EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0188

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu

/* COM/2015/0188 final - 2013/0025 (COD) */

Brussell, 27.4.2015

COM(2015) 188 final

2013/0025(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)


2013/0025 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.Sfond

Id-data meta l-proposta ġiet trasmessa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(id-dokument COM(2013) 45 finali – 2013/0025 COD):

is-6 ta’ Frar 2013.

Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:

it-23 ta’ Mejju 2013.

Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:

il-11 ta’ Marzu 2014

Id-data tat-trasmissjoni tal-proposta emendata:

Mhux applikabbli

Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

l-20 ta’ April 2015.

2.L-objettiv tal-proposta mill-Kummissjoni

L-objettivi ewlenin tal-proposta biex issir reviżjoni tad-Direttiva 2005/60/KE tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu 1 huma:

it-tisħiħ tas-suq intern billi titnaqqas il-kumplessità bejn il-fruntieri, it-tħaris tal-interessi tas-soċjetà minn atti kriminali u terroristiċi, il-kontribut għall-istabbiltà finanzjarja permezz tat-tħaris tas-sodezza, il-funzjonament korrett u l-integrità tas-sistema finanzjarja, u t-tħaris tal-prosperità ekonomika tal-Unjoni Ewropea billi jiġi żgurat ambjent kummerċjali effiċjenti, u

biex tkun allinjata, fejn xieraq, mal-istandards internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu adottati mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force - FATF) 2 fi Frar 2012.

Hija titlob lill-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji u l-entitajiet obbligati li jivvalutaw ir-riskju u jieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni adegwati li jixirqu għat-tali riskju.

B’mod parallel, il-Kummissjoni, wara li għamlet reviżjoni tal-qafas tal-UE, ukoll ipproponiet reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1781/2006 dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi 3 , fil-kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet aġġornati dwar it-trasferimenti elettroniċi adottat mill-FATF.

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim politiku milħuq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fis-16 ta’ Diċembru 2014 u tinkludi elementi proposti miż-żewġ istituzzjonijiet. Il-Kummissjoni tappoġġa dan il-ftehim.

Il-Kummissjoni tista' taċċetta l-elementi addizzjonali mdaħħla fil-pożizzjoni tal-Kunsill, b'mod partikulari li:

l-fornituri kollha ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard, mhux biss il-każinòs, ikunu obbligati li japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta mal-klijent għal tranżazzjonijiet singoli ta’ EUR 2000 jew aktar. F’ċirkostanzi strettament limitati u ġustifikati u abbażi ta’ riskju baxx, ippruvat, ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, l-Istati Membri jitħallew jipprovdu għal xi eżenzjonijiet.

id-dispożizzjoni dwar id-definizzjoni tas-sjieda benefiċjarja tikkostitwixxi riżultat bilanċjat tajjeb li se jippermetti fehim ġenerali ta’ dak li tfisser is-sjieda benefiċjarja;

fil-kunsiderazzjoni li hija meħtieġa konsistenza fil-qafas tal-UE applikabbli għall-flus kontanti, il-Kummissjoni taqbel li l-limitu li japplika għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jinnegozjaw f’oġġetti jew servizzi jiżdied minn EUR 7 500 għal EUR 10 000;

it-tneħħija tad-distinzjoni bejn persuni esposti politikament (politically exposed persons - PEPs) “barranin” u “domestiċi”, biex b'hekk ikunu meħtieġa awtomatikament miżuri mtejba ta' diliġenza dovuta fil-każ ta’ kwalunkwe PEP, irrispettivament minn fejn dawn ikunu joriġinaw, tirrappreżenta bilanċ ġust bejn it-tħassib tal-Kunsill, ir-riżervi tal-Parlament Ewropew u r-rakkomandazzjonijiet eżistenti mill-FATF; kif ukoll

ir-rwol mogħti lill-Kummissjoni biex tagħmel valutazzjoni supranazzjonali tar-riskju tar-riskji ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu li jistgħu jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati ma’ fenomeni transkonfinali se jwassal għal approċċ koerenti lejn ir-rekwiżiti ta' kontra l-ħasil tal-flus (anti-money laundering - AML) u kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu (counter terrorist financing - CFT) fil-livell Ewropew.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li t-test jirrifletti l-qbil politiku li kien intlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jirrappreżenta bilanċ delikat iżda aċċettabbli, bħala parti mill-kompromess globali, fir-rigward ta’:

id-dispożizzjonijiet relatati ma’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja: din l-informazzjoni se tinżamm f’reġistru ċentrali f’kull Stat Membru, ħaġa li tikkostitwixxi titjib tat-trasparenza li hija f’konformità mal-għanijiet usa’ ta’ politika tal-Kummissjoni. Madankollu, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-aċċess għal din l-informazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-kunċett ta' "interess leġittimu" għandu jiġi interpretat u mifhum fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’rispett sħiħ tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u d-dritt għall-privatezza. Fit-traspożizzjoni tagħhom ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri ikollhom jagħtu attenzjoni partikolari għal dawn ir-rekwiżiti sabiex jaraw li l-aċċess ta’ partijiet terzi jkollu skop ta’ interess ġenerali u li n-neċessità u l-proporzjonalità li tiġġustifika r-restrizzjoni ta’ protezzjoni tad-dejta personali u d-dritt għall-privatezza jkunu stabbiliti bis-sħiħ;

id-dispożizzjonijiet relatati mal-livell ta’ sanzjonijiet pekunarji amministrattivi li japplika għall-istituzzjonijiet finanzjarji u l-istituzzjonijiet mhux finanzjarji: fil-każ ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, il-livell massimu ta’ sanzjonijiet pekunarji ikun mill-anqas ta’ EUR 5 miljun jew 10 % tal-fatturat annwali totali, u, fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, il-massimu ta’ sanzjonijiet pekunarji ikun mill-inqas EUR 5 miljun; fil-każ ta’ istituzzjonijiet mhux finanzjarji, il-massimu ta’ sanzjonijiet pekunarji ikun mill-inqas id-doppju tal-ammont tal-benefiċċju li jkun inkiseb mill-ksur, jew mill-inqas EUR 1 miljun; kif ukoll

l-użu ta’ atti delegati, u mhux ta' atti ta’ implimentazzjoni, biex jiġu identifikati ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li jkollhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom ta' AML/CTF.

4.Konklużjoni

Il-Kummissjoni tappoġġa r-riżultati tan-negozjati interistituzzjonali u għalhekk tista' taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.

(1) ĠU L 214, 4.8.2006, p. 29.
(2) Il-FATF huwa l-korp internazzjonali stabbilit mis-Samit tal-G7 f’Pariġi fl-1989, li ngħata l-inkarigu li jiżviluppa standard internazzjonali fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
(3) COM(2013) 44 finali
Top