15.12.2015
|
MT
|
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
|
C 417/46
|
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-ħiliet motorji, l-attivitajiet fiżiċi u sportivi għat-tfal (1)
(2015/C 417/09)
IL-KUNSILL TAL-UE U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI
|
I.
|
FILWAQT LI JFAKKRU FL-ISFOND POLITIKU KIF DESKRITT FL-ANNESS KIF UKOLL F'DAN LI ĠEJ
1.
|
Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2012 dwar “il-promozzjoni tal-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa. (HEPA)” (2) li jissottolinjaw li “permezz tal-benefiċċji tagħha fir-rigward tal-prevenzjoni, it-trattament u r-riabilitazzjoni, l-attività fiżika għandha benefiċċji għal kull età”.
|
2.
|
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2013 dwar il-promozzjoni transettorjali ta' attività fiżika favur is-saħħa (3), li stiednet lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki transettorjali u strateġiji integrati li jinvolvu l-isport, l-edukazzjoni, is-saħħa, it-trasport, l-ambjent, l-ippjanar urban u setturi rilevanti oħra u ssottolinjat li “L-edukazzjoni fiżika fl-iskola għandha potenzjal li tkun għodda effettiva biex iżżid is-sensibilizzazzjoni tal-importanza tal-HEPA, u l-iskejjel jistgħu jkunu mira faċli u effettiva biex jiġu implimentati attivitajiet f'dan ir-rigward”.
|
3.
|
It-tieni Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2014–2017) (4), adottat fil-21 ta' Mejju 2014, li identifika l-prassi ta' attività fiżika favur is-saħħa kif ukoll għall-edukazzjoni u t-taħriġ fl-isport bħala temi prijoritarji tal-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tal-isport u li stabbilixxa l-grupp ta' esperti dwar il-HEPA biex tiġi inkoraġġuta l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel, inklużi ħiliet motorji fit-tfulija bikrija, u biex jinħolqu interazzjonijiet ta' valur mas-settur tal-isport, l-awtoritajiet lokali u s-settur privat.
|
|
|
II.
|
JIRRIKONOXXU LI
4.
|
L-importanza tal-logħob u r-rikreazzjoni fil-ħajja tat-tfal kollha ilha żmien twil rikonoxxuta mill-komunità internazzjonali. Il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) tal-1989 tiddikjara b'mod espliċitu fl-Artikolu 31 li l-Istati Parti jirrikonoxxu d-dritt tat-tfal għall-mistrieħ u l-ħin liberu, li jieħdu sehem fil-logħob u attivitajiet rikreattivi adatti għall-età tat-tfal u li jipparteċipaw b'mod liberu fil-ħajja kulturali u fl-arti. [traduzzjoni mhux uffiċjali] L-attivitajiet kollha għat-tfal, inklużi l-attivitajiet sportivi u l-edukazzjoni fiżika, għandhom dejjem isiru f'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal.
|
5.
|
Il-Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika (5) indikaw li d-drawwiet ta' kuljum tat-tfal żgħar inbidlu fis-snin reċenti minħabba xejriet ġodda tal-ħin liberu (it-televiżjoni, l-Internet, logħob vidjo, smartphones, eċċ.) u li dan wassal biex tonqos l-attività fiżika tagħhom. Barra minn hekk, restrizzjonijiet ta' ħin, soċjali u baġitarji, bidliet fl-istil ta' ħajja jew nuqqas ta' faċilitajiet sportivi adatti fil-viċinanzi jistgħu wkoll jispjegaw din it-tendenza. Il-Linji Gwida tal-UE enfasizzaw li kien hemm tħassib konsiderevoli dwar jekk l-attività fiżika fost it-tfal u ż-żgħażagħ ġietx sostitwita b'attivitajiet aktar sedentarji.
|
6.
