Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0553

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni mill-Finlandja - EGF/2015/005 FI/Computer Programming)

    COM/2015/0553 final

    Brussell, 6.11.2015

    COM(2015) 553 final

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
    (applikazzjoni mill-Finlandja - EGF/2015/005 FI/Computer Programming)


    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    KUNTEST TAL-PROPOSTA

    1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 1 (ir-"Regolament tal-FEG").

    2.Fit-12 ta’ Ġunju 2015, il-Finlandja ressqet applikazzjoni EGF/2015/005 FI/Computer Programming għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji 2 fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 62 (Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati) fir-reġjuni tal-livell NUTS 3 2 ta’ Länsi-Suomi (FI19), Helsinki-Uusimaa (FI1b), Etelä-Suomi (FI1C) u Pohjois- ja Itä-Suomi (FI1D) fil-Finlandja. Dawn ir-reġjuni, meħuda flimkien, jinkludu l-Finlandja kollha għajr għall-gżira ta’ Åland.

    3.Wara li vvalutat din l-applikazzjoni, u f'konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament tal-FEG, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribut finanzjarju mill-FEG huma sodisfatti.

    SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

    L-applikazzjoni tal-FEG

    EGF/2015/005 FI/Computer Programming

    Stat Membru

    Il-Finlandja

    Ir-reġjun(i) ikkonċernat(i) (il-livell NUTS 2)

    Länsi-Suomi (FI19)

    Helsinki-Uusimaa (FI1B)

    Etelä-Suomi (FI1C)

    Pohjois- ja Itä-Suomi (FI1D)

    Id-data tat-tressiq tal-applikazzjoni

    It-12 ta' Ġunju 2015

    Id-data ta’ konferma tal-wasla tal-applikazzjoni

    It-12 ta' Ġunju 2015

    Id-data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali

    Is-26 ta' Ġunju 2015

    Id-data ta’ skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali

    Il-21 ta' Awwissu 2015

    Id-data ta’ skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni

    It-13 ta' Novembru 2015

    Il-kriterju ta’ intervent

    L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament FEG


    L-għadd ta’ impriżi kkonċernati

    69

    Is-settur(i) tal-attività ekonomika

    (Id-Diviżjoni tal-NACE Reviżjoni 2) 4

    Id-Diviżjoni 62 (Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati)

    Perjodu ta' referenza (disa' xhur):

    It-30 ta' Lulju 2014 - it-30 ta' April 2015

    L-għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza

    1 603

    L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli

    1 603

    L-għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira

    1 200

    L-għadd ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEETs) fil-mira

    0

    Il-baġit għas-servizzi personalizzati (f'EUR)

    4 167 000

    Il-baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG 5 (f'EUR)

    205 000

    Il-baġit totali (f'EUR)

    4 372 000

    Il-kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (f'EUR)

    2 623 200

    VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

    Proċedura

    4.Fit-12 ta' Ġunju 2015, il-Finlandja ressqet applikazzjoni EGF/2015/005 FI/Computer Programming fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew sodisfati l-kriterji tal-intervent stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-FEG. Il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet l-applikazzjoni fi żmien ġimagħtejn mid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, fit-12 ta' Ġunju 2015, u talbet aktar informazzjoni mill-Finlandja fis-26 ta' Ġunju 2015. Informazzjoni addizzjonali bħal din ingħatat fi żmien tmien ġimgħat mit-talba, wara estensjoni tad-data tal-iskadenza b’ġimagħtejn fuq it-talba debitament iġġustifikata tal-Finlandja. L-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta, li fihom il-Kummissjoni għandha tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, tiskadi fit-13 ta’ Novembru 2015.

    Eliġibbiltà tal-applikazzjoni

    L-intrapriżi u l-benefiċjarji kkonċernati

    5.L-applikazzjoni tikkonċerna 1 603 ħaddiem li ngħataw is-sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 62 (Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati). Is-sensji ngħataw fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta’ Länsi-Suomi (FI19), Helsinki-Uusimaa (FI1B), Etelä-Suomi (FI1C) u Pohjois- ja Itä-Suomi (FI1D). Is-sensji ngħataw f’69 intrapriża 6 , bi kważi nofshom (778) jingħataw minn Microsoft Mobile Oy.

    Kriterji ta’ intervent

    6.Il-Finlandja ressqet l-applikazzjoni skont il-kriterju ta’ intervent tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament tal-FEG, li jeħtieġ mill-inqas 500 sensja fuq perjodu ta’ referenza ta’ disa’ xhur f’intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fil-livell tad-diviżjoni NACE Rev. 2 u li jinsabu f’reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni kontigwi kif definit fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru. Fir-reġjun ta' Helsinki-Uusimaa (FI1B) waħdu ngħataw 737 sensja.

    7.Il-perjodu ta’ referenza ta’ disa’ xhur tal-applikazzjoni huwa mit-30 ta’ Lulju 2014 sat-30 ta’ April 2015.

