Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0579

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2016 għal ċerti stokkijiet tal-ħut fil-Baħar l-Iswed

COM/2015/0579 final - 2015/0264 (NLE)

Brussell, 24.11.2015

COM(2015) 579 final

2015/0264(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2016 għal ċerti stokkijiet tal-ħut fil-Baħar l-Iswed


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE ifittex jiżgura li r-riżorsi akkwatiċi ħajjin huma sfruttati f’kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli. Għodda importanti f’dan ir-rigward hija l-istabbiliment kull sena tal-opportunitajiet tas-sajd fl-għamla ta’ qabdiet totali permissibbli (Total Allowable Catches/TACs), ta’ kwoti u ta’ limiti tal-isforzi tas-sajd.

L-għan ta’ din il-proposta huwa l-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd għall-Istati Membri għall-2016 fir-rigward tal-iktar stokkijiet kummerċjalment importanti fil-Baħar l-Iswed.

Kuntest Ġenerali

L-istokkijiet tal-Baħar l-Iswed sfruttati mill-Bulgarija u mir-Rumanija huma kondiviżi ma’ pajjiżi li mhumiex parti mill-UE, pereżempju, it-Turkija, l-Ukrajna, il-Georgia u l-Federazzjoni Russa. Madankollu ma hemm l-ebda deċiżjoni dwar il-qabdiet totali permissibbli (TACs) fil-livell reġjonali bejn il-pajjiżi tal-UE u dawk li mhumiex tal-UE. Kull sena sa mill-2008, l-Unjoni Ewropea (UE) ilha tistabbilixxi t-TACs awtonomi għall-barbun imperjali u għal-laċċa kaħla sabiex dan jgħin fl-iżgurar li jkunu applikati r-regoli tal-politika komuni tas-sajd (PKS).

Fil-livell internazzjonali, u peress li s-sehem tal-pajjiżi tal-UE fil-Baħar l-Iswed jirrappreżenta biss 6 % tal-qbid għall-barbun imperjali, il-bżonn li jkun stabbilit programm ta’ rkupru internazzjonali għall-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed kollu kien jikkostitwixxi prijorità tal-Kummissjoni f’dawn l-aħħar snin. Sar progress f’dan ir-rigward fl-aħħar sessjoni annwali tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (il-GFCM) li fiha ġiet approvata proposta tal-UE għal miżuri li jevitaw, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd IUU għas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed 1 .

Skont valutazzjoni xjentifika maħruġa mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF) u l-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (il-GFCM), l-istokk fl-2014 tal-mazzola griża fil-Baħar l-Iswed ġie kklassifikat li qed jiġi sfruttat b’mod li mhuwiex sostenibbli u li huwa f’riskju ta’ kollass. Il-mazzola griża hija speċi b’ħajja twila, li timmatura tard, u għandha fekondità baxxa, li jfisser li l-istokk ikun limitat ħafna fil-kapaċità tiegħu biex jirkupra malajr wara li jiġi eżawrit. Il-ħatt l-art tal-mazzola griża tal-Baħar l-Iswed kollu naqas b’mod stabbli u drammatiku mill-bidu tas-serje tal-ħatt l-art irrappurtat, minn aktar minn 6,000 tunnellata fl-1989 għal 80 tunnellata fl-2013. L-ewwel pass biex tirkupra l-popolazzjoni tal-mazzola griża kien l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-mazzola griża fil-Baħar l-Iswed 2 . Fid-dawl tas-sitwazzjoni inkwetanti ta’ dan l-istokk, li jista’ jkun f’xifer ta’ kollass, huma proposti opportunitajiet tas-sajd fil-forma ta’ limitu ta’ qbid.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-konsultazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd fl-2016 (COM(2015) 239 final), tiddeskrivi l-kuntest tal-proposta.

L-opportunitajiet tas-sajd f’din il-proposta huma mmarkati bħala “pm” (pro memoria). Dan huwa minħabba l-fatt li l-parir dwar l-istokkijiet tal-Baħar l-Iswed mhux se jkun disponibbli sa meta l-proposta hi skedata għall-adozzjoni. Il-parir xjentifiku dwar l-opportunitajiet tas-sajd fl-2016 fil-Baħar l-Iswed se jingħata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd matul is-sessjoni plenarja li se ssir mit-28 ta’ Settembru sat-2 ta’ Ottubru 2015. Il-proposta trid tiġi aġġornata hekk kif il-parir isir disponibbli.

