EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC0922(01)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

ĠU C 312, 22.9.2015, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 312/5


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2015/C 312/05)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

“AACHENER WEIHNACHTSLEBERWURST”/“OECHER WEIHNACHTSLEBERWURST”

Nru tal-KE: DE-PGI-0005-01053 – 5.11.2012

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem

“Aachener Weihnachts-Leberwurst”/“Oecher Weihnachtsleberwurst”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Ġermanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.2 Prodotti tal-laħam (imsajrin, immellħin, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

“Aachener Weihnachts-Leberwurst”/“Oecher Weihnachtsleberwurst” huwa speċjalità f’għamla ta’ zalzett tal-fwied. Meta jinħażen f’temperatura ta’ madwar 8 °C, dan għandu konsistenza solida, iżda huwa artab biżżejjed biex jiddellek. Il-kulur tiegħu jvarja bejn kannella ċar u roża ċar, skont il-kompożizzjoni tiegħu. Il-prodott lest jiddaħħal f’imsaren għaz-zalzett naturali jew sterili, fi ġlud tal-għażel, f’vażetti tal-ħġieġ jew f’laned.

Il-kontenut ta’ fwied u ta’ laħam dgħif huwa stabbilit skont ir-rekwiżiti stipulati fil-linji gwida dwar il-laħam u l-prodotti tal-laħam ta’ kwalità għolja (Leitsätze für Fleisch- und Fleischerzeugnisse an Spitzenqualität), 1a) Zalzett tal-fwied. Il-kontenut ta’ proteina tal-laħam mingħajr proteini tat-tessuti konnettivi (MPFCTP) huwa dejjem ogħla minn 10 %. Il-kontenut ta’ MPFCTP fil-proteina tal-laħam iddeterminat b’mod kimiku huwa ta’ mill-inqas 82 %. Għalkemm tiġi miżjuda krema b’kontenut ta’ mill-inqas 30 % ta’ xaħam (is-soltu, fiż-żona tal-produzzjoni, il-krema tissejjaħ “sahne”), maz-zalzett ma għandu jiġi miżjud ebda ilma.

Il-karatteristika speċjali tal-“Aachener Weihnachts-Leberwurst”/“Oecher Weihnachtsleberwurst” hija ż-żieda obbligatorja tal-krema u l-użu ta’ taħlita ta’ ħwawar tal-Milied.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Kompożizzjoni tal-“Aachener Weihnachts-Leberwurst”/“Oecher Weihnachtsleberwurst”: laħam tal-majjal, fwied tal-majjal, melħ tan-nitrit għall-preżervazzjoni, basal imsajjar stuffat, krema, taħlita ta’ ħwawar (b’mod partikolari kosbor, kardamomu, bżar, ġinġer u ingredjenti bħal cranberries u aniżetta). Il-prodott dejjem ikun fih mill-inqas tnejn mill-ħwawar li jistgħu jintużaw, inkluż kosbor, kardamomu, bżar u ġinġer. Ċertu varjazzjonijiet tal-“Aachener Weihnachts-Leberwurst”/“Oecher Weihnachtsleberwurst” jiġu affumikati.

Il-fwied li jintuża huwa dejjem fwied frisk, jew li jkun ġie ffriżat malajr wara l-qatla. Dan jevita li jiffurmaw sustanzi morri mhux mixtieqa. B’differenza għall-proċess industrijali tal-produzzjoni taz-zalzett, tradizzjonalment il-kanali tal-bili li jinsabu fil-fwied jitneħħew bl-idejn bil-fergħat b’kollox. Dan jiżgura li ma jkunx hemm preżenza ta’ sustanzi morri fiz-zalzett. Il-prodott finali msaħħan ma għandux ikun fih aktar ilma milli kien fih qabel it-tisħin. B’hekk, il-krema miżjuda għandha tikkumpensa biss għall-ilma li jintilef waqt it-tisjir; din m’għandhiex iżżid il-kontenut tal-ilma. Fi kliem ieħor, maz-zalzett ma għandu jiġi miżjud ebda ilma. It-tessut xaħmi jikkonsisti f’bejken u żaqq mingħajr ġilda, perżut u laħam u tessut li jitneħħa minn mal-flett.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss)

