Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AA0002

Opinjoni Nru 2/2016 (skont l-Artikolu 287(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)) dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) 2015/1017 u l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li takkumpanjaha skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2015/1017 — Il-FEIS: proposta bikrija għall-estensjoni u l-espansjoni

ĠU C 465, 13.12.2016, p. 1–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/1


OPINJONI Nru 2/2016

(skont l-Artikolu 287(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE))

dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) 2015/1017 u l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li takkumpanjaha skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2015/1017

Il-FEIS: proposta bikrija għall-estensjoni u l-espansjoni

(2016/C 465/01)

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

I.

INTRODUZZJONI

1-5

3

Ambitu u twaqqit tal-Opinjoni tal-Qorti

1-5

3

Il-Proposta

2

3

L-Evalwazzjoni tal-Garanzija

3

4

L-opinjoni tagħna

4-5

4

II.

L-OSSERVAZZJONIJIET TAGĦNA DWAR IL-BIDLIET PRINĊIPALI LI ĠEW PROPOSTI

6-80

4

Il-bażi tal-evidenza għall-Proposta hija limitata

6-36

4

Għadu kmieni wisq biex issir proposta għal żieda fil-garanzija mill-baġit tal-UE

6-17

4

Il-Proposta u l-Evalwazzjoni tal-Garanzija ma jirrispettawx il-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar

18-27

8

Il-provvediment propost tal-Fond ta' Garanzija huwa f'konformità mal-istima aġġornata tat-telf mistenni

28-36

9

Hemm ir-riskju li l-impatt tal-FEIS jiġi eżaġerat

37-51

10

Fil-proposta, l-addizzjonalità hija ddefinita f'termini ġenerali

37-46

10

Il-kalkolu tal-effett multiplikatur jassumi li ebda investiment ma jsir mingħajr il-FEIS

47-51

13

Hemm lok għal kjarifika u titjib ta' għadd ta' aspetti tal-governanza u t-trasparenza tal-FEIS

52-80

14

Dispożizzjonijiet dwar attivitajiet esklużi u ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx

53

14

Hemm ħtieġa rikonoxxuta li tittieħed azzjoni dwar l-iżbilanċi ġeografiċi u l-konċentrazzjoni settorjali

54-60

14

Jenħtieġ li tiġi kkjarifikata l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat għal proġetti li jikkombinaw il-finanzjament mill-FEIS u mill-fondi strutturali

61-62

15

Ħtieġa rikonoxxuta għal governanza aktar ċara u aktar issimplifikata

63-73

15

Jenħtieġ li l-għażla tal-operazzjonijiet tal-FEIS tkun aktar trasparenti

74-80

17

ANNESS I: STRUTTURA TA' GOVERNANZA TAL-FEIS

 

18

ANNESS II: ABBREVJAZZJONIJIET U REFERENZI

 

20

IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 13(2) u 17(1);

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 172, 173, 175, it-tielet subparagrafu, 182(1), 287(4), 317 sa 319, 322(1);

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (TKEEA), u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu;

Wara li kkunsidrat il-proposta għal Regolament (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 (2) u (UE) 2015/1017 (3) fir-rigward tal-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) kif ukoll l-introduzzjoni ta' titjib tekniku għal dan il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (EIAH), u l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li takkumpanjaha (4);

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/1017 u b'mod partikolari l-Artikolu 18(2);

Wara li kkunsidrat l-Opinjoni Nru 4/2015 (5);

Wara li kkunsidrat it-talba tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2016,

ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:

I.   INTRODUZZJONI

Ambitu u twaqqit tal-Opinjoni tal-Qorti

1.

Fl-14 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva (“il-Proposta”) biex temenda r-Regolament eżistenti dwar il-FEIS, bil-ħsieb li testendi d-durata tal-FEIS u li żżid il-garanzija mill-baġit tal-UE għall-BEI (ara l-paragrafu 2). Din il-Proposta hija akkumpanjata minn evalwazzjoni, imwettqa mill-Kummissjoni, tal-użu li jsir mill-garanzija tal-UE u tal-funzjonament tal-Fond ta' Garanzija (“l-Evalwazzjoni tal-Garanzija”) (6). L-evalwazzjoni nħarġet tliet xhur qabel id-data ta' skadenza (7). B'rispons għal dawn l-iżviluppi, aħna ddeċidejna li noħorġu opinjoni kkombinata kemm dwar il-Proposta kif ukoll dwar l-Evalwazzjoni tal-Garanzija.

Il-Proposta

2.

Il-Kummissjoni tipproponi li:

iżżid il-garanzija mill-baġit tal-UE minn EUR 16-il biljun għal EUR 26 biljun (l-Artikolu 1(7) tal-Proposta) u l-kontribuzzjoni tar-riżorsi proprji li ssir mill-BEI għall-FEIS minn EUR 5 biljun għal EUR 7,5 biljun (l-Artikolu 1(1) tal-Proposta);

testendi l-perjodu ta' investiment minn Lulju 2019 sal-31 ta' Diċembru 2020 u l-perjodu li fih il-kuntratti jistgħu jiġu ffirmati minn Ġunju 2020 sal-31 ta' Diċembru 2022 (l-Artikolu 1(5) tal-Proposta);

iżżid il-mira tal-investiment għal EUR 500 biljun (il-Premessa 13 u t-Taqsima 1 tal-Anness għall-Proposta);

tnaqqas ir-rata fil-mira għall-provvediment tal-Fond ta' Garanzija minn 50 % għal 35 % tat-total tal-obbligi ta' garanzija tal-UE (l-Artikolu 1(8) tal-Proposta) u testendi l-kopertura tal-garanzija tal-UE biex tinkludi l-impatt tal-flutwazzjonijiet ta' muniti (l-Artikolu 1(7) tal-Proposta);

temenda d-definizzjoni tal-addizzjonalità (l-Artikolu 1(2) tal-Proposta) u taġġusta r-rwol taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (EIAH) (l-Artikolu 1(9) tal-Proposta);

tissettja mira biex 40 % tal-finanzjament tal-FEIS imorru għal proġetti b'komponenti li jikkontribwixxu għall-azzjoni klimatika u teskludi l-finanzjament ta' awtostradi (ħlief għal proġetti transkonfinali f'pajjiżi tal-koeżjoni (8)) (l-Artikolu 1(5) tal-Proposta);

tinkludi b'mod espliċitu l-agrikoltura, is-sajd u l-akkwakultura bħala eliġibbli għall-appoġġ tal-FEIS (l-Artikolu 1(5) tal-Proposta);

iżżid it-trasparenza u tirrinforza d-dispożizzjonijiet tat-taxxa (l-Artikolu 1(12) tal-Proposta);

tittrasferixxi EUR 500 miljun mill-istrumenti finanzjarji tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) għall-provvediment tal-Fond ta' Garanzija (l-Artikolu 2 tal-Proposta); u

tħassar l-Artikolu 18(7) li jipprevedi li l-futur tal-FEIS għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta' evalwazzjoni indipendenti li għandha tiġi rrappurtata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-5 ta' Lulju 2018 (l-Artikolu 1(10) tal-Proposta).

L-Evalwazzjoni tal-Garanzija

3.

L-Artikolu 18(2) tar-Regolament dwar il-FEIS jirrikjedi li l-Kummissjoni tevalwa “[l-użu] tal-fond ta' garanzija tal-UE u l-funzjonament tal-Fond ta' Garanzija”. Il-Kummissjoni tiddefinixxi s-suġġett ta' din l-evalwazzjoni bħala l-mod kif tintuża l-garanzija tal-UE taħt l-attivitajiet differenti li huma appoġġati mill-FEIS (9) (L-Evalwazzjoni tal-Garanzija ma tkoprix l-addizzjonalità u l-eliġibbiltà (10) tal-operazzjonijiet iggarantiti mill-FEIS, billi dawn huma koperti mill-evalwazzjoni mwettqa mill-BEI (11) skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament dwar il-FEIS, li nirreferu għalih hawn taħt).

L-opinjoni tagħna

4.

Din l-opinjoni hija strutturata madwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

il-bażi evidenzjali limitata għall-Proposta (il-paragrafi 6 sa 36);

il-possibbiltà li l-impatt tal-FEIS jiġi eżaġerat (il-paragrafi 37 sa 51); u

l-arranġamenti ta' governanza u trasparenza (il-paragrafi 52 sa 80).

5.

L-opinjoni tagħna mhijiex ibbażata fuq il-proċeduri li aħna napplikaw għal rapport speċjali. Aħna biħsiebna noħorġu rapport speċjali dwar il-prestazzjoni tal-FEIS fl-ewwel nofs tal-2018.

II.   L-OSSERVAZZJONIJIET TAGĦNA DWAR IL-BIDLIET PRINĊIPALI LI ĠEW PROPOSTI

Il-bażi tal-evidenza għall-Proposta hija limitata

Għadu kmieni wisq biex issir proposta għal żieda fil-garanzija mill-baġit tal-UE

Kriterji

6.

Aħna qiesna t-twaqqit tal-Proposta fid-dawl tar-rekwiżiti ssettjati fir-Regolament dwar il-FEIS, id-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-FEIS u l-implimentazzjoni tal-FEIS sa issa.

7.

L-Artikoli 18(6) u 18(7) tar-Regolament dwar il-FEIS jipprevedu li sal-5 ta' Lulju 2018 għandha ssir proposta biex jiġi emendat ir-Regolament dwar il-FEIS, u jirrikjedu li din il-proposta għandha tkun appoġġata minn evalwazzjoni indipendenti dwar jekk il-FEIS “ikun[x] qiegħed jilħaq l-objettivi tiegħu” u dwar jekk “hemm[x] il-ħtieġa li tinżamm skema għas-sostenn tal-investiment”. Din id-data ta' skadenza ġiet issettjata mill-koleġiżlaturi biex jiġi żgurat li tkun tista' ssir valutazzjoni wara li jkun għadda biżżejjed żmien biex l-eżiti u l-impatt inizjali tal-FEIS ikunu jistgħu jiġu identifikati u jitkejlu (12).

Ir-Regolament dwar il-FEIS qed jiġi emendat aktar kmieni milli kien ippjanat

8.

Il-Kummissjoni pproponiet li testendi d-durata (13) u li żżid il-finanzjament għall-FEIS (14) fl-14 ta' Settembru 2016, kważi sentejn qabel id-data ta' skadenza fir-Regolament dwar il-FEIS. U filwaqt li żżomm ir-rekwiżit ta' evalwazzjoni indipendenti tal-Artikolu 18(6), il-Kummissjoni tipproponi li titneħħa d-dispożizzjoni li l-kontinwazzjoni, il-modifikazzjoni jew it-terminazzjoni tal-FEIS fil-futur (15) ikunu bbażati fuq ir-riżultati ta' din l-evalwazzjoni indipendenti (ara l-paragrafu 27).

Ippjanata żieda ta' aktar minn erba' darbiet fl-appoġġ għall-istrumenti finanzjarji mill-baġit tal-UE

9.

