Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC0129(05)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    ĠU C 29, 29.1.2015, p. 13–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.1.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 29/13


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2015/C 29/07)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjonigħall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

    “WELSH BEEF”

    Nru KE: UK-PGI-0205-01136 — 30.7.2013

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Intestatura tal-ispeċifikazzjonijiet li huma soġġetti għall-emenda

        Isem il-prodott

        Deskrizzjoni tal-prodott

        Żona ġeografika

        Prova tal-oriġini

        Metodu ta’ produzzjoni:

        Rabta

        Tikkettar

        Rekwiżiti nazzjonali

        Oħrajn (Dettalji tal-korp ta’ spezzjoni)

    2.   Tip ta’ emenda/emendi

        Emenda tad-Dokument Uniku jew tas-Sommarju

        Emenda tal-Ispeċifikazzjoni tad-DPO jew l-IĠP irreġistrati li għalihom ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku jew Sommarju

        Emenda tal-Ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda tad-Dokument Uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

        Emenda temporanja tal-Ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-adozzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    3.   Emenda/i

    Hybu Cig Cymru — Meat Promotion Wales (HCC) hija l-organizzazzjoni mmexxija mill-industrija responsabbli mill-iżvilupp, il-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-laħam aħmar ta’ Wales. L-HCC għandha r-responsabbiltà legali li tħares id-denominazzjoni tal-IĠP Welsh Beef.

    L-emendi proposti għandhom l-għan li jibdlu l-età tal-bhejjem fil-waqt tal-qatla sabiex jakkomodaw annimali iżgħar fl-età.

    Huwa propost li l-ispeċifikazzjoni tiġi emendata biex tiġi definita mill-ġdid il-firxa tal-età tal-qatla tal-baqar sabiex jikkwalifikaw għall-użu tal-IĠP Welsh Beef. Il-firxa ta’ età definita fl-ispeċifikazzjoni attwali hija meqjusa li hija preskrittiva wisq minħabba li ma tħallix frat iżgħar (li jissodisfaw l-ispeċifikazzjoni fl-aspetti l-oħra kollha) milli jikkwalifikaw għall-IĠP. L-emenda proposta għandha l-għan li temenda l-età aktar baxxa ta’ frat li jistgħu jikkwalifikaw għall-IĠP Welsh Beef; ir-rekwiżiti l-oħra kollha fl-ispeċifikazzjoni jibqgħu l-istess. Sabiex jiġi żgurat il-forniment kontinwu ta’ Welsh Beef ta’ kwalità, biex ikun rifless it-tibdil fl-influwenzi tas-suq u biex ikun hemm impatt pożittiv fuq l-ambjent, huwa propost li l-firxa tal-età titnaqqas minn 24 għal 12-il xahar, li jippermetti li annimali iżgħar jikkwalifikaw filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe koinċidenza ma’ prodotti kummerċjalizzati bħala vitella.

    L-għan huwa li bl-emenda proposta jiżdied it-test li ġej fit-taqsimiet tad-deskrizzjoni tal-prodott u tal-Metodu ta’ Produzzjoni tal-ispeċifikazzjoni reġistrata:

    “L-ifrat jinqatlu f’età ta’ bejn 12 u 48 xahar u ma għandhomx ikunu għammru”.

    Din l-emenda għandha twassal għal speċifikazzjoni li:

    Ikollha impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ikel tal-Welsh Beef

    Twettqet riċerka konsiderevoli biex tinvestiga r-rabta bejn l-età fil-waqt tal-qatla u l-kwalità għall-ikel; il-konklużjoni ġenerali hija li annimali iżgħar ikollhom laħam aktar tari minn annimali ixjeħ minħabba l-kwalitajiet tal-kollaġen fil-laħam.

    Permezz tal-emendi fl-ispeċifikazzjonital-Welsh Beef f’termini ta’ età fil-waqt tal-qatla, sabiex annimali iżgħar fl-età jikkwalifikaw, ikun hemm impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ikel tal-Welsh Beef.

