Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0107

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Indipendenti ta' Samoa dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir

    /* COM/2015/0107 final - 2015/0055 (NLE) */

    52015PC0107

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Indipendenti ta' Samoa dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir /* COM/2015/0107 final - 2015/0055 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           L-ISFOND POLITIKU U LEGALI

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001[1] jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viżas fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit. Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa applikat mill-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u r-Renju Unit.

    Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 509/2014[2] emenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 billi jittrasferixxi 19-il pajjiż għall-Anness II, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża. Dawn il-19-il pajjiżi huma: il-Kolombja, Dominika, Grenada, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, il-Palaw, il-Perù, Santa Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Timor-Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Vanwatu. Ir-referenza għal kull wieħed minn dawk il-pajjiżi fl-Anness II hija akkumpanjata b'nota f'qiegħ il-paġna li tispeċifika li "l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea".

    Ir-Regolment (KE) Nru 509/2014 ġie adottat fl-20 ta’ Mejju 2014, u daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Ġunju 2014. F'Lulju 2014, il-Kummissjoni ppreżentat Rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jawtorizzaha biex tibda negozjati dwar ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża ma’ kull wieħed mis-17-il pajjiż li ġejjin: Dominika, Grenada, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, il-Palaw, Santa Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Timor-Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Vanwatu[3]. Fid-9 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill indirizza direttivi ta’ negozjati lill-Kummissjoni.

    Il-Kolombja u l-Perù huma, skont il-Premessa 5 tar-Regolament (UE) Nru 509/2014 u d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fi żmien l-adozzjoni, suġġetti għal proċedura speċifika li teħtieġ valutazzjoni ulterjuri tat-twettiq minnhom tal-kriterji rilevanti, qabel ma l-Kummissjoni tkun tista’ tippreżenta lill-Kunsill rakkomandazzjonijiet għal deċiżjonijiet li jawtorizzaw il-ftuħ ta' negozjati dwar il-ftehimiet dwar l-eżenzjoni mill-viża ma’ dawk iż-żewġ pajjiżi. Huma ma kinux għalhekk inklużi fir-Rakkomandazzjoni msemmija hawn fuq lill-Kunsill. 

    In-negozjati dwar il-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża ma' Samoa bdew fid-19 ta' Novembru 2014 fi Brussell. Matul din il-laqgħa l-abbozz tat-test kollu seta’ jiġi rivedut u ntlaħaq qbil dwar l-aspetti kollha tiegħu. Wara numru ta' skambji informali sussegwenti, il-ftehim ġie inizjalat min-negozjaturi ewlenin fil-15 ta' Diċembru 2014.

    L-Istati Membri ġew mgħarrfa waqt il-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Viża tal-Kunsill li saret fil-21 ta’ Novembru 2014.

    Min-naħa tal-Unjoni, il-bażi legali għall-ftehim hu l-punt (a) tal- Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu.

    Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument legali għall-iffirmar tal-ftehim. Il-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata.

    Filwaqt li jitqies il-fatt li Samoa se jkun jista' jikkompleta il-proċedura ta’ ratifika interna tiegħu malajr u l-perjodu twil ta’ żmien li għadda mindu l-Kummissjoni pproponiet għall-ewwel darba li teżenta liċ-ċittadini ta' Samoa mill-ħtieġa tal-viża (Novembru 2012), id-deċiżjoni proposta dwar l-iffirmar tistabbilixxi l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim mid-data tal-iffirmar tagħha skont l-Artikolu 218(5) TFUE. Filwaqt li tqis il-ħtieġa għall-kunsens tal-Parlament Ewropew qabel jiġi konkluż il-ftehim, il-Kummissjoni se tinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim.

    2.           RIŻULTAT TAN-NEGOZJATI

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li nkisbu l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu u li l-abbozz ta’ ftehim għall-eżenzjoni mill-viża hu aċċettabbli għall-Unjoni.

    Il-kontenut finali tiegħu jista’ jitqassar kif ġej:

    Għan

    Dan il-ftehim jipprovdi li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jivvjaġġaw mingħajr viża u meta ċ-ċittadini ta' Samoa jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għal perjodu massimu ta' 90 jum f'kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

    Sabiex jitħares it-trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE, ġiet inkluża dispożizzjoni fil-ftehim li tispula li Samoa jista' jissospendi jew itemm il-ftehim fir-rigward biss tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea u li l-Unjoni tistà wkoll tissospendi jew ittemm il-ftehim fir-rigward biss tal-Istati Membri kollha tagħha.