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

L-opportunitajiet tas-sajd u l-mod li bih huma allokati lill-Istati Membri huma rregolati kull sena. L-aħħar att legali ta’ dan it-tip huwa r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2015/106 3 tad-19 ta’ Jannar 2015 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2015 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut applikabbli fil-Baħar l-Iswed.

Minbarra l-opportunitajiet tas-sajd annwali, għandhom jissemmew il-miżuri rilevanti li ġejjin għas-sajd tal-Baħar l-Iswed koperti fil-proposta:

Id-daqsijiet minimi ta’ konservazzjoni u d-daqsijiet minimi tax-xbieki fir-rigward tas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed huma stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 227/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 4 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar u r-Regolament tal- Kunsill (KE) Nru 1434/98 li jispeċifika l-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jinħattu l-aringi għal skopijiet industrijali li mhux għall-konsum dirett tal-bniedem.

Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/37/2013/2 li tistabbilixxi sett ta’ standards minimi għal għeżula tal-qiegħ tas-sajd għall-barbun imperjali u għall-konservazzjoni taċ-ċetaċji fil-Baħar l-Iswed adottata mill-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) fis-37 sessjoni tagħha (Split, Mejju 2013).

Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/39/2015/3 li tistabbilixxi sett ta’ miżuri li jevitaw, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat għas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed adottata mill-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) fid-39 sessjoni tagħha (Milan, Mejju 2015).

Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/39/2015/4 li tistabbilixxi sett ta’ miżuri li jevitaw, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat għas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed adottata mill-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) fid-39 sessjoni tagħha (Milan, Mejju 2015).

Konsistenza ma’ politiki u ma’ għanijiet oħra tal-UE

Il-miżuri proposti huma konformi mal-għanijiet u r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u huma konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli.

2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Ġbir u użu tal-għarfien espert

L-organizzazzjonijiet/esperti ewlenin ikkonsultati

L-organizzazzjoni xjentifika kkonsultata hija l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF).

Kull sena, l-Unjoni titlob lill-STECF għal parir xjentifiku dwar il-qagħda ta’ stokkijiet importanti tal-ħut. L-STECF jagħti l-parir tiegħu billi jsegwi termini ta’ referenza li jirċievi mingħand il-Kummissjoni. Il-parir li se jingħata f’Ottubru 2015 ikopri l-istokkijiet kollha tal-Baħar l-Iswed li għalihom huma proposti t-TACs.

L-għan aħħari tal-Unjoni huwa li ġġib u żżomm l-istokkijiet f’livelli li jistgħu jwasslu r-Rendiment Massimu Sostenibbli (Maximum Sustainable Yield/MSY). Dan l-għan ġie inkorporat b’mod espliċitu fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 (magħruf bħala r-Regolament bażiku il-ġdid tal-PKS). L-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament jistipula li dan l-oġġettiv “fejn hu possibbli”, għandu jintlaħaq sal-2015, u [...] “sa mhux iktar tard mill-2020 għall-istokkijiet kollha”. Dan jirrifletti l-impenn li ttieħed mill-Unjoni fir-rigward tal-konklużjonijiet tas-Samit Dinji tal-2002 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar f’Johannesburg u l-Pjan ta’ Implimentazzjoni marbut miegħu.

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati permezz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-Konsultazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2016. Il-bażi xjentifika għall-proposta se tingħata mill-STECF. Ir-rapporti kollha tal-STECF huma disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ MARE.

Valutazzjoni tal-impatt

Abbażi tal-parir xjentifiku, il-miżuri proposti se jirriżultaw f’bidla fl-opportunitajiet tas-sajd fir-rigward tal-volumi tal-qbid għall-bastimenti tal-UE fil-Baħar l-Iswed.

Il-proposta ma tirriflettix biss tħassib għal żmien qasir iżda hija wkoll parti minn approċċ aktar fit-tul li matulu l-livell tas-sajd jiġi adattat gradwalment għal livelli ta’ sostenibbiltà fit-tul.

Għaldaqstant, l-approċċ meħud fil-proposta jista’ jwassal għal tnaqqis fl-isforz tas-sajd fi żmien medju sa aktar fit-tul, u li fit-tul jista’ jwassal għal kwoti stabbli jew dejjem jiżdiedu. Il-konsegwenzi tal-approċċ fit-tul huma mistennija jkollhom impatt imnaqqas fuq l-ambjent minħabba l-adattament fl-isforz tas-sajd u minħabba l-istess ammont jew ammont akbar ta’ ħatt l-art . Is-sostenibbiltà tal-attivitajiet tas-sajd se tiżdied fuq żmien twil.

