESE jipproponi li tiġi introdotta skema ta’ tikkettar tal-aċċessibbiltà mal-UE kollha bħala mezz ta’ kif jiġi żgurat li l-persuni li jgħixu f’limitazzjonijiet funzjonali jkunu jistgħu jsibu tagħrif affidabbli u faċilment disponibbli dwar l-aċċessibbiltà tal-prodotti u s-servizzi.

    1.8

    Il-KESE jirrakkomanda li d-direttiva tipprevedi korpi tal-infurzar b’saħħithom u mgħammra sewwa sabiex ikunu jistgħu jikkooperaw madwar l-Istati Membri bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi ekonomiċi fir-rigward tar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà.

    1.9

    Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ sorveljanza tas-suq attiva sabiex tiġi evitata konformità mal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà mill-partijiet rilevanti kollha li jiddependu wisq fuq ilmenti individwali minn konsumaturi li jgħixu b’limitazzjonijiet funzjonali.

    1.10

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-inklużjoni ta’ “jinftiehem” bħala rekwiżit fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi rilevanti kollha koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva.

    2.   Sfond għall-proposta

    2.1

    Il-miżuri ta’ aċċessibbiltà jipprevjenu jew ineħħu l-ostakoli għall-użu ta’ prodotti u servizzi konvenzjonali. Din tippermetti l-perċezzjoni, l-operazzjoni u l-fehim ta’ dawk il-prodotti u s-servizzi minn persuni b’limitazzjonijiet funzjonali, inklużi l-persuni b’diżabilità (1), fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.

    2.2

    Id-domanda għall-prodotti u s-servizzi aċċessibbli hija għolja u l-għadd ta’ ċittadini b’diżabilitajiet u/jew limitazzjonijiet funzjonali ser jiżdied b’mod sinifikanti hekk kif il-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea tixjieħ dejjem iktar.

    2.3

    Meta jitqies it-tixjiħ demografiku, huwa mistenni li fl-2020 madwar 120 miljun ruħ fl-Unjoni Ewropea ser ikunu qed ibatu minn diversi diżabilitajiet u/jew diżabilitajiet żgħar.

    2.4

    It-titjib tal-funzjonament tas-suq intern għal prodotti u servizzi aċċessibbli jkopri kemm il-ħtiġijiet ta’ dawn iċ-ċittadini/il-konsumaturi kif ukoll dawk tal-kumpaniji.

    2.5

    Bħalissa, l-operaturi ekonomiċi qed iħabbtu wiċċhom ma' rekwiżiti tal-aċċessibbiltà nazzjonali diverġenti, u ħafna drabi kontradittorji, li jwaqqfuhom milli jibbenefikaw mill-potenzjal tas-suq intern.

    2.6

    L-aċċessibbiltà hija parti integrali mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) (2), li minnha l-UE hija parti flimkien ma’ 25 mill-Istati Membri tagħha (3).

    2.7

    Id-Direttiva proposta hija maħsuba wkoll biex tappoġġja lill-Istati Membri jissodisfaw l-impenji nazzjonali tagħhom, kif ukoll l-obbligi tagħhom skont l-UNCRPD rigward l-aċċessibbiltà, u b’hekk biex tissodisfa l-obbligi tal-UE bħala parti mill-Konvenzjoni.

    2.8

    Kif kien indikat fuq, sa ċertu punt diġà jeżistu xi differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-leġiżlazzjoni, l-istandards u l-linji gwida dwar l-aċċessibbiltà u dawn x’aktarx li jiżdiedu hekk kif l-Istati Membri jiżviluppaw regoli ta’ aċċessibbiltà ġodda. Din hija parzjalment konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tal-UNCRPD għall-UE u għall-maġġoranza tal-Istati Membri, kif ukoll tal-karattru ġenerali tad-dispożizzjonijiet tagħha, li huma miftuħa għal interpretazzjonijiet u prattiki differenti meta dawn jiġu implimentati fil-livell nazzjonali.

    2.9

    Konsegwentement, l-awtoritajiet u l-atturi ekonomiċi kollha jiffaċċjaw inċertezzi fir-rigward tar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà għall-bejgħ transkonfinali potenzjali ta’ prodotti u servizzi, kif ukoll fir-rigward tal-qafas ta’ politika applikabbli għall-aċċessibbiltà. Barra minn hekk, hemm riskju li fil-ġejjieni jiżdiedu inċertezzi addizzjonali flimkien mal-implimentazzjoni ulterjuri tal-UNCRPD mill-Istati Membri.