    Is-sitwazzjoni speċifika tar-Renju Unit u tal-Irlanda hi riflessa fil-preambolu.

    Kamp ta' applikazzjoni

    L-eżenzjoni mill-viża tkopri l-kategoriji kollha ta’ persuni (dawk li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku jew uffiċjali/għas-servizz) li jivvjaġġaw għal għanijiet differenti, bl-eċċezzjoni għall-għan ta’ attivitajiet bi ħlas. Għal din l-aħħar kategorija, kull Stat Membru u wkoll Samoa jibqgħu ħielsa milli jimponu l-ħtieġa tal-viża fuq iċ-ċittadini ta’ Parti oħra skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli. Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni armonizzata, dikjarazzjoni konġunta hi mehmuża mal-ftehim dwar l-interpretazzjoni tal-kategorija ta' persuni li jivvjaġġaw għall-għan ta’ attivitajiet bi ħlas.

    Tul ta’ żmien tas-soġġorn

    Dan il-ftehim jipprovdi li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jivvjaġġaw mingħajr viża u meta ċ-ċittadini ta' Samoa jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għal perjodu massimu ta' 90 jum f'kwalunkwe perjodu ta' 180 jum. Dikjarazzjoni konġunta dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-perijodu ta’ 90 jum huwa mehmuż ma’ dan il-ftehim.

    Il-ftehim jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-Istati Membri li għadhom ma applikawx l-acquis ta' Schengen b’mod sħiħ. Sakemm huma mhux parti miż-żona Schengen mingħajr fruntiera interna, l-eżenzjoni mill-viża tagħti dritt liċ-ċittadini ta' Samoa biex jibqgħu għall-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum fit-territorju ta’ kull wieħed minn dawk l-Istati Membri (il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija), irrispettivament mill-perjodu kkalkulat għaż-żona Schengen kollha.

    Applikazzjoni territorjali

    Il-ftehim għandu dispożizzjonijiet relatati mal-applikazzjoni territorrjali tiegħu: fil-każ ta’ Franza u n-Netherlands, l-eżenzjoni mill-viża għandha tintitola liċ-ċittadini ta' Samoa biex jibqgħu biss f’dawk it-territorji Ewropej tal-Istati Membri.

    Dikjarazzjonijiet

    Dikjarazzjonijiet konġunti oħra huma mehmuża mal-ftehim.:

    - dwar it-tixrid totali tal-informazzjoni dwar il-kontenut u l-konsegwenzi tal-ftehim dwar l-eżenzjoni tal-viża u kwistjonijiet relatati, bħal-kondizzjonijiet tad-dħul, u

    fuq l-assoċjazzjoni tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

    3.           KONKLUŻJONIJIET

    Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill

    – jiddeċiedi li l-ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u jawtorizza lill-President tal-Kunsill biex jaħtar lill-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw f’isem l-Unjoni;

    – japprova l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim sakemm dan jidħol fis-seħħ;

    2015/0055 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Indipendenti ta' Samoa dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)       Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4] trasferixxa ir-referenza għal Samoa mill-Anness I għall-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001[5].

    (2)       Ir-referenza għal dak il-pajjiż hija akkumpanjata b'nota f'qiegħ il-paġna li tispeċifika li l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea.

    (3)       Bid-deċiżjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Samoa dwar il-viża għal perjodu qasir.

    (4)       In-negozjati dwar il-ftehim inbdew fid-19 ta' Novembru 2014.

    (5)       Il-Ftehim inizjalat fil-15 ta’ Diċembru 2014 għandu jiġi ffirmat u d-dikjarazzjonijiet mehmuża jiġu approvati. Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jintemmu l-proċeduri għall-konklużjoni formali tiegħu.

    (6)       F’konformità mal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u filwaqt li jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Indipendenti ta' Samoa dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-Ftehim) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

    It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Id-dikjarazzjonijiet mehmuża ma' din id-deċiżjoni jiġu approvati f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 3

    Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

    Artikolu 4

    Il-Ftehim għandu japplika b’mod proviżorju mid-data tal-iffirmar tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għal konklużjoni.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viżas fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit, ĠU L 81, 21.03.2001, p. 1.

    [2]               Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viżas fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżenti minn dik il-ħtieġa, ĠU L 149, 20.05.2014, p.67

    [3]               COM (2014) 467, 17.7.2014

    [4]               Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżenti minn dik il-ħtieġa, ĠU L 149, 20.05.2014, p.67.

    [5]               Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001* tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit, ĠU L 81, 21.03.2001, p. 1.