3.ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-proposta tistabbilixxi l-limiti tal-qbid applikabbli għas-sajd tal-Unjoni fil-Baħar l-Iswed sabiex jintlaħaq l-għan tal-Politika Komuni tas-Sajd li jiġi żgurat sajd f’livelli li huma bijoloġikament, ekonomikament u soċjalment sostenibbli.

Bażi legali

Il-bażi legali għal din il-proposta huwa l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-obbligi tal-Unjoni għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin jirriżultaw mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Prinċipju ta’ sussidjarjetà

Il-proposta hija fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) tat-TFUE. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Prinċipju ta’ proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni li ġejja:

Il-Politika Komuni tas-Sajd hija politika komuni. Skont l-Artikolu 43(3) tat-TFUE hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jadotta l-miżuri dwar l-istabbiliment u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

Ir-Regolament tal-Kunsill propost jalloka l-opportunitajiet tas-sajd lill-Istati Membri. B’kont meħud tal-Artikolu 16(6) u (7) u tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, kull Stati Membru huwa liberu li jalloka dawn l-opportunitajiet lil bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu skont kif jidhirlu xieraq. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom spazju kemm iridu biex jimmanuvraw dwar deċiżjonijiet relatati mal-mudell soċjali/ekonomiku tal-għażla tagħhom biex jisfruttaw l-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom.

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja ġdida għall-Istati Membri. Dan ir-Regolament jiġi adottat mill-Kunsill kull sena, u l-mezzi pubbliċi u privati biex jiġi implimentat diġà jeżistu.

Għażla tal-istrumenti

L-istrumenti proposti: Regolament.

Din hija proposta għall-ġestjoni tas-sajd abbażi tal-Artikolu 43(3) tat-TFUE u skont l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1380/2013.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI FAKULTATTIVI

Simplifikazzjoni

Il-proposta tipprovdi aktar għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi (tal-UE jew nazzjonali), minħabba li fiha dispożizzjonijiet simili għal dawk tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2015/106 5 .

 

Klawsola ta’ analiżi/reviżjoni/terminazzjoni awtomatika

Il-proposta tikkonċerna Regolament annwali għall-2016 u għalhekk ma tinkludix klawsola ta’ reviżjoni.

Spjega Dettaljata

Il-proposta tistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2016 għal ċerti stokkijiet jew gruppi ta’ stokkijiet għas-sajd tal-Istati Membri fil-Baħar l-Iswed.

L-obbligu ta’ ħatt l-art għall-istokkijiet maqbuda f’ċerti attivitajiet tas-sajd se jkun applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2015. Fil-Baħar l-Iswed dan is-sajd ikopri s-sajd pelaġiku żgħir, jiġifieri s-sajd għal-laċċa kaħla, li huwa wieħed mill-istokkijiet li huma kkontrollati mit-TACs u l-kwoti f’dan ir-Regolament.

Bl-introduzzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art, skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd proposti jirriflettu l-bidla mill-ammont li nħatt l-art għall-ammont maqbud. Dan isir abbażi tal-parir xjentifiku mogħti għall-istokkijiet tal-ħut fis-sajd, kif imsemmi fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti wkoll skont l-Artikoli 16(1) (li jirreferi għall-prinċipju tal-istabbiltà relattiva) u 16(4) (li jirreferi għall-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd u għar-regoli previsti għall-pjanijiet pluriennali) ta’ dak ir-Regolament. Iċ-ċifri proposti jirriflettu l-parir xjentifiku u l-qafas għall-istabbiliment tat-TACs u l-kwoti li jinsabu fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-Konsultazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2016.

Billi l-intenzjoni tal-Kummissjoni hija li tiżgura l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd f’konformità mal-politika u mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni filwaqt li l-opportunitajiet tas-sajd jinżammu stabbli, safejn huwa prattiku l-varjazzjonijiet annwali fit-TACs huma limitati sabiex jitqies l-istatus ta’ stokk partikolari.

It-TACs u l-kwoti allokati lill-Istati Membri jinsabu fl-Anness I tar-Regolament propost.

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill(KE) Nru 847/96 6 , huwa propost li l-Artikoli 3 u 4 ma japplikawx għall-istokkijiet koperti minn dan ir-Regolament. Madankollu, skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 il-flessibbiltà ta’ sena b’sena stipulata fl-istess Artikolu tapplika għall-istokkijiet koperti bl-obbligu ta’ ħatt l-art.