Il-FEIS huwa wieħed minn sett ta' strumenti finanzjarji li kiber ħafna għall-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid. Il-Kummissjoni qed tipproponi li żżid il-Garanzija tal-UE b'EUR 10 biljun (minn EUR 16-il biljun għal EUR 26 biljun) (16). Dan fih innifsu jkun aktar mit-total tal-kontribuzzjoni mill-UE għall-istrumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża, indiretta u diretta matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 (ara t-Tabella 1).

Tabella 1

Strumenti finanzjarji li jibbenefikaw mill-appoġġ baġitarju tal-UE

(EUR biljun)

 

Perjodu ta' Programmazzjoni 2007-2013 (*1)

Perjodu ta' Programmazzjoni 2014-2020*

FEŻR, FSE (17), u Żvilupp Rurali (18) għall-perjodu 2007-2013/ Fondi SIE għall-perjodu 2014-2020

12,3

21

Inizjattiva għall-SMEs

0

8,5

Strumenti finanzjarji f'ġestjoni indiretta (19)

3,8 (20)

5,8 (*2)

EFSI (*3) — garanzija massima mill-baġit tal-UE, li minnha:

0

26

Provvediment tal-Fond ta' Garanzija

8,7

Obbligazzjoni mhux iffinanzjata għall-baġit attwali tal-UE u għal dawk futuri

17,3

Total

16,1

61,3

10.

Fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, aħna sibna li l-istrumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża kienu kkapitalizzati żżejjed, kellhom diffikultajiet biex jikkontrollaw l-ispejjeż/it-tariffi, biex jattiraw kapital privat u biex jerġgħu jużaw l-appoġġ finanzjarju (21). Minkejja dan, il-pjanijiet tal-Kummissjoni jassumu li bejn wieħed u ieħor EUR 21 biljun se jiġu allokati għall-istrumenti finanzjarji mill-ħames Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (22), matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020.

11.

Fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, strument finanzjarju innovattiv ġdid (l-Inizjattiva għall-SMEs (23)) huwa disponibbli għall-FEŻR u għall-FAEŻR. It-tip ta' finanzjament (24) ipprovdut għall-fondi SIE mill-Inizjattiva għall-SMEs huwa simili għal dak ipprovdut mill-FEIS taħt is-SMEW (it-Tieqa għall-SMEs) (25). Filwaqt li l-Inizjattiva għall-SMEs inħolqot fil-kuntest tal-iżvilupp reġjonali, u l-FEIS jindirizza t-territorju tal-UE kollu kemm hu, iż-żewġ strumenti jindirizzaw l-istess akkomunament ta' SMEs.

L-użu tal-FEIS sa issa juri li fadal kapaċità sinifikanti ta' investiment

12.

Sabiex jilħaq il-mira oriġinali ta' EUR 315-il biljun, il-BEI se jeħtieġ jiffinanzja madwar EUR 60,8 biljun fi proġetti addizzjonali fi tliet snin.

13.

Skont il-BEI (26), fit-30 ta' Ġunju 2016 (ara l-Graff 1):

il-finanzjament għall-operazzjonijiet tal-FEIS iffirmati ammontaw għal EUR 10,5 biljun (fejn ġie stmat li l-investiment aggregat li ġie mmobilizzat jammonta għal madwar EUR 66 biljun, madwar 21 % tal-mira);

taħt it-Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni (IIW) (27), ġew iffirmati EUR 4,72 biljun, li jikkorrispondu għal 9 % biss tal-mira (28);

l-operazzjonijiet iffirmati tat-Tieqa għall-SMEs (SMEW) (29) ammontaw għal EUR 5,7 biljun (fejn l-investiment stmat, li ġie mmobilizzat, diġà jilħaq 58 % tal-mira);

il-finanzjament privat li ġie mmobilizzat jammonta għal EUR 44,7 biljun (30).

Graff 1

Ħarsa Ġenerali lejn il-Portafoll tal-FEIS fit-30 ta' Ġunju 2016

Image

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data tal-BEI fit-30 ta' Ġunju 2016.

14.

B'mod ġenerali, l-ammont attwali tal-garanzija tal-FEIS huwa biżżejjed biex ikompli jiffinanzja attivitajiet għas-sentejn li ġejjin. L-eċċezzjoni għal dan hija għall-operazzjonijiet tad-dejn tas-SMEW (31), fejn il-Kummissjoni u l-BEI ddeċidew li jisfruttaw sensiela ta' talbiet għal finanzjament minn strumenti finanzjarji eżistenti għall-Faċilita ta' Garanzija ta' Self (LGF) tal-COSME u għall-Faċilità ta' garanzija għall-SMEs (SMEG) ta' Innovfin — Orizzont 2020.

15.

Il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI diġà ħadu għadd ta' miżuri biex jindirizzaw ir-riskju li l-portafoll tad-dejn tas-SMEW jeżawrixxi l-finanzjament kollu disponibbli (32):

il-Bord ta' Tmexxija (SB) tal-FEIS żied il-limitu tas-SMEW minn EUR 2,5 biljun għal EUR 3 biljun billi rrialloka EUR 500 miljun mill-IIW (33);

għall-portafoll tad-dejn tas-SMEW, il-Kummissjoni u l-BEI qablu li l-kontribuzzjonijiet annwali mill-UE, ladarba jkunu disponibbli, għandhom jintużaw biex tiġi rilaxxata l-garanzija tal-UE għall-istrumenti ta' COSME LGF u ta' Innovfin SMEG, u biex din tiġi kkonvertita f'esponiment ta' telf sekondarju jew f'porzjonijiet intermedji; u

għall-espansjoni tal-użu tal-garanzija tal-UE għall-istrument ta' garanzija EaSI (34) u l-istrument ta' titolizzazzjoni.

16.

Il-Kummissjoni tipproponi li testendi l-perjodu ta' investiment b'sena u nofs (minn Lulju 2019 sa Diċembru 2020) (35) u li żżid il-volum ta' investiment immirat għal EUR 500 biljun (36). Il-kuntratti jistgħu jiġu ffirmati sentejn wara l-perjodu ta' investiment (jiġifieri sa Diċembru 2022) meta mqabbel ma' sena waħda taħt ir-Regolament attwali dwar il-FEIS. Madankollu, fl-evalwazzjoni tiegħu l-BEI jinnota li ż-żmien biex jiġu ffirmati l-operazzjonijiet tal-FEIS wara l-approvazzjoni huwa madwar 90 jum (37).

Konklużjonijiet

17.

Il-Kummissjoni ppreżentat il-Proposta għall-estensjoni tal-FEIS sena biss wara t-tnedija tiegħu. Hemm ftit li xejn evidenza li ż-żieda proposta fil-Garanzija tal-UE hija ġġustifikata għajr għas-SMEW. Il-Kummissjoni ma esploratx alternattivi oħra, bħal riallokazzjoni ulterjuri tal-garanzija tal-UE bejn iż-żewġ twieqi, jew żieda tal-garanzija tal-UE għas-SMEW waħidha. Id-data u l-istimi tal-BEI jindikaw li l-garanzija attwali hija suffiċjenti għal perjodu ulterjuri ta' operat għall-IIW, li fih ikun jista' jiġi kkompletat eżaminar tal-prestazzjoni u l-valur miżjud tal-FEIS, kif stabbilit mill-koleġiżlaturi. Dan jista' jgħin ukoll fit-tnaqqis tal-frammentazzjoni u t-trikkib bejn il-FEIS u strumenti finanzjarji oħra u jkun jippermetti fokus aħjar fuq il-prijoritajiet tal-UE. Il-perjodu żejjed propost għall-iffirmar tal-operazzjonijiet (sentejn) mhuwex f'konformità mal-prattika attwali.

Il-Proposta u l-Evalwazzjoni tal-Garanzija ma jirrispettawx il-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar

Kriterji

18.

Ir-regolamentazzjoni aħjar (38) hija prijorità għall-UE. Hija teħtieġ mill-Kummissjoni li din tivvaluta b'mod rigoruż l-impatt tal-leġiżlazzjoni li qed tiġi fformulata, inklużi emendi sostanzjali introdotti matul il-proċess leġiżlattiv, sabiex id-deċiżjonijiet politiċi jkunu infurmati tajjeb u bbażati fuq l-evidenza (39). Tenħtieġ valutazzjoni tal-impatt għal dawk l-inizjattivi tal-Kummissjoni li x'aktarx li jkollhom impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali sinifikanti, inkluż għal reviżjonijiet ta' atti legali eżistenti jew ta' komunikazzjonijiet ta' politika (40).

19.

L-evalwazzjonijiet iridu jivvalutaw l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali sinifikanti kollha tal-interventi tal-UE (b'enfażi partikolari fuq dawk identifikati f'valutazzjoni preċedenti tal-impatt) (41). Barra minn hekk, l-Artikoli 30 u 140 tar-Regolament Finanzjarju jirrikjedu t-twettiq ta' evalwazzjonijiet ex ante għall-programmi ta' nfiq u għall-istrumenti finanzjarji. Il-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar jipprovdu wkoll li jenħtieġ li l-evalwazzjonijiet isegwu metodoloġija ddefinita b'mod ċar u robusta li hija intenzjonata li tipproduċi sejbiet oġġettivi. Bħala minimu, l-evalwazzjonijiet iridu jivvalutaw l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE jew jispjegaw għalfejn dan ma jsirx fil-pjan direzzjonali għall-evalwazzjoni.

Il-Proposta mhijiex akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt

20.

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 (42) u l-Memorandum ta' Spjegazzjoni għall-Proposta jipprovdu xi informazzjoni dwar l-użu attwali tal-FEIS, u jibbażaw fuq ir-riżultati ta' konsultazzjoni tal-partijiet interessati (43) u ta' evalwazzjonijiet interni. Madankollu, dawn id-dokumenti ma jikkostitwixxux valutazzjoni tal-impatt komprensiva, rigoruża u bbażata fuq l-impatt, kif previst mil-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar.

21.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni la wettqet valutazzjoni tal-impatt u lanqas ma wettqet valutazzjoni ex ante fl-2015, u biex tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha semmiet l-urġenza tat-tnedija tal-FEIS f'dak iż-żmien. Kif innutajna fl-Opinjoni Nru 4/2015 (44) tagħna, il-FEIS tqies bħala eċċezzjoni għar-rekwiżit tar-Regolament Finanzjarju, għalkemm il-baġit tal-UE jipprovdi l-biċċa l-kbira mill-finanzjament għall-Fond ta' Garanzija, u għalkemm il-garanzija baġitarja lill-BEI se toħloq obbligazzjonijiet kontinġenti sinifikanti għall-baġit tal-UE.

22.

B'riżultat ta' dan, il-FEIS għadu mingħajr valutazzjoni u analiżi rigward il-kawżi tad-diskrepanza fl-investiment u tal-ħtiġijiet tas-suq u kif dawn jistgħu jiġu indirizzati bl-aħjar mod, kif ukoll rigward il-komplementarjetajiet ma' programmi u strumenti finanzjarji oħra li jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-UE u kif jista' jiġi evitat trikkib mhux mixtieq.

