EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0390

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra

COM/2015/0390 final - 2015/0170 (NLE)

Brussell, 5.8.2015

COM(2015) 390 final

2015/0170(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument legali tal-Unjoni sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata għan-nom tagħha f'korp imwaqqaf permezz ta' ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u pajjiż terz. B'mod partikolari, hija tirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta ' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra ("il-Ftehim"). 

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ġie ffirmat fis-27 ta' Ġunju 2014, u beda jiġi applikat b'mod proviżorju, sakemm issir ir-ratifika mill-Istati Membri, mill-1 ta' Settembru 2014. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE tas-16 ta' Ġunju 2014 1 approvat l-iffirmar tal-Ftehim, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, u l-applikazzjoni proviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet tiegħu.

Il-Ftehim stabbilixxa l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, li jwettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tat-Titolu V (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) ta' dan il-Ftehim u jsolvi kwistjonijiet relatati. Dan il-Kumitat għandu jistabbilixxi lista ta' arbitri sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim, kif stipulat fl-Artikolu 404 tal-Ftehim.

Konsistenza ma' dispożizzjonijiet ta' politika eżistenti fil-qasam ta' politika

Din il-proposta timplimenta l-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni lejn pajjiż Sieħeb tal-Lvant, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni msemmi hawn fuq. Hija għandha l-għan li tistabbilixxi l-istrumenti istituzzjonali meħtieġa sabiex l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova jindirizzaw b'mod effettiv it-tilwim bilaterali dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim. Dan huwa konsistenti mal-approċċ tal-Unjoni għal dixxiplini tas-soluzzjoni tat-tilwim innegozjati jew implimentati fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles ma' sħab kummerċjali oħra.

Konsistenza mal-politiki l-oħrajn tal-Unjoni

Din il-proposta hija konsistenti u tikkumplementa l-politiki esterni l-oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fir-rigward tar-Repubblika tal-Moldova.

2.Bażi ġuridika, sussidjarjetà u proporzjonalità

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-kumitati stabbiliti permezz tal-Ftehim bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova hija t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-"TFUE"), u b'mod partikolari l-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu. 

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Il-politika kummerċjali komuni, f'konformità mal-Artikolu 3 tat-TFUE, hija definita bħala kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Din il-proposta hi meħtieġa sabiex jiġu implimentati l-impenji internazzjonali tal-Unjoni stipulati fil-Ftehim mar-Repubblika tal-Moldova.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta hi skont l-Artikolu 218(9) TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta' Deċiżjonijiet mill-Kunsill. Ma jeżisti l-ebda strument legali ieħor li jista' jintuża sabiex jintlaħaq l-għan espress f'din il-proposta.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati mhumiex applikabbli għal din il-proposta.

Ġbir u użu ta' għarfien espert

Il-Kummissjoni ħadet kont tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri f'dawn l-aħħar snin fir-rigward ta' ċittadini tal-Unjoni li huma adatti u kkwalifikati li jwettqu arbitraġġ f'tilwim imressaq skont il-ftehimiet kummerċjali tal-Unjoni.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta tikkonċerna l-implimentazzjoni ta' aspetti istituzzjonali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova, u b'mod partikolari t-Titolu V tiegħu dwar il-Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ. Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-politika ekonomika, soċjali jew ambjentali tal-Unjoni. Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ġie applikat proviżorjament mill-1 ta' Settembru 2014, u l-implimentazzjoni tiegħu tinsab fi stadju bikri ħafna.

Idoneità u simplifikazzjoni regolatorji

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova mhuwiex soġġett għal proċeduri ta' REFIT; dan ma jimplikax spejjeż għall-SMEs; u ma jqajjem l-ebda kwistjoni mil-lat tal-ambjent diġitali.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta' implimentazzjoni u arranġamenti ta' monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar

L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni hija rieżaminata regolarment mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Repubblika tal-Moldova. Il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha wkoll li tirrapporta lill-Parlament Ewropew kull sena dwar l-implimentazzjoni tat-Titolu V (Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) ta' dan il-Ftehim, inkluż dwar l-elementi inklużi f'din il-proposta.

Dokumenti ta' spjegazzjoni (għad-Direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta għandha l-għan li tadotta pożizzjoni tal-Unjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni tal-parti kummerċjali tal-Ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova. It-Titolu V (Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) ta' dak il-Ftehim, li jinkludi l-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) li jistipula mekkaniżmu għas-soluzzjoni ta' tilwim relatat mal-kummerċ bejn il-partijiet tal-Ftehim, rigward l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-parti kummerċjali ta' dak il-Ftehim. Il-proċedura ta' arbitraġġ stabbilita fil-Kapitolu 14 tistipula li l-Parti li tkun qed tagħmel l-ilment tista' titlob it-twaqqif ta' bord ta' arbitraġġ biex isolvi tilwima bilaterali. L-Artikolu 404 tal-Ftehim jistabbilixxi r-regoli għall-kompożizzjoni tal-bord. Il-Ftehim jipprevedi l-istabbiliment ta' lista ta' persuni kkwalifikati li jistgħu jservu bħala arbitri. Għaldaqstant, abbozz ta' lista ta' arbitri li huma lesti u kapaċi biex iservu fuq il-bord tal-arbitraġġ ġie diskuss mal-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova, li jipprovdi għal ħames arbitri kandidati mill-Unjoni, ħames arbitri kandidati mir-Repubblika tal-Moldova u ħames ċittadini ta' pajjiżi terzi li jistgħu jservu bħala presidenti ta' bord tal-arbitraġġ. Il-lista għandha tintuża f'każijiet meta jkun meħtieġ li jiġi stabbilit bord tal-arbitraġġ.