2015/0264 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2016 għal ċerti stokkijiet tal-ħut fil-Baħar l-Iswed

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Artikolu 43(3) tat-Trattat jistipula li l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd.

(2)Ir-Regolament(UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 jeżiġi li jiġu adottati miżuri ta’ konservazzjoni filwaqt li jittieħed kont tal-pariri xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi disponibbli, inklużi, fejn ikunu rilevanti, rapporti mfassla mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF).

(3)Il-Kunsill għandu d-dmir li jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont is-sajd jew il-grupp tas-sajd fil-Baħar l-Iswed, inklużi ċerti kundizzjonijiet li huma funzjonalment marbuta magħhom, kif xieraq. Skont l-Artikolu 16(1) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu mqassma fost l-Istati Membri b’tali mod li tiġi żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta’ kull Stat Membru għal kull stokk ta’ ħut jew żona tas-sajd u skont l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tal-istess Regolament.

(4)Il-qabdiet totali permissibbli (TACs) għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-parir xjentifiku disponibbli, b’kunsiderazzjoni ta’ aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi filwaqt li jiżguraw trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, kif ukoll fid-dawl tal-opinjonijiet espressi matul il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

(5)Għas-sajd tal-laċċa kaħla, l-obbligu ta’ ħatt l-art imsemmi fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 japplika mill-1 ta’ Jannar 2015. L-Artikolu 16(2) ta’ dak ir-Regolament jistipula li, meta jiddaħħal l-obbligu ta’ ħatt l-art rigward stokk tas-sajd, l-opportunitajiet tas-sajd iridu jiġu stabbiliti billi tiġi kkunsidrata l-bidla minn opportunitajiet tas-sajd li jirriflettu l-ħatt l-art għall-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd li jirriflettu l-qabdiet.

(6)Fil-laqgħa annwali tagħha fl-2015, il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/39/2015/4 li tistabbilixxi miżuri ta’ ġestjoni għall-mazzola griża fil-Baħar l-Iswed. Fid-dawl tas-sitwazzjoni inkwetanti ta’ dan l-istokk, li jista’ jkun f’xifer ta’ kollass, u qabel ma l-miżuri ta’ ġestjoni tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran isiru kompletament effettivi, jeħtieġ li jinkludi opportunitajiet tas-sajd għall-mazzola griża f’dan ir-Regolament.

(7)L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd kif stabbiliti f’dan ir-Regolament għandu jkun soġġett għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 8 u b’mod partikolari għall-Artikoli 33 u 34 ta’ dak ir-Regolament, fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-qabdiet u tan-notifika tad-dejta dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk, jeħtieġ li jkunu speċifikati l-kodiċijiet li l-Istati Membri għandhom jużaw meta jibagħtu dejta lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art tal-istokkijiet soġġetti għal dan ir-Regolament.

(8)F’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 9 , meta jiġu stabbiliti t-TACs, il-Kunsill għandu jiddeċiedi għal liema stokkijiet ma japplikawx l-Artikoli 3 u 4, b’mod partikolari abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet.

 (9)Sabiex tkun evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd u sabiex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Unjoni, huwa importanti li fl-1 ta’ Jannar 2016 jinfetħu t-tipi tas-sajd inkwistjoni fil-Baħar l-Iswed. Għal raġunijiet ta’ urġenza, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I
Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

Artikolu 1
Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2016 għall-istokkijiet tal-ħut tal-ispeċijiet li ġejjin fil-Baħar l-Iswed.

(a)Barbun Imperjali (Psetta maxima) 

(b)Laċċa kaħla (Sprattus sprattus) 

(c)Mazzola tax-xewka (Squalus acanthias).

Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li joperaw fil-Baħar l-Iswed.

Artikolu 3
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“GFCM” tfisser il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran;

(b)“Il-Baħar l-Iswed” tfisser is-subżona ġeografika 29 kif definita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 ;

(c)“bastiment tas-sajd” tfisser kull bastiment mgħammar għall-użu kummerċjali tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

(d)“bastiment tas-sajd tal-Unjoni” tfisser bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru u li jkun irreġistrat fl-Unjoni;

(e)    “stokk” tfisser riżorsa bijoloġika tal-baħar li tkun tinsab f’żona ta’ ġestjoni partikolari;

(f) “qabda totali permissibbli” (TAC) tfisser:

(i) fis-sajd soġġett għall-obbligu ta’ ħatt l-art imsemmi fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-kwantità li tista’ tinqabad minn kull stokk kull sena;

(ii) fis-sajd l-oħra kollha, il-kwantità li tista’ tinħatt minn kull stokk kull sena;

(g)“kwota” tfisser proporzjon tat-TAC allokat lill-Unjoni, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz.