L-evalwazzjonijiet mill-Kummissjoni u mill-BEI ma jikkostitwixxux eżaminar tal-prestazzjoni u tal-valur miżjud tal-FEIS.

23.

Il-Kummissjoni takkumpanja l-Proposta (ara l-paragrafu 7) bl-evalwazzjoni interna tagħha dwar l-użu tal-garanzija tal-UE u dwar il-funzjonament tal-Fond ta' Garanzija. Dan jirriżulta minn rekwiżit separat ta' rappurtar tar-Regolament dwar il-FEIS (45). Dan huwa rilevanti għall-bidla proposta tar-rata ta' provvediment għall-Fond ta' Garanzija (ara l-paragrafu 34) iżda mhux għal elementi oħra tal-proposta.

24.

F'Settembru 2016, bħala komplement għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, il-BEI ħareġ l-evalwazzjoni proprja tiegħu dwar il-funzjonament tal-FEIS (kif meħtieġ bl-Artikolu 18(1) tar-Regolament dwar il-FEIS). L-evalwazzjoni tal-BEI tindirizza l-punt sa fejn il-FEIS huwa mfassal u jopera b'mod li jwassal għall-ksib tal-effetti mistennija minnu, u ma tinkludiex valutazzjoni tal-eżiti u l-impatt tal-FEIS, fis-sens strett tal-kelma. Hija tkopri l-portafoll sottostanti ta' operazzjonijiet tal-FEIS (inklużi l-addizzjonalità u l-eliġibbiltà), l-arranġamenti ta' governanza u l-istrutturi organizzazzjonali, u l-proċeduri u l-linji gwida rilevanti għall-proġetti (46). Il-BEI jiddikjara li għadu kmieni wisq biex din l-evalwazzjoni tipprovdi ġudizzju definittiv dwar il-prestazzjoni tal-FEIS (47).

25.

Il-Kummissjoni impenjat lilha nfisha wkoll, fil-Memorandum ta' Spjegazzjoni tal-Proposta (48), li tipprovdi evalwazzjoni indipendenti tal-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-FEIS f'Novembru 2016. L-evalwazzjoni indipendenti se tkopri wkoll il-funzjonament tal-FEIS, l-użu tal-garanzija tal-UE, u l-EIAH, u se tibbaża fuq ir-riżultati kemm tal-evalwazzjoni interna tal-Kummissjoni kif ukoll ta' dik tal-BEI.

Konklużjonijiet

26.

Il-Proposta tniedet mingħajr valutazzjoni komprensiva tal-impatt (għat-tieni darba), u kmieni wisq biex jitkejjel l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-FEIS u biex tintlaħaq konklużjoni dwar jekk il-FEIS huwiex qed jilħaq l-objettivi tiegħu. B'mod partikolari, l-informazzjoni kien imissha kopriet:

l-istrumenti finanzjarji eżistenti (u s-setturi u l-benefiċjarji mmirati);

it-trikkib bejn l-istrumenti u l-FEIS;

l-allinjament mal-objettivi ta' politika tal-UE;

l-ambitu għat-tnaqqis tal-frammentazzjoni tal-istrumenti;

il-ġestjoni tar-riskju (u r-rappurtar dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti għall-baġit tal-UE).

27.

L-Evalwazzjoni tal-Garanzija ma segwietx il-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar. Ebda waħda mit-tliet evalwazzjonijiet imsemmija hawn fuq ma tivvaluta l-eżiti u l-impatt tal-FEIS, billi ma għaddiex biżżejjed żmien biex dawn ikunu jistgħu jiġu identifikati u/jew imkejla (49) (ara wkoll il-paragrafu 8). Minħabba fit-twaqqit hemm ftit li xejn, jekk hemm, indikaturi makroekonomiċi disponibbli biex jitkejjel l-impatt tal-FEIS. Aħna nfissru dubju fuq it-tneħħija tad-dispożizzjoni li torbot il-kontinwazzjoni, il-modifikazzjoni, jew it-terminazzjoni tal-FEIS mar-riżultati ta' evalwazzjoni indipendenti (ara l-paragrafu 8).

Il-provvediment propost tal-Fond ta' Garanzija huwa f'konformità mal-istima aġġornata tat-telf mistenni

Il-Fond ta' Garanzija

28.

Għall-fini li jiġi pprovdut“marġini ta' likwidità li minnu l-BEI għandu jitħallas fil-każ ta' talba mill-garanzija tal-UE” (50), il-leġiżlaturi tal-UE waqqfu Fond ta' Garanzija (51). Ir-Regolament attwali dwar il-FEIS jissettja l-ammont fil-mira, tal-Fond ta' Garanzija, f'livell ta' 50 % tat-total tal-obbligi ta' Garanzija tal-UE (EUR 8 biljun). Fil-Memorandum ta' Spjegazzjoni għall-proposta inizjali (52), il-Kummissjoni tispjega li din ir-rata fil-mira ġiet stabbilita abbażi tal-“esperjenza dwar in-natura tal-investimenti li għandhom jiġu appoġġati mill-FEIS”.

Impatt fuq il-baġit tal-UE

29.

Il-ksib tal-provvediment fil-mira, ta' 50 %, kien ifisser tnaqqis tal-infiq ippjanat matul il-perjodu 2014-2022 fuq għotjiet taħt is-CEF b'EUR 2,8 biljun, għall-Orizzont 2020 b'EUR 2,2 biljun, kif ukoll użu ta' EUR 3 biljun minn marġnijiet mhux allokati taħt il-limitu massimu għall-infiq tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP).

30.

Pagamenti mill-baġit tal-UE se jiffinanzjaw dan il-fond matul il-perjodu sal-2022. F'Diċembru 2015, il-Kummissjoni impenjat EUR 1,4 biljun (53) għall-pagamenti favur il-fond. Sat-30 ta' Ġunju 2016 il-Kummissjoni kienet diġà ħallset EUR 380 miljun għal ġol-Fond ta' Garanzija (mill-pagamenti ppjanati ta' EUR 500 miljun fl-2016), li ġew investiti f'bonds. Ma sar ebda appell fuq il-fond (54).

31.

Barra minn hekk, jekk l-iżborżamenti jilħqu l-livell fil-mira, il-FEIS potenzjalment se jirriżulta f'obbligazzjoni mhux iffinanzjata ta' madwar EUR 8 biljun għall-baġit tal-UE (minbarra l-ammont ta' EUR 8 biljun kopert mill-Fond ta' Garanzija).

Telf mistenni u ħtiġijiet ta' provvediment

32.

Il-Kummissjoni tipproponi li taġġusta r-rata fil-mira, tal-Fond ta' garanzija tal-UE, minn 50 % għal 35 % (55) tat-total tal-obbligi ta' garanzija tal-UE, u hija tappoġġa din il-konklużjoni fl-Evalwazzjoni tal-Garanzija tagħha.

33.

Ibbażat fuq id-39 operazzjoni għall-IIW li l-BEI ffirma sat-30 ta' Ġunju 2016 u fuq id-data storika għall-istrumenti taħt it-Tisħiħ tas-SMEW, kif ukoll il-bidliet proposti għas-sottotieqa tad-dejn tas-SMEW (ara l-paragrafu 15), il-Kummissjoni kkalkulat rata medja ta' provvediment ta' 33,4 % (56). Il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-kalkoli tat-telf mistenni għall-portafolli differenti fuq suppożizzjonijiet li hija vvalutat bħala “konservattivi”.

34.

It-tnaqqis tar-rata fil-mira bi 15-il punt perċentwali huwa aġġustament li se jimminimizza r-riskju li l-ammont imqiegħed fil-Fondi ta' Garanzija jeċċedi t-telf li jintrefa' mill-Fond ta' Garanzija. Madankollu, dan għalhekk se jżid ukoll ir-riskju li l-ammont li jitqiegħed fil-Fond ta' Garanzija mhuwiex se jkun biżżejjed u li appelli ulterjuri fuq il-baġit se jkunu meħtieġa. Il-Kummissjoni spjegat is-suppożizzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-proposta li qed tagħmel.

Konklużjonijiet

35.

Il-ħolqien tal-FEIS u tal-Fond ta' Garanzija b'rata fil-mira ta' 50 % llimita l-flessibbiltà baġitarja fil-QFP 2014-2020 billi naqqas il-marġnijiet mhux allokati taħt il-limitu massimu għall-infiq tal-QFP. Barra minn hekk, tnaqqsu l-baġits ippjanati għal Orizzont 2020 u għas-CEF. Għadu kmieni wisq biex tiġi vvalutata l-ispiża ta' opportunità ta' dan it-tnaqqis li dwar ntlaħaq qbil fl-2015, billi l-Kummissjoni għadha mhijiex f'pożizzjoni li tivvaluta l-impatt tal-FEIS, ta' Orizzont 2020 jew tas-CEF. [Li kieku l-Kummissjoni adottat l-istess suppożizzjonijiet għall-proposta inizjali bħalma qed tadotta issa għall-proposta emendata, l-impatt tal-finanzjament tal-Fond ta' Garanzija mill-baġit tal-UE matul dawn l-aħħar sentejn kien ikun aktar baxx.]

36.

Bil-bidliet proposti, it-total potenzjali tal-obbligazzjoni għall-baġit tal-UE se tilħaq EUR 26 biljun (li minnhom madwar EUR 9 biljun għandhom jiġu koperti mill-Fond ta' Garanzija). L-obbligazzjonijiet potenzjali se jippersistu matul il-ħajja tal-portafoll ta' investiment.

Hemm ir-riskju li l-impatt tal-FEIS jiġi eżaġerat

Fil-proposta, l-addizzjonalità hija ddefinita f'termini ġenerali

Kriterji

37.

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar il-FEIS jiddefinixxi l-“addizzjonalità” (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1: Addizzjonalità — l-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar il-FEIS bil-bidliet proposti (bil-korsiv)

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “addizzjonalità” tfisser is-sostenn mill-FEIS ta' operazzjonijiet li jindirizzaw fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet subottimali ta' investiment, u li ma setgħux jitwettqu fil-perjodu li matulu tista' tintuża l-garanzija tal-UE, jew mhux fl-istess miżura, mill-BEI, il-FEI jew taħt strumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni mingħajr is-sostenn tal-FEIS. Proġetti sostnuti mill-FEIS għandhom tipikament ikollhom profil tar-riskju ogħla minn proġetti sostnuti minn operazzjonijiet normali tal-BEI u l-portafoll tal-FEIS għandu ġeneralment ikollu profil ta' riskju ogħla mill-portafoll tal-investimenti sostnuti mill-BEI permezz tal-politiki ta' investiment normali tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Il-proġetti sostnuti mill-FEIS, filwaqt li jippruvaw joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli, għandhom jitqiesu li jipprovdu addizzjonalità jekk ikollhom riskju korrispondenti għall-attivitajiet speċjali tal-BEI, kif definit fl-Artikolu 16 tal-Istatut tal-BEI u fil-linji gwida tal-BEI dwar il-politika tar-riskju tal-kreditu.