    Kalkolu tal-għotjiet tas-sensja u ta’ waqfien ta’ attività

    8.Is-sensji matul il-perjodu ta’ referenza ġew ikkalkulati kif ġej:

    1 218 mid-data tal-avviż individwali tal-impjegatur biex jissensja jew iwaqqaf il-kuntratt ta’ impjieg tal-ħaddiem,

    385 mid-data tat-tmiem de facto tal-kuntratt tal-impjieg jew tal-iskadenza tiegħu.

    Benefiċjarji eliġibbli

    9.L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 1 603.

    Rabta bejn is-sensji u l-"bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjijn minħabba l-globalizzazzjoni"

    10.Sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturrali ewlenin fix-xejriet kkummerċjali dinjijn minħabba l-globalizzazzjoni, il-Finlandja ġabet l-argument li fis-snin riċenti id-distribuzzjoni ta' impjiegi fis-settur tal-ICT bejn l-UE u ekonomiji oħra żviluppa għad-detriment tal-UE. Filwaqt li l-volum ta’ dan il-qasam ilu jiżdied b’mod ġenerali, dan naqas fl-Ewropa hekk kif in-negozji u s-servizzi jittieħdu lejn iċ-Ċina, l-Indja, it-Tajwan u postijiet oħra barra l-Ewropa. Fl-2014 biss, il-persunal ta’ kumpaniji Finlandiżi tal-ICT tnaqqas bi 3 fil-mija, li jsarrfu f'1 500 ruħ.

    Id-distribuzzjoni ta’ impjiegi fis-settur tal-ICT bejn l-Unjoni Ewropea u ekonomiji oħra (l-2009 u l-2011)

    Sors: Il-Kummissjoni Ewropea. Rapporti ta' Analiżi tat-Tbassir tal-Industrija tal-ICT għall-2013 u l-2014: Analiżi tar-R&Ż fl-ICT fl-UE u lil hinn

    11.Dawn l-effetti nħassu b'mod partikulari fil-Finlandja hekk kif l-industrija Finlandiża kollha tal-elettroniki ġiet affettwata b'mod qawwi, bl-agħar episodju jkun it-tħabbira ta' Nokia fl-2011 li kienet se tagħti sensji b'mod mifrux. Fl-2012, Nokia l-ewwel issensjat 1 000 ħaddiem f'Salo (EGF/2012/006 FI/Nokia Salo), u wara ssensjat 3 700 oħra fi tmiem l-2012 u l-bidu tal-2013 (EGF/2013/001 FI/Nokia). Dan kien segwit minn 600 sensja oħra fin-negozju tal-iżvilupp taċ-chipsets fl-2014 (EGF/2015/001 FI/Broadcom).

    12.F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-settur tal-programmar tal-kompjuter, il-konsulenza u attivitajiet relatati baqa' għaddej bl-isofrzi tiegħu li jikkompeti globalment, anki jekk il-konsumatur ewlieni tas-servizzi tiegħu, jiġifieri Nokia, kien għeb.

    13.L-industrija Finlandiża tas-software issa qed kulma jmur tinvesti aktar fis-servizzi tal-internet industrijali u dawk cloud, bl-għażla taqa' fuq servizzi bejn in-negozji, filwaqt li fl-istess ħin tesperjenza problemi b'servizzi bejn in-negozji u l-konsumaturi. Dan tal-aħħar huwa riżultat tal-pressjoni tal-prezzijiet globali tas-suq. L-atturi fis-suq ikollhom jikkompetu għall-ordnijiet ma’ kumpaniji minn pajjiżi li għandhom kostijiet aktar baxxi. Hemm ukoll it-tendenza li kumpaniji globali li joperaw fil-Finlandja jittrasferixxu parti mill-operazzjonijiet tagħhon lejn pajjiżi b'kostijiet aktar baxxi. Pereżempju, f'Novembru tal-2014 CGI ħabbret li kellha tnaqqas il-persunal Finlandiż tagħha b'270 u tittrasferixxi l-operazzjonijiet tagħha lejn barra l-UE 7 .

    14.In-negozju tas-software huwa negozju globali, u l-prodotti tas-software jinxtraw globalment mill-aktar sorsi kost-effettivi. Madankollu, il-prodotti tas-software xorta jistgħu jitfasslu b'mod li jilħqu rekwiżiti speċifiċi għall-pajjiż, għar-reġjun jew għal-lingwa.

    15.Element importanti tal-industrija globali tas-software huwa li din l-industrija teħtieġ b'mod kontinwu forza tax-xogħol ġdida u edukata, peress li ċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u soluzzjonijiet relatati tas-software huwa qasir ħafna meta mqabbel maċ-ċiklu tal-ħajja tal-persunal tiegħu. Il-kompetizzjoni bejn l-impjegati mill-UE u minn barra l-UE hija ħarxa. Il-ħaddiema inqas edukati u li qed jixjieħu mill-UE ma jistgħux jikkompetu faċilment mal-impjegati żgħar u b'edukazzjoni aħjar minn barra l-UE.

    16.Filwaqt li fl-2008 l-industrija tat-teknoloġija kienet tħaddem 326 000 ħaddiem fil-Finlandja, l-għadd ta' ħaddiema f'kumpaniji ta' dan it-tip kien nieżel għal 276 000 fl-2014. Dan isarraf f'medja ta’ tnaqqis fis-sena ta’ madwar 3 % (10 000 ħaddiem).

