This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015PC0110
Proposal for a COUNCIL DECISION on the conclusion of the Agreement between the European Union and Saint Lucia on the short-stay visa waiver
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Santa Luċija dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Santa Luċija dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir
/* COM/2015/0110 final - 2015/0060 (NLE) */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Santa Luċija dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir /* COM/2015/0110 final - 2015/0060 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. SFOND POLITIKU U LEGALI Ir-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001[1]
jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom
għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu
l-fruntieri esterni ta' Stati Membri u dawk li ċ-ċittadini
tagħhom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit. Ir-Regolament (KE)
Nru 539/2001 huwa applikat mill-Istati Membri kollha,
bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u r-Renju Unit. Ir-Regolament (UE)
Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2]
emenda r- Regolament (KE) Nru 539/2001 bit-trasferiment ta’ 19-il pajjiż
għall-Anness II, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini
tagħhom huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża. Dawn
id-19-il pajjiżi huma: Il-Kolombja, Dominika, Grenada, Kiribati,
il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, il-Palaw, il-Perù, Santa
Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, il-Gżejjer Solomon,
Timor-Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu, l-Emirati Għarab
Magħquda u l-Vanwatu. Ir-referenza għal kull wieħed minn dawk
il-pajjiżi fl-Anness II hija akkumpanjata b’nota ta’ qiegħ
il-paġna li tispeċifika li “l-eżenzjoni mill-ħtieġa
tal-viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ
ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni tal-viża li għandu jiġi
konkluż mal-Unjoni Ewropea”. Ir-Regolament (UE)
Nru 509/2014 ġie adottat fl-20 ta’ Mejju 2014 u daħal
fis-seħħ fid-9 ta’ Ġunju 2014. F’Lulju 2014, il-Kummissjoni
ppreżentat Rakkomandazzjoni lill-Kunsill sabiex jawtorizzaha tiftaħ
negozjati dwar ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża ma’ kull wieħed
miss-17-il pajjiż li ġejjin: Dominika, Grenada, Kiribati,
il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, il-Palaw, Santa
Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, il-Gżejjer Solomon,
Timor-Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu, l-Emirati Għarab Magħquda
u l-Vanwatu.[3].
Fid-9 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill ħareġ direttivi ta’ negozjati
lill-Kummissjoni. Il-Kolombja u
l-Perù huma, skont il-premessa 5 tar-Regolament (UE) Nru 509/2014 u
d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa fi żmien l-adozzjoni,
suġġetta għal proċedura speċifika li teħtieġ
valutazzjoni ulterjuri tat-twettiq minnhom tal-kriterji rilevanti, qabel ma
l-Kummissjoni tkun tista’ tippreżenta lill-Kunsill rakkomandazzjonijiet
għal deċiżjonijiet li jawtorizzaw il-ftuħ tan-negozjati
dwar il-ftehimiet dwar l-eżenzjoni tal-viża ma’ dawn iż-żewġ
pajjiżi. Huma għalhekk ma ġewx inklużi r-Rakkomandazzjoni
msemmija hawn fuq lill-Kunsill. In-negozjati dwar il-ftehim tal-eżenzjoni
mill-viża ma’ Santa Luċija u erba’ pajjiżi oħra tal-Karibew
bdew fit-12 ta’ Novembru 2014 fi Brussell. Matul din il-laqgħa,
l-abbozz tat-test kollu seta’ jiġi rivedut u ntlaħaq qbil dwar
ħafna aspetti tiegħu. Ir-rappreżentanti mill-pajjiżi
tal-Karibew insistew madankollu li jiġu ċċarati ċerti
dispożizzjonijiet fl-Artikoli 6(2)(c), 8(1) u 8(4). Wara numru ta’ skambji
informali sussegwenti, ġew aċċettati modifiki żgħar
għal dawk l-Artikoli mill-Kummissjoni. Il-Ftehim ġie inizjalat
min-negozjaturi ewlenin fil-11 ta’ Diċembru 2014. L-Istati Membri ġew mgħarrfa waqt
il-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Viża tal-Kunsill saret
