Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0397

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni mill-Italja - EGF/2015/004 IT/Alitalia)

COM/2015/0397 final

Brussell, 7.8.2015

COM(2015) 397 final

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
(applikazzjoni mill-Italja - EGF/2015/004 IT/Alitalia)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 1 (ir-"Regolament tal-FEG").

2.Fl-24 ta’ Marzu 2015, l-Italja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/004 IT/Alitalia għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li ngħataw xi sensji 2 fil-Gruppo Alitalia 3 fl-Italja.

3.Wara li vvalutat din l-applikazzjoni, u skont id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament tal-FEG, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ finanzjament mill-FEG huma sodisfatti.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

L-applikazzjoni tal-FEG

EGF/2015/004 IT/Alitalia

Stat Membru

L-Italja

Ir-reġjun ikkonċernat (il-livell NUTS 2)

Lazjo (ITI4)

Id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni

l-24 ta’ Marzu 2015

Id-data ta’ konferma tal-wasla tal-applikazzjoni

is-7 ta’ April 2015

Id-data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali

is-7 ta’ April 2015

Id-data ta’ skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali

is-19 ta’ Mejju 2015

Id-data ta’ skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni

il-11 ta’ Awwissu 2015

Il-kriterju ta’ intervent

L-Artikolu (4)(a) tar-Regolament tal-FEG


L-intrapriża ewlenija

Gruppo Alitalia


Numru ta’ impriżi kkonċernati

1

Is-settur/i tal-attività ekonomika

(Id-Diviżjoni tal-NACE Reviżjoni 2) 4

Diviżjoni 51 (Trasport bl-ajru)


Għadd ta’ sussidjarji, fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni

0

Il-perjodu ta’ referenza (erba’ xhur)

il-31 ta’ Awwissu 2014 - it-30 ta’ Diċembru 2014

Numru ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza (a)

1 247

L-għadd ta’ sensji qabel u wara l-perjodu ta’ referenza (b)

2

Għadd totali ta’ sensji (a + b)

1 249

Għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli

1 249

L-għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira

184

L-għadd ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEETs) fil-mira

0

Il-baġit għas-servizzi personalizzati (EUR)

2 264 080

Il-baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG 5 (EUR)

94 000

Il-baġit totali (EUR)

2 358 080

Il-kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (EUR)

1 414 848

VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

Proċedura

4.Fl-24 ta’ Marzu 2015, l-Italja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/004 IT/Alitalia fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta’ intervent stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament FEG. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-wasla tal-applikazzjoni fi żmien ġimagħtejn mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, fis-7 ta’ April 2015, u talbet informazzjoni addizzjonali mill-Italja fl-istess data. Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien sitt ġimgħat mid-data tat-talba. L-iskadenza ta’ 12-il xahar mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta, li fiha l-Kummissjoni għandha tlesti l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, tiskadi fil-11 ta’ Awwissu 2015.

Eliġibbiltà tal-applikazzjoni

L-intrapriżi u l-benefiċjarji kkonċernati

5.L-applikazzjoni hija relatata ma’ 1 249 ħaddiem li ngħataw is-sensja mill-Gruppo Alitalia. Il-Gruppo Alitalia jopera fis-settur ekonomiku kklassifikat skont l-NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 51 (trasport bl-ajru). Is-sensji li ngħataw mill-Gruppo Alitalia jinsabu prinċipalment fl-NUTS 6 livell 2 ir-Reġjun tal-Lazjo (ITI4).

Kriterji ta’ intervent

6.L-Italja ppreżentat l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jitlob li tal-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja matul perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur f’intrapriża ta’ Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-fornituri u l-produttur fl-istadju aħħari tal-produzzjoni fil-katina u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet.

7.Il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur tal-applikazzjoni huwa mill-31 ta’ Awwissu 2014 sat-30 ta’ Diċembru 2014. Matul il-perjodu ta’ referenza, 1 247 ħaddiem ingħataw is-sensja mill-Gruppo Alitalia.

Kalkolu tal-għotjiet tas-sensja u ta’ waqfien ta’ attività

8.L-għoti ta’ 1 247 sensja matul il-perjodu ta’ referenza ġie kkalkolat mid-data tat-terminazzjoni de facto tal-kuntratt tal-impjieg jew l-iskadenza tiegħu.

