IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.8.2015
COM(2015) 409 final
2015/0182(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pollutanti organiċi persistenti fejn jidħol l-Anness I
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI
Is-sustanza eżabromoċiklododekan (HBCDD) ġiet elenkata fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes ("il-Konvenzjoni") fis-sitt laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għal dik il-Konvenzjoni fl-2013.
F'konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar pollutanti orġaniċi persistenti, l-HBCDD għandu sussegwentement jiġi elenkat fl-Anness I ta' dak ir-Regolament biex il-projbizzjoni fuq il-produzzjoni, l-użu, u l-importazzjoni ta' dik is-sustanza tiġi implimentata fl-Unjoni. Dak l-Artikolu jistabbilixxi wkoll li l-miżuri li tfasslu sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dak ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 16(3) ta' dak ir-Regolament.
Għalhekk, il-Kummissjoni ressqet abbozz ta’ Regolament għall-vot lill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 29 tad-Direttiva 67/548/KEE. Fil-laqgħa tiegħu tat-26 ta’ Mejju 2015, il-Kumitat ma tax opinjoni dwar l-abbozz ta’ Regolament.
It-tħassib ewlieni li tqajjem minn xi Stati Membri kien il-livell tas-sustanza HBCDD, propost fl-abbozz ta’ Regolament, biex titqies bħala kontaminant mhux intenzjonat f’ammonti żgħar ħafna (UTC). Il-Kummissjoni ħadet nota ta’ dan it-tħassib, madankollu ssostni u tirreferi l-istess proposta legali lill-Kunsill fuq il-bażi li l-Kummissjoni diġà pproponiet kompromess matul dik il-Laqgħa tal-Kumitat tas-26 ta’ Mejju 2015. Matul il-laqgħa tal-Kumitat, minflok il-livell ta' UTC ta’ 10 mg/kg li kien oriġinarjament inkluż fl-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni, ġie propost livell ta’ UTC ta’ 100 mg/kg lill-Istati Membri u dan il-livell inżamm fil-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill.
Għalhekk, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, qed titressaq quddiem il-Kunsill Proposta għal Regolament tal-Kunsill li qed tintbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew.
2015/0182 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pollutanti organiċi persistenti fejn jidħol l-Anness I
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE, u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 jimplimenta l-impenji tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Pollutanti Organiċi Persistenti (minn hawn 'il quddiem "il-Konvenzjoni") approvati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE u fil-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila rigward Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (minn hawn 'il quddiem "il-Protokoll") approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/259/KE.
(2)L-Anness A tal-Konvenzjoni (l-eliminazzjoni) fih is-sustanzi kimiċi li l-produzzjoni, l-użu, l-importazzjoni, u l-esportazzjoni tagħhom għandhom ikunu pprojbiti u li għandhom jittieħdu miżuri legali u amministrattivi biex jiġu eliminati.
(3)Fis-sitt laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ġie deċiż li l-Anness A tal-Konvenzjoni jiġi emendat biex l-eżabromoċiklododekan ("HBCDD") ikun inkluż f'dak l-Anness, f'konformità mal-Artikolu 8(9) tal-Konvenzjoni. Dik l-emenda kienet tinkludi eżenzjoni speċifika għall-produzzjoni u l-użu tal-HBCDD fil-polisterin imwessa’ u fil-polisterin estruż fil-bini.
(4)Skont l-Artikolu 22(3) tal-Konvenzjoni, l-emendi fl-Annessi A, B u C tagħha jidħlu fis-seħħ sena wara d-data tal-komunikazzjoni mid-depożitarju tal-emenda, li fil-każ tal-HBCDD, saret fis-26 ta’ Novembru 2014.
(5)F'konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 850/2004, l-HBCDD għandu jiġi elenkat fl-Anness I ta' dak ir-Regolament biex il-projbizzjoni fuq il-produzzjoni, l-użu, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' dik is-sustanza tiġi implimentata fl-Unjoni.
(6)Bħalissa l-HBCDD huwa elenkat fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u b'riżultat ta' dan, l-HBCDD jista' jitqiegħed fis-suq jew jintuża wara l-21 ta' Awwissu 2015 biss jekk dak it-tqegħid fis-suq jew dak l-użu ġie awtorizzat skont it-Titolu VII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, jew jekk l-applikazzjoni għal dik l-awtorizzazzjoni saret qabel il-21 ta' Frar 2014 u tkun għad trid tittieħed deċiżjoni dwar dik l-applikazzjoni.