    Ikollha impatt pożittiv fuq l-impronta ambjentali tal-Welsh Beef

    Kontributur importanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-ifrat, hija t-tlestija (u l-qatla) bikrija tal-ifrat. Hekk kif jittieħdu anqas ġranet biex annimal jitlesta għal-qatla, jiġi prodott anqas metan mill-annimal permezz tal-proċessi diġestivi normali, u dan iwassal għal anqas emissjonijiet ta’ gass serra.

    Permezz tal-emendi fl-ispeċifikazzjonital-Welsh Beef f’termini ta’ età fil-waqt tal-qatla, sabiex annimali iżgħar fl-età jikkwalifikaw, ikun hemm impatt pożittiv fuq l-impronta ambjentali tal-Welsh Beef.

    Tindirizza d-domanda li qed tikber mill-konsumaturi, il-bejjiegħa bl-imnut u s-suq għall-esportazzjoni għall-Welsh Beef ta’ kwalità

    Ir-riċerka turi b’mod ċar li hemm rabta pożittiva bejn il-laħam tari u l-esperjenzi tal-ikel tal-konsumaturi biċ-ċanga prodotta minn annimali li jkollhom anqas minn 24 xahar. Għalhekk, bi tweġiba għall-ħtiġiet tas-suq, iċ-ċanga qed tiġi prodotta f’Wales b’aktar effiċjenza u tinqatel ta’ età iżgħar biex ikun żgurat li l-Welsh Beef ikun prodott ta’ kwalità, tari u b’togħma tajba.

    Permezz tal-emendi fl-ispeċifikazzjonital-Welsh Beef f’termini ta’ età fil-waqt tal-qatla, sabiex annimali iżgħar fl-età jikkwalifikaw, tiġi indirizzata d-domanda li qed tikber mill-konsumaturi għal Welsh Beef ta’ kwalità.

    Ix-xejriet tal-akkwist ta’ diversi bejjiegħa bl-imnut (li rrappreżentaw madwar 90 fil-mija tal-bejgħ ta’ laħam aħmar fil-Gran Brittanja fl-2011) resqu lejn l-akkwist ta’ frat f’età iżgħar. Politiki attwali ta’ akkwist ta’ prodotti taċ-ċanga mill-aqwa tas-seba’ l-akbar bejjiegħa bl-imnut fir-Renju Unit kollha jeħtieġu li l-ifrat jinqatlu meta jkollhom anqas minn 30 xahar, u l-akbar bejjiegħ fosthom jitlob li l-ifrat jinqatlu meta jkollhom anqas minn 24 xahar għall-aqwa taqsima tagħhom. Din ix-xejra ta’ sistema ta’ akkwist ta’ ċanga iżgħar mistennija tkompli fost il-bejjiegħa bl-imnut, peress li qed jaħdmu dejjem aktar biex jilħqu d-domandi tal-konsumaturi għal ċanga bi kwalità għolja għall-ikel u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent.

    Emendi oħra:

    Bidliet fid-dettalji tal-korp ta’ spezzjoni: dawn huma meħtieġa biex jaġġornaw l-informazzjoni għall-korp ta’ spezzjoni nominat għall-IĠP Welsh Beef.

    Id-dettalji għall-korp ta’ spezzjoni rilevanti ġew miżjuda biex jieħdu post il-korp preċedenti.

    DOKUMENT UNIKU

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (3)

    “WELSH BEEF”

    Nru KE: UK-PGI-0205-01136 — 30.7.2013

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Isem

    “Welsh Beef”

    2.   Stat membru jew pajjiż terz

    Ir-Renju Unit

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.1. Laħam frisk (u l-ġewwieni)

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

    Welsh Beef huwa l-isem li jingħata lill-karkassi jew qatgħat tal-laħam meħudin minn frat (frat li ma għammrux), imwielda u mrobbija f’Wales. L-għan tal-produtturi tal-Welsh Beef huwa li jilħqu klassifikazzjoni tal-karkassa fil-mira ta’ konformazzjoni R jew aħjar u kontenut tax-xaħam ta’ 4L jew anqas. Ara t-tabella taħt.