Sabiex in-nuqqasijiet tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali jiġu indirizzati aħjar, attivitajiet speċjali tal-BEI appoġġati mill-FEIS għandu tipikament ikollhom karatteristiċi bħal subordinazzjoni, parteċipazzjoni fi strumenti għall-kondiviżjoni tar-riskju, karatteristiċi transfruntiera, skopertura għal riskji speċifiċi jew aspetti identifikabbli oħrajn, kif deskritt f'aktar dettall fl-Anness II.

Proġetti tal-BEI li jkollhom riskju aktar baxx mir-riskju minimu f'attivitajiet speċjali tal-BEI jistgħu wkoll ikunu sostnuti mill-FEIS jekk l-użu tal-garanzija tal-UE tkun mitluba tiżgura (ikun mitlub jiżgura) addizzjonalità kif definit fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Il-proġetti apoġġati mill-FEIS li jikkonsistu f'infrastruttura fiżika li torbot żewġ Stati Membri jew aktar jew mill-estensjoni tal-infrastruttura fiżika jew mis-servizzi marbuta ma' infrastruttura fiżika minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru wieħed jew aktar minn wieħed, għandhom ukoll jiġu kkunsidrati li jipprovdu l-addizzjonalità.

Impatt fuq il-Grupp tal-BEI

38.

Matul il-perjodu ta' implimentazzjoni tal-FEIS, il-BEI jistenna (57) li jżomm il-volumi ta' self li nkisbu wara ż-żieda fil-kapital tal-2013 (58) (ara l-Graff 2). Il-FEIS se jkollu impatt kbir fuq l-Attivitajiet Speċjali  (59) tal-BEI, li huma mistennija jiżdiedu minn EUR 6,4 biljun fl-2015 (60) għal bejn EUR 16-il biljun u EUR 20 biljun kull sena (li minnhom madwar EUR 2,5 biljun kull sena jkunu operazzjonijiet b'riskju proprju tal-BEI) (61).

Graff 2

Volumi storiċi ta' self tal-Grupp tal-BEI, kif ukoll dawk imbassra

Image

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq il-Pjanjiet Korporattivi tal-Operat tal-BEI (PKO) għall-2015-2017 u għall-2016-2018.

39.

L-Artikolu 5(1) jiddikjara li l-proġetti appoġġati mill-FEIS “għandhom jitqiesu li jipprovdu addizzjonalità jekk ikollhom riskju korrispondenti għall-attivitajiet speċjali tal-BEI”. Fuq din il-bażi, il-BEI jqis li l-Attivitajiet Speċjali tiegħu appoġġati mill-FEIS huma de facto addizzjonali (62), mingħajr ebda rekwiżit li jiġi ddimostrat li dawn (i) jindirizzaw fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet subottimali ta' investiment u (ii) ma setgħux jitwettqu (jew mhux sal-istess punt) mill-BEI, mill-FEI jew taħt strumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni mingħajr l-appoġġ tal-FEIS f'dak il-perjodu. Taħt l-Artikolu 5(1), il-FEIS jista' jappoġġa wkoll proġetti bi profil tar-riskju aktar baxx (eż. self tradizzjonali/normali tal-BEI aktar milli Attivitajiet Speċjali). F'dan il-każ, il-proġetti jridu jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti ta' addizzjonalità.

40.

Il-BEI jikklassifika l-operazzjonijiet bħala “Attivitajiet Speċjali” fuq il-bażi ta' għadd ta' fatturi bħall-affidabbiltà tal-kreditu tal-mutwatarju, il-valur tal-garanziji pprovduti, id-durata tas-self, il-kumplessità tal-istrutturi ta' finanzjament, u l-operazzjonijiet tat-tip ta' ekwità. L-operazzjonijiet kollha tal-FEIS iffirmati taħt l-IIW sat-30 ta' Ġunju 2016 għandhom l-istatus ta' Attivitajiet Speċjali. Il-BEI jqis ukoll l-operazzjonijiet kollha taħt is-SMEW bħala konsistenti mad-definizzjoni ta' Attivitajiet Speċjali fis-CRPG.

41.

Fir-rapport ta' evalwazzjoni tiegħu, il-BEI jinnota li jista' jkun hemm sitwazzjonijiet fejn il-profil tar-riskju tal-operazzjonijiet ma jkunx jirrifletti l-addizzjonalità, jiġifieri setgħu tqiesu strutturi alternattivi (inklużi strutturi inqas riskjużi). Madankollu, ir-rapport ikompli biex jgħid li fil-prattika l-BEI jindirizza l-kriterji l-aktar komprensivi għall-addizzjonalità għall-Attivitajiet Speċjali tiegħu, u b'hekk imur lil hinn mir-rekwiżit tar-Regolament dwar il-FEIS (63).

Proposta tal-Kummissjoni rigward id-definizzjoni ta' Addizzjonalità

42.

Il-Kummissjoni tipproponi l-kjarifika, fl-Artikolu 5 u fl-Anness II tar-Regolament dwar il-FEIS, il-karatteristiċi li jkunu jwasslu lill-BEI biex jikkwalifika operazzjoni bħala Attività Speċjali u wkoll biex il-Kumitat ta' Investiment jippubblika l-prinċipji ġustifikattivi għad-deċiżjonijiet li japprovaw l-użu tal-Fond ta' Garanzija (64), b'fokus fuq il-konformità mal-kriterju tal-addizzjonalità.

43.

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li, mid-definizzjoni tagħhom, il-proġetti transkonfinali jitqiesu bħala addizzjonali (65).

Konklużjonijiet u proposti

44.

Hemm riskju li l-użu li l-BEI jagħmel mill-istatus ta' Attività Speċjali bħala effettivament ekwivalenti għall-addizzjonalità, ikkombinat mal-pressjoni biex tintlaħaq il-mira tal-investiment, jista' joħloq inċentiv biex jintużaw strutturi ta' finanzjament li huma kumplessi bla meħtieġ jew biex jiġi allokat profil tar-riskju li ma jikkorrispondix mar-riskju reali tal-operazzjoni. Aħna se neżaminaw din il-kwistjoni fix-xogħol tal-awditjar għal rapport speċjali fil-futur.

45.

L-introduzzjoni tar-referenza għal “infrastruttura fiżika li torbot żewġ Stati Membri jew aktar jew mill-estensjoni tal-infrastruttura fiżika jew mis-servizzi marbuta ma' infrastruttura fiżika minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru wieħed jew aktar minn wieħed” tkompli tikkumplika d-definizzjoni ta' addizzjonalità.

46.

Aħna nipproponu:

li jiġi kkjarifikat li jenħtieġ li l-proġetti kollha appoġġati mill-FEIS jissodisfaw il-kriterji ta' addizzjonalità fl-ewwel paragrafu tad-definizzjoni ta' addizjonalità (ara l-Kaxxa 1) u li jenħtieġ li l-bażi għal din il-valutazzjoni tiġi ddokumentata;

li d-definizzjoni tal-addizzjonalità tinżamm sempliċi u ġenerali billi jiġu evitati referenzi għal każijiet speċifiċi bħall-infrastruttura fiżika.

Il-kalkolu tal-effett multiplikatur jassumi li ebda investiment ma jsir mingħajr il-FEIS

Kriterji

47.

Id-determinazzjoni tal-ammonti mmobilizzati minn investimenti pubbliċi hija sfida. Madankollu, il-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp tal-OECD ppropona metodoloġija (66) mmirata lejn l-iżolament tal-kontribuzzjoni tal-investimenti pubbliċi fil-mobilizzazzjoni ta' fondi addizzjonali. L-elementi ewlenin jingħataw fil-qosor hawn taħt:

Għal garanzija pprovduta fuq selfa li tiffinanzja proġett, jitqies li l-ammont immobilizzat huwa s-selfa garantita biss; kwalunkwe finanzjament addizzjonali minbarra s-selfa ma jitqiesx bħala ingranat mill-garanzija.

Għal selfiet sindakati, l-ammont immobilizzat jiġi attribwit għall-investitur pubbliku u għall-organizzatur tas-selfa sindikata fuq bażi prorata; fi kliem ieħor, tiġi rikonoxxuta l-kontribuzzjoni tal-organizzatur minflok ma jitqies li l-ammont kollu kemm hu li ġie mmobilizzat jkun dovut għall-investitur pubbliku.

Għal investimenti ta' ekwità, l-ammonti mmobilizzati mill-investitur pubbliku jeskludu kwalunkwe investiment preċedenti; u, fejn ikunu involuti ħafna investituri pubbliċi, l-ammonti mmobilizzati mis-settur privat huma attribwibbli għal kull wieħed minn dawn l-investituri fuq bażi prorata.

Investiment stmat li jiġi mmobilizzat mill-FEIS

48.

Il-punt sa fejn il-FEIS jimmobilizza fondi addizzjonali jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-“Metodoloġija Multiplikatriċi tal-FEIS” (67) tal-Bord ta' Tmexxija. L-element ċentrali ta' din il-metodoloġija huwa l-Ispiża tal-Investiment fil-Proġett (PIC). Għas-selfiet ta' investiment u l-investimenti ta' ekwità diretta, il-PIC titkejjel l-ewwel nett bħala l-ispiża totali tal-proġett iddefinita fil-ftehim ta' self tal-BEI, skont il-metodoloġija normali tal-BEI li, anke wara xi aġġustamenti, tieħu inkunsiderazzjoni l-finanzjament fl-intier tiegħu li jsir disponibbli għall-proġett fl-istess perjodu mal-FEIS. Madankollu, jekk il-finanzjament tal-BEI/tal-FEIS ikun assoċjat ma' parti waħda biss tal-proġett, allura huwa mistenni li l-ispiża tal-investiment tkun ugwali għal dik il-parti tal-proġett li magħha jkun assoċjat il-finanzjament.

49.

Definizzjoni simili ta' ingranaġġ u approċċ simili għall-istimar tal-effett multiplikatur intużat għal strumenti finanzjarji li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Għal strumenti mmaniġġjati b'mod ċentrali, mill-2013 'il hawn ir-Regolament Finanzjarju jiddefinixxi l-ingranaġġ bħala “[…] l-ammont ta' finanzjament mogħti lil riċevituri finali eliġibbli, diviż bl-ammont tal-kontribuzzjoni mill-Unjoni” (68). Fir-Rapport Speċjali Nru 19/2016 tagħna, aħna nnutajna li waqt il-kalkolu tal-investiment addizzjonali mmobilizzat mill-istrumenti finanzjarji, l-indikaturi jista' jiġi ddikjarat b'mod eċċessiv billi mhux is-sorsi kollha ta' finanzjament attirati minn proġetti huma r-riżultat tal-kontribuzzjoni mill-UE (69).

Konklużjonijiet u proposti

50.

