Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC1002(03)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    ĠU C 324, 2.10.2015, p. 33–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.10.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 324/33


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2015/C 324/15)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    DOKUMENT UNIKU

    “COCHINILLA DE CANARIAS”

    Nru tal-UE: ES-PDO-0005-01302 – 22.1.2015

    DOP ( X ) IĠP ( )

    1.   L-isem

    “Cochinilla de Canarias”

    2.   L-Istat Membru jew il-pajjiż terz

    Spanja

    3.   Id-deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   It-tip ta’ prodott

    Klassi 2.12. Kuċċinilja

    3.2.   Id-deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

    Il-“Cochinilla de Canarias” hija materja prima li toriġina mill-annimali u li tinkiseb fil-Gżejjer Kanarji mit-tnixxif naturali tal-adulti femminili ta’ insett emitteru, mill-familja tal-Coccidae, tal-ispeċi Dactylopius coccus (magħruf tradizzjonalment bħala l-kuċċinilja), li jinqabdu mill-pal tal-bajtar tax-xewk (Opuntia ficus indica).

    Il-“Cochinilla de Canarias” għandha l-karatteristiċi fiżiċi li ġejjin:

    Il-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi:

    Għandha għamla solida li hija ffurmata minn ħbub li jikkorrispondu għal insett femminili. Dawn il-ħbub għandhom forma irregolari, ovali u ssegmentata.

    Il-ħbub ivarjaw fid-daqs iżda dejjem ikollhom tul ta’ inqas minn ċentimetru.

    L-umdità: 13 % jew inqas.

    Il-kontenut ta’ aċidu karminiku: minn tal-inqas 19 % f’materja niexfa.

    Il-karatteristiċi organolettiċi:

    Il-konsistenza tal-prodott għandha dehra ramlija u tinħass niexfa.

    Il-kulur ivarja minn firxa ta’ griż skur għal iswed, b’tonalitajiet ħamranin u bajdanin mill-fdalijiet tax-xama’ qotnija li tipproteġi l-ħabba.

    3.3.   L-għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u l-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    Il-kuċċinilja tiekol il-pjanta ospitanti (Opuntia ficus indica, ikklassifikata wkoll bħala Opuntia maxima u Opuntia tomentosa), li ddaħħlet fil-Gżejjer Kanarji qabel is-seklu dsatax u li issa hija speċi naturalizzata fil-gżejjer kollha minħabba l-valur agrikolu tagħha għat-trobbija tal-insett.

    3.4.   Il-passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    Il-passi tal-produzzjoni li jridu jseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita huma dawn li ġejjin:

    It-tkabbir tal-pjanta ospitanti.

    L-inokulazzjoni, l-iżvilupp u l-qbid tal-insett.

    It-tnixxif tal-prodott mgħarbel u t-tħejjija qabel l-ippakkjar.

    3.5.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li għalih jirreferi l-isem irreġistrat

    L-ippakkjar jitwettaq f’boroż tal-ġuta jew ta’ materjal ieħor, preferibbilment ta’ nisġa naturali, li tippermetti l-ventilazzjoni tal-prodott.

    Minħabba l-karatteristiċi tal-kuċċinilja, li hija materja prima li toriġina mill-annimali, li tinkiseb permezz tat-tnixxif naturali tal-insett u li għandha karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi li jispikkaw, l-ippakkjar irid jitwettaq mill-iktar fis possibbli wara t-tnixxif u t-tgħarbil, li hija r-raġuni għalfejn l-ippakkjar tal-prodott aħħari jrid isir fiż-żona ġeografika tal-Gżejjer Kanarji, speċifikament fil-post tal-produzzjoni. B’hekk, bl-għan li tiġi mħarsal-kwalità, tiġi evitata kwalunkwe alterazzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi tal-prodott.

    3.6.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih jirreferi l-isem irreġistrat

    Il-logo Komunitarju tad-“Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta” u l-kliem li jgħidu li l-“Cochinilla de Canarias” hija ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta, iridu jidhru b’mod obbligatorju u ċar fuq it-tikketta.

    4.   Id-deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni tal-kuċċinilja tikkorrispondi għas-seba’ gżejjer tal-arċipelagu tal-Kanarji.

    F’Tenerife, fil-Gran Canaria, f’La Gomera, f’La Palma u f’El Hierro, il-kuċċinilja tiġi prodotta fiż-żoni kostali u fiż-żoni ta’ altitudni medja ta’ mhux iktar minn 1 200 m ‘il fuq mil-livell tal-baħar. Fi Fuerteventura u f’Lanzarote, iż-żona tal-produzzjoni tinkludi r-raba’ kollu ta’ altitudni ta’ inqas minn 600 m ‘il fuq mil-livell tal-baħar.