    ANNESSI

    għall-

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Indipendenti ta' Samoa dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir

    FTEHIM

    bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Indipendenti ta' Samoa dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir

    L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-Unjoni", u

    l-ISTAT INDIPENDENTI TA' SAMOA, minn hawn’ il quddiem imsejħa “Samoa” u b’mod konġunt mal-Unjoni bħala l-“Partijiet Kontraenti”,

    BIL-ĦSIEB li jiġu żviluppati ulterjorment relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn il-partijiet Kontraenti u bix-xewqa li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar billi jiġi żgurat dħul u soġġorn għal perjodu qasir mingħajr viża għaċ-ċittadini tagħhom,

    WARA LI KKUNSIDRAW ir-Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 509/2014, tal-15 ta’ Mejju 2014, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom jkunu f'pussess ta' viżi meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa billi, inter alia, jittrasferixxi 19-il pajjiżi terzi, inkluż Samoa, fil-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-ħtieġa tal-viża għal soġġorni qosra fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE),

    FILWAQT LI HUMA KONXJI li l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 509/2014 jistipula li għal dawn id-19-il pajjiż, l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tapplika biss mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea,

    FILWAQT LI JIXTIEQU li jitħares il-prinċipju ta’ trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE,

    WARA LI JIKKUNSIDRAW li l-persuni li jivvjaġġaw b'fini ta’ attività bi ħlas matul is-soġġorn qasir tagħhom mhumiex koperti b’dan il-ftehim u għalhekk għal din il-kategorija r-regoli relevanti tad-dritt tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u tal-liġi nazzjonali ta’ Samoa dwar l-obbligu jew l-eżenzjoni mill-viża u għall-aċċess għal impjieg jibqgħu japplikaw,

    WARA LI JIKKUNSIDRAW il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropa u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’konferma li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Fini

    Dan il-Ftehim jipprovdi li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini ta’ Samoa jivvjaġġaw mingħajr viża meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta' 90 jum f'perjodu kwalunkwe ta' 180 jum.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta' dan il-Ftehim:

    (a) "Stat Membru" għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda;

    (b) "ċittadin tal-Unjoni Ewropea" għandha tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif deskritt fil-punt (a);

    (c) "ċittadin ta’ Samoa" għandha tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Samoa;

    "żona Schengen" għandha tfisser iż-żona mingħajr fruntieri interni li tinkludi t-territorji tal-Istati Membri kif stipulat fil-punt (a) li japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.

    Artikolu 3

    Kamp ta' applikazzjoni

    1. Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali, li hu validu u maħruġ minn Stat Membru, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju ta’ Samoa għall-perjodu ta’ soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(1).

    Iċ-ċittadini ta’ Samoa li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali, li hu validu u maħruġ minn Samoa, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Istati Membri għall-perjodu ta’ soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(2).

    2. Il-paragrafu 1 ma japplikax għall-persuni li jivvjaġġaw għall-finijiet ta’ attivitajiet bi ħlas.

    Għal din il-kategorija ta’ persuni, kull Stat Membru jista’ jiddeċidi b’mod individwali li jimponi l-ħtieġa tal-viża fuq iċ-ċittadini ta’ Samoa jew li jirtiraha skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001.

    Għal din il-kategorija ta’ persuni, Samoa tista’ tiddeċidi dwar il-ħtieġa tal-viża jew l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta’ kull Stat Membru b’mod individwali skont il-liġi nazzjonali tagħha.

    3. L-eżenzjoni mill-viża pprovduta b’dan il-Ftehim għandha tapplika bla ħsara għal-liġijiet tal-Partijiet Kontraenti dwar il-kondizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn qasir. L-Istati Membri u Samoa jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw id-dħul u soġġorn qasir fit-territorji tagħhom jekk waħda jew aktar minn dawn il-kondizzjonijiet ma jintlaħqux.

    4. L-eżenzjoni mill-viża tapplika irrespettivament mill-metodu ta’ trasport użat biex tinqasam il-fruntiera tal-Partijiet Kontraenti.

    5. Kwistjonijiet mhux koperti minn dan il-Ftehim għandhom jiġu koperti bid-dritt tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u bil-liġi nazzjonali ta' Samoa.

    Artikolu 4

    Tul ta’ żmien tas-soġġorn

    1. Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jistgħu jibqgħu fit-territorju ta’ Samoa għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

    2. Iċ-ċittadini ta' Samoa jistgħu joqogħdu fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen, għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Dan il-perjodu għandu jkun ikkalkulat b’mod indipendenti minn kwalunkwe soġġorn fi Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.