fil-21 ta’ Novembru 2014. Min-naħa tal-Unjoni, il-bażi legali
għall-Ftehim hu l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), flimkien mal-Artikolu 218
tiegħu. [...] ffirmat
il-Ftehim fil-[...] f’isem l-Unjoni. F’konformità mal-punt (a) tat-tieni
subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE, il-kunsens tal-Parlament Ewropew
għall-konklużjoni tal-Ftehim ingħata fil-[...]. 2. IR-RIŻULTAT
TAN-NEGOZJATI Il-Kummissjoni
tikkunsidra li nkisbu l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’
negozjati tiegħu u li l-abbozz ta’ ftehim għall-eżenzjoni
mill-viża hu aċċettabbli għall-Unjoni. Il-kontenut finali
tiegħu jista’ jitqassar kif ġej: Għan Il-ftehim jipprovdi għal
vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini
tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Santa Luċija meta
jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra
għall-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta'
180 jum. Sabiex jitħares it-trattament ugwali
taċ-ċittadini kollha tal-UE, ġiet inkluża dispożizzjoni
fil-Ftehim li tistipula li Santa Luċija tista’ tissospendi jew itemm
il-ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea u
l-Unjoni tista' wkoll tissospendi jew ittemm il-Ftehim biss fil-konfront
tal-Istati Membri tagħha. Is-sitwazzjoni
speċifika tar-Renju Unit u tal-Irlanda hija riflessa fil-preambolu. Kamp ta’ applikazzjoni L-eżenzjoni mill-viża tkopri
l-kategoriji kollha ta’ persuni (dawk li għandhom passaport ordinarju,
diplomatiku, tas-servizz/uffiċjali jew speċjali) li jivvjaġġaw
għal għanijiet differenti, bl-eċċezzjoni tal-għan
tat-twettiq ta attività bi ħlas. Għal din l-aħħar
kategorija, kull Stat Membru kif ukoll Santa Luċija jibqgħu
ħielsa milli jimponu l-ħtieġa tal-viża fuq
iċ-ċittadini tal-Parti l-oħra oħra konformi mal-liġi
tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli. Sabiex tkun żgurata
implimentazzjoni armonizzata, dikjarazzjoni konġunta hi mehmuża
mal-ftehim dwar l-interpretazzjoni tal-kategorija ta' persuni li
jivvjaġġaw bl-għan li jwettqu attività bi ħlas. Perjodu ta’ żmien
tas-soġġorn Il-ftehim jipprovdi għal
vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini
tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Santa Luċija meta
jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu
massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum. Dikjarazzjoni
konġunta dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-perjodu ta’ 90 jum huwa
mehmuż ma’ dan il-ftehim. Il-ftehim jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-Istati
Membri li għadhom ma applikawx l-acquis ta' Schengen b’mod
sħiħ. Sakemm huma mhux parti miż-żona ta’ Schengen
mingħajr fruntieri interni, l-eżenzjoni mill-viża tagħti
dritt liċ-ċittadini ta' Santa Luċija biex jibqgħu għal
90 jum fit-territorju ta’ kull wieħed minn dawk l-Istati Membri
(il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, u r-Rumanija), irrispettivament
mill-perjodu kkalkulat għaż-żona sħiħa ta’ Schengen. Applikazzjoni territorjali Il-ftehim għandu dispożizzjonijiet
relatati mal-applikazzjoni territorjali tiegħu: fil-każ ta’ Franza u
l-Olanda, l-eżenzjoni mill-viża għandha tintitola
liċ-ċittadini ta' Santa Luċija biex jibqgħu biss
fit-territorji Ewropej ta' dawn l-Istati Membri. Dikjarazzjonijiet Dikjarazzjonijiet
konġunti oħra huma mehmuża mal-ftehim: - dwar it-tixrid
totali tal-informazzjoni dwar il-kontenut u l-konsegwenzi tal-ftehim dwar
l-eżenzjoni mill-viża u kwistjonijiet relatati,
bħal-kundizzjonijiet tad-dħul fit-territorju, u - dwar
l-assoċjazzjoni tan-Norveġja, l-Islanda, l-Isvizzera u
l-Liechtenstein mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis
ta’ Schengen. 3. KONKLUŻJONIJIET Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq,
il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill japprova, wara li jikseb il-kunsens
tal-Parlament Ewropew, il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Santa Luċija dwar
