Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0146

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul is-68 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent Marin u matul il-95 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni ta’ emendi għall-MARPOL, is-SOLAS u l-Linji Gwida tal-2009 dwar is-sistemi għat-tindif tal-gass tal-egżost

    /* COM/2015/0146 final - 2015/0071 (NLE) */

    52015PC0146

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul is-68 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent Marin u matul il-95 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni ta’ emendi għall-MARPOL, is-SOLAS u l-Linji Gwida tal-2009 dwar is-sistemi għat-tindif tal-gass tal-egżost /* COM/2015/0146 final - 2015/0071 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           INTRODUZZJONI

    Din il-proposta tal-Kummissjoni tikkonċerna l-pożizzjoni li stabbiliet l-Unjoni fit-68 sessjoni tal-Kumitat dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marittimu tal-IMO u fil-95 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-IMO fir-rigward ta' tliet (3) emendi fl-istrumenti tal-IMO stabbiliti b’mod individwali fis-subintestaturi li ġejjin.

    1.1         L-emendi fl-Annessi I, II, IV u V tal-MARPOL

    L-MEPC 67 approva l-Preambolu, l-Introduzzjoni u l-Parti II tal-abbozz tal-Kodiċi Internazzjonali għall-bastimenti li joperaw f’ilmijiet polari (Kodiċi Polari) bil-ħsieb li jiġu adottati fil-MEPC 68. Abbozz assoċjat talemendi fl- Annessi I, II, IV u V tal-MARPOL tal-Konvenzjoni tal-MARPOL ġie approvat ukoll mill- MEPC 67 bil-ħsieb li jiġi adottat fil-MEPC 68. Il-Kodiċi Polari ġiet żviluppata biex tissupplimenta l-istrumenti tal-IMO eżistenti sabiex tiżdied is-sikurezza tal-operazzjoni tal-bastimenti u jittaffa l-impatt fuq in-nies u l-ambjent fl-ilmijiet polari remoti, vulnerabbli u potenzjalment ħorox.

    Dawn il-bidliet fil-MARPOL huma stipulati fl-Anness 11 fir-rapport tal-MEPC 67 (MEPC 67/20). Il-paragrafu 9.45 ta' dak ir-rapport jindika li l-bidliet se jiġu adottati waqt l-MEPC 68. 

    1.2         Emendi fil-linji gwida tal-2009 għas-sistemi ta’ tindif tal-gass tal-egżost

    Is-Sottokumitat tal-IMO dwar il-Prevenzjoni u r-Reazzjoni għat-Tniġġis (PPR 2) approva abbozz ta’ emendi għal-linji gwida tal-2009 għas-sistemi għat-tindif tal-gass tal-egżost, stipulati fir-Riżoluzzjoni MEPC.184(59), bil-ħsieb li dawn jiġu adottati fil-MEPC 68. Il-linji gwida tal-2009 għas-sistemi ta’ tindif tal-gass tal-egżost għandhom jipprovdu ċarezza dwar l-ittestjar ta’ scrubbers konnessi ma’ elementi ta' makkinarju tal-bastimenti li ma jistgħux jiġu ttestjati f’tagħbijiet ogħla, jew ma jiġux ittestjati waqt li jkunu “wieqfa f’port”. L-abbozz ta’ emendi, ibbażat fuq proposti tal-UE, jikkonċerna l-użu ta’ metodoloġija bbażata fuq il-kalkolu, bħad-dinamika ta' fluwidu komputazzjonali u/jew l-użu ta’ formuli empiriċi, li jkunu alternattiva fattibbli għall-kejl u li huma stabbiliti fit-taqsimiet 6, 6.9, 10.1.2.1(ii) u 10.1.2.2 tal-Linji Gwida tal-2009.

    Dawn il-bidliet għal-Linji Gwida tal-2009 għas-sistemi tat-tindif tal-gass tal-egżost huma stipulati fl-Anness 1 fir-rapport PPR 2 (PPR 2/21). Il-paragrafu 2.23 ta' dak ir-rapport jindika li l-bidliet se jiġu adottati waqt l-MEPC 68.