    17.S'issa, is-settur tal-Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati kien is-suġġett ta' żewġ applikazzjonijiet tal-FEG, b'waħda minnhom tkun ibbażata fuq il-globalizzazzjoni u bl-oħra tkun ibbażata fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali 8 .

    Avvenimenti li wasslu għas-sensjar u għall-waqfien tal-attività

    18.L-avvenimenti li wasslu għal dan is-sensjar kienu l-iżviluppi li affettwaw lil Nokia fis-snin riċenti, li kellhom impatt maġġuri fuq is-settur tal-ICT fil-Finlandja. Eluf ta' Finlandiżi kienu jaħdmu fil-qasam tal-iżvilupp u d-disinjar tas-sistemi operazzjonali għal Nokia, partikolarment f'Oulu. Issa din il-ħidma ġiet trasferita lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE.

    19.Id-deċiżjonijiet ta’ Nokia u Microsoft (id-delokalizzazzjoni, l-għeluq tal-produzzjoni u t-twaqqif tax-xogħol ta' żvilupp fil-Finlandja) affettwaw għadd ta' kumpaniji tal-industrija tas-software li l-operazzjonijiet tagħhom kienu marbuta ma' Nokia jew Microsoft. Bħala riżultat, il-problemi ta' Nokia kellhom impatt fuq is-sitwazzjoni fl-industrija tas-software Finlandiża kollha. Il-kumpanija tas-servizzi tal-ICT Tieto, pereżempju, iġġustifikat l-għoti tas-sensji li ħabbret fil-ħarifa tal-2014 bl-għadd imnaqqas ta’ ordnijiet minn wieħed mill-klijenti ewlenin tagħha, jiġifieri Nokia. Kumpaniji bħal Atos IT Solutions and Services, il-kumpanija tal-gaming Rovio Entertainment u Samlink għamlu l-istess għall-istess raġunijiet.

    20.B’kollox, 69 kumpanija fl-industrija tas-software taw is-sensji lil impjegati tagħhom fil-ħarifa tal-2014 u r-rebbiegħa tal-2015. Ir-raġunijiet li wasslu għal dawn is-sensji jvarjaw, iżda l-aktar denominatur komuni huwa li l-kumpaniji ffaċċjaw kompetizzjoni internazzjonali li kienet qeda dejjem taċċellera u tintensifika. L-għeluq ta' Nokia u ta' Microsoft kienu kruċjali, iżda l-biċċa l-kbira tas-sensji huma parti minn fenomenu akbar fis-settur kollu tal-ipprogrammar.

    L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija u l-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali u l-impjiegi

    75% tas-sensji seħħew fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta' Helsinki-Uusimaa (FI1B) u Pohjois- ja Itä-Suomi (FI1D). Din hija r-raġuni għaliex dawn iż-żewġ reġjuni jitqiesu fid-dettall fil-paragrafi ta' hawn taħt.

    21.L-Ostrobothnia ta' Fuq (il-parti mir-reġjun ta' Pohjois- ja Itä-Suomi (FI1D) fejn jinsab Oulu) huwa reġjun b'rata għola ta' qgħad (ogħla mill-medja nazzjonali). Fi Frar tal-2015, ir-rata nazzjonali tal-qgħad kienet 13.5%, filwaqt li fl-Ostrobothnia ta' Fuq kienet 15.7% u f'Oulu kienet 17.1%. Kważi tnejn minn kull tliet persuni li qed ifittxu xogħol u li huma qiegħda fir-reġjun jgħixu fiż-żona ta' Oulu, l-istess bħall-maġġoranza tal-professjonisti qiegħda tar-reġjun.

    22.Bħalissa hemm madwar 1 250 unità ta' attività fil-qasam tal-ICT fl-Ostrobothnia ta' Fuq, bil-biċċa l-kbira jkunu f'Oulu. Iċ-ċifri dwar ix-xejriet ekonomiċi juru li l-fatturat ta' kumpaniji fis-settur tal-ICT ilu jonqos sa mill-2012 9 . Is-settur kollu tal-informazzjoni huwa responsabbli għal madwar 12 % tal-impjiegi kollha fiż-żona. Dawn id-diffikultajiet wasslu għal għadd kbir ta’ sensji kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku. Filwaqt li s-settur tal-kumpanniji tal-ICT impjegaw kważi 13 000 persuna fir-reġjun fl-2008, din iċ-ċifra naqqset għal madwar 10 000 fis-snin riċenti.

    23.Iż-żona ta’ Oulu ġiet affettwata b'mod sinifikanti mit-tnaqqis fl-impjiegi fis-settur tal-ICT peress li kienet isservi ta' hub għall-uffiċċji tal-kumpaniji, R&Ż&I u x-xogħol sa mis-snin 1980. Fir-rebbiegħa tal-2015, kien hemm madwar 1 500 persuna qiegħda li kienu qed ifittxu xogħol fis-settur tal-ICT fir-reġjun. Madwar 80 % minnhom jgħixu fiż-żona ta' Oulu. Barra minn hekk, terz ta’ dawk qiegħda b’lawrja ta’ edukazzjoni ogħla fis-settur tal-ICT kienu kontinwament mingħajr impjieg għal aktar minn sena. Is-sensji minn Microsoft iggravaw sitwazzjoni li kienet diġà eċċezzjonalment ħażina.