il-viża għal perjodu qasir. 2015/0060 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn
l-Unjoni Ewropea u Santa Luċija dwar l-eżenzjoni mill-viża
għal perjodu qasir IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu
77(2), flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6),
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta
mill-Kummissjoni Ewropea, Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament
Ewropew, Billi: (1) Il-Kummissjoni nnegozjat
Ftehim, f’isem l-Unjoni Ewropea, ma' Santa Luċija dwar l-eżenzjoni
mill-viża għal perjodu qasir (minn hawn 'il quddiem
"il-Ftehim"). (2) Dan il-Ftehim ġie
iffirmat, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-… 2015, u japplika b'mod
proviżorju, suġġett għall-konklużjoni possibbli
tiegħu aktar tard, skont id-Deċiżjoni …../…/KE tal-Kunsill
tal-[….]. (3) Il-Ftehim għandu
jiġi approvat. (4) Il-Ftehim jistabbilixxi
Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim, li għandu
jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu. Ikun xieraq li titfassal
proċedura simplifikata għall-istabbiliment tal-pożizzjoni
tal-Unjoni f'dan il-każ. (5) Skont il-Protokoll dwar
il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’
libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen
integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea
u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jikkonfermaw li
d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u
l-Irlanda, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Santa
Luċija dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir hi
minn issa 'l quddiem approvata f’isem l-Unjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill jagħti
n-notifika pprovduta fl-Artikolu 8(1) tal-Ftehim[4]. Artikolu 3 Il-Kummissjoni, assistita minn esperti
mill-Istati Membri, tirrappreżenta lill-Komunità fil-Kumitat Konġunt
ta’ esperti stabbilit mill-Artikolu 6 tal-Ftehim. Artikolu 4 Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan
il-Kumitat Konġunt ta’ esperti dwar l-adozzjoni tar-regoli
tal-proċedura tiegħu skont l-Artikolu 6(4) tal-Ftehim għandha
tittieħed mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali
maħtur mill-Kunsill. Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’
Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini
tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta
jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini li huma eżentati
minn dik il-ħtieġa, ĠU L 81, 21.03.2001, p. 1 [2] Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-15 ta’ Marzu 2014
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jelenka l-pajjiżi terzi li
ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess
tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini li
huma eżentati minn dik il-ħtieġa, ĠU L 149, 20.05.2001, p.
67 [3] COM (2014) 467, 17.7.2014 [4] Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim
tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. ANNESS tal- Proposta għal Deċiżjoni
tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim
bejn l-Unjoni Ewropea u Saint Lucia dwar l-eżenzjoni mill-viża
għal perjodu qasir FTEHIM bejn l-Unjoni Ewropea u Saint Lucia dwar
l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem
imsejħa "l-Unjoni", u SAINT LUCIA, minn hawn ’il quddiem
magħrufa flimkien bħala l-“Partijiet Kontraenti”, BIL-ĦSIEB li jiġu żviluppati
ulterjorment relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn il-partijiet Kontraenti u
bix-xewqa li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar billi jiġi
żgurat dħul u soġġorn għal perjodu qasir mingħajr
viża għaċ-ċittadini tagħhom, WARA LI KKUNSIDRAW ir-Regolament (UE)
Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-15 ta’ Mejju 2014, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini
tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta
jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma
eżentati minn dik il-ħtieġa billi, fost l-oħrajn,
jittrasferixxu 19-il-pajjiżi terzi, inkluż Saint Lucia, għal fuq
