EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0440

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Kiribati dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir

COM/2015/0440 final - 2015/0202 (NLE)

Brussell, 14.9.2015

COM(2015) 440 final

2015/0202(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Kiribati dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 1 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa. Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa applikat mill-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u r-Renju Unit.

Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 emenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 billi trasferixxa 19-il pajjiż għall-Anness II, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mill-ħtieġa ta’ viża. Dawn id-19-il pajjiżi huma: il-Kolombja, Dominica, Grenada, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, Palau, il-Perù, Saint Lucia, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Timor Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu, l-Emirati Għarab Magħquda u Vanuatu. Ir-referenza għal kull wieħed minn dawn il-pajjiżi fl-Anness II hija akkumpanjata b'nota f'qiegħ il-paġna li tispeċifika li "L-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni tal-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea".

Ir-Regolment (UE) Nru 509/2014 ġie adottat fl-20 ta’ Mejju 2014 u daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Ġunju 2014. F'Lulju 2014, il-Kummissjoni ppreżentat Rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jawtorizzaha biex tibda negozjati dwar ftehimiet bilaterali ta’ eżenzjoni mill-viża ma’ kull wieħed mis-17-il pajjiż li ġejjin: Dominica, Grenada, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, Palau, Saint Lucia, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Timor Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu, l-Emirati Għarab Magħquda u Vanuatu 3 . Fid-9 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill indirizza direttivi ta’ negozjati lill-Kummissjoni.

L-ewwel serje ta’ ftehim bilaterali ta' eżenzjoni mill-viża kienu ffirmati fis-6 ta’ Mejju 2015 (l-Emirati Għarab Magħquda), fis-26 ta’ Mejju 2015 (Timor Leste) u fit-28 ta’ Mejju 2015 (Dominica, Grenada, Saint Lucia, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, Trinidad u Tobago u Vanuatu) u japplikaw b’mod proviżorju mid-data tal-iffirmar sakemm jidħlu fis-seħħ.

In-negozjati ma' Kiribati nfetħu fis-17 ta’ Diċembru 2014 u ġew imwettqa permezz ta’ skambju ta’ ittri. Matul skambji ulterjuri ntlaħaq qbil dwar l-aspetti kollha. Il-ftehim ġie inizjalat permezz ta’ skambju ta’ ittri bejn in-negozjaturi ewlenin fis-6 ta’ Mejju 2015 (Kiribati) u l-10 ta’ Ġunju 2015 (l-Unjoni). L-Istati Membri ġew mgħarrfa waqt il-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Viża tal-Kunsill li saret fil-15 ta’ Ġunju 2015.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA

Min-naħa tal-Unjoni, il-bażi ġuridika għall-ftehim hu l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu.

Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument legali għall-iffirmar tal-ftehim. Il-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata.

Filwaqt li jitqies il-fatt li Kiribati se jkun jista' jikkompleta il-proċedura interna ta’ ratifika tiegħu malajr u l-perjodu twil ta’ żmien li għadda mindu l-Kummissjoni pproponiet għall-ewwel darba li teżenta liċ-ċittadini ta' Kiribati mill-ħtieġa tal-viża (Novembru 2012), id-deċiżjoni proposta dwar l-iffirmar tistabbilixxi l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim mid-data tal-iffirmar tagħha skont l-Artikolu 218(5) TFUE. Filwaqt li tqis il-ħtieġa għall-kunsens tal-Parlament Ewropew qabel jiġi konkluż il-ftehim, il-Kummissjoni se tinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim.

3.IR-RIŻULTAT TAN-NEGOZJATI

Il-Kummissjoni tikkunsidra li nkisbu l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu u li l-abbozz ta’ ftehim bilaterali ta' eżenzjoni mill-viża huwa aċċettabbli għall-Unjoni.

