Wybierz funkcje eksperymentalne, które chcesz wypróbować

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 52015XC1002(01)

    Avviż ta’ informazzjoni dwar it-terminazzjoni tal-inizjattivi diplomatiċi ma’ pajjiżi terzi nnotifikati fis-26 ta’ Novembru 2013 dwar il-possibbiltà li jiġu identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

    ĠU C 324, 2.10.2015, str. 15—15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.10.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 324/15


    Avviż ta’ informazzjoni dwar it-terminazzjoni tal-inizjattivi diplomatiċi ma’ pajjiżi terzi nnotifikati fis-26 ta’ Novembru 2013 dwar il-possibbiltà li jiġu identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

    (2015/C 324/08)

    Il-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) temmet l-inizjattivi diplomatiċi mar-Repubblika tal-Gana fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU) mibdija fis-26 ta’ Novembru 2013 bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/C 346/03 (1) dwar in-notifika lill-pajjiżi terzi li l-Kummissjoni tqis li jistgħu jiġu identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (2) li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ir-Regolament IUU).

    1.   Qafas legali

    Skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-pajjiżi terzi bil-possibbiltà li jiġu identifikati bħala pajjiżi li ma jikkooperawx. Din in-notifika hija ta’ bixra preliminari. In-notifika tal-pajjiżi terzi bil-possibbiltà li jiġu identifikati bħala pajjiżi li ma jikkooperawx hija bbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 31 tar-Regolament IUU.

    Il-Kummissjoni għandha tieħu l-inizjattivi diplomatiċi kollha stipulati fl-Artikolu 32 fir-rigward ta’ dawk il-pajjiżi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tinkludi fin-notifika informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li jsejsu identifikazzjoni bħal din, l-opportunità għal dawk il-pajjiżi biex jirrispondu u jipprovdu evidenza li tikkontradixxi l-identifikazzjoni jew, fejn hu xieraq, pjan ta’ azzjoni għat-titjib u l-miżuri meħuda biex tiġi rrettifikata s-sitwazzjoni.

    Il-Kummissjoni għandha tagħti żmien adegwat lill-pajjiżi terzi kkonċernati sabiex jirrispondu għan-notifika u żmien xieraq biex jirranġaw is-sitwazzjoni.

    2.   Proċedura

    Fis-26 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea nnotifikat lir-Repubblika tal-Gana bil-possibbiltà li tiġi identifikata bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

    Il-Kummissjoni saħqet li sabiex tevita li tiġi identifikata bħala pajjiż li ma jikkooperax; ir-Repubblika tal-Gana tista’ tikkoopera mal-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ proposta ta’ pjan ta’ azzjoni biex jiġu rrettifikati n-nuqqasijiet identifikati.

    Il-Kummissjoni fetħet proċess ta’ djalogu mar-Repubblika tal-Gana. Dan il-pajjiż ppreżenta kummenti orali u bil-miktub li tqiesu u ttieħdu f’kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala meħtieġa.

    Ir-Repubblika tal-Gana introduċiet il-miżuri meħtieġa għall-waqfien tal-attivitajiet tas-sajd IUU identifikati u l-prevenzjoni ta’ kull attività futura bħal din, u rrettifikat kull att jew ommissjoni li twassal għan-notifika tal-possibbiltà li tiġi identifikata bħala pajjiż li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

    3.   Konklużjoni

    Fiċ-ċirkostanzi partikolari u wara li ġew eżaminati l-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-inizjattivi diplomatiċi fil-konfront tar-Repubblika tal-Gana, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolament IUU fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ dmirijiethom imposti fuqhom skont il-liġi internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali u tas-suq u l-azzjonijiet tagħhom biex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd IUU, huma b’dan itterminati. L-awtoritajiet kompetenti rilevanti ġew uffiċjalment informati mill-Kummissjoni.

    It-terminazzjoni tal-inizjattivi diplomatiċi msemmija hawn fuq ma tipprekludi l-ebda pass sussegwenti meħud mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill fil-futur, f’każ li l-elementi ta’ fatt juru li l-pajjiż jonqos milli jaqdi dawk li huma d-dmirijiet tiegħu skont il-liġi internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, u milli jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.


    (1)  ĠU C 346, 27.11.2013, p. 26.

    (2)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.


    Góra