EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC0227(03)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

ĠU C 70, 27.2.2015, p. 16–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 70/16


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2015/C 70/08)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

DE MEERLANDER

Nru tal-UE: NL-PGI-0005-01175-6.11.2013

DPO ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“De Meerlander”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

In-Netherlands

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Kategorija tal-Prodott

Klassi 1.6. Frott, ħxejjex u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1

Il-prodott jikkonsisti mit-tuberi ta’ Solanum Tuberosum L. tal-varjetà tal-patata “De Meerlander” maħsub għall-konsum mill-bniedem. Din il-varjetà rriżultat mill-inkroċjar bejn il-varjetajiet Bevelander u Record u daħlet fis-suq fl-1947. “De Meerlander” ġiet żviluppata f’Haarlemmermeer u l-isem huwa xiehda proprju ta’ dan.

Karatteristiċi fiżiċi

“De Meerlander” hija varjetà li tikber malajr.

It-tuberi ta’ “De Meerlander” huma ta’ daqs medju ta’ forma li tvarja minn tonda għal tonda ovali u ċatta; ġeneralment id-daqs huwa regolari. It-tuberi għandhom qoxra raffa safra ċara u l-patata nfisha hija safra ċara.

Meerlander hija patata tat-tisjir tat-tip CD: fil-konsistenza tagħha tixbaħ id-dqiq u hija ratba, fejn il-kulur tagħha ftit li xejn ivarja meta tgħalliha.

Tinbiegħ lill-konsumaturi meta d-daqs tagħha jkun bejn 40 u 55 mm.

Karatteristiċi kimiċi

Il-kontenut għoli ta’ materja niexfa ta’ din il-patata huwa 20 %; u għalhekk għandha konsistenza ħafifa ta’ dqiq b’kontenut ta’ lamtu ta’ 7 (fuq skala ta’ minn 1 sa 10).

Il-piż tagħha taħt wiċċ l-ilma huwa ta’ madwar 380 gramma.

Karatteristiċi organolettiċi

It-togħma ta’ “De Meerlander” mhix qawwija, kemxejn niexfa iżda tintiegħem sew. L-aroma ta’ “De Meerlander” hija kemxejn mielħa.

Karatteristiċi oħrajn ta’ “de Meerlander”

“De Meerlander” hija patata li żżomm fit-tul u hija reżistenti għall-marda tal-ġlata tal-patata fiżjo 1 (D1) u l-virus A. Il-patata ftit li xejn hija suxxettibbli għall-attakki ta’ Phytophthora infestans u ma tantx titħassar minn ġewwa.

Il-werqa hija robusta u kbira u tipprovdi kopertura tajba ħafna.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti proċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

“De Meerlander” tinbet minn żerriegħa approvata fi ħbula art li huma adattati u xotti biżżejjed f’Haarlemmermeer.

Il-patata tinżera f’April jew Mejju.

Id-distanza bejn ir-ringieli tal-pjanti tal-patata hija 75 × (28-32) cm, sabiex il-prodott li jirriżulta jkollu daqs ta’ bejn 40 u 55 mm. L-użu tal-fertilizzanti jiġi adattat għal dawn il-fatturi, fejn tingħata preferenza għall-użu ta’ fertilizzanti organiċi, u fejn meħtieġ jiġu ssuplimentati b’fertilizzanti artifiċjali. Id-data tal-ħsad tvarja, iżda normalment iseħħ matul ix-xahar ta’ Settembru.

Mal-ħsad, il-patata tingħata grad skont id-daqs u l-kwalità.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li l-isem reġistrat jirreferi għalih

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

L-imballaġġ kollu jrid ikollu l-logo tal-IĠP u l-isem “De Meerlander” flimkien mal-araldika murija hawn taħt.

Image

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika fejn tista’ tiġi kkultivata “De Meerlander” hija r-raba’ li tinsab fuq il-polder ta’ Haarlemmermeer, liema żona hija mdawwra b’kanal. Iż-żona ġeografika hija għalhekk ristretta għall-erja fi ħdan il-konfini tal-kanal kif muri hawn taħt.

Image

5.   Rabta maż-żona ġeografika

“De Meerlander” ġiet żviluppata fl-1936 f’Haarlemmermeer: l-isem tal-patata ġej mill-isem taż-żona. Fl-1947 iddaħlet din il-varjetà għall-ewwel darba fil-Lista tal-Varjetajiet Netherlandiżi. Minn dak iż-żmien l’hawn din il-patata ġiet ikkultivata fiż-żona ta’ Haarlemmermeer.