|
Minkejja t-tendenza ġenerali li l-tfal ikunu fiżikament attivi, l-attività fiżika tagħhom naqset matul l-aħħar għoxrin sena. Din il-bidla tikkoinċidi mar-rati li qed jiżdiedu ta' piż żejjed u obeżità fit-tfulija u problemi tas-saħħa jew diżabbiltajiet fiżiċi bħal mard muskoloskeletali. Skont estimi mill-Inizjattiva ta' Sorveljanza tal-Obeżità fit-Tfal (COSI) tad-WHO, fl-UE madwar tifel/tifla 1 minn kull 3 tal-età bejn 6 u 9 snin kienu jbatu minn piż żejjed jew obeżità fl-2010 (6). Din hija żieda inkwetanti mill-2008, meta l-estimi kienu wieħed minn kull 4 (7). Fil-pajjiżi industrijalizzati, għal tfal taħt l-età ta' 5 snin il-prevalenza tal-piż żejjed u l-obeżità żdiedet minn 8 % fl-1990 għal 12 % fl-2010 u mistennija tilħaq l-14 % sal-2020 (8). In-nuqqas ta' attività fiżika għandha wkoll effetti negattivi fuq is-sistemi tas-saħħa u l-ekonomija b'mod ġenerali. Huwa stmat li kull sena madwar 7 % tal-baġits nazzjonali għas-saħħa fl-UE kollha jintefqu fuq mard marbut mal-obeżità (9).
|
7.
|
Sabiex jiġu evitati dawn il-problemi ta' saħħa u żvilupp fit-tfulija, it-tfal kollha (inklużi tfal b'diżabilità) għandhom jiġu mħeġġa jkunu fiżikament attivi. Is-snin tal-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal (ECEC) huma importanti għax il-ħiliet bażiċi jiġu żviluppati f'dak iż-żmien. Permezz tal-logħob u l-attività fiżika, it-tfal jitgħallmu u jipprattikaw ħiliet li jiġu bżonn matul ħajjithom. Dan il-proċess ta' tagħlim imsejjaħ żvilupp ta' ħiliet motorji mhux dejjem jiżviluppa b'mod naturali. Għalhekk il-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni u l-ħolqien ta' opportunitajiet għat-tfal biex ikunu fiżikament attivi huma tal-akbar importanza.
|
8.
|
Id-WHO reċentement identifikat l-attività fiżika insuffiċjenti bħala r-raba' fattur ta' riskju ewlieni għal mortalità prematura u l-mard fuq skala globali (10). Il-benefiċċji tal-attività fiżika huma magħrufa sew. L-attività fiżika hija waħda mill-aktar modi effettivi għall-prevenzjoni ta' mard li ma jitteħidx u għall-ġlieda kontra l-obeżità, u biex jinżamm stil ta' ħajja sana (11). Hemm ukoll evidenza li qiegħda tiżdied dwar il-korrelazzjoni pożittiva bejn l-eżerċizzju u l-proċessi tas-saħħa mentali u konjittivi (12).
Ir-rapporti tad-WHO (13) wrew li l-involviment f'attività sportiva jew fiżika regolari, moderata sa intensa (14) (tal-anqas 60 minuta kuljum għal tfal fl-età tal-iskola u 3 sigħat għal tfal fil-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal) joħloq predispożizzjoni fuq perijodu twil lejn l-attività fiżika li tiżdied matul l-adoloxxenza u l-età adulta (15). Studji wrew ukoll li meta t-tfal jibdew jagħmlu eżerċizzju minn età żgħira, hemm it-tendenza li jkollhom prestazzjoni akkademika aħjar, ikollhom inqas problemi ta' mġiba u dixxiplinarji, u fil-klassi jkunu kapaċi joqogħdu attenti aktar fit-tul mill-pari tagħhom (16).
|
9.
|
L-ambjent edukattiv għandu rwol partikolarment importanti f'dan il-kuntest, hekk kif it-tfal jieħdu sehem f'attività fiżika u sportiva fl-iskola. Għalhekk, l-iskejjel u l-għalliema jiffaċilitaw l-attività fiżika tat-tfal żgħar, flimkien mal-edukaturi fi strutturi tal-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-klabbs sportivi. Għat-tfal, il-ġenituri, il-familja u l-komunità usa' għandhom rwol importanti wkoll.
|
10.
|
Skont l-esperti, attività fiżika xierqa għal tfal taħt it-tnax-il sena għandha tiġi organizzata skont il-grupp ta' età (17). Attivitajiet fil-livell tal-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal u dak primarju jinkludu attivitajiet strutturati u mhumiex li jgħinu lit-tfal jiżviluppaw ħiliet bħall-ġiri, il-qbiż u t-twaddib.
|
11.
|
Xi Stati Membri diġà żviluppaw diversi strateġiji nazzjonali, f'livelli differenti, biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' ħiliet motorji fil-tfulija bikrija u attivitajiet fiżiċi u sportivi għal tfal taħt it-tnax-il sena, l-aktar f'kooperazzjoni mas-settur sportiv u l-klabbs jew federazzjonijiet sportivi (18).