    24.Setturi ġodda ta' tkabbir li se joħolqu l-impjieg, bħad-diġitalizzazzjoni tal-proċessi elettroniċi u l-mod kif it-tbassir sar iktar faċli qed jiġu żviluppati b'mod attiv fiż-żona ta' Oulu, u trid tiġi żgurata l-inklużjoni ta' esperti tal-ICT qiegħda f'dan l-iżvilupp 10 .

    25.F’Uusimaa, fl-aħħar ta’ Frar tal-2015 11% tal-forza tax-xogħol kienu persuni qiegħda li qed ifittxu xogħol. Anki jekk din iċ-ċifra hija inqas mill-medja nazzjonali, iż-żieda fil-qgħad hija konsiderevolment ikbar f’Uusimaa (15.0 %) milli fil-Finlandja kollha kemm hi (9.7 %). Fi Frar, kien hemm 5,1 persuna qiegħda li qed tfittex impjieg għal kull post tax-xogħol battal. Il-qgħad qiegħed jiżdied anki minħabba l-migrazzjoni netta lejn iż-żona. L-għadd ta’ persuni qiegħda li qed ifittxu xogħol f’Uusimaa qabeż il-104 000 f’Awwissu tal-2015 u din hija l-ogħla ċifra sa mill-bidu tas-snin 1990.

    26.Il-PDG ta’ Uusimaa jirrappreżenta 36 % tal-PDG tal-Finlandja. Uusima hija responsabbli għal 71 % tal-fatturat, 62 % tal-impjegati u 52 % tal-istabbilimenti tan-negozju tas-settur privat tal-industrija tas-software tal-Finlandja. Dan ifisser li wieħed jista' jgħid li, fl-industrija tas-software, Uusimaa għandha rwol saħansitra akbar mill-industriji l-oħra kollha f'daqqa.

    27.Fl-2013, l-industrija tas-software kienet tirrappreżenta 3 % tal-fatturat, 5 % tal-persunal u 3 % tal-istabbilimenti tan-negozju tas-settur privat f'Uusimaa.

    28.Matul il-perjodu ta’ referenza, kien hemm total ta’ 49 intrapriża tas-software li marru għal negozjati ta' kooperazzjoni fir-reġjun ta' Uusimaa. Il-ħtieġa stmata għal tnaqqis tal-persunal fil-bidu tan-negozjati ta' kooperazzjoni kien ta’ 1 681 persuna.

    29.Abbażi ta’ valutazzjoni preliminari, jidher li (b’mod partikolari fil-każ ta’ CGI) is-sensji kienu jikkonċernaw l-impjegati salarjati li għandhom aktar minn 50 sena, sezzjoni tal-popolazzjoni li ssibha diffiċli li ssib impjieg ġdid, u huwa ġġustifikat li wieħed jassumi li sa Ġunju tal-2016 aktar minn 50 % minnhom se jkunu qiegħda fuq terminu twil.

    Benefiċjarji fil-mira u azzjonijiet proposti

    Benefiċjarji fil-mira

    30.In-numru stmat ta’ ħaddiema li ngħataw is-sensja li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huwa 1 200. It-tqassim ta’ dawn il-ħaddiema skont is-sess, iċ-ċittadinanza u l-grupp ta’ età hija kif ġej:

    Kategorija

    Għadd ta’
    benefiċjarji fil-mira

    Sess:

    Irġiel:

    660

    (55,0 %)

    Nisa:

    540

    (45,0 %)

    Ċittadinanza:

    Ċittadini tal-UE:

    1 160

    (96,7 %)

    mhux ċittadini tal-UE:

    40

    (3,3 %)

    Grupp ta’ età:

    15-24 sena:

    24

    (2,0 %)

    25-29 sena:

    72

    (6,0 %)

    30-54 sena:

    936

    (78,0 %)

    55-64 sena:

    156

    (13,0 %)

    iktar minn 64 sena:

    12

    (1,0 %)

    L-eliġibbiltà tal-azzjonijiet proposti

    31.Is-servizzi personalizzati li jridu jiġu pprovduti lill-ħaddiema ssensjati jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin:

    A. Il-miżuri ta’ kowċing u miżuri oħra ta’ tħejjija

    Taħriġ għal dawk li qed ifittxu xogħol

    L-għan ta’ taħriġ għal dawk li qed ifittxu xogħol huwa li l-parteċipanti jingħataw informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol, jiġu mgħejuna jgħarfu l-għażliet tagħhom u jtejbu u jaġġornaw il-ħiliet tagħhom fit-tfittxija għax-xogħol. Minħabba l-karatteristiċi speċjali tat-tfittxija għax-xogħol fis-settur tal-ICT, se jinxtraw servizzi ta' taħriġ magħmulin għall-kompetenzi u għall-ħtiġijiet vokazzjonali tal-grupp fil-mira.