Madwar mija u ħamsin sena ilu bdiet il-ħidma biex jitneħħa l-ilma miż-żona ta’ Haarlemmermeer li dak iż-żmien kienet kbira madwar 18 000 ettaru. It-tafal antik tal-baħar li kien taħt il-qiegħ u nkixef meta tbattal l-ilma fih ħamrija li hija ferm differenti mill-ħamrija f’żoni oħra li tneħħilhom l-ilma bl-istess mod.

Il-kompożizzjoni tal-ħamrija taflija f’din iż-żona delimitata għamlitha iktar fertili minn ħamrija taflija oħra simili. Il-ħamrija taflija għandha l-faċilità li tikkombina mal-minerali pożittivi tal-frazzjonijiet tat-tafal li jdubu fl-ilma ta’ taħt l-art. B’hekk, il-minerali ma “jaħarbux” mal-ilma ta’ taħt l-art iżda jibqgħu mwaħħlin mal-partiċelli tat-tafal u b’dan il-mod jistgħu jiġu assorbiti mill-pjanti tal-patata.

Minħabba li ż-żona ġeografika ta’ Haarlemmermeer tinsab viċin il-kosta (madwar 15-20 km ‘il bogħod min-Noordzee), fejn l-ilma ta’ taħt l-art bħala medja fih iktar melħ tal-baħar minn postijiet oħra, ifformat żona ta’ kultivazzjoni kemxejn mielħa li tinfluwenza t-togħma tal-patata u l-aroma tagħha u minħabba f’dan hija wkoll kemxejn mielħa.

F’din iż-żona x-xita tinżel b’mod regolari u jagħmel ukoll ir-riħ li jkun ġej minn fuq il-baħar u dawn flimkien joħolqu l-klima ta’ kultivazzjoni tal-patata “De Meerlander” li tirriżulta f’tuberi li huma ta’ daqs aħjar u b’ħafna inqas difetti minn tuberi li jikbru f’postijiet oħrajn.

L-istruttura kompatta tal-ħamrija taflija tikkontribwixxi biex il-forma tal-patata “De Meerlander” tibqa’ regolari u fuq il-wiċċ tagħha ma jirriżultawx forom irregolari. Jekk joħorġu dawn l-irregolaritajiet, l-istess ħamrija teliminahom. Il-ħamrija taflija tagħti lill-patata “De Meerlander” qoxra iktar lixxa u kemxejn iktar safra minn patata oħra li tikber f’ħamrija mrammla.

Il-ħamrija antika taflija tal-baħar f’Haarlemmermeer ftit fiha kalċju, għandha kontenut ta’ partiċelli inorganiċi ta’ 23 % u pH relattivament għolja ta’ 7,2, u l-patata “De Meerlander” bħala medja għandha iżjed togħma ta’ dqiq u iktar piż taħt wiċċ l-ilma minn patata oħra li tikber f’ħamrija mrammla f’postijiet oħrajn fin-Netherlands.

Il-kultivazzjoni tal-patata ilha għal żmien twil assoċjata maż-żona ta’ Haarlemmermeer. B’mod partikolari dan huwa proprju minħabba l-kwalitajiet mhux tas-soltu tal-ħamrija msemmija hawn fuq, il-karatteristiċi kwalitattivi u organolettiċi speċjali ta’ “De Meerlander” u t-teknika tal-kultivazzjoni li jużaw il-bdiewa. Għalhekk il-kultivazzjoni tal-patata f’dan il-polder minn dejjem kienet ukoll fattur ekonomiku importanti.

Sa mill-aħħar tas-snin ħamsin iktar u iktar organizzazzjonijiet involvew lilhom infushom fil-bejgħ tal-patata taż-żerriegħa “De Meerlander”, sakemm eventwalment kull sena kien hemm kważi erba’ mitt tunnellata patata taż-żerriegħa għall-kultivazzjoni ta’ “De Meerlander” f’Haarlemmermeer. Dak iż-żmien din il-patata kienet tinbiegħ min-negozjanti magħrufa. Minn dak iż-żmien l’hawn din il-varjetà dejjem ġiet prodotta fi kwantitajiet żgħar u għandha rwol importanti bħala speċjalità reġjonali.

Is-Sindku ta’ Haarlemmermeer ta permess ukoll biex il-kooperattiva “De Meerlander Aardappel” tuża l-araldika tal-muniċipalità bil-għan li tenfasizza l-oriġini tal-patata “De Meerlander” u tidentifikaha b’mod ċar bħala prodott oriġinali ta’ Haarlemmermeer.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(It-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

http://www.eu-streekproducten.nl/sites/default/files/BGA_PD_Meerlander_def.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top