Il-kontenut finali tiegħu jista’ jitqassar kif ġej:

Għan

Il-ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr il-viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Kiribati meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

Sabiex jitħares it-trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE, ġiet inkluża dispożizzjoni fil-ftehim li tiddikjara li Kiribati jista’ jissospendi jew itemm il-ftehim fir-rigward biss tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea u li l-Unjoni tistà wkoll tissospendi jew ittemm il-ftehim fir-rigward tal-Istati Membri tagħha kollha.

Is-sitwazzjoni speċifika tar-Renju Unit u tal-Irlanda hija riflessa fil-preambolu.

Kamp ta' applikazzjoni

L-eżenzjoni mill-viża tkopri l-kategoriji kollha ta’ persuni (dawk li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz/uffiċjali u speċjali) li jivvjaġġaw għal għanijiet differenti, bl-eċċezzjoni tal-għan għat-twettiq ta' attività bi ħlas. Għal din il-kategorija tal-aħħar, kull Stat Membru kif ukoll Kiribati jibqgħu ħielsa li jimponu l-ħtieġa tal-viża fuq iċ-ċittadini tal-Parti l-oħra skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli. Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni armonizzata, dikjarazzjoni konġunta hija annessa mal-ftehim dwar l-interpretazzjoni tal-kategorija ta' persuni li jivvjaġġaw bl-għan li jwettqu attività bi ħlas.

Tul ta' żmien tas-soġġorn

Il-ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr il-viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Kiribati meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Dikjarazzjoni konġunta dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-perjodu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum hija mehmuża ma’ dan il-ftehim.

Il-ftehim jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-Istati Membri li għadhom ma applikawx l-acquis ta' Schengen b’mod sħiħ. Sakemm ma jkunux għadhom parti miż-żona Schengen mingħajr fruntieri interni, l-eżenzjoni mill-viża tagħti dritt liċ-ċittadini ta' Kiribati biex jibqgħu għal 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum fit-territorju ta’ kull wieħed minn dawk l-Istati Membri (bħalissa l-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija), irrispettivament mill-perjodu kkalkulat għaż-żona Schengen kollha.

Applikazzjoni territorjali

Il-ftehim għandu dispożizzjonijiet relatati mal-applikazzjoni territorrjali tiegħu: fil-każ ta’ Franza u n-Netherlands, l-eżenzjoni mill-viża tintitola liċ-ċittadini ta' Kiribati biex jibqgħu biss fit-territorji Ewropej tal-Istati Membri.

Dikjarazzjonijiet

Barra mid-dikjarazzjonijiet konġunti msemmija hawn fuq, żewġ dikjarazzjonijiet konġunti oħra huma annessi mal-ftehim.:

dwar l-assoċjazzjoni tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen;

dwar it-tixrid totali ta' informazzjoni dwar il-kontenut u l-konsegwenzi tal-ftehim ta' eżenzjoni mill-viża u kwistjonijiet relatati, bħall-kundizzjonijiet għad-dħul fit-territorju.

4.KONKLUŻJONI

Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill

jiddeċiedi li l-ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u jawtorizza lill-President tal-Kunsill biex jaħtar lill-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw f’isem l-Unjoni;

japprova l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim sakemm dan jidħol fis-seħħ;

2015/0202 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Kiribati dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (A) tal-Artikolu 77(2) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 trasferixxa ir-referenza għal Kiribati mill-Anness I għall-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 5 .

(2)Ir-referenza għal dak il-pajjiż hija akkumpanjata b'nota f'qiegħ il-paġna li tispeċifika li l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea.

(3)Bid-deċiżjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Kiribati dwar il-viża għal perjodu qasir. In-negozjati dwar il-ftehim infetħu fis-17 ta’ Diċembru 2014 u ġew imwettqa permezz ta’ skambju ta’ ittri.

(4)Il-Ftehim inizjalat permezz ta’ skambju ta’ ittri fis-6 ta’ Mejju 2015 (Kiribati) u fl-10 ta' Ġunju 2015 (l-Unjoni) għandu jiġi ffirmat u d-dikjarazzjonijiet mehmuża jiġu approvati. Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jintemmu l-proċeduri għall-konklużjoni formali tiegħu.

