EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC1215(05)

Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mill-Indja

ĠU C 415, 15.12.2015, p. 33–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 415/33


Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mill-Indja

(2015/C 415/11)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika dwar skadenza imminenti (1) tal-miżuri antidumping fis-seħħ dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mill-Indja (“il-pajjiż ikkonċernat”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal rieżami

It-talba tressqet fis-16 ta’ Settembru 2015 minn SGL CARBON GmbH, TOKAI ERFTCARBON GmbH u GrafTech Switzerland S.A. (“l-applikanti”) li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit.

2.   Il-prodott li qed jiġi rieżaminat

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa elettrodi tal-grafit tat-tip użat għal fran tal-elettriku, b’densità apparenti ta’ 1,65 g/cm3 jew aktar u b’reżistenza elettrika ta’ 6,0 μ.ω.m jew inqas, u bżieżel użati għal dawn l-elettrodi, kemm jekk impurtati flimkien kif ukoll jekk b’mod separat li joriġinaw mill-Indja (“il-prodott li qed jiġi rieżaminat”), li bħalissa jaqa’ fil-kodiċi NM ex 8545 11 00 (kodiċi TARIC 8545110010) u ex 8545 90 90 (kodiċi TARIC 8545909010).

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri li bħalissa huma fis-seħħ huma dazju definittiv antidumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1629/2004 (3), kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1354/2008 (4) u kif inhu sostnut mir- Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1186/2010 (5).

4.   Raġunijiet għar-rieżami

It-talba hija msejsa abbażi li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni ta’ dumping u kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

4.1.    Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping

L-allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping għall-Indja hija bbażata fuq paragun tal-prezz domestiku mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta’ dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.

4.2.    Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara

L-applikanti ressqu wkoll evidenza prima facie li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni għadhom sinifikanti f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem fis-suq.

L-evidenza prima facie pprovduta mill-applikanti turi li, fin-nuqqas tal-miżuri, il-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi rieżaminat kien ikollhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa, fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni, li jirriżultaw f’effetti negattivi ulterjuri sostanzjali fuq il-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

L-applikanti pprovdew ukoll evidenza li turi li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni aktarx jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċitajiet sinifikanti mhux użati tal-produtturi esportaturi fl-Indja.

Barra minn hekk, l-applikanti jallegaw li kwalunkwe żieda sostanzjali ulterjuri tal-importazzjonijiet bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat x’aktarx li twassal għal aktar ħsara għall-industrija tal-Unjoni, jekk dawn il-miżuri jitħallew jiskadu.

5.   Proċedura

Wara li ġie ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

5.1.    Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kkunsidrat

L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2014 sat-30 ta’ Settembru 2015 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). L-istħarriġ dwar ix-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2.    Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping

Il-produtturi esportaturi (6) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż ikkonċernat, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.2.1.1.   Proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati fil-pajjiż ikkonċernat

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħrufa fil-pajjiż ikkonċernat, lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż.

Il-produtturi esportaturi u, fejn applikabbli, l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.2.2.   Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati  (7)  (8)

Importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi rivedut mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-importaturi mhux relatati li se jkunu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/kumpanij tagħhom mitluba fl-Anness I ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien għad-dispożizzjoni. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula għall-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.3.    Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-ħsara

Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi rivedut huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.3.1.   Investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet proviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li huwa għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta’ kuntatt mogħtija fit-Taqsima 5.7 hawn taħt). Produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi l-produtturi tal-Unjoni li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom ikunu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-produtturi tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji jkunu finalment intgħażlu biex jiġu inklużi fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.4.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ tkomplija jew ta’ rikorrenza ta’ dumping u ħsara, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma ta’ miżuri antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi jridu juru, fl-istess limitu ta’ żmien, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi rieżaminat.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel il-limitu ta’ żmien ta’ hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata jew f’format ħieles inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F’kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

5.5.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.6.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, sabiex tinstema’ t-talba trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.7.    Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza.

L-informazzjoni ppreżentat lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ hija ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni tagħrif u/jew dejta soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu (a) lill-Kummissjoni tuża t-tagħrif u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristrett” (9).

Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li se jiġu mmarkati bil-kliem “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati tant li jippermettu li l-qofol tat-tagħrif imressaq b’mod kunfidenzjali jinftiehem raġonevolment. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni skenjati, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra rreġistrata. Permezz ta’ ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit webtad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/june/tradoc_152577.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tan-negozju uffiċjali li jiffunzjona u li jiġi kkonsultat kuljum. Ladarba d-dettalji ta’ kuntatt ikunu stabbiliti, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm dawn ma jitolbux speċifikament li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma jkunx jeħtieġ l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate General for Trade

Directorate H

Uffiċċju: CHAR 04/039

1040 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta Elettronika

:

TRADE-R633-GES-DUMPING@ec.europa.eu

TRADE-R633-GES-INJURY@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fit-termini preskrittivi stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

Nuqqas li tingħata risposta kompjuterizzata ma għandhiex titqies li tikkostitwixxi nuqqas ta’ koperazzjoni, sakemm dik il-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tar-risposta kif mitlub tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tat-termini preskrittivi u t-talbiet għas-smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ.

It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal seduta ta’ smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, il-probabbiltà li jissoktaw jew jerġgħu jseħħu d-dumping u l-ħsara, u l-interess tal-Unjoni.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni elettroniċi tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit elettroniku tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

8.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   Possibbiltà li tintalab reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed tingħata bidu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawn il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Jekk xi parti interessata tqis li jkun iġġustifikat li ssir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li ssir reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

10.   Proċessar ta’ dejta personali

Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (10).


(1)  ĠU C 82, 10.3.2015, p. 5.

(2)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1629/2004 tat-13 ta’ Settembru 2004 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja (ĠU L 295, 18.9.2004, p. 10).

(4)  Ir-Regolament tal-kunsill (KE) Nru 1354/2008 tat-18 ta’ Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1682/2004 li jimponi dazju definittiv ta’ kumpens fuq importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja u r-Regolament (KE) Nru 1629/2004 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw fl-Indja (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 24).

(5)  Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1186/2010 tat-13 ta’ Diċembru 2010 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw mill-Indja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 332, 16.12.2010, p. 17).

(6)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi rivedut lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rieżaminat.

(7)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota 3 ta’ qiegħ il-paġna fl-Anness I.

(8)  Id-dejta pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll biex jiġu eżaminati aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, apparti d-determinazzjoni tad-dumping.

(9)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Antidumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(10)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS I

Image

Image


Top