Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0491

    Proposta emendata għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa u l-Istati Uniti tal-Amerka, min-naħa l-oħra

    COM/2015/0491 final - 2006/058 (CNS)

    Brussell, 13.10.2015

    COM(2015) 491 final

    2006/0058(CNS)

    Proposta emendata għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa u l-Istati Uniti tal-Amerka, min-naħa l-oħra


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Fil-25 u fit-30 ta’ April 2007, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa u l-Istati Uniti tal-Amerka min-naħa l-oħra, iffirmaw Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru ("il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru UE/USA"). Dak li-ftehim kellu l-mira, fost affarijiet oħra, li jiffaċilita l-espansjoni tal-opportunitajiet għat-trasport internazzjonali bl-ajru billi fetaħ l-aċċess għas-swieq u ġab l-aħjar benefiċċji possibbli għall-konsumaturi, għall-kumpaniji tal-ajru, għall-ħaddiema u għall-komunitajiet fuq iż-żewġ naħat tal-Oċean Atlantiku.

    Min-naħa tal-UE, kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri tagħha huma Partijiet għal dan il-Ftehim. Il-proċess ta’ ratifika tlesta mill-Istati Membri fl-2014. Ir-Repubblika tal-Kroazja se taderixxi mal-Ftehim skont il-proċedura prevista fl-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE.

    Il-proposta inkwistjoni timmodifika l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni (COM 2006/0058 (CNS)) 1 , bil-ħsieb partikolari li jitqies id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Biex jiġi ffaċilitat l-eżami mill-Kunsill, it-test rilevanti kollu qiegħed jitressaq bħala proposta emendata.

    2.IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Ma japplikax

    3.L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Ma japplikax

    4.L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Ma japplikax

    2006/0058 (CNS)

    Proposta emendata għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa u l-Istati Uniti tal-Amerka, min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew 2 ,

    Billi:

    (1)F’isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri, il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru mal-Istati Uniti tal-Amerka (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim”) skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati.

    (2) Il-Ftehim ġie iffimat fil-25 u fit-30 ta’ April 2007. Il-Ftehim għandu jiġi approvat f’isem l-Unjoni.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1. Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda u l-Istati Uniti tal-Amerka, min-naħa l-oħra, (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

    2. Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuni li f’isem l-Unjoni Ewropea jkollhom is-setgħa li jiddepożitaw l-istrument ta’ approvazzjoni previst fl-Artikolu 26 tal-Ftehim, biex jesprimu l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-Ftehim, u għandhom jagħtu din in-notifika:

       “Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwiet u laħqet wara l-Komunità Ewropea, u minn dik id-data qed teżerċita d-drittijiet kollha u tassumi l-obbligi kollha tal-Komunità Ewropea. Għalhekk, ir-referenzi għall-“Komunità Ewropea” fit-test tal-Ftehim għandhom, fejn rilevanti, jinqraw bħala “l-Unjoni Ewropea”.”

    Artikolu 2

    1. L-Unjoni Ewropea għandha tkun irrappreżentata fil-Kumitat Konġunt li twaqqaf mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18 tal-Ftehim.

    2. Il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt dwar il-kwistjonijiet li hemm fl-Artikoli 14 u 20 tal-Ftehim se tiġi adottata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni ma’ Kumitat Speċjali maħtur mill-Kunsill.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1427727730466&uri=CELEX:52006PC0169(02)
    (2) ĠU C 81 E/01, 15.03.2011.
    Top