KAPITOLU II
Opportunitajiet tas-sajd

Artikolu 4
TACs u allokazzjoni

It-TACs għall-bastimenti tal-UE, l-allokazzjoni ta’ tali TACs fost l-Istati Membri, u l-kundizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom, fejn xieraq, huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 5
Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet

L-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif stabbiliti f’dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:

(a)skambji magħmula skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b)tnaqqis u riallokazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(c)ħatt l-art addizzjonali permess bl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (KE) Nru 1380/2013;

(d)kwantitajiet trasferiti f’konformità mal-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(e)tnaqqis magħmul skont l-Artikoli 105 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 6
Kundizzjonijiet għall-ħatt l-art tal-qabdiet u tal-qabdiet inċidentali mhux suġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art

Il-qabdiet u l-qabdiet inċidentali tal-barbun tat-tbajja’ għandhom jinżammu abbord jew jinħattu l-art biss jekk il-qabdiet isiru minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru li għandu kwota, liema kwota ma tkunx eżawrita.

KAPITOLU III
Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 7
Trażmissjoni tad-dejta

Fejn, skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri jibagħtu dejta lill-Kummissjoni relatata mal-ħatt l-art ta’ kwantitajiet ta’ stokkijiet maqbuda, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8
Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta’ Jannar 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/39/2015/3 li tistabbilixxi sett ta’ miżuri li jevitaw, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat għas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed adottata mill-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) fid-39 sessjoni tagħha (Milan, Mejju 2015).
(2) Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/39/2015/4 li tistabbilixxi sett ta’ miżuri li jevitaw, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat għas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed adottata mill-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) fid-39 sessjoni tagħha (Milan, Mejju 2015).
(3) ĠU L 19, 19.01.2015, p. 1.
(4) ĠU L 78, 20.3.2013, p. 1.
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2015/106 tad-19 ta’ Jannar 2015 li jistabbilixxi għall-2015 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut fil-Baħar l-iswed
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta’ Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tal-TAC u l-kwoti (ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(9) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta’ Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tal-TAC u l-kwoti (ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3..
(10) Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).
Top

Brussell, 24.11.2015

COM(2015) 579 final

ANNESS

tal-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2016 għal ċerti stokkijiet tal-ħut fil-Baħar l-Iswed


ANNESS

TACs APPLIKABBLI GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI F’ŻONI FEJN JEŻISTU T-TACs SKONT L-ISPEĊI U SKONT IŻ-ŻONA

It-tabelli li ġejjin jistabbilixxu t-TACs u l-kwoti (f’tunnellati ta’ piż ħaj, ħlief fejn huwa speċifikat mod ieħor) skont l-istokk, u l-kundizzjonijiet marbuta magħhom b’mod funzjonali.

L-istokkijiet tal-ħut huma msemmija skont l-ordni alfabetiku tal-ismijiet tal-ispeċijiet bil-Latin. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-tabella ta’ ekwivalenza tal-ismijiet bil-Latin mal-ismijiet komuni tidher hawn taħt:

Isem xjentifiku

Kodiċi Alpha-3

Isem Komuni

Psetta maxima

TUR

Barbun imperjali

Sprattus sprattus

SPR

Laċċa kaħla

Squalus acanthias

DGS

Mazzola griża



Speċi:

Barbun imperjali

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni fil-Baħar l-Iswed

Psetta maxima

TUR/F37.4.2.C.

Il-Bulgarija

0

(*)

TAC Analitika

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

Ir-Rumanija

 0

(*)

L-Unjoni

0

(*)

TAC

Mhux rilevanti

_________

(*) L-ebda attività tas-sajd inkluż it-trażbord, it-teħid abbord, il-ħatt l-art u l-ewwel bejgħ mhi permessa mill-15 ta’ April sal-15 ta’ Ġunju 2016.

Speċi:

Laċċa kaħla

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni fil-Baħar l-Iswed

Sprattus sprattus

SPR/F37.4.2.C

Il-Bulgarija

8 032,5

TAC Analitika

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

Ir-Rumanija

3 442,5

L-Unjoni

11 475

TAC

Mhux rilevanti



Speċi:

Mazzola griża

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni fil-Baħar l-Iswed

Squalus acanthias

DGS/F37.4.2.C.

Il-Bulgarija

0

TAC Analitika

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

Ir-Rumanija

0

L-Unjoni

0

TAC

Mhux rilevanti

Top