|
12.
|
F'konformità mal-mandat tiegħu, il-Grupp ta' Esperti dwar il-Promozzjoni tal-Attività Fiżika li Ttejjeb is-Saħħa (HEPA XG) ppropona sett ta' rakkomandazzjonijiet f'Ġunju 2015 biex tiġi inkoraġġuta l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel, inklużi l-ħiliet motorji fit-tfulija bikrija.
|
|
|
III.
|
JAPPELLAW LILL-ISTATI MEMBRI TAL-UE BIEX:
13.
|
Jikkunsidraw li jimplimentaw politiki transettorjali, bis-setturi tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u s-saħħa fost l-oħrajn, biex jiġu promossi attivitajiet fiżiċi u ħiliet motorji fit-tfulija bikrija b'kont meħud, b'mod partikolari, tar-rakkomandazzjonijiet li ġejjin tal-HEPA XG:
—
|
Is-sensibilizzazzjoni tal-perijodu qabel jibdew l-edukazzjoni preprimarja u jattendu l-iskola bħala opportunità potenzjali għall-promozzjoni tal-attività fiżika għat-tfal, partikolarment permezz tal-iżvilupp tal-ħiliet motorji bażiċi u l-litteriżmu fiżiku.
|
—
|
Is-sensibilizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha fis-setturi tal-iskola u extrakurrikulari (għalliema. kowċis, ġenituri, eċċ.) dwar l-importanza tal-iżvilupp ta' attivitajiet fiżiċi u sportivi adatti għat-tfal.
|
—
|
Il-bini ta' relazzjonijiet bejn l-iskejjel u l-organizzazzjonijiet rilevanti (is-setturi tal-isport, l-organizzazzjonijiet soċjali u s-settur privat, kif ukoll l-awtoritajiet lokali) biex jippromwovu u jżidu d-disponibbiltà tal-attivitajiet extrakurrikulari.
|
—
|
L-iskejjel jitħeġġu jistabbilixxu qafas ta' kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet sportivi u fornituri sportivi lokali (nazzjonali) oħra bil-ħsieb tal-promozzjoni tal-attivitajiet kemm kurrikulari u extrakurrikulari u l-iżgurar ta' infrastrutturi u tagħmir ta' kwalità għolja u sikuri għall-edukazzjoni fiżika u attivitajiet extrakurrikulari jew ta' wara l-ħin tal-iskola, u dwar l-implimentazzjoni ta' kampanji lokali ta' sensibilizzazzjoni.
|
—
|
Il-konsiderazzjoni ta' inizjattivi li jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet lokali joħolqu l-kondizzjonijiet għall-iżvilupp ta' trasport attiv lejn u mill-iskola.
|
|
14.
|
Iħeġġu u jappoġġaw inizjattivi għall-partijiet interessati involuti kollha (l-għalliema, il-ġenituri, l-iskejjel, klabbs, edukaturi, eċċ.) fuq livelli xierqa mmirati lejn il-promozzjoni ta' attivitajiet fiżiċi u l-ħiliet motorji xierqa.
|
15.
|
Iħeġġu l-isport u l-attività fiżika xierqa minn kmieni fit-tfulija permezz tal-ECEC u l-iskola primarja, skont il-ħtiġijiet speċifiċi u l-etajiet tat-tfal filwaqt li jiġu pprovduti struzzjonijiet ta' gwida lil għalliema/edukaturi.
|
16.
|
Iħeġġu l-użu tas-sensibilizzazzjoni u l-għoti ta' informazzjoni, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, biex jiġi stimulat l-interess fil-ħiliet motorji u l-attivitajiet tal-edukazzjoni fiżika għat-tfal:
|
17.
|
Iħeġġu lill-ġenituri, il-familja u l-komunità inġenerali, biex jieħdu sehem b'mod attiv f'attivitajiet fiżiċi mat-tfal tagħhom bl-użu ta' faċilitajiet xierqa (eż. mogħdijiet tar-roti u żoni rikreattivi sikuri).
|
18.
|
Jikkunsidraw li jappoġġaw inizjattivi biex itejbu l-infrastruttura tal-isport għat-tfal speċjalment fi ħdan l-istituzzjonijiet edukattivi, filwaqt li titrawwem il-kooperazzjoni bejn l-iskejjel u l-klabbs sportivi dwar il-forniment ta' tagħmir u faċilitajiet għat-tfal fuq il-livell lokali.