    1.3         Emendi tar-regolament SOLAS II-2/20.3

    Il-MSC 94 approva abbozz ta’ emendi tar-Regolament SOLAS II-2/20.3 li se jippermetti l-operat ta' fannijiet tal-ventilazzjoni b’inqas tibdiliet fal-arja meta sistema tal-kontroll tal-kwalità tal-arja tkun fis-seħħ skont il-MSC/Circ.729 dwar it-Tfassil ta’ linji gwida u skont ir-rakkomandazzjonijiet operazzjonali għal sistemi tal-ventilazzjoni fi spazji tal-merkanzija ro-ro. L-abbozz ta’ emendi japplika għal bastimenti tal-merkanzija u tal-passiġġieri fi spazji għall-vetturi, dawk ta' kategorija speċjali u dawk ro-ro.

    Dawn il-bidliet huma stipulati fl-Anness 11 tar-rapport MSC 94 (MSC 94/21/add.1). Il-Paragrafu 8.7 tar-rapport MSC 94 (MSC 94/21) jindika li l-bidliet se jiġu adottati fl-MSC 95.

    2.           ADOZZJONI TAL-EMENDI TAL-OMI

    2.1         Adozzjoni tal-emendi

    L-emendi stipulati fil-punti minn 1.1 sa 1.3 ta' hawn fuq ġew approvati fis-67 sessjoni tal-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marin li ltaqa' bejn it-13 u s-17 ta' Ottubru 2014, fl-94 sessjoni tal-Kumitat dwar is-Sikurezza Marittima li ltaqa' bejn is-17 u l-21 ta' November 2014, it-2 sessjoni tas-Sottokumitat dwar il-Prevenzjoni u r-Rispons għat-Tniġġis li ltaqa' bejn id-19 u t-23 ta' Jannar 2015 u se jitressqu għall-adozzjoni fit-68 sessjoni tal-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marin bejn il-11 u s-16 ta' Mejju 2015 u fil-95 sessjoni tal-Kumitat dwar is-Sikurezza Marittima bejn it-3 u t-12 ta' Ġunju 2015.

    2.2         Aċċettazzjoni u dħul fis-seħħ.

    Ladarba jiġu adottati miż-żewġ Kumitati, l-emendi stipulati fil-punti 1.1 u 1.3 ta' hawn fuq se jitressqu quddiem il-partijiet kontraenti rispettivi sabiex dawn jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu bl-emendi msemmija. Ir-riżoluzzjoni li se tistabbilixxi l-emendi għal-Linji Gwida tal-2009 għas-sistemi ta’ tindif tal-gass tal-egżost imsemmija fil-punt 1.2 ta' hawn fuq se tindika d-data tad-dħul fis-seħħ. 

    3.           LEĠIŻLAZZJONI U KOMPETENZI RILEVANTI TAL-UE

    3.1         L-emendi għall-Annessi I u II tal-MARPOL

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/35/KE dwar tniġġis ikkawżat mill-vapuri u dwar l-introduzzjoni ta’ penali, inklużi pieni kriminali, għal reati ta’ tniġġis, jistabbilixxi li din id-Direttiva tapplika f’ibħra miftuħa. Xi oqsma ta’ ilmijiet polari koperti mill-Kodiċi Polari huma kkunsidrati bħala ibħra miftuħa. Skont l-Artikolu 2, id-Direttiva tapplika għal skariki ta' sustanzi li jniġġsu, li  għandha tfisser is-sustanzi koperti mill-Annessi I (żejt) u II (sustanzi likwidi noċivi bil-grossa) tal-MARPOL 73/78. L-għan tad-Direttiva 2005/35/KE huwa li tinkorpora fil-liġi tal-UE standards internazzjonali għal tniġġis ikkawżat mill- vapuri, u li tiżgura li dawk li jniġġsu jkunu penalizzati b’mod adegwat. Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rimi minn vapuri ta’ sustanzi li jniġġsu, inkluż każi minuri ta’ tali rimi, fi kwalunkwe żona msemmija fl-Artikolu 3(1) ikun ikkunsidrat bħala każ ta’ ksur jekk isir b’intenzjoni, b’nuqqas ta’ ħsieb jew b’negliġenza serja.

    It-taqsimiet relevanti huma stabbiliti fil-Parti II-A tal-Kodiċi Polari dwar Miżuri ta’ Prevenzjoni tat-Tniġġis, li l-Kapitoli 1 u 2 tagħhom jittrattaw il-prevenzjoni tat-tniġġis miż-żejt u l-kontroll tat-tniġġis minn sustanzi likwidi noċivi trasportati bil-kwantità.

    Għaldaqstant, l-emendi li jridu jiġu adottati fil-MEPC 68, li jintroduċu bidliet fil-MARPOL li jikkonċernaw il-Kodiċi Polari, se jaffettwaw il-liġi tal-UE permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/35/KE.

