Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC0120(02)

Avviż li jikkonċerna l-ftuħ mill-ġdid parzjali tal-investigazzjoni antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet tat-trab żeolit A li joriġina fil-Bosnja-Ħerzegovina

ĠU C 17, 20.1.2015, p. 26–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 17/26


Avviż li jikkonċerna l-ftuħ mill-ġdid parzjali tal-investigazzjoni antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet tat-trab żeolit A li joriġina fil-Bosnja-Ħerzegovina

(2015/C 17/06)

F’Novembru 2010, bir-Regolament (UE) Nru 1036/2010 (1), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ trab ta’ żeolit A li joriġina fil-Bosnja-Ħerzegovina, u f’Mejju 2011 ġie impost dazju antidumping definittiv fuq l-istess importazzjonijiet bir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 464/2011 (2) (“ir-Regolament definittiv” jew “ir-Regolament ikkontestat”). Wara l-adozzjoni tar-Regolament definittiv, bid-Deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Mejju 2011 (3) (“id-Deċiżjoni”), il-Kummissjoni aċċettat impenn mill-produttur esportatur li kkoopera fil-Bosnja-Ħerzegovina, Alumina d.o.o. Zvornik (“Alumina”), flimkien mal-kumpanija relatata tiegħu fl-Unjoni, AB Kauno Teikimsa filialas “Kauno Tiekimas”, li tinsab f’Kaunas, fil-Litwanja.

Permezz tas-sentenza tagħha tat-30 ta’ April 2013 fil-Kawża T-304/11, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti Ġenerali”) annullat ir-Regolament definittiv sa fejn jikkonċerna l-kumpanija Alumina. Id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja (“QĠ”) fis-sentenza tagħha tal-1 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża C-393/13 P.

Għalhekk, l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni tat-trab żeolit A mill-kumpanija Alumina ma għadhomx soġġetti għall-miżuri antidumping imposti bir-Regolament definittiv flimkien mad-Deċiżjoni.

1.   It-tagħrif lill-awtoritajiet doganali

Għaldaqstant, kull dazju antidumping imħallas skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 464/2011 fuq l-importazzjonijiet ta’ trab żeolit A li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2842 10 00 (il-kodiċi TARIC 2842100030) prodott u esportat minn Alumina d.o.o. Zvornik (“Alumina”) u li joriġina fil-Bosnja-Ħerzegovina, għandu jitħallas lura jew jiġi rimess. Il-ħlas lura jew ir-remissjoni jridu jintalbu mingħand l-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

2.   Ftuħ mill-ġdid parzjali tal-investigazzjoni antidumping

Il-QĠ, permezz tas-sentenza tagħha tal-1 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża C-393/13 P, ċaħdet l-appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li kienet annullat ir-Regolament definittiv sa fejn dan jikkonċerna l-kumpanija Alumina. Il-QĠ kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ valutazzjoni billi kkunsidrat, għall-finijiet tal-kostruzzjoni tal-valur normali, element (fil-forma ta’ primjum ta’ riskju għal konsumatur speċifiku) li kien tali li jaffettwa n-natura normali tal-bejgħ b’tali mod li dan il-valur normali ma baqax jirrifletti mill-iktar qrib possibbli l-prezz ta’ bejgħ ta’ prodott, kif ikun jekk il-prodott inkwistjoni jinbiegħ fil-pajjiż ta’ oriġini fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali.