    L-impjieg jista’ jiġi promoss permezz ta’ servizzi ta’ taħriġ, bl-appoġġ tal-mobbiltà tal-ħaddiema f'kooperazzjoni mas-servizzi tal-EURES u, pereżempju, billi joffru gruppi apposta ta' taħriġ għat-tiftix għax-xogħol li jiffukaw fuq l-identifikazzjoni ta' xogħlijiet fl-ICT barra mill-pajjiż.

    Kowċing għax-xogħol (gwida individwali)

    L-għan tal-kowċing għax-xogħol huwa li klijent privat ikun iggwidat waqt li jkun qed ifittex impjieg jew taħriġ fuq il-post tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, il-kowċijiet għax-xogħol jistgħu jippromwovu l-impjieg mill-ġdid billi jigwidaw lill-persuna li tkun qed tfittex impjieg bl-użu ta' għadd ta' għażliet biex issib impjieg (ġestjoni tal-każ), min-naħa l-oħra jistgħu jgħinuhom isibu xogħol ġdid billi jagħtu parir lill-persuna li tkun qed tfittex impjieg waqt it-tfittxija.

    Kowċing għall-karriera

    Il-kowċing għall-karriera jingħata jekk, skont il-valutazzjoni ta' uffiċjal minn Uffiċċju tal-Impjieg u tal-Iżvilupp Ekonomiku (Uffiċċju TE), il-konsumaturi jkunu jeħtieġu appoġġ aktar funzjonali, intensiv u fuq terminu twil fl-ippjanar tal-karriera tagħhom.

    Valutazzjonijiet tal-esperti

    Persuni fis-settur tal-ipprogrammar għandhom kompetenzi li jvarjaw ħafna. Sabiex tiġi vvalutata l-ħtieġa tal-persuna li tkun qed tfittex xogħol għal servizzi, Uffiċċju TE jista' jorganizza għadd ta' valutazzjonijiet esperti bħal evalwazzjonijiet tal-abbiltà tax-xogħol; l-immappjar tal-kompetenza u tal-ħiliet vokazzjonali; il-valutazzjoni tal-kompetenza intraprenditorjali u l-opportunitajiet għall-attività intraprenditorjali. Il-kontenut u l-ambitu ta’ valutazzjoni esperta se jiddependu mis-sitwazzjoni personali tal-persuna li qed tfittex xogħol.

    B. Impjiegi u servizzi tan-negozju

    Is-servizzi tal-impjieg u tan-negozju ffinanzjati mill-FEG mogħtija mill-Uffiċċju TE jinkludu l-appoġġ tat-tfittxija indipendenti għax-xogħol b'servizzi onlajn, offerti tax-xogħol u servizzi oħra tal-impjieg inklużi servizzi tal-impjieg internazzjonali, provvedimenti u kumpens għall-ispejjeż taċ-ċaqliq, immappjar vokazzjonali u tal-kompetenzi, evalwazzjonijiet tal-abbiltà tax-xogħol, taħriġ, provi (provi tax-xogħol, provi ta' taħriġ) u sussidji tal-pagi. L-Uffiċċju TE huwa responsabbli mis-servizzi offruti u speċjalisti tas-servizz FEG se jieħdu ħsieb dan ix-xogħol.

    C. Taħriġ

    It-taħriġ huwa implimentat bħala edukazzjoni mill-ġdid vokazzjonali, fejn l-għan huwa l-kisba ta’ kwalifika vokazzjonali jew vokazzjonali ulterjuri fi ħdan industrija b’rata għolja ta' impjieg, jew bħala taħriġ kontinwu permezz tat-tisħiħ ta’ kompetenzi eżistenti. It-taħriġ jitfassal apposta skont il-grupp fil-mira.

    L-għan ta’ taħriġ bħal dan huwa wkoll li dawk li jkunu qed jitħarrġu jieħdu fehim prattiku dwar kif il-kumpaniji joperaw u bil-ħiliet meħtieġa għall-ħidma f'kumpanija, kif ukoll dwar il-kompetenzi meħtieġa għall-iżvilupp ta' kumpanija. L-għan tat-taħriġ huwa jew li jinstab xogħol f’waħda mill-kumpaniji msieħba jew li titnieda intrapriża ġdida permezz ta’ proġett ta’ żvilupp.

    Jista’ jiġi pprovdut taħriġ speċjali għal dawk b’livell ogħla ta’ edukazzjoni.

    D. Sussidju tal-paga

    Is-sussidji tal-paga se jkunu disponibbli għall-ħaddiema ssensjati biex jiġu sostnuti l-impjiegi f’impjieg ġdid billi jitnaqqsu l-ispejjeż tal-pagi tal-impjegatur. Is-sussidji tal-paga huma użati l-aktar bħala mezz biex tingħata spinta lir-reklutaġġ fis-settur privat permezz tas-sussidji. Mill-2015, is-sussidju tal-paga se jkun bejn it-30 % u l-50 % tal-kosti tal-pagi, skont kemm il-persuna impjegata b'sussidju tkun ilha qiegħda.



