EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0483

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward tal-estensjoni tal-moratorju fuq dazji doganali fuq trażmissjonijiet elettroniċi u l-moratorju fuq ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u lmenti dwar sitwazzjonijiet

COM/2015/0483 final - 2015/0234 (NLE)

Brussell, 6.10.2015

COM(2015) 483 final

2015/0234(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward tal-estensjoni tal-moratorju fuq dazji doganali fuq trażmissjonijiet elettroniċi u l-moratorju fuq ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u lmenti dwar sitwazzjonijiet


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

L-objettiv ta' din il-proposta hija li tippermetti lill-Unjoni Ewropea tissieħeb mal-kunsens fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar l-adozzjoni mill-Konferenza Ministerjali tad-WTO ta’ żewġ deċiżjonijiet relatati ma' (1) moratorju fuq id-dazji doganali fuq it-trażmissjonijiet elettroniċi ("il-moratorju fuq il-kummerċ elettroniku") u (2) l-applikazzjoni tas-subparagrafi 1(b) u 1(c) tal-Artikolu XXIII tal-GATT 1994 dwar "ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u ilmenti dwar sitwazzjonijiet" fis-soluzzjoni ta' tilwim skont il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (“TRIPS”). 

L-Unjoni dejjem appoġġat l-estensjoni tal-"moratorju fuq il-kummerċ elettroniku" minħabba li l-kummerċ elettroniku huwa servizz u għalhekk m’għandux ikun suġġett għal dazji doganali. Barra minn hekk, il-moratorju jipprovdi benefiċċji ekonomiċi sinifikanti għall-kumpaniji fl-Unjoni.

Il-Ftehim TRIPS stabbilixxa moratorju ta' ħames snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu fl-1995 fuq l-applikazzjoni tas-subparagrafi 1(b) u 1(c) tal-Artikolu XXIII dwar ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u ilmenti dwar sitwazzjonijiet għal-konsultazzjonijiet u s-soluzzjoni tat-tilwim skont it-TRIPS (l-Artikolu 64(2) TRIPS). Matul dak il-perjodu, ma nstab l-ebda kunsens dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-modalitajiet għall-ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u ilmenti dwar sitwazzjonijiet skont l-Artikolu 64(3) TRIPS.

Wara li skada l-perjodu inizjali ta' ħames snin il-Konferenza Ministerjali tad-WTO estendiet kontinwament is-sospensjoni b'deċiżjoni kunsenswali, skont l-Artikolu 64(3) TRIPS u dan kienet tagħmlu sas-sessjoni ta' wara. L-aħħar estensjoni tal-11 ta' Diċembru 2013 twassal sal-Konferenza Ministerjali fl-2015. Id-Deċiżjonijiet tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO ddiriġew lill-Kunsill għat-TRIPS ikompli jeżamina l-kamp ta' applikazzjoni u l-modalitajiet għall-ilmenti tat-tipi previsti fis-subparagrafi 1(b) u 1(c) tal-Artikolu XXIII tal-GATT 1994 u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet għas-Sessjoni li jmiss tiegħu. Id-Deċiżjonijiet jgħidu wkoll li kien miftiehem li, sadanittant, il-Membri mhux se jniedu dawn l-ilmenti skont il-Ftehim TRIPS.

S'issa ma ntlaħaq l-ebda kunsens dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-modalitajiet.

Il-proposta tistipula li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni jieħu pożizzjoni f'isem l-Unjoni Ewropea fid-WTO biex jintlaħaq kunsens fir-rigward tal-estensjoni tal-"moratorju għall-kummerċ elettroniku" fuq bażi indefinita (jew f'kull Konferenza Ministerjali fejn tiġi proposta l-adozzjoni ta' moratorju għall-kummerċ elettroniku), u l-estensjoni tal-moratorju fuq ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u ilmenti dwar sitwazzjonijiet skont il-Ftehim TRIPS sakemm il-Konferenza Ministerjali tad-WTO tieħu deċiżjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-modalitajiet tal-ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni.

Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika u ma' politiki oħra tal-Unjoni

L-inizjattiva hija kompletament konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-politika eżistenti. Tħejjew deċiżjonijiet simili għal Konferenza ministerjali tad-WTO, inkluż l-aktar waħda reċenti għad-Disa' Konferenza Ministerjali tad-WTO fl-2013.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni (TFUE) jistipula li meta jkun meħtieġ li tittieħed Deċiżjoni li jkollha effett legali f’korp stabbilit bi ftehim internazzjonali, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jadotta Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni. L-estensjoni ta’ moratorji taqa’ taħt din id-dispożizzjoni, peress li d-Deċiżjoni tittieħed f’korp stabbilit bi ftehim internazzjonali (il-Konferenza Ministerjali tad-WTO) li jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni.

Il-moratorju previst dwar il-kummerċ elettroniku jittratta kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni (l-Artikolu 207 tat-TFUE) u b’mod partikolari, l-obbligi skont il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi. Bl-istess mod, il-moratorju previst fuq l-ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u l-ilmenti dwar sitwazzjonijiet jittratta kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni, b’mod partikolari l-obbligi skont il-Ftehim TRIPS.

3.IL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-PROPOSTA

Il-Parlament Ewropew jiġi infurmat bid-dettalji kollha minnufih, f'konformità mal-Artikolu 218(10) TFUE.

2015/0234 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward tal-estensjoni tal-moratorju fuq dazji doganali fuq trażmissjonijiet elettroniċi u l-moratorju fuq ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u lmenti dwar sitwazzjonijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Moratorju fuq dazji doganali fuq trażmissjonijiet elettroniċi (“il-moratorju dwar il-kummerċ elettroniku”) b’effett illi l-membri tad-WTO għandhom ikomplu l-prattika preżenti li ma jimponux dazji doganali fuq trażmissjonijiet elettroniċi, ġie adottat fil-forma ta’ dikjarazzjoni fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tal-1998. Bħalissa l-moratorju jieħu l-forma ta’ deċiżjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, li ġiet imġedda kull sentejn mill-1998 'il quddiem.

(2)Moratorju għal ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u ilmenti dwar sitwazzjonijiet ġie estiż kontinwament fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO wara l-iskadenza tal-perjodu ta' ħames snin biex tittieħed id-deċiżjoni għall-kamp ta' applikazzjoni u l-modalitajiet għal dawn l-ilmenti skont l-Artikolu 64(3) tal-Ftehim TRIPS.

(3)Dawn il-moratorji ġew estiżi l-aħħar fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Diċembru 2013 sal-2015. Dan għandu jiġi estiż ulterjorment mill-Konferenza Ministerjali tad-WTO li jmiss jew isir permanenti jekk jintlaħaq kunsens għal dak l-għan fid-diskussjonijiet li għaddejjin jew f'dawk futuri.

(4)Huwa fl-interess tal-Unjoni li tagħti l-appoġġ tagħha lill-estensjoni tal-moratorju fuq il-kummerċ elettroniku fuq bażi indefinita u lill-estensjoni tal-moratorju fuq ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u ilmenti dwar sitwazzjonijiet sakemm il-Konferenzi Ministerjali japprovaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għat-TRIPS fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u l-modalitajiet tal-ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u ilmenti dwar sitwazzjonijiet skont l-Artikolu 64(3) tat-TRIPS,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għandha tkun li tappoġġa estensjoni tal-moratorju fuq id-dazji doganali fuq it-trażmissjonijiet elettroniċi ("moratorju fuq il-kummerċ elettroniku") u tal-moratorju fuq ilmenti tat-tipi previsti mis-subparagrafi 1(b) u 1(c) tal-Artikolu XXIII tal-GATT 1994 ("ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u ilmenti dwar sitwazzjonijiet), sakemm il-Konferenza Ministerjali tieħu deċiżjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-modalitajiet tal-ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u ilmenti dwar sitwazzjonijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

Top