(7)B'konsegwenza tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu VII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 li kienu japplikaw għall-HBCDD sa mill-21 ta’ Awwissu 2015, il-Kummissjoni bagħtet notifika lid-depożitarju tal-Konvenzjoni skont l-Artikolu 22(3)(b) tal-Konvenzjoni tal-25 ta’ Novembru 2014, fejn infurmatu li l-Unjoni ma setgħetx taċċetta l-emenda tal-Anness A tal-Konvenzjoni qabel il-21 ta’ Awwissu 2015. Billi dik id-data issa għaddiet, l-HBCDD għandu jiġi elenkat fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 850/2004.
(8)Awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-użu jew għat-tqegħid fis-suq tal-HBCDD għandhom ikunu limitati għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni speċifika stipulata fl-emenda tal-Anness A tal-Konvenzjoni, li tawtorizza biss l-użi tal-HBCDD fil-polisterin imwessa’ u fil-polisterin estruż fil-bini u l-produzzjoni tiegħu għal dak l-għan. Billi l-Unjoni ma rċeviet l-ebda applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-użu tal-HBCDD fil-produzzjoni tal-polisterin estruż skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, dak l-użu ma għandux jibqa' jiġi permess.
(9)L-emenda tal-Anness A tal-Konvenzjoni, u b'mod aktar speċifiku il-Parti VII l-ġdida li ddaħħlet f'dak l-Anness, teħtieġ ukoll li l-polisterin imwessa' u l-polisterin estruż li jkun fihom l-HBCDD u li jitqiegħdu fis-suq ikunu jistgħu jingħarfu faċilment matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom bit-tikkettar jew mezzi oħra. Dan ir-rekwiżit għandu jiġi implimentat fl-Unjoni.
(10)Sabiex fl-Unjoni jissaħħu l-applikazzjoni prattika u l-infurzar konsistenti tal-projbizzjoni fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 850/2004, għandu jiġi stabbilit limitu massimu għall-HBCDD li jinstab bħala kontaminant mhux intenzjonat f’ammonti żgħar ħafna f’sustanzi, fi preparazzjonijiet u f'oġġetti. Sabiex jitqiesu l-iżviluppi tekniċi, dan il-limitu massimu għandu jiġi rivedut mill-Kummissjoni fi żmien 3 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament bil-għan li dan il-limitu massimu jitnaqqas.
(11)L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 għandu jiġi emendat biex jispeċifika, skont l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni, li l-eżenzjoni speċifika għall-HBCDD tiskadi fis-26 ta' Novembru 2019, jiġifieri ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni fil-każ tal-HBCDD, sakemm l-Unjoni ma tinnotifikax data ta' skadenza iqsar lis-Segretarjat u tindikaha fir-Reġistru tal-eżenzjonijiet speċifiċi.
(12)Biex ikun hemm perjodu ta' tranżizzjoni li fih wieħed jadatta għar-regoli ta' dan ir-Regolament, il-projbizzjoni fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 ma għandhiex tapplika għall-oġġetti tal-polisterin imwessa' u dawk tal-polisterin estruż li jkun fihom l-HBCDD u li jkunu saru fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jew qabilha, sa tliet xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.
(13)Jinħtieġ li jiġi ċċarat il-fatt li la l-projbizzjoni tal-produzzjoni, tat-tqegħid fis-suq u tal-użu stabbilita fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 u lanqas ir-rekwiżit ta' identifikazzjoni msemmi fil-premessa (9) ma japplikaw għal oġġetti li jkun fihom l-HBCDD li jkunu diġà qed jintużaw dakinhar li jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.
(14)Fejn l-użu tal-HBCDD fl-oġġetti tal-polisterin imwessa' jkun ġie awtorizzat skont it-Titolu VII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, l-importazzjoni u l-użu ta’ oġġetti tal-polisterin imwessa' li jkun fihom l-HBCDD għandhom ikunu permessi wkoll għat-tul tal-validità ta’ dik l-awtorizzazzjoni.
(15)Il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 29 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE ma tax opinjoni dwar il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament u għalhekk il-Kummissjoni ressqet proposta lill-Kunsill dwar dawk il-miżuri u bagħtitha lill-Parlament Ewropew,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,