    Tabella ta’ Klassifikazzjoni EUROP tal-Karkassa fil-Mira għall-Welsh Beef

     

    Klassi tax-xaħam

    1

    2

    3

    4L

    4H

    5L

    5H

    Konformazzjoni

    E

    x

    x

    x

    x

     

     

     

    U+

    x

    x

    x

    x

     

     

     

    -U

    x

    x

    x

    x

     

     

     

    R

    x

    x

    x

    x

     

     

     

    O+

     

     

     

     

     

     

     

    -O

     

     

     

     

     

     

     

    P+

     

     

     

     

     

     

     

    -P

     

     

     

     

     

     

     

    Storikament, l-ifrat tradizzjonament imrobbijin f’Wales kienu fil-maġġor parti tagħhom Welsh Black u Hereford. Dawn ir-razez għadhom jiffurmaw is-sisien tal-industrija taċ-ċanga f’Wales. Il-Welsh Beef ġej minn razez tradizzjonali ta’ Wales u mit-taħlit ta’ dawn ir-razez bejniethom jew ma’ kwalunkwe razza oħra rikonoxxuta.

    L-ifrat jinqatlu f’età ta’ bejn 12 u 48 xahar u ma għandhomx ikunu mgħammra. L-ifrat jinqatlu u jiġu pproċessati f’biċċeriji/impjanti tat-tqattigħ approvati mill-iskema tal-verifika tal-Hybu Cig Cymru – Meat Promotion Wales (HCC) sabiex jiġi żgurat li titħares il-marka u l-integrità tal-IĠP Welsh beef. Din l-iskema ta’ verifika tal-HCC tiżgura li kwalunkwe ċanga immarkata bħala “Welsh Beef” tilħaq l-ispeċifikazzjonijiet. Il-biċċeriji u l-impjanti tat-tqattigħ kollha li jixtiequ jużaw id-denominazzjoni Welsh Beef għandhom, fuq bażi annwali, juru lill-korp ta’ spezzjoni maħtur tal-HCC, li ċ-ċanga tilħaq l-ispeċifikazzjonijiet tal-IĠP u li l-impjant ikun qed jopera skont il-gwida tal-aqwa prattiki. L-HCC twettaq ukoll verifiki għal għarrieda fuq il-post sabiex tivverifika l-approvazzjoni u l-użu tal-liċenzja għall-marka IĠP Welsh beef min-naħa tal-biċċerija/impjant tat-tqattigħ

    Wara l-qatla u l-preparazzjoni, iċ-ċanga tista’ tinħareġ fuq is-suq bħala ġisem sħiħ, naħa sħiħa, partijiet min-naħat (il-kwart ta’ quddiem/il-kwart ta’ wara) jew bħala qatgħat taċ-ċanġa (li jinkludu l-kapuljat taċ-ċanga).

    Il-profili tal-laħam, fil-maġġoranza, ikunu konvessi, bi żvilupp tajjeb tal-muskolu u dahar wiesa’ u oħxon li jasal sal-ispalla li tkun ittondjata sew. Meta jintmess, il-laħam jinħass solidu bi struttura ratba u konsistenti, il-muskoli li huma żviluppati sew huma ta’ kulur aħmar skur u x-xaħam ikun abjad fl-isfar. B’mod ġenerali laħam minn annimali iżgħar ikun aktar tari minn laħam li ġej minn annimali ixjeħ minħabba l-kwalitajiet tal-kollaġen fil-laħam. Ġeneralment, il-laħam ikun irħamat sew.

    3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    3.4.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss)

    Il-baqar jitrabbew estensivament f’mergħat fiż-żona ġeografika, skont prattiki tradizzjonali tat-trobbija tal-baqar ta’ Wales.

    F’okkażjonijiet fejn l-għalf jintuża biex jissupplimenta r-ragħa tal-ħaxix, l-għalf għandu jinkiseb, fejn possibbli, miż-żona ġeografika.