Benefiċjarji eliġibbli

9.Minbarra l-1 247 ħaddiem li diġà saret referenza għalihom, il-benefiċjarji eliġibbli jinkludu żewġ ħaddiema li tkeċċew wara perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur. Tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali ċara mal-avveniment li wassal għas-sensji matul il-perjodu ta’ referenza.

10.Għaldaqstant, in-numru totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 1 249.

Rabta bejn is-sensji u bidliet strutturali ewlenin fil-mudelli kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni

11.Sabiex tiġi stabbilita rabta bejn is-sensji u bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-kummerċjalizzazzjoni, l-Italja targumenta li għalkemm globalment, is-suq internazzjonali tat-trasport bl-ajru għadu ddominat mil-linji tal-ajru Ewropej, dan is-settur għadda minn taqlib ekonomiku serju, b’mod partikolari tnaqqis mis-sehem tas-suq tal-UE. Matul il-perjodu 2008-2012, it-traffiku globali żdied b’4,6 % fis-sena, bħala parti mix-xejra ta’ tkabbir fit-tul osservat mill-1970. It-traffiku tal-ajru bejn l-Ewropa u l-kumplament tad-dinja madankollu qiegħed jikber b’rata inqas mgħaġġla (2,4 %) li wasslet għal tnaqqis fis-sehem tas-suq tal-UE 27 fit-trasport bl-ajru mkejjel fi dħul mill-kilometri tal-passiġġieri (RPK). Dejta disponibbli għall-2013 7 u fl-2014 8 tindika li x-xejra murija għall-perjodu 2008-2012 għadha għaddejja. L-Ewropa kibret bi 3,8 % fl-2013 u b’5,7 % fl-2014 meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, taħt il-medja dinjija (5,2 % u 6,3 % rispettivament), u tammonta għal 38 % tat-traffiku dinji (imkejjel f’RPK), punt perċentwali inqas minn fl-2012. Ir-reġjun tal-Lvant Nofsani jibqa’ dak li qiegħed jikber l-aktar malajr fid-dinja, b’espansjoni ta’ 10,9 % fl-2013 u ta’ 13,4 % fl-2014 u li jammonta għal 14 % tat-traffiku dinji internazzjonali.

12.F’termini ta’ konnessjoni ta’ traffiku tal-ajru, il-Lvant Nofsani huwa attur qawwi, bi tliet ajruporti ewlenin Doha (Qatar), Abu Dhabi (UAE) u Dubai (UAE) li kollha juru konnessjoni għolja tal-volumi tat-traffiku (madwar 50 %). Meta jittieħdu bħala grupp, it-tliet ajruporti issa jaqdu madwar 15 % tal-volum kollu tat-traffiku tal-ajru li jgħaddi mill-Asja għall-Ewropa u mill-Ewropa għal-Lbiċ tal-Paċifiku. Il-volum tat-traffiku ġenerali bejn l-Ewropa u l-Asja qiegħed jikber b’madwar 7 % kull sena, iżda t-traffiku bejn l-Ewropa u l-Asja bir-rotta mil-Lvant Nofsani qiegħed jikber b’madwar 20 % fis-sena 9 .

13.L-evoluzzjoni riċenti tat-Turkish Airlines kienet komparabbli ma’ dik tal-kumpaniji tal-Golf. Il-kumpanija kkonċentrat fuq iċ-ċentru ta’ attività tagħha f’Istanbul–Atatürk biex taqbad sehem sinifikanti tal-flussi tat-traffiku bejn l-Asja u l-Ewropa u għal dan l-għan, irdoppjat id-daqs totali tal-flotta tagħha, li żdiedet minn 100 ajruplan fl-2006 għal 200 fl-2012. It-tkabbir tat-Turkish Airlines kien iktar sinifikanti meta mkejjel f’sits/kilometri offruti fuq in-netwerk ta’ titjiriet twal tagħha li żdied minn 5 000 miljun fl-2004 għal iktar minn 30 000 miljun fl-2013.