Ir-riskju huwa li l-effett multiplikatur tal-FEIS jiġi ddikjarat b'mod eċċessiv, b'mod partikolari għall-proġetti ta' investiment li l-investituri jkunu impenjaw lilhom infushom għalihom, jew proġetti li jkunu jagħmlu parti minn programmi nazzjonali li kienu jeżistu jew tħabbru saħansitra qabel ma tnieda l-FEIS.

51.

Aħna nipproponu:

l-allinjament tal-“Metodoloġija Multiplikatriċi tal-FEIS” mal-metodoloġija ssuġġerita mill-OECD, inkluż biex jittieħed kont tal-każijiet deskritti fil-paragrafu 50;

l-iżvilupp ulterjuri tal-metodoloġija biex jiġu koperti l-istrutturi u l-prodotti ta' finanzjament li ma kinux fis-seħħ meta l-metodoloġija attwali ġiet stabbilita; u

l-użu tal-metodoloġija l-ġdida għall-produzzjoni tal-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni għall-FEIS li juri l-kapital privat attirat.

Hemm lok għal kjarifika u titjib ta' għadd ta' aspetti tal-governanza u t-trasparenza tal-FEIS

52.

Din it-taqsima tippreżenta l-fehmiet tagħna dwar għadd ta' proposti tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-qafas legali, il-governanza u t-trasparenza tal-FEIS.

Dispożizzjonijiet dwar attivitajiet esklużi u ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx

53.

Aħna nappoġġaw il-proposta tal-Kummissjoni għall-inklużjoni ta' dispożizzjoni dwar l-evitar tat-taxxa (70) bħala mezz ta' tisħiħ ta' aspett ewlieni tal-qafas legali. Aħna nqisu li din id-dispożizzjoni hija f'konformità mar-rakkomandazzjoni tagħna fir-Rapport Speċjali Nru 19/2016.

Hemm ħtieġa rikonoxxuta li tittieħed azzjoni dwar l-iżbilanċi ġeografiċi u l-konċentrazzjoni settorjali

Kriterji

54.

Ma hemmx kwoti ġeografiċi jew settorjali għall-FEIS, u l-appoġġ għall-proġetti huwa xprunat mid-domanda. Minkejja dan, il-linji gwida tal-FEIS dwar l-investiment jirrikjedu li “tiġi evitata konċentrazzjoni settorjali jew ġeografika eċċessiva” (71) u li l-Orjentazzjoni Strateġika tal-FEIS tissettja l-limiti għal dawn il-konċentrazzjonijiet (72). Il-konċentrazzjonijiet ġeografiċi u settorjali, ripartiti skont il-volum ta' operazzjonijiet iffirmati li ġew appoġġati mill-garanzija tal-UE, huma tnejn mill-indikaturi ewlenin ta' monitoraġġ għall-FEIS (73).

Użu tal-FEIS sa issa

55.

Ir-rapport ta' evalwazzjoni tal-BEI (74) jinnota l-iżbilanċi ġeografiċi (75) u l-konċentrazzjonijiet settorjali (76) fil-portafoll tal-IIW. Il-finanzjament taħt l-IIW huwa kkonċentrat (63 %) fi tliet Stati Membri (77). Ma hemmx limiti ta' konċentrazzjoni ssettjati għas-SMEW, iżda erba' Stati Membri (78) jirrappreżentaw 44 % tal-finanzjament.

56.

Ir-rapport ta' evalwazzjoni tal-BEI (79), kif ukoll studji reċenti oħra (80), jindika bħala kawżi potenzjali l-fokus fuq it-tnedija veloċi tal-FEIS u fuq l-ilħuq tal-mira ta' investiment ta' EUR 315-il biljun, li jinċentivizza lill-BEI biex jipprijoritizza proġetti faċilment bankabbli f'pajjiżi bi swieq finanzjarji żviluppati, li għandhom il-kapaċità li jużaw l-istrumenti finanzjarji u li jistrutturaw proġetti ta' riskju għoli.

57.

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll (81) li r-rwol tal-EIAH jiġi ddefinit mill-ġdid fir-rigward tat-tħejjija tal-proġetti, il-fokus fuq proġetti relatati mal-azzjoni klimatika, u l-kontribut tiegħu għall-ksib tad-diversifikazzjoni settorjali u ġeografika, kif ukoll l-appoġġ konsultattiv li jipprovdi fil-livell lokali.

58.

Il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi l-agrikoltura, is-sajd u l-akkwakultura bħala eliġibbli għall-appoġġ mill-FEIS (82). Iżda proġetti li huma adatti għall-finanzjament taħt il-FEIS jistgħu jkunu eliġibbli wkoll għall-appoġġ taħt il-FAEŻR. Ir-Rapport Speċjali Nru 5/2015 tagħna dwar l-Istrumenti Finanzjarji fil-qasam tal-Iżvilupp Rurali kkonkluda li, sa dak iż-żmien, l-istrumenti finanzjarji li huma disponibbli taħt il-FAEŻR kienu ġew kapitalizzati b'mod eċċessiv u ma kellhomx suċċess.

Konklużjonijiet

59.

Aħna nilqgħu l-proposta tal-Kummissjoni li din tieħu azzjoni dwar l-iżbilanċi fl-użu tal-fondi. L-EIAH għandu rwol ewlieni fl-indirizzar tal-iżbilanċi ġeografiċi u settorjali iżda għadu kmieni wisq biex tintlaħaq fehma dwar l-effettività tal-EIAH inġenerali u f'dan ir-rigward inpartikolari.

60.

Ibbażat fuq l-esperjenza preċedenti u l-eżistenza ta' sorsi alternattivi ta' finanzjament, aħna nfissru dubju fuq il-finanzjament tal-FEIS għal proġetti fis-setturi tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-akkwakultura.

Jenħtieġ li tiġi kkjarifikata l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat għal proġetti li jikkombinaw il-finanzjament mill-FEIS u mill-fondi strutturali

61.

Riżorsi mogħtija direttament mill-BEI waqt l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-FEIS ma jikkostitwixxux Għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1) TFUE, u l-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tapprova l-finanzjament mill-FEIS taħt ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat (83). Minkejja dan, il-proġetti appoġġati mill-FEIS jistgħu jibbenefikaw ukoll minn kofinanzjament mill-Istati Membri tal-UE, inkluż permezz tal-fondi SIE (84) li, dment li ma jingħatawx fuq termini tas-suq, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li għandha tiġi approvata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-qafas tagħha ta' għajnuna mill-Istat (85).

62.

Aħna nissuġġerixxu li jiġi kkjarifikat it-trattament, għal skopijiet ta' għajnuna mill-Istat, ta' operazzjonijiet tal-FEIS li jiġu kkofinanzjati minn fondi li jinsabu taħt il-kontroll tal-Istati Membri, inklużi l-Fondi SIE.

Ħtieġa rikonoxxuta għal governanza aktar ċara u aktar issimplifikata

Kriterji

63.

Biex il-FEIS jiffunzjona b'mod effettiv, huwa essenzjali li jkollu arranġamenti ta' governanza ssimplifikati li jiddefinixxu b'mod ċar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-BEI, u ta' dawk maħtura minnhom, fil-proċess deċiżjonali tal-FEIS, b'biżżejjed provvediment għall-iżgurar tal-indipendenza u l-evitar ta' kunflitti ta' interess.

Arranġamenti ta' goverananza tal-FEIS

64.

L-istruttura ta' governanza tal-FEIS (86) hija magħmula minn: Bord ta' Tmexxija, Kumitat ta' Investiment, Direttur Amministrattiv u Viċi Direttur Amministrattiv (ara l-Anness I). L-istruttura ta' governanza tal-FEIS hija addizzjonali għall-organizzazzjoni u l-ġestjoni taċ-ċiklu ta' proġetti tal-BEI u mhuwiex mistenni li din tinterferixxi mal-proċess deċiżjonali tal-Grupp tal-BEI (87).

Il-Bord ta' Tmexxija

65.

Il-Bord ta' Tmexxija tal-FEIS inħoloq formalment f'Lulju 2015. L-evalwazzjoni tal-BEI enfasizzat li tlieta mill-erba' Membri tal-Bord ta' Tmexxija jagħmlu wkoll parti mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI jew tal-FEI u li f'din il-kapaċità, huma għandhom sehem fl-approvazzjoni tal-istrateġiji u l-proġetti tal-BEI jew tal-FEI, inkużi l-proġetti tal-FEIS (88).

66.

L-evalwazzjoni tal-BEI tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rappurtar, l-obbligu ta' rendikont u l-interazzjoni ġenerali bejn id-Direttur Amministrattiv (89) u l-Bord ta' Tmexxija jistgħu jittejbu (90).

Il-Kumitat ta' Investiment

67.

Il-Bord ta' Tmexxija ffinalizza l-għażla tal-membri tal-Kumitat ta' Investiment f'Diċembru 2015 u l-Kumitat ilu jopera minn Jannar 2016. Matul il-perjodu ta' tranżizzjoni bejn Lulju 2015 u Jannar 2016, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligi tal-Kumitat ta' Investiment u tat l-awtorizzazzjoni tagħha biex l-istrumenti tal-FEI u l-proġetti li ġew approvati mill-Bord tal-BEI jiġu inklużi fil-portafoll garantit tal-FEIS. L-indipendenza u n-nuqqas ta' kunflitt ta' interess huma rekwiżiti ewlenin għall-membri tal-Kumitat ta' Investiment (91).

68.

Fiċ-ċiklu ta' proġett, il-Kumitat ta' Investiment jintervieni bejn l-approvazzjoni li tingħata mill-Kumitat Maniġerjali tal-BEI u l-approvazzjoni li tingħata mill-Bord tal-BEI għall-operazzjoni ta' approvazzjoni tal-garanzija tal-UE għall-operazzjonijiet tal-BEI. Għal dan il-għan, il-Kumitat ta' Investiment juża tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi (92) titħejja mis-servizzi tal-BEI għal kull proġett (ara l-paragrafi 78 u 79).

69.

Il-lista tad-deċiżjonijiet kollha tal-Kumitat ta' Investiment li jirrifjutaw l-użu tal-garanzija tal-UE għandha tiġi ppreżentata darbtejn f'sena mill-BEI lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, suġġett għal rekwiżiti stretti ta' kunfidenzjalità (93). Il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI kkonfermaw li sat-30 ta' Ġunju 2016 ma kien sar ebda rifjut. Madankollu, fi ħdan l-IIW, tliet operazzjonijiet ġew ikkanċellati (inkluża waħda wara l-iffirmar), u fi ħdan it-tieqa tas-SMEW operazzjoni waħda ġiet abbandunata.

Konklużjonijiet

70.

Aħna nilqgħu l-proposta tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet (94) relatati man-notifika ta' kunflitt ta' interess għall-membri tal-Kumitat ta' Investiment.

71.

Aħna ninnutaw ukoll li l-evalwazzjoni mill-BEI tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jenħtieġ li r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-korpi governattivi tal-FEIS jiġu kkjarifikati u ssimplifikati aktar, billi huma kumplessi.

72.