    3.5.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    Kull produttur jikkontrolla l-merħla tal-annimali taċ-ċanga tiegħu li jkunu mrobbija l-iktar bir-ragħa tal-ħaxix naturali. L-annimali jinbiegħu jew bħala piż ta’ karkassa lill-biċċeriji jew fis-swieq tal-annimali. Il-laħam għandu jkun ġej minn ifrat imwielda u mrobbija f’Wales, u maqtula/ipproċessati f’biċċeriji/impjanti tat-tqattigħ approvati mill-iskema ta’ verifika tal-HCC. L-annimali jinqatlu u jiġu ppreparati fil-biċċerija skont speċifikazzjonijiet rikonoxxuti tal-industrija jew sabiex jilħqu rekwiżiti leġiżlattivi jew tal-konsumaturi.

    Biċċeriji u impjanti tat-tqattigħ eliġibbli għall-approvazzjoni tal-iskema ta’ verifika tal-HCC mhumiex ristretti għaż-żona ġeografika definita — Wales.

    Fl-istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni, jinżammu reġistri dwar it-traċċabbiltà tal-prodott. In-numru tal-qatla, id-data tal-qatla, id-dettalji tal-klassifikazzjoni u l-piż tal-karakassa kiesħa jiġu rreġistrati fil-biċċeriji. Dan it-tagħrif jitwaħħal fuq tikketta mal-karkassa u jkun disponibbli għall-ispezzjoni mill-HCC.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

    3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

    L-indikazzjoni ġeografika “Welsh Beef” trid tidher fuq il-karkassi, partijiet tal-karkassi jew qatgħat, flimkien mal-marka kummerċjali rreġistrata tal-HCC għall-Welsh Beef u s-simbolu tal-IĠP.

    4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Wales kollu.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

    Hemm ħafna dokumenti dwar l-industrija tal-ifrat f’Wales minħabba l-importanza tagħha sa minn żmien iċ-Ċelti, ir-Rumani, in-Normanni u sal-lum il-ġurnata. Insibu għadd ta’ referenzi storiċi għall-baqar ta’ Wales mogħtija f’“The Drovers’ Roads of Wales” u “Medieval Wales” ta’ Hewitt.

    Il-karatteristiċi li jiddistingwu l-Welsh Beef huma l-għalf tal-baqar li huwa bbażat fuq l-abbundanza tal-ħaxix naturali f’Wales, li jikber ħafna minħabba l-klima moderata u bix-xita u minħabba t-topografija ta’ Wales.

    Madwar Wales, hemm kosta ta’ 1 200 kilometru u iktar ‘il ġewwa pajsaġġ grandjuż fejn jingħaqdu f’armonija l-muntanji, l-għoljiet, il-lagi u l-widien. Minħabba l-ammont ta’ xita li tipikament tinżel fiż-żona, Wales huwa adattat b’mod perfett għall-produzzjoni tal-mergħat naturali. Din it-tapezzerija lewn l-iżmerald, b’firxa wara l-oħra ta’ ħaxix aħdar kotran, flimkien ma’ leħjet ix-xiħ u l-fwieħa tal-ħwawar salvaġġi u indiġeni, jikkontribwixxu għat-togħma distintiva taċ-ċanga ta’ Wales.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott

    Sabiex ikollhom il-marka “Welsh Beef”, huma eliġibbli biss il-baqar imwielda u mrobbija f’Wales. Dan jorbot il-prodott direttament maż-żona ġeografika fejn jiġi prodott.

    Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fil-kwalità għall-konsumatur, l-ifrat ma għandhomx ikunu għammru u għandhom jinqatlu ta’ età ta’ bejn 12-48 xahar. L-għan tal-produtturi tal-Welsh Beef huwa li jilħqu klassifikazzjoni tal-karkassa fil-mira ta’ konformazzjoni R jew aħjar u kontenut tax-xaħam ta’ 4L jew inqas.