14.It-traffiku tal-passiġġieri internazzjonali minn/għall-Italja u l-UAE, fejn huma bbażati t-trasportaturi tal-ajru Emirates u Etihad, kiber b’medja ta’ 21 % kull sena fil-perjodu 2004 sa 2014. In-numru ta’ passiġġieri żdied b’sitt darbiet, minn 297 268 fl-2004 għal 1,7 miljun fl-2014 10 . Fil-każ tat-Turkija u t-Turkish Airlines, il-medja annwali żdiedet bi 18 % u l-passiġġieri li nġarru minn u lejn l-Italja żdiedu b’ħames darbiet minn 426 818 għal 2 miljuni matul l-istess perjodu 11 . Din iż-żieda kbira ħafna fl-għadd ta’ passiġġieri li nġarru seħħet bi skapitu l-iktar tal-Alitalia.

15.L-effetti ta’ dawn il-bidliet fix-xejriet tal-kummerċ ħżienu b’fatturi oħra bħan-nuqqas fid-domanda bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u ż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt (il-fjuwil jirrappreżenta xi drabi kważi terz mill-ispejjeż tas-sit/kilometru), li jirriżultaw fi tnaqqis fl-impjiegi fis-settur tat-traffiku tal-ajru b’6,6 % fil-livell tal-UE matul il-perjodu 2008-2013 12 .

16.Sal-lum, is-settur tat-trasport bl-ajru kien is-soġġett ta’ żewġ applikazzjonijiet FEG 13 , it-tnejn ibbażati fuq kummerċ relatat mal-globalizzazzjoni.

Avvenimenti li jwasslu għall-għoti tas-sensja u waqfien tal-attività

17.Kif diġà ntqal hawn fuq, iż-żieda kbira ħafna fl-għadd ta’ passiġġieri li nġarru minn u lejn l-Italja mit-trasportaturi tal-ajru tal-Golf u t-Turkish Airlines sar bi skapitu tal-Alitalia. It-tnaqqis fin-numru ta’ passiġġieri trasportati fl-2014 lura għaċ-ċifri tal-2010, li jirrappreżenta tnaqqis bi 3,6 % meta mqabbel mal-2013 u b’6,4 % meta mqabbel mal-2012 flimkien mat-telf akkumulat mill-privatizzazzjoni sħiħa tal-Alitalia fl-2009, li fl-ewwel trimestru tal-2014 kien EUR 1 137 miljun huma l-avvenimenti li jwasslu għal dawn is-sensji mill-Gruppo Alitalia li għalihom l-Italja talbet appoġġ mill-FEG.

18.Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni (tnaqqis fl-għadd ta’ passiġġieri trasportati u telf akkumulat), fit-12 ta’ Lulju 2014, Gruppo Alitalia, bi ftehim mat-trejdjunjins rilevanti 14 , iddeċidew li jippreżentaw lill-Ministeru tax-Xogħol talba għal CIG 15 għal kriżijiet korporattivi, li jirrigwardaw 1 635 ħaddiem. Iktar tard il-"mobbiltà" 16 il-proċedura tnediet għal 1 249 ħaddiem.

L-impatt mistenni tas-sensji b’rabta mal-ekonomija u l-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

19.L-istruttura tal-produzzjoni tal-Lazjo hija kkaratterizzata mill-importanza kbira tas-servizzi u livell baxx ta’ industrijalizzazzjoni. Is-servizzi jirrappreżentaw 85,4 % tal-valur miżjud fil-livell reġjonali, filwaqt li l-medja nazzjonali hija 74,1 %. Minħabba l-flussi kostanti u għoljin ta’ turisti u viżitaturi fir-reġjun u f’Ruma b’mod partikolari, is-setturi relatati mat-turiżmu huma l-iktar żviluppati fil-Lazjo.

20.L-impjiegi fil-Lazjo ġew affettwati mill-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja f’livell inqas mill-impjiegi fil-livell nazzjonali. Skont l-Eurostat, fil-Lazjo, matul il-perjodu 2008-2013 l-impjiegi naqsu b’1,7 % (dan it-tnaqqis jirrappreżenta iktar minn 38 000 impjieg mitluf) filwaqt li l-impjiegi fl-Italja naqsu b’4,2 % u kważi ntilfu miljun impjieg.

21.Fl-2014, l-ammont totali ta’ sigħat CIG awtorizzati fil-Lazjo żdied bi 12,3 % meta mqabbel mal-2013. Barra minn hekk, minħabba li n-numru ta’ sigħat awtorizzati diġà kien f’livell għoli ħafna mill-2011, kull żieda għandha impatt ikbar fuq is-suq tax-xogħol milli jindikaw iċ-ċifri.