Attwalment, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-BEI għandhom bosta rwoli differenti fir-rigward tal-FEIS u t-tnejn li huma għandhom firxa wiesgħa ta' responsabbiltajiet oħra. Il-Kummissjoni timmaniġġja l-Fond ta' Garanzija u hija rrappreżentata fil-Bord ta' Tmexxija tal-FEIS, li huwa responsabbli għall-issettjar tal-orjentazzjonijiet strateġiċi tal-FEIS u għall-għażla u l-ħatra tal-Kumitat ta' Investiment. Il-Kummissjoni hija wkoll membru tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI u għalhekk tiġi kkonsultata qabel ma l-BEI japprova kull operazzjoni ta' finanzjament u ta' investiment (95). Fl-istes ħin, il-BEI huwa rrappreżentat fil-Bord ta' Tmexxija tal-FEIS u u huwa responsabbli wkoll għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-FEIS.

73.

Dawn l-interrelazzjonijiet kumplessi bejn il-Kummissjoni u l-BEI, u l-persuni maħtura rispettivi tagħhom fi ħdan il-proċess deċiżjonali tal-FEIS, jagħmluha diffiċli li jiġi stabbilit, għall-iskopijiet ta' obbligu ta' rendikont, min għandu responsabbiltà fl-aħħar mill-aħħar lejn l-awtoritajiet baġitarji u leġiżlattivi tal-UE għall-prestazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju tar-FEIS, kif ukoll li jiġu indentifikati kunflitti potenzjali ta' interess bejn ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-FEIS u dawk mhux relatati mal-FEIS.

Jenħtieġ li l-għażla tal-operazzjonijiet tal-FEIS tkun aktar trasparenti

Kriterji

74.

Huwa essenzjali li l-għażla tal-operazzjonijiet tal-FEIS titwettaq — u tkun tidher li qed titwettaq — b'mod indipendenti, miftuħ u trasparenti, mhux tal-inqas biex tiġi ddimostrata l-addizjonalità tal-investimenti mwettqa.

75.

Il-Parlament Ewropew enfasizza (96) l-ħtieġa li l-FEIS jiffunzjona b'mod effettiv, kompletament trasparenti u ġust f'konformità mal-kriterji tal-mandat u r-regolament tiegħu, u rrakkomanda li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Parlament u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri u li dawn jissorveljaw mill-qrib l-operazzjonijiet tal-FEIS. Huwa insista wkoll fuq il-ħtieġa li jintlaħqu l-ogħla livelli ta' trasparenza u ta' obbligu ta' rendikont istituzzjonali billi jiġi żgurat li jkun hemm divulgazzjoni pubblika proattiva ta' informazzjoni baġitarja li tkun eżawrjenti u soda, kif ukoll aċċess għad-data finanzjarja relatata mal-proġetti ffinanzjati mill-BEI.

Trasparenza tal-operat tal-Bord ta' Tmexxija u tal-Kumitat ta' Investiment

76.

L-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEIS jirrikjedi mill-Bord ta' Tmexxija li dan jiddivulga l-minuti tal-laqgħat tiegħu u li l-Kumitat ta' Investimenti jippubblika u jagħti aċċess għad-deċiżjonijiet li japprovaw l-użu tal-garanzija tal-UE. Dawn jiġu ppubblikati (97).

77.

Id-deċiżjonijiet ippubblikati tal-Kumitat ta' Investiment jinkludu biss deskrizzjoni bażika tal-operazzjonijiet tal-FEIS li ġew approvati. Huma ma jispjegawx ir-raġuni għalfejn ingħatat il-garanzija tal-UE, jew l-addizzjonalità jew il-valur miżjud tal-UE ta' operazzjoni partikolari.

78.

Ir-Regolament dwar il-FEIS jispeċifika li “t-tabella ta' valutazzjoni […] tintuża mill-Kumitat ta' Investiment biex tiżgura li tiġi stabbilita evalwazzjoni indipendenti u trasparenti tal-użu potenzjali tal-garanzija tal-UE” (98).

79.

It-tabelli ta' valutazzjoni għall-operazzjonijiet approvati ma jiġux ippubblikati u l-BEI ippubblika biss informazzjoni bażika (xi kultant skaduta) fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-FEIS. Dan joħloq kemm problemi ta' obbligu ta' rendikont kif ukoll problemi ta' trasparenza.

Konklużjonijiet

80.

Aħna nilqgħu l-proposti li:

jenħtieġ li d-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta' Investiment tal-FEIS jipprovdu r-raġunijiet għall-għoti ta' appoġġ taħt il-garanzija tal-UE, b'fokus partikolari fuq il-konformità mal-kriterju tal-addizzjonalità (99);

jenħtieġ li t-tabelli ta' valutazzjoni għall-operazzjonijiet tal-FEIS taħt il-garanzija tal-UE (100) jiġu ppubblikati malli jiġu ffirmati.

Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-11 ta' Novembru 2016.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President


(1)  COM(2016) 597 final tal-14 ta' Settembru 2016.

(2)  Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1) (“Ir-Regolament dwar il-FEIS”).

(4)  SWD(2016) 297 final/2 tat-22 ta' Settembru 2016 u SWD(2016) 298 final tal-14 ta' Settembru 2016.

(5)  ĠU C 121, 15.4.2015, p. 1.

(6)  SWD(2016) 297 final/2.

(7)  Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament dwar il-FEIS, kien meħtieġ li l-Kummissjoni tħejji l-Evalwazzjoni tal-Garanzija u tippreżentaha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-5 ta' Jannar 2017, flimkien ma' opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri.

(8)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/99/UE (ĠU L 50, 20.2.2014, p. 22).

(9)  In-nota 10 f'qiegħ il-paġna ta' SWD(2016) 297 final/2, p. 7.

(10)  L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament dwar il-FEIS.

(11)  Il-BEI, “Evaluation of the functioning of the European Fund of Strategic Investments (EFSI)” (Evalwazzjoni tal-funzjonament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)), Settembru 2016 (“evalwazzjoni tal-BEI”).

(12)  http://ec.europa.eu/smart-regulation/guidelines/toc_guide_en.htm.

(13)  L-Artikolu 1(5) tal-Proposta, li jemenda l-Artikolu 9(3) tar-Regolament dwar il-FEIS.

(14)  L-Artikoli 1(1) u 1(7) tal-Proposta, li jemendaw l-Artikoli 4(2) u 11(1) rispettivament tar-Regolament dwar il-FEIS.

(15)  L-Artikolu 1(10) tal-Proposta, li jħassar l-Artikolu 18(7) tar-Regolament dwar il-FEIS.

(16)  L-Artikolu 1(7) tal-Proposta, li jemenda l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEIS.

(*1)  Ibbażat fuq ir-rapporti l-aktar reċenti ta' implimentazzjoni li kienu disponibbli.

(*2)  Ibbażat fuq il-proposta li jiġu trasferiti EUR 500 miljun mill-istrumenti finanzjarji tas-CEF għall-provvediment tal-Fond ta' Garanzija tal-FEIS kif ukoll EUR 1,15 biljun għall-għotjiet (SWD(2016) 299 final tal-14 ta' Settembru 2016, p. 23).

(*3)  Ibbażat fuq l-emenda li ġiet proposta għar-Regolament dwar il-FEIS.

(17)  Għall-istrumenti finanzjarji tal-FEŻR u tal-FSE, it-total tal-kontribuzzjoni korrispondenti mill-UE li tħallas fil-31 ta' Diċembru 2015 ammonta għal EUR 11,6 biljun, li minnhom EUR 8,5 biljun (73 %) biss waslu għand il-benefiċjarji finali. Dawn l-ammonti jikkorrispondu għal perjodu ta' implimentazzjoni ta' disa' snin (2007-2015) (EGESIF_16-0011-00, Summary of data on the progress made in financing and implementing financial engineering instruments reported by the managing authorities in accordance with Article 67(2)(j) of Council Regulation (EC) No 1083/2006 (Sommarju tad-data dwar il-progress li sar fil-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta' inġinerija finanzjarja rrappurtat mill-awtoritajiet maniġerjali skont l-Artikolu 67(2)(j) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006) (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25–78), p. 66).

(18)  Ir-Rapport Speċjali Nru 5/2015 (http://eca.europa.eu).

(19)  Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 aħna stmajna li l-baġit indikattiv għall-istrumenti finanzjarji f'ġestjoni indiretta jammonta għal EUR 7,4 biljun (Rapport Annwali għas-sena finanzjarja 2015, il-Figura 2.10 (ĠU C 375, 13.10.2016)).

(20)  Fil-31 ta' Diċembru 2014 il-kontribuzzjoni kumplessiva tal-UE għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 għall-istrumenti finanzjarji taħt ġestjoni indiretta ammontat għal kważi EUR 3,8 biljun (bl-esklużjoni ta' faċilitajiet ta' kombinament) (COM(2015) 565 final tat-13 ta' Novembru 2015, p. 4).

(21)  Ir-Rapport Speċjali Nru 19/2016 u r-Rapport Speċjali Nru 5/2015 (http://eca.europa.eu).

(22)  SWD(2016) 299 final tal-14 ta' Settembru 2016, p. 24.

(23)  L-allokazzjoni tal-fondi għal dan l-istrument tista' titla' sa EUR 8,5 biljun mill-kontribuzzjoni tal-FEŻR u tal-FAEŻR fil-livell tal-UE (l-Artikolu 39 tas-CPR).

(24)  Fir-rigward tal-SMEs biss, l-istrument jista' jipprovdi garanziji bla limitu massimu għall-portafolli tad-dejn jew jista' jiffinanzja operazzjonijiet permezz ta' titolizzazzjoni.

(25)  L-InnovFin SMEG (il-Faċilità ta' garanzija ta' Orizzont 2020), li tibbenefika mit-Tisħiħ tal-FEIS taħt is-SMEW, hija waħda minn dawk li jieħdu r-riskju fl-Inizjattiva għall-SMEs.

(26)  L-evalwazzjoni tal-BEI, it-Tabella 2, p. 5.

(27)  Taħt l-IIW, l-użu tal-Garanzija tal-UE kien limitat għal EUR 13,5 biljun (EUR 11-il biljun bħala l-ewwel biċċa telf għas-sottoportafoll tad-Dejn u EUR 2,5 biljun għal operazzjonijiet tat-tip tal-ekwità) u EUR 2,5 biljun mir-riżorsi proprji tal-BEI għal investimenti pari passu f'operazzjonijiet ta' ekwità.

(28)  Barra minn hekk, fir-Rapport Operazzjonali tal-FEIS f'Nofs is-Sena, fid-data tar-rapportar tat-30 ta' Ġunju 2016, il-BEI jistma li sat-30 ta' Ġunju 2017 il-Kumitat ta' Investiment (IC) se japprova l-użu tal-garanzija tal-UE għall-finanzjament ta' operazzjonijiet tal-IIW għall-ammont addizzjonali ta' EUR 14,5 biljun.