(5)B'mod konformi mal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u filwaqt li jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Kiribati dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir (minn issa 'l quddiem imsejjaħ il-Ftehim) huwa b'dan approvat mill-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-dikjarazzjonijiet mehmuża ma' din id-Deċiżjoni jiġu approvati f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 4

Il-Ftehim japplika b’mod proviżorju mill-jum wara dak tal-iffirmar tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għal konklużjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa, ĠU L 81, 21.03.2001, p. 1
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa, ĠU L 149, 20.05.2014, p. 67
(3) COM (2014) 467, 17.7.2014
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa, ĠU L 149, 20.05.2014, p. 67.
(5) Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit, ĠU L 81, 21.03.2001, p. 1.
Top

Brussell, 14.9.2015

COM(2015) 440 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Kiribati dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir


ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Kiribati dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir



FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Kiribati dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni” jew “l-UE”, u

IR-REPUBBLIKA TA’ KIRIBATI, hawn iżjed ‘il quddiem imsejħa "Kiribati",

minn hawn 'il quddiem flimkien imsejħin il-“Partijiet Kontraenti”,

BIL-ĦSIEB li jiġu żviluppati ulterjorment relazzjonijiet ta' ħbiberija bejn il-partijiet Kontraenti u bix-xewqa li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar billi jiġi żgurat dħul u soġġorn qasir mingħajr viża għaċ-ċittadini tagħhom,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa 1 billi, inter alia, jittrasferixxi 19-il pajjiż terz, inkluż Kiribati, mal-lista ta' pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mill-ħtieġa tal-viża għal soġġorni qosra fl-Istati Membri,

FILWAQT LI HUMA KONXJI li l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 509/2014 jistipula li għal dawk id-19-il pajjiż, l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni,

FILWAQT LI JIXTIEQU li jitħares il-prinċipju ta' trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-persuni li jivvjaġġaw bil-għan li jwettqu attività bi ħlas matul is-soġġorn qasir tagħhom mhumiex koperti b'dan il-Ftehim u għalhekk għal dik il-kategorija r-regoli rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u tal-liġi nazzjonali ta' Kiribati dwar l-obbligu jew l-eżenzjoni mill-viża u dwar l-aċċess għal impjieg jibqgħu japplikaw,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u filwaqt li jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

ARTIKOLU 1

Għan

Dan il-Ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għaċ-ċittadini ta' Kiribati meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

ARTIKOLU 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

(a)    “Stat Membru” tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda;

(b)    “ċittadin tal-Unjoni” tfisser ċittadin ta' Stat Membru kif definit fil-punt (a);

(c)    "ċittadin ta’ Kiribati" tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Kiribati;

(d)    "żona Schengen" tfisser iż-żona mingħajr fruntieri interni li tinkludi t-territorji tal-Istati Membri kif stipulat fil-punt (a) li japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.



ARTIKOLU 3

Kamp ta' applikazzjoni

1.    Iċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali, maħruġ minn Stat Membru, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju ta' Kiribati għall-perjodu ta' soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(1).

Iċ-ċittadini ta' Kiribati li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali, maħruġ minn Kiribati, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Istati Membri għall-perjodu ta' soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(2).

2.    Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma japplikax għall-persuni li jivvjaġġaw bil-għan li jwettqu attività bi ħlas.

Għal din il-kategorija ta’ persuni, kull Stat Membru jista’ jiddeċidi b’mod individwali li jimponi l-ħtieġa tal-viża fuq iċ-ċittadini ta' Kiribati jew li jirtirha skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 2 .

Għal din il-kategorija ta’ persuni, Kiribati jista’ jiddeċidi dwar il-ħtieġa tal-viża jew l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta’ kull Stat Membru b’mod individwali skont il-liġi nazzjonali tiegħu.