    3.   Il-kontenut essenzjali tal-proposta

    3.1

    Id-Direttiva proposta hija maħsuba biex tipprevedi definizzjoni komuni tal-UE u qafas ta’ implimentazzjoni għar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà ta’ ċerti prodotti u servizzi.

    3.2

    Id-Direttiva proposta ser tarmonizza r-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà għal lista ta’ prodotti u servizzi:

    kompjuters u sistemi operattivi,

    ATMs; magni għall-qtugħ tal-biljetti u ċ-check-in,

    Smartphones,

    apparat tat-televiżjoni relatat mas-servizzi tat-televiżjoni diġitali,

    servizzi tat-telefonija u apparat relatat,

    servizzi tal-midja awdjoviżiva (AVMS) u apparat relatat,

    is-servizzi tat-trasport għall-passiġġieri bl-ajru, bil-karozza tal-linja, bil-ferrovija u fuq l-ilma,

    is-servizzi bankarji,

    il-kotba elettroniċi,

    il-kummerċ elettroniku.

    3.3

    Barra minn hekk, il-proposta tapplika l-istess rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà biex tiddefinixxi u tagħti kontenut lill-obbligu ta’ aċċessibbiltà, li diġà jeżisti iżda mhuwiex definit, stabbilit fil-liġi tal-UE, bħal fil-qasam tal-Akkwist Pubbliku u tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment.

    3.4

    Il-proposta ma tispeċifikax fid-dettall kif għandu jintlaħaq fil-prattika l-obbligu biex prodott jew servizz isir aċċessibbli billi jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà definiti. Jekk dan l-approċċ iwassal għal ostakoli fis-suq intern, il-proposta tagħti lill-Kummissjoni alternattivi oħrajn sabiex tipprovdi gwida lill-Istati Membri, bħal miżuri ta’ standardizzazzjoni jew ta’ implimentazzjoni.

    3.5

    Il-proposta tinkludi l-possibbiltà li jintużaw standards armonizzati volontarji li jipprovdu preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà. Din toffri wkoll il-possibbiltà għall-Kummissjoni Ewropea biex toħroġ speċifikazzjonijiet tekniċi fejn l-istandardizzazzjoni Ewropea mhux adegwata twassal għal lakuni ovvji fil-linji gwida għall-aċċessibilità.

    3.6

    Il-proposta tipprevedi valutazzjoni tal-konformità ħafifa (awtodikjarazzjoni) u mekkaniżmi ta’ sorveljanza tas-suq eżistenti biex tiġi vvalutata l-konformità tal-prodotti mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà. Hija tipprovdi wkoll proċedura eħfef biex tiġi vverifikata l-konformità tas-servizzi.

    3.7

    Il-proposta tobbliga lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-applikazzjoni tal-miżuri kollha tad-Direttiva, inkluż il-moviment liberu ta’ prodotti u servizzi, sa sitt snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ bi pjaċir il-proposta mill-Kummissjoni bħala strument legali maħsub biex jaċċerta li s-suq intern jaqdi liċ-ċittadini u lill-kumpaniji bl-istess mod.

    4.2

    Il-proposta għandha potenzjal sinifikanti li twassal trasparenza, ċarezza u konsistenza akbar madwar is-suq intern għall-operaturi ekonomiċi, inklużi manifatturi u fornituri tas-servizzi, biex b’hekk jitnaqqas il-prezz ta’ prodotti u servizzi aċċessibbli fl-UE. B’mod partikolari, il-proposta għandha l-potenzjal li tbaxxi l-limitu tad-dħul għal operaturi ekonomiċi iżgħar li għandhom soluzzjonijiet ta’ aċċessibbiltà x’joffru barra mis-swieq nazzjonali ta’ spiss stretti tagħhom.

    4.3

    Barra minn hekk, il-proposta għandha l-potenzjal li tibni l-fiduċja fost il-konsumaturi bi bżonnijiet ta’ aċċessibbiltà fix-xiri transkonfinali ta’ prodotti u servizzi, b’mod partikolari bħala konsegwenza tal-inklużjoni tal-kummerċ elettroniku fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta.