    E. Għotja għal negozji ġodda

    Il-fini tal-għotjiet għal negozji ġodda huwa biex jitħeġġeġ il-ħolqien ta' attivitajiet tan-negozju u l-impjieg ta' persuni individwali. L-għotja għal negozji ġodda tiżgura dħul għal intraprenditur aspiranti matul iż-żmien meħtieġ biex jitnieda u jitwaqqaf negozju full-time, sa massimu ta’ 18-il xahar.

    Għotja tal-bidu tikkonsisti f’żewġ partijiet, il-provvediment bażiku u suppliment. Fl-2015, il-provvediment bażiku kien jammonta għal EUR 32,80 għal kull jum. L-ammont tas-suppliment ivarja fuq bażi ta’ każ b’każ, fid-diskrezzjoni tal-Uffiċċju TE. Is-suppliment ivarja bejn 10 % u 60 % tal-ammont tal-provvediment bażiku.

    F. Id-direzzjoni lejn l-intraprenditorija u servizzi għal intraprendituri ġodda

    Passi marbuta mal-promozzjoni tal-intraprenditorija huma implimentati bħala taħriġ tat-tip tal-inkubatur tan-negozju u taħriġ imprenditorjali. Barra minn hekk, intraprendituri ġodda jingħataw pariri, konsulenza u għotjiet għan-negozji ġodda. Il-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda se jiġi appoġġat permezz ta’ netwerks ta’ servizzi kummerċjali subreġjonali u l-ippjanar tan-negozju għall-klijenti tal-Korporazzjoni tal-Ministeru tal-Impjieg u l-Ekononija (MIE).

    G. Provvedimenti għall-ivjaġġar, l-akkomodazzjoni u l-ġarr

    Persuna li qed tfittex xogħol tista’ tingħata provvediment għall-kosti tal-ivjaġġar u l-akkomodazzjoni imġarrba fit-tfittxija tal-impjieg jew tali spejjeż li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni f’taħriġ, u kumpens għall-ispejjeż ta’ ġarr meta jaċċettaw impjieg barra miż-żona tal-ivvjaġġar għax-xogħol tagħha.

    32.L-azzjonijiet proposti deskritti hawnhekk jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jiħdux post il-miżuri tal-protezzjoni soċjali passivi.

    33.Il-Finlandja pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew skont l-arranġamenti kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhix se tieħu post dawn l-azzjonijiet.

    Baġit stmat

    34.L-ispejjeż totali stmati huma ta’ EUR 4 372 000, li jinkludu nefqa għal servizzi personalizzati ta’ EUR 4 167 000 u nefqa għal attivitajiet preparatorji, ta’ ġestjoni, ta' informazzjoni u ta' pubbliċità, ta' kontroll u ta' rappurtar ta’ EUR 205 000.

    35.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 2 623 200 (60 % tal-ispejjeż totali).



    L-azzjonijiet

    Għadd stmat ta’ parteċipanti

    Kost stmat għal kull parteċipant
    (f'EUR)

    Spejjeż totali stmati

    (f'EUR)

    Is-servizzi personalizzati (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament dwar l-FEG)

    Il-miżuri ta’ kowċing u miżuri oħra ta’ tħejjija

    710

    400.00

    284 000.00

    Impjiegi u servizzi tan-negozju

    1 200

    375.00

    450 000.00

    Taħriġ

    468

    5 000.00

    2 340 000.00

    Għotja għal negozji ġodda

    45

    6 000.00

    270 000.00

    Id-direzzjoni lejn l-intraprenditorija u servizzi għal intraprendituri ġodda:

    12

    5 000.00

    60 000.00

    Subtotal (a):

    Il-perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati

    3 404 000

    (81,69 %)

    Benefiċċji u inċentivi (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG)

    Sussidju tal-paga

    92

    8 000.00

    736 000.00

    Benefiċċji għall-ispejjeż tal-ivjaġġar, l-akkomodazzjoni u l-ġarr

    180

    150.00

    27 000.00

    Subtotal (b):

    Il-perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:

    763 000

    (18.31 %)

    Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-FEG

    1. Attivitajiet preparatorji

    10 000.00

    2. Ġestjoni

    165 000.00

    3. Informazzjoni u pubbliċità

    25 000.00

    4. Kontroll u rapportar

    5 000.00

    Subtotal (c):

    Perċentwal tal-ispejjeż totali:

    205 000.00

    4,69 %

    Spejjeż totali (a + b + c):

    4 372 000

    Il-kontribuzzjoni tal-FEG (60 % tal-ispejjeż totali)

    2 623 200

    36.L-ispejjeż tal-azzjonijiet identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG ma jaqbżux il-35 % tal-kosti totali tal-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati. Il-Finlandja kkonfermat li dawn l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta’ tiftix ta’ impjieg jew ta’ taħriġ;

    37.Il-Finlandja kkonfermat li l-ispejjeż tal-investimenti għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, il-ftuħ ta’ negozji u l-akkwiżizzjoni minn impjegati mhumiex ser jaqbżu l-EUR 15 000 għal kull benefiċjarju.

    Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa

    38.Il-Finlandja bdiet tipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta’ Awwissu 2014. Għaldaqstant, in-nefqa fuq dawn l-azzjonijiet għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Awwissu 2014 sat-12 ta’ Ġunju 2017.

    39.Il-Finlandja bdiet iġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex timplimenta l-FEG fl-1 ta' Awwissu 2014. Għaldaqstant, in-nefqa għal attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u ta' pubbliċità u ta’ kontroll u ta' rappurtar għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Awwissu 2014 sat-12 ta’ Diċembru 2017.

    Kumplimentarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati mill-fondi nazzjonali jew tal-Unjoni.

    40.Is-sorsi tal-prefinanzjament jew il-kofinanzjament nazzjonali huma primarjament mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fil-fergħa amministrattiva tal-MIE Xi servizzi se jkunu finanzjati mill-ispejjeż operazzjonali taċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku, it-Trasport u l-Ambjent (Ċentri ELY) u l-Uffiċċji TE. Kompiti ta’ appoġġ tekniku se jkunu finanzjati mill-ispejjeż operazzjonali tal-Ministeru tal-Impjiegi u l-Ekonomija u ċ-Ċentri ELY.

    41.Il-Finlandja kkonfermat li l-miżuri deskritti hawn fuq li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni.

    Proċeduri għall-konsultazzjoni tal-benefiċjarji fil-mira jew ir-rappreżentanti tagħhom jew l-imsieħba soċjali kif ukoll awtoritajiet lokali u reġjonali

    42.Il-Finlandja indikat li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali u l-awtoritajiet reġjonali. Iċ-Ċentru ELY u l-Uffiċċju TE għall-Ostrobothnia ta' Fuq organizzaw avveniment (l-1 ta' Ottubru 2014) biex jippjanaw il-miżuri inklużi fil-proġetti FEG. Is-sħab tal-organizzazzjonijiet li qed jimplimentaw il-proġett (Business Oulu, the City of Oulu, l-Università ta' Oulu, Yritystakomo (inkubatur tan-negozju), il-Kamra tal-Kummerċ u l-Intraprendituri tal-Ostrobothnia ta' Fuq) u rappreżentanti tal-grupp mira kienu mistiedna jieħdu sehem f'dan l-avveniment.

    43.Il-MIE sejjaħ grupp li jindirizza s-sensji fis-settur tal-ipprogrammar tal-kompjuter u pparteċipa fil-preparazzjoni tal-applikazzjoni tal-FEG. Dan il-grupp jinkludi rappreżentanti miċ-Ċentri ELY u l-Uffiċċji TE għar-reġjuni kkonċernati, Business Oulu u l-imsieħba soċjali.

    Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

    44.L-applikazzjoni fiha deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Il-Finlandja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribut finanzjarju se jkun ġestit mill-MIE, li jġesti wkoll il-fondi tal-FSE. L-istess Ministeru jaġixxi bħala l-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni. Hemm separazzjoni stretta tad-dmirijiet u ta' relazzjonijiet ta' rappurtaġġ bejn id-dipartimenti responsabbli għal dawn iż-żewġ funzjonijiet. Il-funzjonijiet ta’ ġestjoni għall-FEG ġew assenjati lid-dipartiment tal-Impjiegi u tal-Intraprenditorija, filwaqt li dawk għall-FSE ngħataw lid-dipartiment reġjonali. Il-funzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni għaż-żewġ Fondi huma f'idejn l-Unità tar-Riżorsi Umani u tal-Amministrazzjoni. Il-Ministeru ħejja manwal li jiddeskrivi fid-dettall il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti.

    45.Fir-rigward tal-awditjar, il-korp responsabbli huwa l-Unità tal-Verifika Interna indipendenti, li jopera taħt is-Segretarju Permanenti tal-istess Ministeru. Il-funzjonijiet relatati mal-monitoraġġ u l-awditjar huma inklużi wkoll fil-firxa ta’ funzjonijiet tal-awtoritajiet tal-ġestjoni u taċ-ċertifikazzjoni.

    Impenji pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat

    46.Il-Finlandja pprovdiet l-assigurazzjonijiet meħtieġa kollha rigward dawn li ġejjin:

    il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fil-kuntest tal-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom,

    inżammet il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar sensji kollettivi,

    l-intrapriżi li taw is-sensji, li komplew bl-attivitajiet tagħhom wara s-sensji, ikkonformaw mal-obbligi legali tagħhom li jikkontrollaw is-sensji u pprovdew għall-ħaddiema tagħhom bix-xieraq,

    l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu għajnuna finanzjarja minn fondi jew minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni, u kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi prevenut;

    l-azzjonijiet proposti se jikkumplimentaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

    il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

    IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Proposta baġitarja

    47.Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 11 .

    48.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-FEG, u wara li qieset in-numru ta’ benefiċjarji fil-mira, l-azzjonijiet proposti u l-ispejjeż stmati, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont ta’ EUR 2 623 200, li jirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet proposti, sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

    49.Id-deċiżjoni proposta biex jiġi mmobilizzat l-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stabbilit fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba 12 .