Il-Qrati (4) jirrikonoxxu li, f’każijiet fejn proċediment ikun jikkonsisti minn għadd ta’ stadji amministrattivi, l-annullament ta’ wieħed minn dawn l-istadji ma jannullax il-proċediment kollu. Il-proċediment antidumping huwa eżempju ta’ proċediment b’bosta stadji bħal dan. Għaldaqstant, l-annullament ta’ partijiet tar-Regolament definittiv ma jimplikax l-annullament tal-proċedura kollha qabel l-adozzjoni tar-Regolament inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma obbligati li jikkonformaw mas-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014 tal-QĠ. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta jikkonformaw mas-sentenza, għandhom il-possibilità li jirrimedjaw l-aspetti tar-Regolament ikkontestat li wasslu għall-annullament parzjali tiegħu, filwaqt li ma jbiddlux il-partijiet mhux ikkontestati li ma jintlaqtux mis-sentenza (5). Wieħed għandu jinnota li s-sejbiet kollha l-oħra magħmula fir-Regolament ikkontestat, li ma kinux ikkontestati fit-termini preskrittivi determinati għar-rikuża u li għalhekk ma kinux ikkunsidrati mill-Qrati u li ma wasslux għall-annullament tar-Regolament ikkontestat, jibqgħu validi.

Għalhekk il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid l-investigazzjoni antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tat-trab żeolit A li joriġina fil-Bosnja-Ħerzegovina. Il-ftuħ mill-ġdid huwa limitat fil-kamp ta’ applikazzjoni għall-implimentazzjoni tas-sejba tal-QĠ kif imfakkar hawn fuq.

3.   Proċedura

Wara li l-Kummissjoni ddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li l-ftuħ mill-ġdid parzjali tal-investigazzjoni antidumping huwa ġġustifikat, hija b’dan tiftaħ mill-ġdid parzjalment l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ trab ta’ żeolit A li joriġinaw mill-Bosnja-Ħerzegovina, li tnediet skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (6).

Il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jippreżentaw fehmiethom, iressqu l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fit-terminu preskrittiv stipulat fil-punt 4(a).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, sakemm dawn jagħmlu talba li turi li hemm raġunijiet partikolari għalfejn dawn għandhom jinstemgħu. Din it-talba trid issir fit-terminu preskrittiv stipulat fil-punt 4(b).

4.   It-termini preskrittivi

(a)   Biex il-partijiet jippreżentaw ruħhom u jressqu l-informazzjoni

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-avviż, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(b)   Seduti ta’ smigħ

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, sabiex tinstema’ t-talba trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.   Sottomissjonijiet bil-miktub u korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan l-avviż, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jiġu mmarkati bħala “Ristretti” (7).

Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li se jiġu mmarkati bil-kliem “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati biżżejjed sabiex is-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni skenjati, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra rreġistrata. Bl-użu tal-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (Korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea f’każijiet relatati mad-difiża tal-kummerċ) ippubblikat fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tan-negozju uffiċjali li jiffunzjona u li jiġi kkonsultat kuljum. Ladarba d-dettalji ta’ kuntatt ikunu stabbiliti, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm dawn ma jitolbux speċifikament li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma jkunx jeħtieġ l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: CHAR 04/039

1040 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta Elettronika: TRADE-ZEOLITE-IMPLJUDGCJ@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fit-termini preskrittivi stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

Nuqqas li tingħata risposta kompjuterizzata ma għandhiex titqies li tikkostitwixxi nuqqas ta’ koperazzjoni, sakemm dik il-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tar-risposta kif mitlub ma tirriżultax f’piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih.

7.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (8).

8.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tat-termini preskrittivi u t-talbiet għas-smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista ’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu bis-sħiħ.

It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal seduta ta’ smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta jipprovdi wkoll l-opportunitajiet biex issir seduta li tinvolvi l-partijiet u li tagħmilha possibbli li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, l-istabbiliment ta’ valur normali.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/#_hearing-officer


(1)  ĠU L 298, 16.11.2010, p. 27.

(2)  ĠU L 125, 14.5.2011, p. 1.

(3)  ĠU L 125, 14.5.2011, p. 26.

(4)  Il-Kawża T-2/95 Industrie des poudres sphériques (IPS) vs il-Kunsill [1998] il-Ġabra II-3939.

(5)  Il-Kawża C-458/98 P Industrie des poudres sphériques (IPS) v il-Kunsill [2000] il-Ġabra I-08147.

(6)  ĠU C 40, 17.2.2010, p. 5.

(7)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top