22.Barra minn hekk, matul il-perjodu 2008-2013, l-impjiegi fis-settur tat-trasport bl-ajru fl-Italja naqsu b’madwar 20 % 17 . Is-sensji mill-Gruppo Alitalia ser ikomplu jaggravaw sitwazzjoni ta’ impjieġ diġà diffiċli.

Benefiċjarji fil-mira u azzjonijiet proposti

Benefiċjarji fil-mira

23.In-numru stmat ta’ ħaddiema li ngħataw is-sensja li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huwa 184. It-tqassim ta’ dawn il-ħaddiema skont is-sess, iċ-ċittadinanza u l-grupp ta’ età hija kif ġej:

Kategorija

Għadd ta’
benefiċjarji fil-mira

Sess:

L-irġiel:

129

(70,1 %)

Nisa:

55

(29,9 %)

Iċ-ċittadinanza:

Iċ-ċittadini tal-UE:

183

(99,5 %)

mhux ċittadini tal-UE:

1

(0,5 %)

Grupp ta’ età:

15-24 sena:

0

(0 %)

25-29 sena:

0

(0 %)

30-54 sena:

178

(96,79 %)

55-64 sena:

6

(3,3 %)

iktar minn 64 sena:

0

(0 %)

L-eliġibbiltà tal-azzjonijiet proposti

24.Is-servizzi personalizzati li jridu jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin:

Reklutaġġ u valutazzjoni tal-ħiliet: L-ewwel miżura hija pprovduta lill-parteċipanti miċ-Ċentri tal-Impjieg u tinkludi profil tal-ħaddiema u valutazzjoni tal-ħiliet flimkien ma’ informazzjoni dwar is-servizzi disponibbli u l-aġenziji akkreditati li joffru s-servizzi. Il-ħaddiem interessat li jagħmel użu mis-servizzi jagħżel l-aġenzija tal-għażla tiegħu/tagħha u jidħol/tidħol fi ftehim maċ-ċentru tal-impjieg u l-aġenżija, l-hekk imsejjaħ “contratto di ricollocazione” (ftehim ta’ impjieg mill-ġdid). Il-ħaddiem jaqbel li jieħu sehem b’mod attiv filwaqt li l-operatur jieħu l-obbligu li jakkumpanja lill-ħaddiem b’mod attiv lejn impjieg ieħor.

Appoġġ attiv għat-tiftix ta’ impjieg. Aġenziji akkreditati ser jipprovdu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’appoġġ attiv għat-tiftix ta’ impjieg. Il-ħaddiema ser jiġu akkumpanjati minn tutur li ser jgħinhom u jiggwidahom. It-tutur ser jgħin ukoll lill-ħaddiema billi jsib soluzzjonijiet li jippermettulhom jerġgħu jiġu impjegati. L-aġenziji ser jitħallsu abbażi tar-riżultati miksubin. EUR 4 000 meta ħaddiem li ngħata s-sensja jsib impjieg permanenti, EUR 2 500 meta ħaddiem li ngħata s-sensja jsib impjieg b’kuntratt ta’ tnax-il xahar jew iktar, EUR 1 000 meta ħaddiem li ngħata s-sensja jkun sab impjieg b’kuntratt ta’ mill-inqas sitt xhur. Meta ma jkunx possibbli li tinstab soluzzjoni għall-ħaddiem li ngħata s-sensja, l-aġenzija ser tirċievi ammont ekwivalenti għal 20 % tal-kontribuzzjoni medja li tkun waslet għal kull ħaddiem li jerġa’ jiġi impjegat, għas-servizzi ta’ konsulenza u ta’ appoġġ għal kull parteċipant. 18 .

Taħriġ. Il-parteċipanti ser jiġu offruti taħriġ vokazzjonali mmirat għall-kwalifikazzjoni mill-ġdid jew l-aġġornament tal-ħiliet tal-ħaddiema, wara li ssir talba minn impjegaturi potenzjali. It-taħriġ preparatorju f’kulleġġ jista’ jiġi kkombinat ma’ taħriġ fuq il-post tax-xogħol tal-impjegatur potenzjali. L-ispiża medja stmata għat-taħriġ hija ta’ EUR 4 800.