    4.4

    Il-KESE huwa persważ li l-proposta għal Direttiva tkun adattata aħjar sabiex taqdi l-iskop tagħha jekk tkun mgħammra b’kamp ta’ applikazzjoni aktar komprensiv u b’mekkaniżmi ta’ infurzar aktar b’saħħithom.

    4.5

    Il-KESE qed jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex terġa’ tikkunsidra l-interpretazzjoni limitata tagħha tal-Artikolu 114 tat-TFUE. L-interpretazzjoni li hija l-bażi tal-proposta tillimita b’mod sinifikanti l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u ma tikkunsidrax biżżejjed l-ostakoli futuri potenzjali għall-kunsinna transkonfinali ta’ prodotti u servizzi aċċessibbli, sabiex b’hekk thedded li trażżan l-inklużjoni tas-soluzzjonijiet ta’ aċċessibbiltà fl-ippjanar fit-tul tal-kumpaniji li joperaw fis-setturi u s-swieq li mhumiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta.

    4.6

    Il-kamp ta’ applikazzjoni propost huwa limitat sa ċertu punt fejn jistgħu jiġu koperti biss partijiet minn servizz mir-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà tad-Direttiva, sitwazzjoni li tagħmel partijiet oħrajn inaċċessibbli jew, f’xi każijiet, tagħmel is-servizz b’mod ġenerali inaċċessibbli għall-persuni b’limitazzjonijiet funzjonali. Eżempju ta’ dan huwa s-servizzi bankarji; id-direttiva ma tagħmilhiex obbligatorja għall-banek li jagħmlu l-bini fiżiku tagħhom aċċessibbli għall-persuni b’limitazzjonijiet funzjonali.

    5.   Kummenti speċifiċi

    5.1

    Abbażi tas-sorveljanza tas-suq u analiżijiet tal-ostakoli madwar l-UE relatati mal-aċċessibbiltà għal persuni b’limitazzjonijiet funzjonali, il-KESE jipproponi li titqies l-inklużjoni gradwali, wara l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva proposta u f’konsultazzjoni mal-partijiet interessati, tal-elementi segwenti fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva:

    it-terminals tal-ħlas, bħal sistemi ta’ ħlas bil-kard mill-klijenti fil-punti tal-bejgħ;

    is-servizzi ta’ ospitalità, inklużi lukandi;

    is-servizzi tal-assigurazzjoni, inklużi skemi tal-pensjonijiet pubbliċi u privati;

    il-verżjonijiet elettroniċi ta’ ġurnali u rivisti;

    l-ambjent mibni konness ma’, jew li jippermetti aċċess għal, il-prodotti u s-servizzi li altrimenti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva;

    siti web u applikazzjonijiet tat-telefonija ċellulari magħmula disponibbli mill-operaturi ekonomiċi li altrimenti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva.

    5.2

    B’mod ġenerali, il-KESE jirrakkomanda li titwessa’ l-interpretazzjoni tal-Artikolu 114 tat-TFUE sabiex tippermetti kamp ta’ applikazzjoni usa’ tad-direttiva. B’konformità mal-każistika tal-QtĠ-UE, il-frammentazzjoni tas-suq potenzjali, il-kumplessità teknika tar-regolamentazzjoni ta’ suq partikolari u l-protezzjoni tal-konsumaturi huma kollha aspetti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll meta jiġu proposti atti leġiżlattivi abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE (4). B’hekk, il-frammentazzjoni tas-suq attwali mhijiex l-uniku kriterju li għandu jiġi applikat meta jkun irid jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva.

    5.3

    Il-KESE jipproponi li l-infrastruttura tat-trasport u l-vetturi li mhumiex koperti b’xi mod ieħor mir-regolamenti tal-UE dwar l-aċċessibiltà jiġu inklużi b’mod espliċitu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva biex jiġu evitati lakuni regolatorji mhux intenzjonati. Tali espansjoni moderata fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tkun tippermetti definizzjoni tar-rekwiżiti li jirrigwardjaw l-aċċessibbiltà ta’ infrastruttura tat-trasport relevanti, bini kkollegat mal-infrastruttura tat-trasport kif ukoll vetturi, li mhumiex koperti mill-leġislazzjoni eżistenti tal-UE, sabiex b’hekk tiġi evitata d-distinzjoni arbitrarja bejn il-mezzi tat-trasport u l-infrastruttura tat-trasport differenti u biex tiġi ffaċilitata l-aċċessibbiltà tal-katina kollha tat-trasport għall-persuni b’limitazzjonijiet funzjonali li jkunu jixtiequ jivvjaġġaw.