(29)  Taħt is-SMEW, EUR 1,25 biljun tal-Garanzija tal-UE ġew allokati għat-tisħiħ ta' operazzjonijiet ta' garanzija taħt il-COSME LGF (il-Faċilita ta' Garanzija ta' Self tal-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u Medji) u taħt l-Innovfin SMEG, u EUR 1,25 biljun ġew allokati għall-portafoll ta' ekwità. Il-garanzija ta' EUR 1,25 biljun għall-portafoll ta' ekwità tas-SMEW se tibda tintuża fit-tieni nofs tal-2016 għall-Prodott ta' Ekwità tas-SMEW li għadu kemm ġie żviluppat. Barra minn hekk, il-BEI alloka għall-FEI l-ammont ta' EUR 2,5 biljun mir-riżorsi proprji tiegħu għall-mandat tar-Riżorsi għall-Kapital għar-Riskji (RCR).

(30)  Ir-Rapport Operazzjonali tal-FEIS f'Nofs is-Sena fid-data tar-rapportar tat-30 ta' Ġunju 2016.

(31)  Il-Kummissjoni tistma li l-FEI se juża l-garanzija tal-UE allokata għall-portafoll tad-dejn tas-SMEW sa tmiem l-2017 (SWD(2016) 297 final/2, p. 17).

(32)  Inizjalment, EUR 1,25 biljun tal-Garanzija tal-UE ġew allokati għat-Tisħiħ tal-COSME LFG u għall-Innovfin SMEG.

(33)  L-Artikolu 7(3) tal-ftehim “Amendment and Restatement Agreement of the Management of the European Fund for Strategic Investments and on the granting of the EU guarantee” (Ftehim dwar l-Emenda u r-Ridikjarazzjoni tal-Ġestjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u dwar l-għoti tal-garanzija tal-UE) (“il-Ftehim rivedut dwar il-FEIS”).

(34)  Il-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI).

(35)  L-Artikolu 1(5) tal-Proposta li jemenda l-Artikolu 9(3) tar-Regolament dwar il-FEIS.

(36)  It-Taqsima 1 tal-Anness għall-Proposta li jemenda t-Taqsima 2 tal-Anness II tar-Regolament dwar il-FEIS.

(37)  L-evalwazzjoni tal-BEI, il-Figura 9, p. 30.

(38)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar — Aġenda tal-UE” (COM(2015) 215 final tad-19 ta' Mejju 2015).

(39)  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-4988_en.htm.

(40)  Fil-każ speċifiku tal-komunikazzjonijiet ta' politika, ir-rekwiżit li titwettaq valutazzjoni tal-impatt (u l-profondità tal-analiżi tagħha) se jiddependi primarjament mil-livell ta' ambizzjoni u mill-grad ta' impenn ippjanat, kif ukoll minn kemm dan ikun jorbot lill-Kummissjoni. Pereżempju, komunikazzjonijiet li jħabbru impenji ambizzjużi (pereżempju strateġija ta' 10 snin biex jintlaħqu ċerti miri ambjentali) x'aktarx li se jkunu jirrikjedu valutazzjoni tal-impatt, minħabba li l-impatti ta' impenn bħal dan x'aktarx ikunu sinifikanti u diġà identifikabbli b'mod wiesa' fi stadju tant ġenerali ta' tfassil ta' politika. (http://ec.europa.eu/smart-regulation/guidelines/tool_5_en.htm).

(41)  http://ec.europa.eu/smart-regulation/guidelines/ug_chap6_en.htm.

(42)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: “L-Ewropa tinvesti mill-ġdid — Rendikont tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u l-passi li jmiss” (COM(2016) 359 final tal-1 Ġunju 2016).

(43)  Il-Bord ta' Tmexxija tal-FEIS organizza l-ewwel konsultazzjoni tal-partijiet interessati fis-7 ta' Settembru 2016, b'aktar minn 30 parteċipant (is-soċjetà ċivili, gruppi ta' riflessjoni u assoċjazzjonijiet privati u tas-settur bankarju). Ġew organizzati diskussjonijiet f'panels li jkopru kemm oqsma bħall-implimentazzjoni tal-FEIS taħt l-IIW u s-SMEW kif ukoll l-Orjentazzjoni Strateġika tal-FEIS.

(44)  L-Opinjoni Nru 4/2015, il-paragrafu 10.

(45)  L-Artikolu 18(2) tar-Regolament dwar il-FEIS.

(46)  L-evalwazzjoni tal-BEI, it-Taqsima 1.3, p. 3.

(47)  Is-Sommarju Eżekuttiv tal-evalwazzjoni tal-BEI.

(48)  COM(2016) 597 final tal-14 ta' Settembru 2016, p. 6.

(49)  http://ec.europa.eu/smart-regulation/guidelines/toc_guide_en.htm.

(50)  L-Artikolu 12 tar-Regolament dwar il-FEIS .

(51)  Fil-21 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2016) 165 li tapprova l-linji gwida għall-ġestjoni tal-assi tal-Fond ta' Garanzija.

(52)  COM(2015) 10 final tat-13 ta' Jannar 2015, p. 5.

(53)  Dan l-ammont ġie rriallokat mil-linji baġitarji tas-CEF (EUR 790 miljun), ta' Orizzont 2020 (EUR 70 miljun), u tal-ITER (EUR 490 miljun).

(54)  SWD(2016) 297 final/2, p. 17.

(55)  L-Artikolu 1(8) tal-Proposta li jemenda l-Artikolu 12(5) tar-Regolament dwar il-FEIS.

(56)  SWD(2016) 297 final/2, it-Tabella 4, p. 19.

(57)  Il-Pjan Korporattiv tal-Operat tal-BEI għall-2015-2017.

(58)  Fil-31 ta' Diċembru 2012 l-Istati Membri approvaw żieda ta' EUR 10 biljun f'kapital imħallas totalment biex il-BEI jkun jista' jipprovdi sa EUR 60 biljun f'self addizzjonali fuq terminu twil għal proġetti ekonomikament vijabbli: Matul il-perjodu 2013-2015, b'riżultat taż-żieda fil-kapital, il-volumi ta' self tal-BEI żdiedu minn EUR 51 biljun fl-2012 għal aktar minn EUR 70 biljun kull sena.

(59)  Attivitajiet Speċjali huma ddefiniti fl-Artikolu 16 tal-Istatut tal-BEI u fil-Linji Gwida dwar il-Politika ta' Riskju ta' Kreditu (CRPG) tal-BEI, u jinkludu (i) operazzjoni ta' self u ta' garanzija bi klassifikazzjoni tas-self ta' D- jew aktar baxxa; (ii) operazzjonijiet ta' ekwità u tat-tip ta' ekwità.

L-Attivitajiet Speċjali jinkludu operazzjonijiet b'riskju proprju tal-BEI (riskju ogħla) u operazzjonijiet koperti minn portafoll ta' mitigazzjoni tar-riskju ta' kreditu (kondiviżjoni tar-riskju) għal strumenti eżistenti (eż. l-FFQR, is-CEF, eċċ.) u għall-FEIS.

(60)  Ir-Rapport Finanzjarju tal-BEI għall-2015, p. 10.

(61)  Il-Pjan Korporattiv tal-Operat tal-BEI għall-2016-2018, p. 14.

(62)  L-evalwazzjoni tal-BEI, p. 23.

(63)  L-evalwazzjoni tal-BEI, p. 16.

(64)  L-Artikolu 1(4) tal-Proposta, li jemenda l-Artikolu 7(12) tar-Regolament dwar il-FEIS.

(65)  L-Artikolu 1(2) tal-Proposta, li jemenda l-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar il-FEIS.

(66)  L-OECD, “Methodologies to measure amounts mobilised from the private sector by official development finance interventions” (Metodoloġiji għall-kejl ta' ammonti mmobilizzati mis-settur privat permezz ta' interventi uffiċjali ta' finanzjament għall-iżvilupp), DCD/DAC/STAT(2015)8, l-24 ta' Frar 2015.

(67)  EFSI Multiplier Methodology Calculation (Il-Kalkolu tal-Metodoloġija Multiplikatriċi tal-FEIS), is-26 ta' Ottubru 2015 (http://www.eib.org/attachments/strategies/efsi_steering_board_eif_efsi_multiplier_methodology_calculation_en.pdf).

(68)  L-Artikolu 223 tar-regoli ta' applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju.

(69)  Ir-Rapport Speċjali Nru 19/2016, il-paragrafu 70.

(70)  L-Artikolu 1(12) tal-Proposta, li jissostitwixxi l-Artikolu 22(1) tar-Regolament dwar il-FEIS.

(71)  L-Anness II għar-Regolament dwar il-FEIS, it-Taqsima 8.

(72)  EFSI Strategic Orientation (L-Orjentazzjoni Strateġika tal-FEIS), il-15 ta' Diċembru 2015, tissettja limitu ta' 45 % għall-konċentrazzjoni ġeografika tal-IIW fi kwalunkwe wieħed minn tliet Stati Membri, kif ukoll limitu indikattiv ta' 30 % għall-konċentrazzjoni settorjali matul il-perjodu ta' investiment. (http://www.eib.org/attachments/strategies/efsi_steering_board_efsi_strategic_orientation_en.pdf).

(73)  L-Iskeda II tal-Ftehim rivedut dwar il-FEIS.

(74)  L-evalwazzjoni tal-BEI, it-Taqsimiet 2.2 u 2.3.

(75)  92 % tal-finanzjament tal-FEIS huwa kkonċentrat fl-UE-15, u 8 % fl-UE-13.

(76)  46 % tal-finanzjament tal-FEIS huwa allokat għas-settur tal-enerġija u 19 % għas-settur tat-trasport.

(77)  Ir-Renju Unit (29 % jew EUR 1 369 miljun), l-Italja (24 % jew EUR 1 152 miljun) u Spanja (10 % jew EUR 470 miljun).

(78)  L-Italja (15 % jew EUR 903 miljun), Franza (11 % jew EUR 623 miljun), il-Ġermanja (10 % jew EUR 586 miljun) u r-Renju Unit (8 % jew EUR 488 miljun).

(79)  L-evalwazzjoni tal-BEI, it-Taqsima 2.2, p. 7.

(80)  Rubio, E., Investment in Europe: making the best of the Juncker plan (L-investiment fl-Ewropa: nagħmlu l-aħjar użu mill-pjan Juncker), Delors Institute, Pariġi, Berlin, 2016, p. 49-50.

(81)  L-Artikolu 1(9) tal-Proposta, li jemenda l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar il-FEIS.

(82)  L-Artikolu 1(5) tal-Proposta li jemenda l-Artikolu 9 tar-Regolament dwar il-FEIS.

(83)  L-Iskeda informattiva tal-KE “The Investment Plan for Europe: Questions and Answers” (Il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa: Mistoqsijiet u Tweġibiet), datata l-20 ta' Lulju 2015.

(84)  Ara r-Rapport Speċjali Nru 24/2016 (http://eca.europa.eu).

(85)  ABER, FIBER u GBER (ara l-Anness II).

(86)  L-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEIS.

(87)  Il-Premessa 29 tar-Regolament dwar il-FEIS.

(88)  L-evalwazzjoni tal-BEI, p. 26-27.