Rimborż ta’ spejjeż tal-mobbiltà. L-ispejjeż reali mġarrbin mill-ħaddiema sabiex jipparteċipaw f’taħriġ fuq il-post tax-xogħol f’impriżi li jinsabu 80 km jew iktar mir-residenza tal-parteċipanti ser jiġu rimburżati sa EUR 5 000, wara li jiġu ppreżentati, fatturi, irċevuti tat-taxxa jew kwalunkwe dokument ta’ kontabbiltà ekwivalenti ieħor. L-ispejjeż tal-mobbiltà jinkludu spejjeż għall-ivjaġġar, għall-għajxien, spejjeż għall-akkomodazzjoni u spejjeż tal-installazzjoni (spejjeż ta’ trażlok, elettriku, ilma, gass, eċċ).

Benefiċċji għar-reklutaġġ ta’ persuni li għandhom iktar minn 50 sena. Dan il-pagament huwa ta’ benefiċċju għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja billi jiġi ffaċilitat l-impjieg mill-ġdid tagħhom b’terminu fiss jew b’kuntratti permanenti f’impriża minbarra l-Gruppo Alitalia. Għal impjieġ mill-ġdid b’kuntratti permanenti, il-kumpanija tar-reklutaġġ ser tirċievi EUR 7 000 għal kull ħaddiem filwaqt li għal impjieg mill-ġdid b’kuntratti fissi ta’ inqas minn 12-il xahar, il-kumpanija ta’ reklutaġġ ser tirċievi EUR 3 000 għal kull ħaddiem u EUR 1 000 għall-impjieg mill-ġdid b’kuntratti fissi ta’ mill-inqas 6 xhur. Jekk matul il-perjodu meta jkun effettiv il-kuntratt b’terminu fiss l-impjegatur ibiddlu għal kuntratt permanenti, il-benefiċċju ta’ reklutaġġ li jingħata jiġi ssupplimentat sa massimu ta’ EUR 7 000. Madankollu, fil-każ ta’ tiġdid ta’ kuntratti b’terminu fiss, l-impjegatur mhuwiex intitolat għal xi bonus addizzjonali.

25.L-azzjonijiet proposti deskritti hawnhekk jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jiħdux post il-miżuri passivi tal-protezzjoni soċjali.

26.L-Italja pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar azzjonijiet li huma obbligatorji għall-impriża kkonċernata bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tiħux post dawn l-azzjonijiet.

Baġit stmat

27.L-ispejjeż totali stmati huma ta’ EUR 2 358 080, li jinkludu nefqa għal servizzi personalizzati ta’ EUR 2 264 080 u nefqa għal attivitajiet preparatorji, ta’ ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta’ EUR 94 000.

28.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 1 414 848 (60 % tal-ispejjeż totali).

L-azzjonijiet

Numru stmat ta’ parteċipanti

Kost stmat għal kull parteċipant
(EUR)

Spejjeż totali stmati

(EUR) 

Is-servizzi personalizzati (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament tal-FEG)

Reklutaġġ u valutazzjoni tal-ħiliet
(
Bilancio di competenze)

184

70

12 880

Appoġġ attiv għat-tiftix ta’ impjieg
(
Soggetto accreditato)

184

4 000

736 000

Taħriġ
(Formazione on demand) 

184

4 800

883 200

Subtotal (a):

Il-perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati

1 632 080

(72,09 %)

Benefiċċji u inċentivi (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG)

Rimborż tal-ispejjeż għall-mobbiltà
(
Bonus di mobbiltà per la formazione) 

90

5 000

450 000

Benefiċċji ta’ reklutaġġ ta’ persuni li għandhom iktar minn 50 sena
(Bonus assunzione over 50)

26

7 000

182 000

Subtotal (b):

Il-perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:

632 000

(27,91 %)



L-azzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-FEG

1. Attivitajiet preparatorji

8 500

2. Ġestjoni

35 000

3. Informazzjoni u pubbliċità

8 500

4. Kontroll u rapportar

42 000

Subtotal (c):

Perċentwal tal-ispejjeż totali:

94 000

(3,99 %)

Spejjeż totali (a + b + c):

2 358 080

Il-kontribuzzjoni tal-FEG (60 % tal-ispejjeż totali)

1 414 848

29.L-ispejjeż tal-azzjonijiet identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG ma jaqbżux il-35 % tal-ispejjeż totali tal-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati.

Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa

30.L-Italja bdiet tipprovdi servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta’ April 2015. In-nefqa fuq l-azzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 24 għalhekk għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ April 2015 sal-1 ta’ April 2017.

31.L-Italja bdiet teħel in-nefqa amministrattiva sabiex timplimenta l-FEG mit-30 ta’ Jannar 2015. Għaldaqstant, in-nefqa għal attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u pubbliċità u ta’ kontroll u rapportar għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mit-30 ta’ Jannar 2015 sal-1 ta’ Ottubru 2017.

Kumplimentarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati mill-fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

32.Is-sors ta’ prefinanzjament jew kofinanzjament nazzjonali huwa l-Fond għall-Politiki Attivi, imsemmi fil-paragrafu 215 tal-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 147/2013 19 .

33.L-Italja kkonfermat li l-miżuri deskritti hawn fuq li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux ser jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni.

Proċeduri għall-konsultazzjoni tal-benefiċjarji fil-mira jew ir-rappreżentanti tagħhom jew l-imsieħba soċjali kif ukoll awtoritajiet lokali u reġjonali

34.L-Italja kkonsultat u/jew infurmat lill-imsieħba soċjali, l-aġenziji akkreditati li jipprovdu appoġġ għat-tiftix ta’ impjieg u lill-ħaddiema dwar il-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati. Il-laqgħa mat-trejdunjins saret fl-4 ta’ Marzu 2015 u mal-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem fis-6 ta’ Marzu 2015. L-aġenziji akkreditati ġew infurmati fit-23 ta’ Frar 2015, filwaqt li l-pakkett ta’ servizzi personalizzati b’appoġġ għall-eks-ħaddiema tal-Alitalia ġie ppreżentat lill-benefiċjarji fil-31 ta’ Marzu 2015. Sabiex jiġi inkoraġġit u ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni u kjarifiki dwar il-każ, tqassam indirizz elettroniku apposta (alitalia2014@regione.Lazjo.it) lill-benefiċjarji u lill-imsieħba soċjali.

Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

35.L-applikazzjoni tinkludi deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. L-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja ser tiġi ssorveljata mill-Ministero del lavoro e delle politiche sociali - Direzione generale per le politiche attive, i servizi per il lavoro e la formazione (MLPS – DG PASLF) kif ġej: MLPS — DG PASLF — Divisione III ser taġixxi bħala l-awtorità maniġerjali, MLPS — DG PASLF — Divisione IV bħala l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni u MLPS — Secretariato Generale — Divisione II bħala l-awtorità tal-awditjar. Ir-Regione Lazjo, ser ikun il-korp intermedjarju għall-awtorità maniġerjali.

Impenji pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat

36.L-Italja pprovdiet l-assigurazzjonijiet meħtieġa kollha rigward dawn li ġejjin:

il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni ser jitħarsu fil-kuntest tal-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom,

tinżamm il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar sensji kollettivi;

Gruppo Alitalia, l-entità li qiegħda tagħmel it-tkeċċijiet, li kompliet l-attivitajiet tagħha wara li keċċiet il-ħaddiema, ikkonformat mal-obbligi legali tagħha li jirregolaw is-sensji u pprovdiet għall-ħaddiema tagħha skont dawn l-obbligi,

l-azzjonijiet proposti mhumiex ser jirċievu għajnuna finanzjarja minn fondi jew minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni, u kwalunkwe finanzjament doppju ser jiġi evitat;

l-azzjonijiet proposti ser ikunu kumplimentari ma’ azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ser tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Proposta baġitarja

37.Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 20 .

38.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-FEG, u wara li qieset in-numru ta’ benefiċjarji fil-mira, l-azzjonijiet proposti u l-ispejjeż stmati, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi mobilizzat il-FEG għall-ammont ta’ EUR 1 414 848, li jirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet proposti, sabiex tiġi pprovduta kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

39.Id-deċiżjoni proposta biex jiġi mmobilizzat l-FEG ser tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stipulat fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba. 21 .

Atti relatati

40.Filwaqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni ser tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 1 414 848 fil-linja baġitarja rilevanti.

41.Filwaqt li tadotta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni ser tadotta deċiżjoni fuq kontribuzzjoni finanzjarja, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li ser tidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw id-deċiżjoni proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
(applikazzjoni mill-Italja - EGF/2015/004 IT/Alitalia)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 22 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 23 , u b’mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun intemmet b’riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b’riżultat ta’ kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b’riżultat ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)L-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 24 .