|
19.
|
Jikkunsidraw li jipprovdu inċentivi lil organizzazzjonijiet u klabbs sportivi, l-iskejjel, l-istabbilimenti edukattivi, iċ-ċentri taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet oħra komunitarji jew volontarji li jippromwovu attivitajiet fiżiċi għat-tfal.
|
|
|
IV.
|
JISTIEDNU LILL-PRESIDENZA TAL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI FIL-LIMITI TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM BIEX:
20.
|
Jieħdu nota tar-rakkomandazzjonijiet ta' HEPA XG bħala bażi għal azzjoni politika ulterjuri kemm fil-livelli tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri, billi dawn jipprovdu fatti bbażati fuq l-evidenza u mogħdijiet prattiċi biex jiġu segwiti.
|
21.
|
Jintensifikaw il-kooperazzjoni bejn l-oqsma ta' politika responsabbli għall-promozzjoni tal-ħiliet motorji u l-edukazzjoni fiżika għat-tfal, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet ta' HEPA XG, b'mod partikolari s-setturi tal-isport, is-saħħa, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u t-trasport.
|
22.
|
Bil-ħsieb tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, jikkunsidraw li jagħtu attenzjoni speċjali lil inizjattivi li jappoġġaw u jippromwovu attivitajiet sportivi bbażati fl-iskola u extrakurrikulari.
|
23.
|
Jippromwovu, fejn adatt, l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' monitoraġġ, studji jew evalwazzjonijiet nazzjonali sabiex jidentifikaw il-livelli ta' attività fiżika u d-drawwiet tat-tfal.
|
24.
|
Jirriflettu dwar kif il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-ħiliet motorji fit-tfulija bikrija u strateġiji biex jiskoraġġixxu l-istili ta' ħajja sedentarji fost it-tfal jistgħu jiġu indirizzati b'mod aktar effettiv fil-kuntest ta' ħidma futura fil-livell tal-UE.
|
25.
|
Iħeġġu appoġġ finanzjarju għal inizjattivi relatati mal-ħiliet motorji u mal-edukazzjoni fiżika permezz ta' programmi eżistenti tal-UE, bħalma huma Erasmus +, u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u jilqgħu aktar informazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' programmi ta' finanzjament tal-UE għall-benefiċċju tal-isport.
|
|
|
V.
|
JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:
26.
|
Tippromwovi u tappoġġa l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar il-ħiliet motorji u l-edukazzjoni fiżika għat-tfal fil-kuntest tal-UE.
|
27.
|
Ittejjeb il-bażi ta' evidenza billi tappoġġa l-ġbir ta' data kwantitattiva u kwalitattiva (19) relatata mal-attività fiżika, l-indikaturi tal-kondizzjoni fiżika u l-parteċipazzjoni fl-isport ta' tfal fi ħdan u barra l-kura u l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija jew fl-iskejjel, b'kooperazzjoni mill-qrib mad-WHO.
|
28.
|
Tiżviluppa linji gwida għall-attività fiżika għat-tfal f'ambjenti ta' kura u edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija, l-iskejjel u l-klabbs sportivi, b'kollaborazzjoni ma' esperti xjentifiċi inkluża d-WHO, li jimmiraw b'mod partikolari lil dawk li jfasslu l-politika, l-awtoritajiet lokali, il-ġenituri, il-familja u l-komunità usa'.
|
|
|
VI.
|
JISTIEDNU LILL-MOVIMENT TAL-ISPORT JIKKUNSIDRA LI:
29.
|
Joffri firxa ta' attivitajiet sportivi mhux kompetittivi adatti għat-tfal, adattati għal-livell xieraq, bil-ħsieb li jtejbu s-saħħa u l-iżvilupp personali tagħhom.
|
30.
|
Jappoġġa l-organizzazzjoni ta' attivitajiet li jippromwovu attivitajiet sportivi ibbażati fl-iskola u extrakurrikulari kif ukoll ħiliet motorji fit-tfulija bikrija, inkluż fil-kuntest tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport.
|
31.
|
Jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' sħubijiet mill-qrib, objettivi konġunti u kampanji ta' komunikazzjoni mal-muniċipalitajiet u l-komunitajiet u s-setturi tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u s-saħħa fost l-oħrajn, dwar il-ġlieda kontra l-istili ta' ħajja sendentarji billi jippromwovu l-isport fl-iskola u barra minnha.
|
32.
|
Jimpenja ruħu aktar għall-promozzjoni tal-isport u inizjattivi ta' attività fiżika li jimmiraw lejn il-ġlieda kontra l-istili ta' ħajja sedentarji tat-tfal permezz ta' sħubijiet u kooperazzjoni mas-settur privat u dak pubbliku.
|
|
(1) Fil-kuntest ta' dawn il-konklużjonijiet, “tfal” tirreferi għal tfal ta' bejn 0 sa12-il sena.