3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-proċess kollu tal-produzzjoni tal-prodott finali għandu jsir fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-belt ta’ Aachen.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Bħala riżultat tal-pożizzjoni ġeografika ta’ Aachen, li tinsab f’baċir, u minħabba l-protezzjoni li pprovdewlha s-swar tagħha matul l-istorja twila tagħha bħala fortizza imperjali, il-produtturi lokali ma damux wisq biex rawmu sens ta’ appartenenza ma’ xirka ta’ negozjanti. B’differenza għal għadd kbir ta’ djaletti oħra tat-Tramuntana u tal-Punent tal-Ġermanja, id-djalett ta’ Aachen, li huwa varjant tad-djalett ta’ Rhineland, għadu jiġi mitkellem sal-ġurnata tal-lum. Dan id-djalett ukoll iservi biex joħloq sens ta’ appartenenza fost l-abitanti u l-produtturi lokali, u dan jiġi rifless ukoll fl-ispeċjalitajiet lokali tal-belt. Dan l-isfond ġeografiku u storiku wassal għall-ħolqien partikolari tal-industriji artiġjanali, li għaddew ir-riċetti tradizzjonali u l-metodi ta’ produzzjoni ppreferuti mill-konsumaturi minn ġenerazzjoni għall-oħra, bir-riżultat li għadhom jintużaw illum. Il-biċċiera ta’ Aachen ilhom jipproduċu z-zlazet għal aktar minn 200 sena.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-prodott għandu reputazzjoni partikolari li hija bbażata fuq l-oriġini ġeografika tiegħu, minħabba li r-rabtiet mill-qrib tal-produtturi mal-għeruq storiċi tal-belt tagħhom u mas-sengħa tagħhom stabbilixxiet ukoll ir-reputazzjoni tal-“Aachener Weihnachts-Leberwurst”/“Oecher Weihnachtsleberwurst” bħala speċjalità f’għamla ta’ zalzett tal-fwied. Dan iz-zalzett ilu jiġi prodott b’dak l-isem għal aktar minn 120 sena. Ir-reputazzjoni hija bbażata fuq il-ħiliet u l-esperjenza tal-biċċiera ta’ Aachen, u hija marbuta mal-kwalitajiet oġġettivi tal-prodott, jiġifieri mat-togħma partikolari ferm apprezzata li tingħata liz-zalzett permezz taż-żieda tal-krema u permezz tal-użu ta’ taħlita ta’ ħwawar tal-Milied.

Kull sena, l-istaġun tal-produzzjoni jinfetaħ billi s-Sindku ta’ Aachen iqatta’ “Aachener Weihnachts-Leberwurst”/“Oecher Weihnachtsleberwurst” fil-muniċipju. Dan l-avveniment juri l-importanza tal-prodott fil-kuntest tal-identità lokali, u juri li għandu reputazzjoni partikolari assoċjata mal-oriġini tiegħu.

Xhieda tal-kwalità partikolari li fuqha hija parzjalment ibbażata din ir-reputazzjoni hija l-kompetizzjoni “Aachener Weihnachts-Leberwurst”, li ilha ssir għal dawn l-aħħar 40 sena u li matulha ġurija mħarrġa u indipendenti tivvaluta l-kwalità tal-prodotti fuq il-bażi tal-istandards tas-Soċjetà Agrikola Ġermaniża (Deutsche Landwirtschafts-Gesellschaft, DLG). Il-kompetizzjoni stabbilizzat u tejbet il-kwalità tal-prodott, u qawwiet l-għarfien tal-produtturi lokali rigward ir-rabtiet storiċi tal-ispeċjalità tagħhom mal-belt.