    3.2         Emendi fil-linji gwida tal-2009 għas-sistemi ta’ tindif tal-gass tal-egżost

    Il-Linji Gwida tal-2009 għas-sistemi ta’ tindif tal-gass tal-egżost, stipulati fir-Riżoluzzjoni MEPC.184(59), huma msemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2012/33/UE fir-rigward tal-kontenut ta’ kubrit fil-fjuwils marini bħala mekkaniżmu prinċipali biex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva (id-Direttiva dwar il-Kubrit) f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kundizzjonijiet għall-użu ta’ sistemi għat-tindif tal-gass tal-egżost skont dik id-Direttiva, b’mod partikolari l-użu tal-metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4c.

    L-emendi li jridu jiġu adottati fil-MEPC 68, li jintroduċu bidliet għal-Linji Gwida tal-2009, se jaffettwaw il-liġi tal-UE, permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2012/33/UE.

    3.3       Emendi tar-regolamenti  SOLAS II-2/20.3.1.2.1

    Ir-Regolament SOLAS II-2/20.3.1.2.1, li bih hija rregolata l-kwistjoni ta’ prestazzjoni tas-sistemi ta’ ventilazzjoni, jirreferi għall-protezzjoni ta’ spazji għall-vetturi, dawk ta' kategorija speċjali u dawk ro-ro u japplika għall-vapuri tal-passiġġieri.

    L-emendi li jridu jiġu adottati fil-MSC 95, li jintroduċu bidliet fir-Regolament SOLAS II-2/20.3, se jaffettwaw il-liġi tal-UE, permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri. L-Artikolu 6(2)(a)(i) jistabbilixxi li l-vapuri tal-passiġġieri l-ġodda tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata. Barra minn hekk il-Kummissjoni tinnota li d-Direttiva 2009/45/KE fiha regoli dettaljati dwar is-sistema ta’ ventilazzjoni tal-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassijiet B, C u D, li huma identiċi għal dawk li jinstabu f’SOLAS, kif stabbilit fil-Kapitolu II tal-Anness I,  il-paragrafu 9 tal-Parti B. 

    3.4         Sommarju

    Fid-dawl tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, il-Kummissjoni tqis li l-adozzjoni tal-emendi msemmija hawn fuq u li mistennija jiġu adottati fil-MEPC 68 u fil-MSC 95 jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-UE, li l-Unjoni kisbet permezz tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE, minħabba li l-adozzjoni tal-istrumenti internazzjonali kkonċernati taffettwa r-regoli komuni.

    B'konsistenza ma’ ġurisprudenza konsolidata b’mod tajjeb, anke jekk l-Unjoni mhijiex membru tal-IMO, l-Istati Membri mhumiex awtorizzati li jieħdu obbligi li x’aktarx se jaffettwaw regoli tal-UE li ġew adottati għall-ksib tal-għanijiet tat-Trattati, sakemm dawn ma jkunux awtorizzati li jagħmlu dan permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni.

    4.           Konklużjoni

    Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea għall-emendi msemmija  fil-paragrafi minn 1.1 sa 1.3 ta' hawn fuq li għandha tiġi adottata fit-68 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent Marin u fil-95 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima rispettivament.    

    2015/0071 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul is-68 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent Marin u matul il-95 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni ta’ emendi għall-MARPOL, is-SOLAS u l-Linji Gwida tal-2009 dwar is-sistemi għat-tindif tal-gass tal-egżost

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       L-azzjoni mill-Unjoni Ewropea fis-settur tat-trasport marittimu għandu jkollha l-għan li ttejjeb is-sikurezza marittima u tipproteġi l-ambjent marin.

    (2)       Il-Kumitat dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-IMO (MEPC) li ltaqa’ fis-67 sessjoni tiegħu approva emendi għall-MARPOL. Dawk l-emendi huma mistennija jiġu adottati fit-68 sessjoni tal-MEPC, li se sir f'Mejju 2015.

    (3)       Is-Sottokumitat tal-IMO dwar il-Prevenzjoni u r-Reazzjoni għat-Tniġġis (PPR) li ltaqa' waqt it-2 sessjoni tiegħu approva abbozz ta’ emendi għal-Linji Gwida tal-2009 għal sistemi ta’ tindif tal-gass tal-egżost. Dawk l-emendi huma mistennija li jiġu adottati fit-68 sessjoni tal-MEPC, li se sir f'Mejju 2015.