(89)  Li jippresiedi l-Kumitat ta' Investiment.

(90)  L-evalwazzjoni tal-BEI, p. 26.

(91)  L-Artikolu 7(9) tar-Regolament dwar il-FEIS u l-Artikolu 5(12) tal-Ftehim rivedut dwar il-FEIS.

(92)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1558 tat-22 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bit-tfassil ta' tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi għall-applikazzjoni tal-Garanzija tal-UE (ĠU L 244, 19.9.2015, p. 20).

(93)  L-Artikolu 7(12) tar-Regolament dwar il-FEIS.

(94)  L-Artikolu 1(4) tal-Proposta, li jemenda l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEIS.

(95)  L-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI.

(96)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) — ir-Rapport Annwali 2014 (2015/2127(INI)).

(97)  http://www.eib.org/efsi/governance/efsi-steering-board/minutes.htm;

http://www.eib.org/efsi/governance/efsi-investment-committee/decisions.htm.

(98)  L-Anness II ta-Regolament dwar il-FEIS, it-Taqsima 5.

(99)  L-Artikolu 1(4) tal-Proposta, li jemenda l-Artikolu 7(12) tar-Regolament dwar il-FEIS.

(100)  L-Artikolu 1(14) tal-Proposta, li jemenda l-Anness II tar-Regolament dwar il-FEIS.


ANNESS I

STRUTTURA TA' GOVERNANZA TAL-FEIS

IL-BORD TA' TMEXXIJA

L-Artikolu 7(3) tar-Regolament dwar il-FEIS u l-Artikolu 4 tal-Ftehim dwar il-FEIS

Huwa fih erba' membri, tlieta maħtura mill-Kummissjoni u wieħed mill-BEI. Il-President tal-Bord ta' Tmexxija jinħatar minn fost ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni.

Il-Bord ta' Tmexxija jieħu d-deċiżjonijiet b'kunsens, bi kworum meħtieġ ta' żewġ membri tal-Kummissjoni u l-Memru tal-BEI.

Il-Bord ta' Tmexxija tal-FEIS jiddetermina d-direzzjoni strateġika dwar l-użu tal-garanzija tal-UE, inkluż dwar l-allokazzjoni tal-garanzija tal-UE, il-politiki u l-proċeduri operattivi, u l-profil tar-riskju tal-FEIS.

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-FEIS, il-Bord ta' Tmexxija tal-FEIS jixtabbilixxi wkoll limiti ta' konċentrazzjoni settorjali u ġeografiċi indikattivi, jagħti gwida dwar l-allokazzjoni tal-operazzjonijiet, jaġġusta l-varjetà tal-proġetti fir-rigward tas-setturi u l-pajjiżi, jeżamina fuq bażi regolari l-progress fuq l-implimentazzzjoni tal-FEIS kif ukoll ir-rappurtar operazzjonali u finanzjarju annwali dwar l-Operazzjonijiet tal-FEIS, jaħtar lill-membri tal-Kumitat ta' Investiment, jagħżel il-kandidati għall-karigi ta' Direttur Amministrattiv u Viċi Direttur Amministrattiv, jieħu deċiżjonijiet dwar id-daqs tal-Ewwel Biċċa Telf tal-Portafoll, jispeċifika l-politiki u jiddeċiedi dwar il-parteċipazzjoni ta' partijiet terzi fil-FEIS, japprova b'mod konġunt mad-Direttur Amministrattiv, wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta' Investiment, il-Prodotti tas-SMEW u jwettaq kompiti oħra speċifikati fil-Ftehim dwar il-FEIS.

IL-KUMITAT TA' INVESTIMENT

L-Artikolu 7(7) sa 7(12) u l-Artikolu 9(5) tar-Regolament dwar il-FEIS u l-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar il-FEIS.

Il-Kumitat ta' Investiment għandu jkun magħmul minn tmien esperti indipendenti u d-Direttur Amministrattiv. L-esperti indipendenti għandu jkollhom livell għoli ta' esperjenza rilevanti tas-suq fl-istrutturar tal-proġetti u fil-finanzjament tal-proġetti, kif ukoll għarfien espert mikro- u makroekonomiċi.

L-esperti għandu jkollhom esperjenza fl-investiment f'wieħed jew aktar minn dawn l-oqsma: ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni; l-infrastrutturi tat-trasport u t-teknoloġiji innovattivi għat-trasport; l-infrastrutturi tal-enerġija, l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli; l-infrastrutturi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; il-ħarsien u l-ġestjoni tal-ambjent (l-azzjoni klimatika ġiet miżjuda fil-proposta l-ġdida); l-edukazzjoni u t-taħriġ; is-saħħa u l-mediċini; l-SMEs; l-industriji kulturali u kreattivi; il-mobbiltà urbana; l-infrastrutturi soċjali u l-ekonomija soċjali u solidari; (l-agrikoltura, is-sajd u l-akkwakultura ġew miżjuda fil-proposta l-ġdida dwar il-FEIS).

Barra minn hekk, il-Kumitat ta' Investiment għandu jkollu l-bilanċ bejn is-sessi.

L-esperti nħatru mill-Bord ta' Tmexxija tal-FEIS għal terminu fiss ta' sena, li jista' jiġġedded sa terminu massimu ta' sitt snin

Il-Kumitat ta' Investiment huwa presedut mid-Direttur Amministrattiv.

Il-Kumitat jieħu deċiżjonijiet dwar l-użu tal-garanzija tal-UE b'maġġoranza sempliċi fejn kull wieħed mill-membri tiegħu għandu vot wieħed, inkluż id-Direttur Amministrattiv.

Il-Kumitat ta' Investiment jiġi kkonsultat ukoll dwar prodotti ġodda għas-SMEW.

L-approvazzjoni tal-Kumitat ta' Investiment hija meħtieġa biex il-BEI juża l-garanzija tal-UE biex jappoġġa pjattaformi jew fondi ta' investiment u Banek Promozzjonali Nazzjonali jew istituzzjonijiet (veikoli eliġibbli) li jinvestu f'operazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament dwar il-FEIS. Il-Kumitat ta' Investiment għandu jevalwa l-konformità ta' tali veikoli u tal-istrumenti speċifiċi tagħhom mal-politiki speċifikati mill-Bord ta' Tmexxija, u jista' jiddeċiedi li jzomm id-dritt li japprova proġetti ġodda mressqa.

ID-DIRETTUR AMMINISTRATTIV

L-Artikolu 7(5) tar-Regolament dwar il-FEIS u l-Artikolu 6 tal-Ftehim dwar il-FEIS

Id-Direttur Amministrattiv, appoġġat minn Viċi Direttur Amministrattiv u li jrid jagħti rendikont lill-Bord ta' Tmexxija tal-FEIS, huwa responsabbli għall-ġestjoni ta' kuljum tal-FEIS u għat-tħejjija u t-tmexxija tal-laqgħat tal-Kumitat ta' Investiment.

Id-Direttur Amministrattiv huwa responsabbli wkoll għall-approvazzjoni ta' prodotti ġodda li huma fdati lill-FEI, flimkien mal-Bord ta' Tmexxija tal-FEIS f'konsultazzjoni mal-Kumitat ta' Investiment.

Barra minn hekk, huwa responsabbli għall-komunikazzjoni esterna u huwa kelliem għall-FEIS quddiem korpi politiċi u l-pubbliku.


ANNESS II

ABBREVJAZZJONIJIET U REFERENZI

Abbrevjazzjoni

Test sħiħ

Dokument/sit web ta' referenza

ABER

Regolament għall-Eżenzjoni Agrikola Sħiħa

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014

CEF

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

www.ec.europa.eu/inea/en/connecting-europe-facility

PKO

Pjanijiet Korporattivi tal-Operat tal-BEI

http://www.eib.org/infocentre/publications/all/operational-plan-2016-2018.htm

COSME LGF

Faċilita ta' Garanzija ta' Self tal-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi Żgħar u Medji

http://www.eif.europa.eu/what_we_do/guarantees/single_eu_debt_instrument/cosme-loan-facility-growth/index.htm

CPR

Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013

CRPG

(BEI) Linji Gwida dwar il-Politika ta' Riskju ta' Kreditu

http://www.eib.org/about/governance-and-structure/control_and_evaluation/control_credit-risk.htm

FAEŻR

Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali

http://ec.europa.eu/agriculture/cap-funding/financial-reports/eafrd/index_en.htm

FEIS

Fondi Ewropej għall-Investimenti Strateġiċi

Ir-Regolament (UE) 2015/1017

Ir-Regolament dwar il-FEIS

Ir-Regolament (UE) 2015/1017

 

BEI

Bank Ewropew tal-Investiment

www.eib.org

FEI

Fond Ewropew tal-Investiment

www.eif.org

EIAH

Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti

Ir-Regolament (UE) 2015/1017, l-Artikolu 14

FEŻR

Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

http://ec.europa.eu/regional_policy/mt/funding/erdf/

FSE

Fond Soċjali Ewropew

http://ec.europa.eu/esf/home.jsp?langId=mt

FSIE

Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej

http://ec.europa.eu/contracts_grants/funds_mt.htm

UE

Unjoni Ewropea

 

UE-13

L-UE-13 kienet tinkludi t-13-il pajjiż li ġejjin: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Kroazja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja.

 

UE-15

L-UE-15 kienet tinkludi l-15-il pajjiż li ġejjin: il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall, il-Finlandja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit.

 

FIBER

Regolament għall-Eżenzjoni Sħiħa tas-Sajd u l-Akkwakultura

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1388/2014

GBER

Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014

Evalwazzjoni tal-Garanzija

Evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-użu tal-garanzija tal-UE u l-funzjonament tal-Fond ta' Garanzija

SWD(2016) 298 final tal-14 ta' Settembru 2016

H2020

Orizzont 2020

www.ec.europa.eu/programmes/horizon2020/en/what-horizon-2020

IC

Kumitat ta' Investiment (BEI)

 

IIW

(FEIS) Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni

 

ITER

Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali

www.iter.org

QFP

Qafas finanzjarju pluriennali

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013

OECD

Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi

www.oecd.org

PIC

Spiża tal-Investiment fil-Proġett (tal-BEI)

 

Proposta, il-

Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) 2015/1017 fir-rigward tal-estensjoni tad-durata tal-FEIS u l-introduzzjoni ta' titjib tekniku għal dan il-Fond u għall-EIAH

COM(2016) 597 final tal-14 ta' Settembru 2016

RCR

Riżorsi tal-BEI għall-Kapital għar-Riskji

http://www.eif.org/what_we_do/resources/rcr/index.htm

FFQR

Faċilità Finanzjarja bil-Qsim tar-Riskju

 

SME

Intrapriżi żgħar u medji

 

SMEG

Garanziji tal-UE għall-intrapriżi żgħar u medji

http://www.eif.org/what_we_do/guarantees/cip_portfolio_guarantees/

SMEW

(FEIS) Tieqa għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEW)

 

TEAEC

Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

 

Trattat jew TFUE

Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 


Top