Ir-reputazzjoni tal-prodott hija murija mill-interess li juru l-istampa lokali u nazzjonali, kif ukoll it-televiżjoni u r-radju, fil-kompetizzjonijiet ta’ kwalità u fiċ-ċerimonja fil-bidu ta’ kull staġun. Bħall-gallettini tax-xropp imħawrin bil-ġinġer “Aachener Printen”, l-“Aachener Weihnachts-Leberwurst” huwa wieħed mill-pilastri tal-identità kulinarja ta’ Aachen. Fl-2004 “afz”, il-ġurnal nazzjonali tal-industrija tal-laħam, saħaq: “Il-valur tar-reklamar kien verament enormi. ‘Is-sena li għaddiet ħafna mill-klijenti tagħna staqsew għall-“Karlswurst” fi ħwienet tal-laħam speċjalizzati. Illum, uħud mill-kollegi tagħna jżommu stokk minnu tul is-sena kollha’, stqarr b’nota pożittiva Hubert Geerkens. ‘Jekk nibqgħu sejrin b’dal-pass tajjeb, x’aktarx li se jsir oġġett kummerċjali bħall-“Aachener Weihnachts-Leberwurst”’” (afz – allgemeine fleischer zeitung No 7, 11.2.2004, p. 007, “Knappen boten die dampfende Karlswurst feil” (“Karlswurst jaħraq mibjugħ mill-bejjiegħa fit-toroq”).

Ir-reputazzjoni tal-“Aachener Weihnachts-Leberwurst” hija kkonfermata mill-fatt li l-kap tax-xirka ta’ negozjanti ta’ dak iż-żmien kien indikah bħala prodott li l-fama tiegħu anki l-“Karlswurst” għandu jagħmel ħiltu biex jilħaq. Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni tal-artiklu fil-ġurnal nazzjonali afz tikkonferma li din ir-reputazzjoni testendi ferm lil hinn mill-konfini tal-belt imperjali antika ta’ Aachen. Iz-zalzett jinbiegħ ukoll fis-suq tal-Milied tal-belt, fejn huwa ferm popolari fost it-turisti u dawk kollha li jżuru s-suq.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)

Ir-reputazzjoni speċjali tal-prodott ġejja mill-oriġini ġeografika tiegħu, kif jindika l-isem stess. Il-belt ta’ Aachen ilha tipproduċi prodotti speċjali taz-zalzett għal mijiet ta’ snin. Din it-tradizzjoni twila ferm ikkontribwixxiet biex l-“Aachener Weihnachts-Leberwurst”/“Oecher Weihnachtsleberwurst” isir speċjalità staġjonali magħrufa fost il-konsumaturi tar-reġjun li japprezzaw it-togħma sottili u ta’ kwalità għolja tiegħu. Bħall-“Aachener Printen”, l-“Aachener Weihnachts-Leberwurst”/“Oecher Weihnachtsleberwurst” – kif pereżempju turi l-attenzjoni mogħtija mill-istampa – huwa wieħed mill-pilastri tal-identità kulinarja tal-belt imperjali antika ta’ Aachen. Fil-fatt, ir-reputazzjoni tal-“Aachener Weihnachts-Leberwurst”/“Oecher Weihnachtsleberwurst” tant hi tajba li l-produtturi jagħmlu ħilithom biex jiksbu l-istess reputazzjoni għal prodotti oħra tipiċi tal-belt. Minħabba din ir-reputazzjoni, il-klijenti li jixtru l-“Aachener Weihnachts-Leberwurst”/“Oecher Weihnachtsleberwurst” jistennew prodott partikolarment awtentiku minn Aachen ikkaratterizzat ukoll minn ċerti kwalitajiet derivati mir-riċetta żviluppata lokalment. Ir-riċetta ttejjeb il-valur tal-prodott f’għajnejn il-konsumaturi, peress li l-prodott jinkludi l-krema, li huwa ingredjent ta’ kwalità għolja li normalment jiġi kkonsmat fil-Milied, kif ukoll taħlita ta’ ħwawar tal-Milied. B’hekk, ir-reputazzjoni kummerċjali speċjali bbażata fuq l-aspett ġeografiku li jgawdi minnha l-prodott tirriżulta mir-riċetta tiegħu li ġiet żviluppata f’Aachen, mill-użanzi tal-belt skont liema l-prodott tradizzjonalment isir u jinbiegħ biss matul l-istaġun tal-Milied, u mill-ingredjenti speċjali tiegħu li jagħmluh parti mit-tradizzjoni tal-Milied speċifika ta’ Aachen.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))

http://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/34550


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 2.


Top