(2) ĠU C 393, 19.12.2012.
(3) ĠU C 354, 4.12.2013.
(4) ĠU C 183, 14.6.2014.
(5) Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika: Azzjonijiet ta' Politika Rakkomandati b'Appoġġ għal Attività Fiżika Favur is-Saħħa. (2008) ġew milqugħa fil-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-laqgħa Informali tal-Ministri tal-UE għall-Isport. http://ec.europa.eu/sport/library/doc/c1/pa_guidelines_4th_consolidated_draft_en.pdf
(6) Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fit-Tfulija 2014-2020 (http://ec.europa.eu/health/nutrition_physical_activity/docs/childhoodobesity_actionplan_2014_2020_en.pdf)
(7) COM(2005)0637.
(8) www.toybox-study.eu.
(9) Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fit-Tfulija 2014-2020.
(10) Rakkomandazzjonijiet Globali dwar l-Attività Fiżika għas-Saħħa, WHO, 2010
(11) Lee IM, Shiroma EJ, Lobelo F, Puska P, Blair SN, Katzmarzyk PT, Lancet Physical Activity Series Working Group. Effect of physical activity on major non-communicable disease worldwide: an analysis of burden of disease and life expectancy 2012 Jul. Lancet.
(12) Strong, WB, RM Malina, CJR Blimkie, SR Daniels, RK Dishman, B Gutin, AC Hergenroeder, A Must, PA Nixon, JM Pivarnik, T Rowland, S Trost, F Trudeau (2005), “Evidence Based Physical Activity for School-Age Youth”, The Journal of Pediatrics, 146(6):732-737.
Dipartiment tas-Saħħa u s-Servizzi Soċjali tal-Istati Uniti. Physical Activity Guidelines Advisory Committee Report, 2008. (http://www.health.gov/paguidelines/Report/pdf/CommitteeReport.pdf.)
Studju mwettaq fl-2011 mill-Università ta' Saint-Gallen.
(13) Rakkomandazzjonijiet dinjija dwar l-Attività Fiżika għas-Saħħa, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, 2010 (http://apps.who.int/iris/bitstream/10665/44399/1/9789241599979_eng.pdf),
Dipartiment tas-Saħħa u s-Servizzi Soċjali tal-Istati Uniti. Physical Activity Guidelines Advisory Committee Report, 2008. (http://www.health.gov/paguidelines/Report/pdf/CommitteeReport.pdf.)
Studju mwettaq fl-2011 mill-Università ta' Saint-Gallen.
(14) eż. Department of Health and Aging: National Physical Activity Guidelines for Australians. Canberra: Commonwealth of Awstralja; 2014 jew UK Physical activity guidelines u National Health Service (NHS) fl-Ingilterra: Physical activity guidelines for children (under five years) (http://www.nhs.uk/Livewell/fitness/Pages/physical-activity-guidelines-for-children.aspx)
(15) G.J. Welk, J.C. Eisenmann, et J. Dolman, “Health-related physical activity in children and adolescents: A bio-behavioural perspective”, The handbook of physical education, eds. D. Kirk, D. Macdonald and M. O'Sullivan, London: Sage Publications Ltd., 2006, p. 665-684
(16) Physical Activity May Strengthen Children's Ability To Pay Attention http://www.sciencedaily.com/releases/2009/03/090331183800.htm and “The Association between school-based physical activity, Including Physical education and academic performance” U.S. Dipartiment tas-Saħħa u s-Servizzi Soċjali, Lulju 2010 http://www.cdc.gov/healthyyouth/health_and_academics/pdf/pa-pe_paper.pdf
(17) Kategoriji proposti mill-kunċett Kanadiż ta' Żvilupp tal-Atleti fuq Perijodu fit-Tul (LTAD).