2015/0170 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Artikolu 464(3) u (4) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra ("il-Ftehim"), jistipula l-applikazzjoni proviżorja ta' parti mill-Ftehim, kif speċifikat mill-Unjoni.

(2)L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE 2 jispeċifika d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jridu jiġu applikati b'mod proviżorju, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ u dwar is-soluzzjoni tat-tilwim. F'konformità mal-Artikolu 464(4) tal-Ftehim, l-applikazzjoni proviżorja ta' dawn id-dispożizzjonijiet hija effettiva mill-1 ta' Settembru 2014.

(3)L-Artikolu 404(1) tal-Ftehim jistabbilixxi li l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif stabbilit fl-Artikolu 438(4) tal-Ftehim, għandu jaqbel dwar lista ta' individwi sabiex iservu bħala arbitri fil-proċeduri ta' soluzzjoni tat-tilwim fi żmien sitt xhur mill-bidu tal-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim, f’konformità mal-Artikolu 464(5) tal-Ftehim.

(4)Skont l-Artikolu 404(1) tal-Ftehim, abbozz ta' lista ta' arbitri biex iservu fuq il-bord tal-arbitraġġ ġie diskuss mal-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova, li jipprovdi għal ħames arbitri kandidati mill-Unjoni, ħames arbitri kandidati mir-Repubblika tal-Moldova u ħames ċittadini ta' pajjiżi terzi li jistgħu jservu bħala presidenti ta' bord tal-arbitraġġ.

(5)Huwa għalhekk xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-kummerċ f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' individwi biex iservu bħala arbitri fis-soluzzjoni tat-tilwim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-kummerċ fir-rigward tal-adozzjoni tal-lista ta' individwi sabiex iservu bħala arbitri fil-proċeduri tas-soluzzjoni tat-tilwim tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' dak il-Kumitat mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Bidliet żgħar fl-abbozz ta' Deċiżjoni jistgħu jiġu maqbula mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-kummerċ mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 260, 30.8.2014, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE tas-16 ta' Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L 260, 30.8.2014, p. 1).
Top

Brussell, 5.8.2015

COM(2015) 390 final

ANNESSI

ta' [...]

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra


Abbozz

Id-Deċiżjoni Nru 1/2015 tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni tal-UE-ir-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

tal- …2015

dwar l-istabbiliment tal-lista ta' arbitri msemmija fl-Artikolu 404(1) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra

IL-KUMITAT TA' Assoċjazzjoni FIL-KONFIGURAZZJONI TAL-KUMMERĊ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-27 ta' Ġunju 2014, u b'mod partikolari l-Artikolu 404(1) tiegħu,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 464 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra ("il-Ftehim"), partijiet mill-Ftehim, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment tal-lista tal-arbitri, huma applikati proviżorjament mill-1 ta' Settembru 2014.

(2)Skont l-Artikolu 404(1) tal-Ftehim, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif stabbilit fl-Artikolu 438(4) ta' dan il-Ftehim, għandu jistabbilixxi lista ta' 15-il individwu biex iservu ta' arbitri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-listi tal-individwi li jistgħu jservu ta' arbitri għall-finijiet tal-Artikolu 404(1) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, huma stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …, ….

Għall-Kumitat ta' Assoċjazzjoni

Fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

Il-President

ANNESS

IL-LISTA TA' ARBITRI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 404(1) TAL-FTEHIM

L-arbitri proposti mir-Repubblika tal-Moldova

1.Sergiu BĂIEŞU

2.Eduard SERBENCO

3.Lilia GRIBINCEA

4.Octavian CAZAC

5.Mihail BURUIANĂ

L-arbitri proposti mill-Unjoni Ewropea

1.Claus–Dieter EHLERMANN

2.Giorgio SACERDOTI

3.Jacques BOURGEOIS

4.Pieter Jan KUIJPER

5.Ramon TORRENT

Presidenti

1.David UNTERHALTER (L-Afrika t'Isfel)

2.Merit JANOW (L-Istati Uniti)

3.    William DAVEY (L-Istati Uniti)

4.    Leora BLUMBERG (L-Afrika t'Isfel)

5.    Helge SELAND (In-Norveġja)

Top