    (4)       Waqt l-94 sessjoni tal-laqgħa tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC) tal-IMO ġew approvati emendi għas-SOLAS u l-Konvenzjoni u l-Kodiċi tal-STCW. Dawk l-emendi huma mistennija li jiġu adottati fil-95 sessjoni tal-MSC, li se ssir f'Ġunju 2015.

    (5)       L-emendi għall-Annessi I u II tal-Konvenzjoni MARPOL se jintroduċu miżuri assoċjati mal-adozzjoni tal-abbozz ta’ Kodiċi Internazzjonali għal bastimenti li joperaw f’ilmijiet polari (Kodiċi Polari), il-Kodiċi Polari jagħmluha mandatorja. Il-Kodiċi Polari testendi l-projbizzjoni attwali tal-MARPOL tal-iskariki ta' żejt/likwidi noċivi fl-Antartiku sal-Ilmijiet Polari. L-Artikolu 4, flimkien mal-Artikolu 3(1), tad-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[1], jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskariki minn vapuri ta’ sustanzi li jniġġsu, inkluż każi minuri ta’ tali skariki, jitqiesu bħala każ ta’ ksur jekk isiru b’intenzjoni, b’mod imprudenti jew b’negliġenza serja u jkopri għalhekk dawn il-kwistjonijiet.

    (6)       L-emendi għal-Linji Gwida tal-2009 għal sistemi ta’ tindif tal-gass tal-egżost se jintroduċu l-użu ta' metodologija msejsa fuq il-kalkolu għall-ittestjar ta’ scrubbers konnessi ma’ elementi ta' makkinarju tal-bastimenti li ma jistgħux jiġu ttestjati f’tagħbijiet ogħla, jew ma jiġux ittestjati waqt li jkunu “wieqfa f’port”. L-Artikolu 4c u l-Annex II tad-Direttiva 1999/32/KE[2] tal-Kunsill, kif emendata, ikopru dawn il-kwistjonijiet u l-Anness II inġieb mil-Linji Gwida tal-2009 li se jiġu emendati.

    (7)       L-emendi fis-SOLAS II-2/20.3.1.2.1 se jippermettu l-operat tal-fannijiet tal-ventilazzjoni f’għadd imnaqqas ta’ tibdiliet fl-arja meta sistema ta’ kontroll tal-kwalità tal-arja tkun fis-seħħ għall-vapuri tal-passiġġieri fi spazji għall-vetturi, dawk ta' kategorija speċjali u dawk ro-ro. L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[3] jistabbilixxi li l-vapuri tal-passiġġieri l-ġodda tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal- 1974, kif emendata, inkluż mar-Regolament II-2/20.3. Għalhekk il-bidliet li għandhom jiġu adottati se jkollhom effett ġuridiku dirett fuq id-Direttiva 2009/45/KE.

    (8)       L-Unjoni la hija Membru tal-OMI u lanqas hija parti kontraenti għall-konvenzjonijiet u l-kodiċijiet ikkonċernati. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni u jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu b’dawn l-emendi.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fit-68 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-IMO għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi għal dawn li ġejjin:

    – l-Annessi I u II tal-MARPOL kif stipulati fl-Anness 11 tad-Dokument tal-IMO MEPC 67/20;

    – il-Linji Gwida tal-2009 għas-sistemi tat-tindif tal-gass tal-egżost kif stipulati fl-Anness 1 fid-Dokument tal-IMO PPR 2/21.

    Artikolu 2

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-95 sessjoni tal-Kumitat għas-Sikurezza Marittima tal-IMO għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emenda li ġejja fir-

    – Regolament SOLAS II-2/20.3.1.2.1 kif jistipula l-Anness 11 tad-Dokument tal-IMO MSC 94/21/add.1.

    Artikolu 3

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni kif stipulata fl-Artikoli 1 u 2 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-IMO billi jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

    Artikolu 4

    Jista’ jsir qbil dwar bidliet formali u minuri fil-pożizzjoni msemmija fl-Artikoli 1 u 2 mingħajr ma jkun hemm għalfejn tiġi emendata l-pożizzjoni.

    Artikolu 5

    L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati li jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikoli 1 u 2.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               Id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar it-tniġġiż ikkawżat 

    minn vapuri u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur (ĠU L 255,

    30.9.2005, p. 11)

    [2]               Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta' April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti

    likwidi u li temenda d-Direttiva 93/12/KEE (ĠU L 121, 11.5.1999, p. 13).

    [3]               Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà 

    għall-vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1)

    Top