    5.4

    Il-KESE jqis li għandu jiġi ċċarat li mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, l-obbligi tagħha jkunu japplikaw biss għal prodotti jew servizzi ġodda. Dan jippermetti li jiġi evitat telf minn investiment fl-aċċessibbiltà li jkun diġà seħħ. Meta wieħed iqis il-ħajja qasira tal-prodotti u s-servizzi tat-teknoloġija tal-informatika, ikun jagħmel sens li jitqassar il-qafas taż-żmien ta’ sitt snin għad-dħul fis-seħħ, għall-inqas għad-dispożizzjonijiet li japplikaw għat-teknoloġija tal-komunikazzjoni u l-informatika u s-servizzi relatati.

    5.5

    Li kieku partijiet mill-ambjent mibni u l-infrastruttura fiżika kellhom jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kif irrakkomandat mill-KESE, jista’ jiġi kkunsidrat li tiġi applikata implimentazzjoni progressiva tar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà, bil-prodotti u s-servizzi relatati mat-teknoloġija tal-komunikazzjoni u l-informatika jaqgħu f’qafas ta’ żmien iqsar għall-implimentazzjoni u l-ambjent mibni jaqa’ f’wieħed itwal.

    5.6

    Il-KESE jipproponi li d-direttiva tipprevedi espliċitament il-ħolqien ta’ tikketta għall-UE kollha għall-aċċessibbiltà tal-prodotti u s-servizzi li tista’ tiffaċilita l-implimentazzjoni tad-direttiva. Il-markar CE, kif previst fil-proposta mill-Kummissjoni, mhux ser ikun mod ta’ kif tintwera l-aċċessibbiltà għall-konsumaturi b’limitazzjonijiet funzjonali. Il-konsumatur ma jistax ikun mistenni li jkun familjari mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva proposta u, konsegwentement, ma jkunx jista’ jiddetermina jekk il-marka CE fuq prodott partikolari tfissirx konformità mal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà jew konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE applikabbli ta’ natura differenti. Għaldaqstant, l-użu tal-marka CE għandu jitqies bħala strument li jippermetti l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u servizzi skont il-leġislazzjoni applikabbli, mhux bħala informazzjoni lill-konsumaturi dwar l-aċċessibbiltà.

    5.7

    Billi l-iskema ta’ markar CE ma tkoprix is-servizzi, il-KESE huwa tal-opinjoni li hemm aktar raġunijiet li għalihom għandha tinħoloq tikketta ta’ aċċessibbiltà ġdida għall-UE bħala konsegwenza tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà. Tikketta li tkopri l-aċċessibbiltà tas-servizzi għandha, min-natura tagħha, tinkludi wkoll ċertu livell ta’ għarfien dwar l-aċċessibbiltà fost il-persunal rilevanti.

    5.8

    Il-KESE jixtieq jenfasizza li d-direttiva għandha tipprevedi salvagwardja kontra t-tnaqqis tal-istandards tal-aċċessibbiltà eżistenti applikabbli fl-Istati Membri. Għandu jiġi evitat ukoll li jiddgħajfu l-iskemi ta’ tikkettar tal-aċċessibbiltà eżistenti li jiffunzjonaw sewwa. Fl-istess ħin, huwa essenzjali li d-direttiva tintuża sabiex jiġi żgurat li jiġu evitati r-rekwiżiti kontradittorji tal-aċċessibbiltà għall-operaturi.