(18) Pereżempju: Franza u federazzjonijiet multisportivi ((Ufolep, Usep) jew federazzjonijiet unisportivi (ġinnastika jew għawm) b'taħriġ speċjali għal tfal ta' bejn 0-6 snin. Fin-Netherlands jiġu offruti lil trabi li telqu jimxu klassijiet speċjali fi sport bħall-ġinnastika u l-għawm. Fl-Awstrija, il-programm “Move Children Healthily/Kinder gesund bewegen” għandu l-għan li jibni kooperazzjoni bejn il-klabbs sportivi u l-kindergartens/skejjel primarji u biex jippromwovu stil ta' ħajja attiv billi joffri l-attività fiżika għal tfal bejn is-sentejn u l-għaxar snin.
(19) Ibbażata fuq il-qafas ta' monitoraġġ definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-HEPA (26 ta' Novembru 2013).
ANNESS
Sfond Politiku
|
1.
|
Is-Sena Ewropea tal-Edukazzjoni permezz tal-Isport (EYES 2004), li enfasizzat ir-rwol tal-isport fl-edukazzjoni u ġibdet l-attenzjoni għar-rwol soċjali b'firxa wiesgħa tal-isport;
|
|
2.
|
Il-White Paper dwar l-Isport tal-11 ta' Lulju 2007, ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, li insistiet dwar l-importanza tal-attività fiżika u indikat li “Il-ħin mgħoddi f'attivitajiet sportivi l-iskola u l-università jipproduċu benefiċċji edukattivi u ta' saħħa li hemm bżonn li jitjiebu” (1).
|
|
3.
|
L-Istrateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet ta' saħħa marbuta man-nutriment, il-piż żejjed u l-obeżità adottata mill-Kummissjoni Ewropea fl-2007 (2) li inkoraġġiet l-attività fiżika u għamlet bħala prijorità lit-tfal u lill-gruppi soċjoekonomiċi l-aktar baxxi filwaqt li ssottolinjat li “it-tfulija hija perjodu importanti biex tnaqqax preferenza favur drawwiet sani, u sabiex wieħed jitgħallem il-ħiliet meħtieġa biex iżomm stil ta' ħajja sana. L-iskejjel għandhom rwol kruċjali f'dan ir-rigward” (3).
|
|
4.
|
Ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar ir-rwol tal-isport fl-edukazzjoni tat-30 ta' Ottubru 2007 (4) u r-riżoluzzjoni eponima li segwiet u stiednet lill-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti sabiex jiżguraw li jsir aktar enfasi fuq l-iżvilupp tas-saħħa fil-programmi ta' tagħlim fl-iskejjel u qabel l-iskejjel billi jkunu inkoraġġuti forom speċifiċi ta' attività fiżika adattati għall-grupp ta' età msemmi l-aħħar.
|
|
5.
|
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea, datata 18 ta' Jannar 2011, li rrikonoxxiet il-ħtieġa għal “appoġġ[… ta'] inizjattivi innovattivi skont il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja relatat mal-attività fiżika fl-iskola” (5).
|
|
6.
|
Id-“Dikjarazzjoni ta' Berlin” (MINEPS V) adottata mill-Konferenza tal-Ministri għall-Isport fit-28-30 ta' Mejju 2013“li tenfasizza li l-edukazzjoni fiżika hija punt ta' tluq essenzjali biex it-tfal jitgħallmu l-ħiliet tal-ħajja, jiżviluppaw tendenzi għal parteċipazzjoni f'attività fiżika u mġiba ta' stil ta' ħajja san tul il-ħajja” u li “trawwem ir-rwol importanti ta' sport extrakurrikulari inklużiv fl-iskola fl-iżvilupp bikri u fl-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ”.
|
|
7.
|
Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fit-Tfulija 2014-2020 imniedi mill-Kummissjoni Ewropea fl-2014 (6). Fost it-tmien oqsma ewlenin għal azzjoni il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat l-promozzjoni ta' ambjenti aktar sani, speċjalment fl-iskejjel u l-preprimarji, u l-inkoraġġiment ta' attività fiżika.
|
(1) COM(2007) 391 final.
(2) COM(2007) 279 final.
(3) http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/nutrition/documents/nutrition_wp_en.pdf
(4) A6-0415/2007.
(5) COM(2011) 12 final.
(6) 24 ta' Frar 2014 (aġġornat fit-12 ta' Marzu u fit-28 ta' Lulju 2014).