il-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma
eżentati mir-rekwiżit ta' viża għal soġġorni
qosra fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE), FILWAQT LI HUMA KONXJI li l-Artikolu 1
tar-Regolament (UE) Nru 509/2014 jistipula li għal dawn
id-19-il-pajjiż, l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża
tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar
l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż
mal-Unjoni Ewropea, FILWAQT LI JIXTIEQU li jitħares
il-prinċipju ta’ trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE, WARA LI JIKKUNSIDRAW li l-persuni li
jivvjaġġaw b'fini ta’ attività bi ħlas matul
is-soġġorn qasir tagħhom mhumiex koperti b’dan il-ftehim u
għalhekk għal din il-kategorija r-regoli relevanti tal-liġi
tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u tal-liġi
nazzjonali ta’ Saint Lucia dwar l-obbligu jew l-eżenzjoni mill-viża u
dwar l-aċċess għal impjieg jibqgħu japplikaw, WARA LI JIKKUNSIDRAW il-Protokoll dwar
il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta'
libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta'
Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar
l-Unjoni Ewropa u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u
b’konferma li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx
għar-Renju Unit u l-Irlanda, FTIEHMU KIF ĠEJ: Artikolu 1 Fini Dan il-Ftehim jipprevedi li
ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini ta’ Saint
Lucia jivvjaġġaw mingħajr viża meta jivvjaġġaw
lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu
ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-fini ta' dan il-Ftehim: (a) "Stat Membru" tfisser kull Stat
Membru tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda; (b) "ċittadin tal-Unjoni
Ewropea" tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif deskritt
fil-punt (a); (c) "ċittadin ta’ Saint Lucia"
tfisser kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Saint Lucia; (d) "żona Schengen" tfisser
iż-żona mingħajr fruntieri interni li tinkludi t-territorji
tal-Istati Membri kif stipulat fil-punt (a) li japplikaw l-acquis
ta’ Schengen b’mod sħiħ; Artikolu 3 Kamp ta' applikazzjoni 1. Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea
li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali
jew speċjali li hu validu u maħruġ minn Stat Membru,
jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju
ta’ Saint Lucia għall-perjodu tas-soġġorn kif definit
fl-Artikolu 4(1). Iċ-ċittadini ta' Saint Lucia li
għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew
speċjali li hu validu u maħruġ minn Saint Lucia, jistgħu
jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Istati
Membri għall-perjodu tas-soġġorn kif definit
fl-Artikolu 4(2). 2. Il-paragrafu 1 ma japplikax
għall-persuni li jivvjaġġaw għall-finijiet ta’ attivitajiet
bi ħlas. Għal din il-kategorija ta’ persuni, kull
Stat Membru jista’ jiddeċiedi b’mod individwali li jimponi
l-ħtieġa ta' viża fuq iċ-ċittadini ta’ Saint Lucia jew
li jirtirah konformi mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 539/2001. Għal din il-kategorija ta’ persuni, Saint
Lucia jistgħu jiddeċiedu dwar il-ħtieġa ta' viża jew
l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta’ kull Stat
Membru b’mod individwali konformi mal-liġi nazzjonali tiegħu. 3. L-eżenzjoni mill-viża pprovduta b’dan
il-Ftehim tapplika bla ħsara għal-liġijiet tal-Partijiet
Kontraenti dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn qasir.
L-Istati Membri u Saint Lucia jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw
id-dħul u s-soġġorn qasir fit-territorji tagħhom jekk
waħda jew aktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma jintlaħqux. 4. L-eżenzjoni mill-viża tapplika
irrespettivament mill-metodu ta’ trasport użat biex tinqasam il-fruntiera
tal-Partijiet Kontraenti. 5. Kwistjonijiet mhux koperti minn dan
il-Ftehim ikunu koperti bil-liġi tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali
tal-Istati Membri u l-liġi nazzjonali ta' Saint Lucia. Artikolu 4 Tul ta’ żmien tas-soġġorn 1. Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea
jistgħu jibqgħu fit-territorju ta’ Saint Lucia għal perjodu
massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. 2. Iċ-ċittadini ta’ Saint Lucia
jistgħu joqogħdu fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw
bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen, għal perjodu massimu ta’
90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Dan il-perjodu jkun
ikkalkulat b’mod indipendenti minn kull soġġorn fi Stat Membru li
għadu ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ. Iċ-ċittadini ta' Saint Lucia
jistgħu jibqgħu għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kalunkwe
perjodu ta’ 180 jum fit-territorju ta’ kull Stat Membru li għadu ma
japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, irrispettivament
mill-perjodu tas-soġġorn kkalkulat għat-territorju ta’ Stat
Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ. 3. Dan il-Ftehim ma jaffetwax il-possibbiltà
għal Saint Lucia u għall-Istati Membri biex jestendu l-perjodu ta'
soġġorn għal aktar minn 90 jum konformi mal-liġi
nazzjonali u l-liġi tal-Unjoni. Artikolu 5 Applikazzjoni territorjali 1. Fir-rigward tar-Repubblika
Franċiża, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim japplikaw biss
għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża. 2. Fir-rigward tar-Renju tan-Netherlands,
id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim japplikaw biss għat-territorju
Ewropew u tar-Renju tan-Netherlands. Artikolu 6 Kumitat Konġunt
għall-amministrazzjoni tal-Ftehim 1. Il-Partijiet Kontraenti jistabbilixxu
Kumitat Konġunt ta’ esperti (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ
“il-Kumitat”), kompost minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u minn
rappreżentanti ta’ Saint Lucia. L-Unjoni tkun irrappreżentata
mill-Kummissjoni Ewropea. 2. Il-Kumitat ikollu, fost l-oħrajn, dawn
il-kompiti: (a) jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan
il-Ftehim; (b) jissuġġerixxi emendi jew
żidiet għal dan il-Ftehim; (c) jagħmel rakkomandazzjonijiet sabiex
jissolvew tilwimiet li jitqanqlu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni
tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. 3. Il-Kumitat jiltaqa' kull meta jkun
meħtieġ fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti. 4. Il-Kumitat jistabbilixxi r-regoli
tal-proċedura tiegħu stess. Artikolu 7 Ir-relazzjoni bejn dan il-Ftehim u ftehimiet
bilaterali eżistenti għall-eżenzjoni mill-viża bejn
l-Istati Membri u Saint Lucia Dan il-Ftehim jingħata preċedenza
fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kull ftehim jew arranġament bilaterali
konkluż bejn l-Istati Membri individwali u Saint Lucia, sa fejn
id-dispożizzjonijiet tagħhom ikopru kwistjonijiet li jaqgħu
fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Artikolu 8 Dispożizzjonijiet finali 1. Dan il-Ftehim jiġi ratifikat jew
approvat mill-Partijiet Kontraenti konformi mal-proċeduri interni
rispettivi tagħhom u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni
xahar wara d-data tal-aħħar waħda miż-żewġ
notifiki li permezz tagħha l-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin
li l-proċeduri msemmija hawn fuq ikunu tlestew. 2. Dan il-Ftehim qed jiġi konkluż
għal perjodu ta’ żmien indefinit, kemm-il darba ma jiġix
itterminat b'mod konformi mal-paragrafu 5. 3. Dan il-Ftehim jista’ jkun emendat bi ftehim
bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti. L-emendi jidħlu fis-seħħ
wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-twettiq
tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal
dan il-fini. 4. Kull Parti Kontraenti tistà tissospendi
l-Ftehim kollu jew parti minnu, b’mod partikolari, għal raġunijiet
ta’ politika pubblika, protezzjoni ta’ sikurezza nazzjonali jew protezzjoni ta’
saħħa pubblika, immigrazzjoni illegali jew introduzzjoni
mill-ġdid tar-rekwiżit tal-viża minn kwalunkwe Parti Kontraenti.
Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni tkun notifikata lill-Parti Kontraenti
l-oħra mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-dħul fis-seħħ
tagħha. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan
il-Ftehim tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra hekk kif
ir-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux japplikaw aktar u
tneħħi s-sospensjoni. 5. Kull Parti Kontraenti tista’ ttemm dan
il-Ftehim billi tavża bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim ma
jibqax jiffunzjona 90 jum mid-data ta’ dan l-avviż. 6. Saint Lucia tista' tissospendi jew ittemm
dan il-Ftehim biss fir-rigward tal-Istati Membri kollha. 7. L-Unjoni tista' tissospendi jew ittemm dan
il-Ftehim biss fir-rigward tal-Istati Membri kollha tagħha. Magħmul fi Brussell b’żewġ
kopji bl-ilsien Bulgaru, Ċek, Daniż, Estonjan, Finlandiż,
Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ingliż, Kroat, Latvjan,
Litwan, Malti, Netherlandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk,
Sloven, Spanjol, Taljan, Ungeriż u Żvediż, b'kull wieħed
minn dawn it-testi jkollhom l-istess awtentiċità. DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD
TAL-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN Il-Partijiet Kontraenti jirrimarkaw
ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja,
l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b’mod partikolari
bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u
tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn
il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis
ta’ Schengen. F’ċirkostanzi bħal dawn hu mixtieq
li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u
l-Liechtenstein, minn naħa, u Saint Lucia, min-naħa l-oħra,
jikkonkludu, bla dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni
mill-viża għal soġġorn qasir f’termini simili għal dan
il-Ftehim. DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR
L-INTERPRETAZZJONI TAL-KATEGORIJA TA’ PERSUNI LI JIVVJAĠĠAW B'FINI
TA’ ATTIVITÀ BI ĦLAS SKONT L-ARTIKOLU 3(2) TA’ DAN IL-FTEHIM Filwaqt li tkun issodisfata x-xewqa li tkun
żgurata interpretazzjoni komuni, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li,
għal dan il-fini, il-kategorija ta’ persuni li jkunu se jagħmlu
attività bi ħlas tkopri l-persuni li jidħlu b'fini li jkollhom
mestier/attività bi qligħ b’remunerazzjoni fit-territorju tal-Parti
Kontraenti l-oħra bħala impjegat jew fornitur ta’ servizz. Din il-kategorija ma għandhiex tkopri: — persuni tan-negozju, jiġifieri persuni
li jivvjaġġaw b'fini ta’ deliberazzjoni tan-negozju (mingħajr ma
jkunu mpjegati fil-pajjiż tal-Parti Kontraenti l-oħra), — persuni tal-isports u artisti li
jeżebixxu attività fuq bażi ad hoc, — ġurnalisti mibgħuta mill-midja ta’
pajjiż ta’ residenza tagħhom, u — apprendisti intrakorporattivi. L-implimentazzjoni ta’ din id-Dikjarazzjoni
tiġi ssorveljata mill-Kumitat Konġunt fi ħdan ir-responsabbiltà
tiegħu skont l-Artikolu 6 ta’ dan il-Ftehim, li fuq il-bażi
tal-esperjenzi tal-Partijiet Kontraenti jista’ jipproponi modifiki meta
jikkunsidrah neċessarju. DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR
L-INTERPRETAZZJONI TAL-PERJODU TA’ 90 JUM FI KWALUNKWE PERJODU TA'
180 JUM KIF STABBILIT FL-ARTIKOLU 4 TA’ DAN IL-FTEHIM Il-Partijiet Kontraenti jifhmu li perjodu
massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum kif ipprovdut fl-Artikolu 4
ta’ dan il-Ftehim ifisser soġġorn kontinwu jew bosta
soġġorni konsekuttivi li t-tul ta’ żmien tagħhom ma
jaqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum b’kollox. Il-kunċett ta’ “kwalunkwe” jimplika
l-applikazzjoni ta’ perjodu ta’ referenza mobbli ta' 180 jum, billi
wieħed iħares lura lejn kull ġurnata tas-soġġorn
fl-aħħar perjodu ta' 180 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk
ir-rekwiżit tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum
għadux jiġi ssodisfat. Fost l-oħrajn, dan ifisser li assenza
għal perjodu mhux interrott ta’ 90 jum tippermetti li jkun hemm
soġġorn ġdid ta' mhux aktar minn 90 jum. DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR
L-INFORMAZZJONI TAĊ-ĊITTADINI DWAR IL-FTEHIM TAL-EŻENZJONI
MILL-VIŻA Filwaqt li tkun rikonoxxuta l-importanza
tat-trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u Saint Lucia,
il-Partijiet Kontraenti jiftehmu li jiżguraw it-tixrid totali ta’
informazzjoni dwar il-kontenut u tal-konsegwenzi tal-eżenzjoni
mill-viża u kwistjonijiet relatati, bħall-kundizzjonijiet
għad-dħul fil-pajjiż.