3.    L-eżenzjoni mill-viża pprovduta b'dan il-Ftehim għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal-liġijiet tal-Partijiet Kontraenti dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn qasir. L-Istati Membri u Kiribati jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw id-dħul u s-soġġorn qasir fit-territorji tagħhom jekk waħda jew aktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma tintlaħaqx.

4.    L-eżenzjoni mill-viża tapplika irrispettivament mill-metodu ta' trasport użat biex jinqasmu l-fruntieri tal-Partijiet Kontraenti.

5.    Kwistjonijiet mhux koperti minn dan il-Ftehim ikunu koperti mil-liġi tal-Unjoni, mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u mil-liġi nazzjonali ta' Kiribati.

ARTIKOLU 4

Tul ta' żmien tas-soġġorn

1.    Iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jibqgħu fit-territorju ta' Kiribati għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum.

2.    Iċ-ċittadini ta' Kiribati jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum. Dak il-perjodu jiġi kkalkulat irrispettivament minn kwalunkwe soġġorn fi Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ.

Iċ-ċittadini ta' Kiribati jistgħu jibqgħu għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum fit-territorju ta' kull Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ, irrispettivament mill-perjodu tas-soġġorn ikkalkulat għat-territorju ta' Stat Membru li japplika l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ.

3.    Dan il-Ftehim ma jaffettwax il-possibbiltà għal Kiribati u għall-Istati Membri biex jestendu l-perjodu tas-soġġorn għal aktar minn 90 jum f'konformità mal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom u mal-liġi tal-Unjoni.

ARTIKOLU 5

Applikazzjoni territorjali

1.    Fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, dan il-Ftehim japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża.

2.    Fir-rigward tar-Renju tan-Netherlands, dan il-Ftehim japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Renju tan-Netherlands.

ARTIKOLU 6

Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim

1.    Il-Partijiet Kontraenti jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta' esperti (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u minn rappreżentanti ta' Kiribati. L-Unjoni tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.

2.    Il-Kumitat ikollu, inter alia, il-kompiti li ġejjin:

(a)    li jissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim;

(b)    li jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim;

(c)    li jsolvi tilwimiet li jitqanqlu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

3.    Il-Kumitat jitlaqqa' kull meta jkun meħtieġ, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti.

4.    Il-Kumitat jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu stess.

ARTIKOLU 7

Ir-relazzjoni ta' dan il-Ftehim ma' ftehimiet bilaterali ta' immunità għall-viża eżistenti
bejn l-Istati Membri u Kiribati

Dan il-Ftehim ikollu preċedenza fuq kwalunkwe ftehim jew arranġament bilaterali konkluż bejn l-Istati Membri individwali u Kiribati, sa fejn dawn ikopru kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.

ARTIKOLU 8

Dispożizzjonijiet finali

1.    Dan il-Ftehim jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti f'konformità mal-proċeduri interni rispettivi tagħhom u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-aħħar waħda miż-żewġ notifiki li bihom il-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin li dawk il-proċeduri jkunu tlestew.

Dan il-Ftehim jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-jum wara dak tal-iffirmar tiegħu.

2.    Dan il-Ftehim qed jiġi konkluż għal perijodu indefinit, kemm-il darba ma jiġix itterminat f'konformità mal-paragrafu 5.

3.    Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti. L-emendi jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan il-għan.

4.    Kull Parti Kontraenti tista' tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu, b'mod partikolari, għal raġunijiet ta' politika pubblika, il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, l-immigrazzjoni illegali jew l-introduzzjoni mill-ġdid tal-ħtieġa tal-viża minn kwalunkwe Parti Kontraenti. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni tiġi notifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-dħul fis-seħħ ippjanat tagħha. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra f'każ li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu aktar u tneħħi dik is-sospensjoni.

5.    Kull Parti Kontraenti tista' ttemm dan il-Ftehim billi tagħti avviż bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim ma jibqax fis-seħħ 90 jum wara dik id-data.