(3)Fl-24 ta’ Marzu 2015, l-Italja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/004 IT/Alitalia għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara għoti ta’ sensji mill-Gruppo Alitalia 25 fl-Italja. Din kienet supplimentata b’informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)Għalhekk, l-FEG għandu jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 1 414 848 fir-rigward tal-applikazzjoni sottomessa mill-Italja.

(5)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed biex jiġi mmobilizzat il-FEG, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jagħti s-somma ta’ EUR 1 414 848 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan japplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha]. 26*.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-FEG.
(3) Alitalia Compagnia Aerea Italiana S.p.A. u Air One S.p.A. (CAI First S.p.A., CAI Second S.p.A. u Alitalia Loyalty).
(4) ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.
(5) Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje ta’ perjodi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).
(7) http://www.icao.int/Newsroom/News%20Doc%202013/COM.43.13.ECON-RESULTS.Final-2.en.pdf
(8) http://www.icao.int/Newsroom/Pages/Strong-Passenger-Results-and-a-Rebound-for-Freight-Traffic-in-2014.aspx
(9) http://www.amadeus.com/web/amadeus/en_US-US/Amadeus-Home/News-and-events/News/041713-300-world-super-routes/1259071352352-Page-AMAD_DetailPpal?assetid=1319526535668&assettype=PressRelease_C
(10) ENAC. Dati di traffico. www.enac.gov.it
(11) Id.
(12) Eurostat, Impjiegi skont is-sess, il-gruppi ta’ etajiet u attività ekonomika ddettaljata (mill-2008, NACE Rev.2 (1 000), http://ec.europa.eu/eurostat/web/lfs/data/database .
(13) EGF/2013/014 FR Air France (COM(2014) 701 finali) u EGF/2015/004 IT Alitalia, din l-applikazzjoni.
(14) UIL-transporti, UGL transporti, FILT-CGIL, FIT-CISL.
(15) Cassa Integrazione Guadagno (CIG) hija benefiċċju maħsub biex tiżgura ċertu livell ta’ dħul ta’ ħaddiema li ma jkunux tħallew jieħdu l-kompiti tagħhom . Is-CIG tiġi attivata fil-każ tat-tnaqqis ta’ attivitajiet ta’ produzzjoni jew it-twaqqif tagħhom, minħabba ristrutturar, riorganizzazzjoni ta’ impriża, kriżi korporattiva jew proċeduri ta’ likwidazzjoni li għandhom konsegwenzi serji fuq is-suq tax-xogħol fil-livell lokali. Is-CIG hija għodda li tipprevjeni lill-ħaddiema milli jingħataw is-sensja billi ma tħallix lill-impriżi jaħarbu mill-kost lavorattiv temporanjament mhux meħtieġ, filwaqt li jistennew li jissoktaw l-attivitajiet tal-produzzjoni normali. Madankollu, is-CIG ħafna drabi huwa preludju għall-mobbiltà. 
(16) Mobbiltà hija waħda mill-assigurazzjonijiet soċjali stipulati bil-liġi sabiex jonqsu l-konsegwenzi għal min jingħata s-sensja. Permezz tal-proċedura tal-mobbiltà, il-ħaddiema li jingħataw is-sensja jirċievu appoġġ finanzjarju u mekkaniżmi li jiffaċilitaw l-impjieg mill-ġdid tagħhom.
(17) Eurostat, Impjiegi skont is-sess, il-gruppi ta’ etajiet u attività ekonomika ddettaljata http://ec.europa.eu/eurostat/web/lfs/data/database .
(18) Għal finijiet baġitarji, l-Istat Membru applikant stima r-retribuzzjoni medja fil-livell ta’ EUR 3 000 għal kull ħaddiem riintegrat u retribuzzjoni ta’ EUR 600 għal kull ħaddiem li għalih ma kienx possibbli li tinstab soluzzjoni.
(19) http://www.gazzettaufficiale.it/eli/id/2013/12/27/13G00191/sg
(20) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(21) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(22) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(23) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(24) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(25) Alitalia Compagnia Aerea Italiana S.p.A. u Air One S.p.A. (CAI First S.p.A., CAI Second S.p.A. u Alitalia Loyalty).
(26)  Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.
Top