    Il-karatterisitika li tiddistingwi l-Welsh Beef hija dovuta għall-influwenza tar-razez tradizzjonali li jibqgħu s-sisien tal-industrija taċ-ċanga ta’ Wales, li minnha ġejja ċ-ċanga.

    Il-laħam irid ukoll ikun ġej minn baqar li jinqatlu/jiġu pproċessati f’biċċerji/impjanti tat-tqattigħ. L-annimali jinqatlu u jiġu ppreparati fil-biċċerija skont speċifikazzjonijiet rikonoxxuti tal-industrija jew sabiex jilħqu rekwiżiti leġiżlattivi jew tal-konsumaturi.

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għal IĠP)

    Iċ-ċanga ta’ Wales għandha għadd ta’ vantaġġi kompetittivi tal-produzzjoni. Ir-razez tradizzjonali jitrabbew f’ambjent ideali, bl-użu ta’ metodi tradizzjonali tal-biedja li ilhom jintużaw u li l-effettività tagħhom hi magħrufa, flimkien ma’ metodi tal-biedja kontemporanja. Dan jirriżulta fil-karattru u d-distintività uniċi taċ-ċanga ta’ Wales.

    Sena wara l-oħra, ġidd wara ġidd, il-ħiliet singolari tal-bdiewa f’Wales jiġu pprattikati madwar il-pajjiż kollu. Fi rziezet żgħar immexxija mill-familji, il-bidwi juża l-għarfien tiegħu tat-trobbija tal-bhejjem u ż-żamma tal-art, flimkien mal-benefiċċji li jagħti l-pajsaġġ naturali, biex jipproduċi ċanga tal-ogħla kwalità. Tul is-sekli, id-dedikazzjoni u l-ħidma bla heda tagħhom raddet standards konsistentement għoljin ta’ produzzjoni ta’ kwalità bl-aktar mod effiċjenti u ambjentalment sensittivi, filwaqt li ffurmaw il-pajsaġġ, il-kultura u l-identità ta’ Wales.

    L-irziezet tar-reġjun normalment ikunu ta’ familji li jkunu jżommu kemm nagħaġ kif ukoll frat. L-azjendi f’Wales ikunu medjament iżgħar minn dawk tar-Renju Unit b’mod ġenerali. Id-daqs medjament iżgħar tal-azjenda jirriżulta fid-daqs iżgħar tal-merħliet taċ-ċanga kif ukoll fl-istruttura tal-ħaddiema. Il-ħiliet tal-bdiewa li jrabbu l-annimali f’Wales għaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra. Kull produttur jikkontrolla l-merħla tal-annimali tiegħu taċ-ċanga li jkunu mrobbija l-iktar bir-ragħa tal-ħaxix naturali. L-annimali jinbiegħu jew bħala piż ta’ karkassa lill-biċċeriji jew fis-swieq tal-annimali. Fl-istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni, jinżammu reġistri dwar it-traċċabbiltà tal-prodott.

    Il-produzzjoni effiċjenti u l-użu tal-ħaxix huma ċentrali għall-benessri tal-produzzjoni tal-Welsh Beef. L-artijiet tal-ħaxix f’bosta reġjuni ta’ Wales huma miżgħuda bil-leħjet ix-xiħ u ħwawar salvaġġi indiġeni li jfuħu, u li lkoll jikkontribwixxu għad-distintività taċ-Welsh Beef. Il-ħiliet tal-ġestjoni tal-artijiet tal-ħaxix tal-bidwi minn Wales huma magħrufa mad-dinja u fil-fatt il-bdiewa ta’ Wales ta’ sikwit jirbħu premjijiet għall-ġestjoni tal-artijiet tal-ħaxix tagħom.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

    (L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4))

    L-ispeċifikazzjoni attwali tal-prodott ta’ IĠP Welsh Beef tista’ tinkiseb minn:

    https://www.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/278748/welsh-beef-pgi.pdf


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (3)  Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 3.


    Top