6.    Kiribati jista' jissospendi jew jittermina dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha.

7.    L-Unjoni tista' tissospendi jew ittemm dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha tagħha.

Magħmul f’żewġ kopji bil-Bulgaru, Spanjol, Ċek, Daniż, Ġermaniż, Estonjan, Grieg, Ingliż, Franċiż, Kroat, Taljan, Latvjan, Litwan, Ungeriż, Malti, Olandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Finlandiż u Svediż, fejn kull test huwa ugwalment awtentiku.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA
U L-LIECHTENSTEIN

Il-Partijiet Kontraenti jirrimarkaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b'mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta' Mejju 1999 u tas-26 ta' Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen.

F'ċirkostanzi bħal dawn hu mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, min-naħa, u Kiribati, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir f'termini simili għal dawk ta' dan il-Ftehim.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-KATEGORIJA TA’ PERSUNI LI JIVVJAĠĠAW BI SKOP TA’ ATTIVITÀ
BI ĦLAS SKONT L-ARTIKOLU 3(2) TA’ DAN IL-FTEHIM

Xewqana li tkun żgurata interpretazzjoni komuni, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li, għall-għan ta' dan il-Ftehim, il-kategorija ta' persuni li jwettqu attività bi ħlas tkopri l-persuni li jidħlu b'għan li jkollhom mestier bi qligħ jew attività b'remunerazzjoni fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra bħala impjegat jew fornitur ta' servizz.

Din il-kategorija ma għandhiex tkopri:

   persuni tan-negozju, jiġifieri persuni li jivvjaġġaw b'għan ta' deliberazzjoni tan-negozju (mingħajr ma jkunu impjegati fil-pajjiż tal-Parti Kontraenti l-oħra),

   persuni tal-isports jew artisti li jeżebixxu attività fuq bażi ad hoc,

   ġurnalisti mibgħuta mill-midja tal-pajjiż ta' residenza tagħhom, u,

   apprendisti intrakorporattivi.

L-implimentazzjoni ta' din id-Dikjarazzjoni tkun issorveljata mill-Kumitat Konġunt fi ħdan ir-responsabbiltà tiegħu skont l-Artikolu 6 ta' dan il-Ftehim, li jista' jipproponi modifiki meta, fuq il-bażi tal-esperjenzi tal-Partijiet Kontraenti, jikkunsidrah neċessarju.



DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-PERJODU TA' 90 JUM
FI KWALUNKWE PERJODU TA' 180 JUM KIF STABBILIT FL-ARTIKOLU 4 TA' DAN IL-FTEHIM

Il-Partijiet Kontraenti jifhmu li l-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum kif previst mill-Artikolu 4 ta' dan il-Ftehim ifisser soġġorn kontinwu jew bosta soġġorni konsekuttivi, li t-tul ta' żmien totali tagħhom ma jaqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

Il-kunċett ta' “kwalunkwe” jimplika l-applikazzjoni ta' perjodu ta' referenza mobbli ta' 180 jum, billi wieħed iħares lura lejn kull ġurnata tas-soġġorn fl-aħħar perjodu ta' 180 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk il-ħtieġa tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum għadux jiġi ssodisfat. Inter alia, dan ifisser li assenza għal perjodu mhux interrott ta' 90 jum tippermetti li jkun hemm soġġorn ġdid ta' mhux aktar minn 90 jum.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INFURMAR TAĊ-ĊITTADINI
DWAR IL-FTEHIM BILATERALI TA' IMMUNITÀ GĦALL-VIŻA

Filwaqt li tkun rikonoxxuta l-importanza tat-trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Kiribati, il-Partijiet Kontraenti jiftiehmu li jiżguraw it-tixrid totali ta' informazzjoni dwar il-kontenut u l-konsegwenzi tal-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża u kwistjonijiet relatati, bħall-kundizzjonijiet għad-dħul fit-territorju.

_________________

(1) ĠU L 149, 20.5.2014, p. 67.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).
Top