    5.9

    Il-KESE jipproponi li jiġu inklużi żewġ definizzjonijiet addizzjonali fid-direttiva:

    definizzjoni ta’ fornitur ta’ servizz, sabiex ikun evitat kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim possibbli relatat mal-fatt li xi fornituri ta’ servizzi koperti mill-proposta inkwistjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ biċċiet oħrajn ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li jittrattaw l-għoti tas-servizzi;

    definizzjoni ta’ sit web, sabiex ikun evitat kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim possibbli relatat mal-forniment ta’ ċerti funzjonalitajiet fuq sit web partikolari permezz tal-użu ta’ siti ta’ partijiet terzi. Is-siti web kollha, u l-funzjonalitajiet tagħhom, b’rabta mal-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva għandhom ikunu koperti b’mod espliċitu permezz ta’ definizzjoni bħal din.

    5.10

    Il-KESE jħoss li huwa importanti li tingħata attenzjoni partikolari lill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet proposti dwar tibdil fundamentali u piż sproporzjonat bil-ħsieb li jiġi evitat li l-eżenzjonijiet mill-obbligi ġenerali tad-direttiva jiġu applikati b’mod arbitrarju. Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa għal valutazzjoni tal-ħtieġa għal tibdil fundamentali u l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ piż sproporzjonat fuq bażi ta’ każ b’każ. Huwa ssuġġerit li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata, inklużi l-imsieħba soċjali, u b’mod partikolari r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet ta’ persuni b’diżabilità, jiġu involuti fl-applikazzjoni tal-kunċetti ta’ tibdil fundamentali u piż sproporzjonat b’rabta mas-sorveljanza tas-suq previsti b’mod ieħor fid-direttiva.

    5.11

    Il-KESE jipproponi li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardjaw l-infurzar tad-direttiva jissaħħu fit-test tal-proposta. Huwa essenzjali li l-korpi tal-infurzar jgħinu sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi ekonomiċi madwar l-UE sabiex jintlaħaq l-għan tad-direttiva, jiġifieri l-moviment liberu ta’ prodotti u servizzi aċċessibbli fis-suq intern. Għal din ir-raġuni, korp tal-infurzar fi Stat Membru wieħed għandu jkun obbligat li jikkoopera ma’ korpi tal-infurzar fi Stati Membri oħrajn. Barra minn hekk, il-korpi tal-infurzar għandhom ikunu mgħammra b’kapaċità analitika u għarfien espert tekniku suffiċjenti. Dan jippermetti wkoll lill-entitajiet tal-infurzar biex jipprovdu lill-partijiet interessati kollha bi gwida rigward l-applikazzjoni korretta tar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà tad-direttiva proposta.

    5.12

    Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ sorveljanza attiva tas-suq sabiex tiġi evitata applikazzjoni effettiva u trasparenti tad-direttiva proposta li tkun tiddependi wisq fuq ilmenti individwali. Approċċ għas-sorveljanza tas-suq abbażi ta’ ilmenti individwali jimplika riskju sinifikanti ta’ applikazzjoni arbitrarja tad-direttiva u potenzjalment ukoll kundizzjonijiet differenti għall-operaturi ekonomiċi madwar l-Istati Membri, sitwazzjoni li d-direttiva hija maħsuba biex tevita.

    5.13

    Il-KESE jsib li huwa pożittiv li l-anness 1 għall-proposta għal direttiva li jiddeskrivi r-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà funzjonali applikabbli jinkludi wkoll “jinftiehem” bħala kriterju mmirat biex jiffaċilita l-aċċess mill-persuni b’diżabilitajiet intellettwali, kif ukoll mill-pubbliku ġenerali. Madankollu, il-każijiet li fihom “jinftiehem” intgħażel bħala rekwiżit funzjonali rilevanti jidhru li huma pjuttost arbitrarji. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-inklużjoni ta’ “jinftiehem” bħala rekwiżit fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi rilevanti kollha koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva u l-annessi tagħha.

    Brussell, 25 ta’ Mejju 2016

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b’Diżabilità, il-persuni b’diżabilità jinkludu dawk li għandhom diżabilitajiet fiżiċi, mentali, intellettwali jew sensorji fit-tul, li flimkien ma’ diversi ostakoli jistgħu jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.

    (2)  Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD).

    (3)  Filwaqt li l-Istati Membri kollha tal-UE ffirmaw il-UNCRPD, bħalissa, il-Finlandja, l-Irlanda u n-Netherlands huma fil-proċess li jirratifikaw il-Konvenzjoni.

    (4)  Kawża C-217/04, ir-Renju Unit v. il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, 2 ta’ Mejju 2006.


    Top