    5.   Ir-rabta maż-żona ġeografika

    Ir-rabtiet kawżali bejn il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott u l-ambjent ġeografiku huma dawn li ġejjin:

    Il-pożizzjoni ġeografika tal-Gżejjer Kanarji:

    Il-Gżejjer Kanarji jinsabu bejn il-koordinati 27° 37′ u 29° 25′ tal-latitudni tat-Tramuntana u bejn il-koordinati 13° 20′ u 18° 10′ tal-lonġitudni tal-Punent. Din il-pożizzjoni ġeografika tipprovdi l-aħjar kundizzjonijiet għall-iżvilupp tal-“Cochinilla de Canarias”.

    Il-Gżejjer Kanarji jinsabu fil-qilla tal-irjieħ aliżej li jiġu mill-antiċiklun tal-Ażores, li jiġġenera inverżjoni termika b’baħar ta’ sħab u jinħoloq l-effett ta’ serra. Dawn l-irjieħ umdużi jidrataw il-pjanta ospitanti tal-kuċċinilja eżatt kemm hemm bżonn, mingħajr ma jkun hemm umdità ż-żejjed, biex b’hekk jiżviluppaw kemm il-pjanta kif ukoll l-insett.

    Is-sħab li jiġġeneraw l-effett ta’ serra jikkontribwixxu għall-istabbiltà tal-“Kurrent kiesaħ tal-Kanarji”, li jwassal biex il-klima tal-arċipelagu tkun moderata.

    Id-differenza fit-temperatura bejn l-iksaħ xhur u dawk l-iktar sħan hija ta’ inqas minn 10 °C, b’temperaturi li jvarjaw bejn 17-il °C u 25 °C, għajr fil-quċċati tal-muntanji. Dan l-effett ta’ stabbiltà fit-temperaturi jiffavorixxi l-iżvilupp tal-insett b’varjazzjoni fil-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi li tkun ftit li xejn, kif diġà ġie deskritt fil-punt 3.2 ta’ dan id-dokument.

    Il-pożizzjoni ġeografika subtropikali tal-Gżejjer Kanarji, li jirċievu medja ta’ 3 000 siegħa xemx fis-sena, tiżgura li t-tnixxif ikun jista’ jseħħ b’mod naturali, mingħajr sustanzi kimiċi, permezz tal-azzjoni naturali tax-xemx biss.

    Il-ħamrija vulkanika tipika tal-Gżejjer Kanarji hija ta’ kwalità fqira, hija nieqsa mill-materja organika u fiha abbundanza ta’ minerali bażaltiċi. Għandha karatteristiċi fiżiċi u kimiċi li huma speċifiċi ħafna, minħabba li fihom komponenti amorfi jew ikkristallizzati ħażin, fosthom is-silikati tal-aluminju u l-ossidrossidi tal-ħadid u tal-aluminju. Dawn il-komponenti, imsejħa materjali andiċi, jagħtu lill-ħamrija dawn il-karatteristiċi: porożità għolja, densità baxxa, kapaċità kbira ta’ żamma tal-ilma u kapaċità kbira li jiffurmaw mikroaggregati stabbli. Il-pjanti ospitanti li jikbru fuq din il-ħamrija għandhom kontenut baxx tal-ilma u ma għandhomx bżonn wisq rekwiżiti nutrizzjonali, li hija r-raġuni għalfejn il-kuċċinilji li jospitaw għandhom kontenut baxx ta’ umdità (inqas minn 13 %), u b’konsegwenza ta’ dan, għandhom konċentrazzjoni għolja ta’ aċidu karminiku (minn tal-inqas 19 % f’materja niexfa).

    Hemm ukoll fatturi umani inerenti li jikkontribwixxu għall-karatteristiċi tal-“Cochinilla de Canarias”.

    Għad-differenza tal-kuċċinilja li tinkiseb f’territorji oħra, fil-Gżejjer Kanarji jitkabbar tip wieħed ta’ pjanta ospitanti, l-Opuntia ficus indica, u tip wieħed ta’ insett, id-Dactylopius coccus. Kemm il-pjanta ospitanti kif ukoll l-insett adattaw perfettament għall-ambjent ġeografiku.

    Il-passi kollha tal-produzzjoni jitwettqu bl-idejn b’mod artiġjanali, mit-tħawwil tal-kaktus għat-trobbija, il-qbid u t-tnixxif tal-parassita Dan wassal għall-iżvilupp ta’ tekniki u għarfien li ngħaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra, u wassal ukoll biex ifeġġu termini speċifiċi tal-qasam, fosthom “rengues”, “cuchara”, “milana”, “grano”, eċċ.

    Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li għadd ta’ fatturi naturali u storiċi jorbtu l-“Cochinilla de Canarias” mal-ambjent ġeografiku tagħha u mat-tradizzjonijiet u d-drawwiet tal-produtturi tagħha, li b’hekk jagħtuha l-karatteristiċi speċifiċi tagħha.

    Ir-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

    (it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

    http://www.gobiernodecanarias.org/agricultura/icca/Doc/Productos_calidad/PLIEGO_DE_CONDICIONES_DOP_COCHINILLA_DE_CANARIAS.pdf


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


    Top