    Atti relatati

    50.Filwaqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 2 623 200 fil-linja baġitarja rilevanti.

    51.Filwaqt li tadotta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tadotta deċiżjoni fuq kontribuzzjoni finanzjarja, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li se jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw id-deċiżjoni proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG.

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
    (applikazzjoni mill-Finlandja - EGF/2015/005 FI/Computer Programming)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 13 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 14 , u b’mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun intemmet b’riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b’riżultat ta’ kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b’riżultat ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

    (2)Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 15 .

    (3)Fit-12 ta’ Ġunju 2015, il-Finlandja ppreżentat applikazzjoni EGF/2015/005 FI/Computer Programming għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 62 (Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati) fir-reġjuni tal-livell NUTS 16 2 ta’ Länsi-Suomi (FI19), Helsinki-Uusimaa (FI1b), Etelä-Suomi (FI1C) u Pohjois- ja Itä-Suomi (FI1D) fil-Finlandja. Din kienet supplimentata b'informazzjoni addizzjonali provduta f'konformità mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għall-istabbiliment ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

    (4)Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mmobilizzat sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 2 623 200 għall-applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja,

    (5)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed biex jiġi mmobilizzat il-FEG, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jagħti s-somma ta’ EUR 2 623 200 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Tapplika minn [the date of its adoption] 17 .

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
    (2) Fit-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-FEG.
    (3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).
    (4) ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.
    (5) F'konformità mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
    (6) Il-lista ta’ intrapriżi fl-Anness
    (7) http://yle.fi/uutiset/it_firm_cgi_decides_to_send_home_270_in_finland/7632870 http://www.itviikko.fi/ihmiset-ja-ura/2014/11/14/cgi-paatyi-irtisanomaan-270/201415871/7
    (8) EGF/2011/016/Agile; COM(2013) 120 final u dik preżenti
    (9) http://www.pohjois-pohjanmaa.fi/file.php?3634 pp 3
    (10) http://www.temtoimialapalvelu.fi/files/2285/Ohjelmistoala_joulukuu_2014.pdf pp 42
    (11) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
    (12) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
    (13) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
    (14) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
    (15) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
    (16) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).
    (17) Date to be inserted by the Parliament before the publication in OJ.
    Top

    Brussell, 6.11.2015

    COM(2015) 553 final

    ANNESS

    tal-Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
    (applikazzjoni mill-Finlandja – EGF/2015/005 FI/Computer Programming)


    ANNESS

    L-intrapriżi u l-għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza

    10tons Oy



    1

    Kielisoft IT Solutions Oy

    1

    Accenture Services Oy

    1

    Kuru Digital Creations Oy

    1

    Amadeus Finland Oy

    2

    LeadDesk Oy

    4

    Amdocs Finland Oy

    4

    Leadin Oy

    1

    Analyse Solutions Finland Oy

    5

    Leonidas Oy

    3

    Atex Media Oy

    1

    Microsoft Mobile Oy

    778

    Atos IT Solutions and Services Oy

    53

    Miracle Finland Oy

    6

    Avarea Oy

    3

    ML-Soft Oy

    1

    Basware Oyj

    4

    MSG Software Oy

    2

    BeiZ Oy

    2

    Net Man Oy

    1

    Bilot Oy

    4

    Nortal Oy

    1

    Bluegiga Technologies Oy

    2

    Ohjelma-Aitta Oy

    1

    BTJ Finland Oy

    2

    Oudata Oy

    1

    Capgemini Finland Oy

    8

    Oy Gamecluster Ltd

    9

    CDC Software Finland Oy

    1

    PLM Group OY

    3

    CGI Suomi Oy

    125

    Qualcomm Atheros Finland Oy

    1

    Cisco Systems Finland Oy

    4

    Rovio Entertainment Oy

    107

    Cloud Solutions CS Oy

    1

    Salcom Group Oy

    3

    Codenomicon Oy

    4

    Samlink Oy

    39

    Conmio Oy

    2

    SC5 Online Oy

    1

    Cybercom Finland Oy

    1

    Scatman Oy

    1

    Digia Finland Oy

    15

    SecIT Oy

    9

    Dovre Group Oyj

    2

    Seven Networks International Oy

    26

    Esri Finland Oy

    8

    Softeri Oy

    1

    Fenix Solutions Oy

    2

    Solinor Oy

    3

    Fiksu Finland Oy

    4

    Solteq Oyj

    28

    F-Secure Oyj

    17

    Staria Consulting Oy

    4

    Fujitsu Finland Oy

    18

    Stonesoft Oy

    4

    Gurux Oy

    1

    Symbio Finland Oy

    9

    IBS Enterprise Finland Oy

    1

    Tecnotree Oyj

    8

    IndoorAtlas Oy

    1

    Tieto Finland Oy

    215

    Innofactor Oyj

    9

    Tieturi Oy

    2

    Ixonos Oyj

    4

    Vaimo Finland Oy

    1

    Javerdel Oy

    14

    Whitelake Software Point Oy

    1

    KajaPro Oy

    1

     

     

    Għadd totali ta’ intrapriżi:

    69

    Għadd totali ta’ sensji:

    1 603

    Top