    Iċ-ċittadini ta' Samoa jistgħu jibqgħu għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum fit-territorju ta’ kull Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, irrispettivament mill-perjodu tas-soġġorn kkalkulat għat-territorju ta’ Stat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.

    3. Dan il-Ftehim ma jaffettwax il-possibbiltà għal Samoa u għall-Istati Membri biex jestendu l-perjodu ta’ soġġorn għal aktar minn 90 jum skont il-liġi nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni.

    Artikolu 5

    Applikazzjoni territorjali

    1. Fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għandhom japplikaw biss għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża.

    2. Fir-rigward tar-Renju tan-Netherlands, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għandhom japplikaw biss għat-territorju Ewropew tar-Renju tan-Netherlands.

    Artikolu 6

    Kumitat Konġunt għat-tmexxija tal-Ftehim

    1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta’ esperti (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat"), magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u minn rappreżentanti ta’ Samoa. L-Unjoni għandha tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.

    2. Il-Kumitat għandu jkollu, inter alia, dawn il-kompiti:

    (a) il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

    (b) is-suġġeriment ta' emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim;

    (c) is-soluzzjoni għal tilwimiet li jitqanqlu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

    3. Il-Kumitat għandu jiltaqgħa kull meta jkun meħtieġ fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti.

    4. Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu stess.

    Artikolu 7

    Relazzjoni bejn dan il-Ftehim u ftehimiet bilaterali eżistenti għall-eżenzjoni mill-viża bejn l-Istati Membri u Samoa

    Dan il-Ftehim għandu jkollu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehimiet bilaterali jew arranġamenti konklużi bejn l-Istati Membri individwali u Samoa, safejn id-dispożizzjonijiet tagħhom ikopru kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 8

    Dispożizzjonijiet finali

    1. Dan il-Ftehim għandu jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti skont il-proċeduri interni rispettivi tagħhom u għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data meta l-Partijiet Kontraenti javżaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija hawn fuq tlestew.

    2. Dan il-Ftehim qed jiġi konkluż għal perjodu ta’ żmien indefinit, kemm-il darba ma jintemmx skont il-paragrafu 5.

    3. Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan il-fini.

    4. Kull Parti Kontraenti tistà tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu, b’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ politika pubblika, protezzjoni ta’ sigurtà nazzjonali u protezzjoni ta’ saħħa pubblika, immigrazzjoni illegali jew introduzzjoni mill-ġdid tal-ħtieġa tal-viża minn kwalunkwe Parti Kontraenti. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tkun notifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-dħul fis-seħħ tagħha. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tgħarraf immedjatament lill-Parti l-oħra ladarba r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux japplikaw aktar.

    5. Kull Parti Kontraenti tista’ ttemm dan il-Ftehim billi tavża bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim għandu jieqaf jiffunzjona 90 jum wara d-data ta’ dan l-avviż.

    6. Samoa tista’ tissospendi jew ittemm dan il-Ftehim fir-rigward biss tal-Istati Membri kollha.

    7. L-Unjoni tistà tissospendi jew ittemm dan il-Ftehim fir-rigward biss tal-Istati Membri kollha tagħha.

    Magħmul fi Brussell b’żewġ kopji fl-ilsien Bulgaru, Kroat, Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol u Żvediż, b'kull wieħed minn dawn it-testi jkollhom l-istess awtentiċità.

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN

    Il-Partijiet Kontraenti jirrimarkaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

    F’ċirkostanzi bħal dawn hu mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, min-naħa, u Samoa, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, bla dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir f’termini simili bħal dan il-Ftehim.

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-KATEGORIJA TA’ PERSUNI LI JIVVJAĠĠAW GHAL FINI TA’ ATTIVITÀ BI ĦLAS SKONT L-ARTIKOLU 3(2) TA’ DAN IL-FTEHIM

    Filwaqt li tkun ssodisfata x-xewqa li tkun żgurata interpretazzjoni komuni, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li, għal dan il-fini, il-kategorija ta’ persuni li jkunu se jagħmlu attività bi ħlas tkopri l-persuni li jidħlu b'fini li jkollhom mestier/attività bi qliegħ b’remunerazzjoni fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra bħala impjegat jew fornitur ta’ servizz.

    Din il-kategorija ma għandiex tkopri:

    — persuni tan-negozju, jiġifieri persuni li li jivvjaġġaw b'fini ta’ deliberazzjoni tan-negozju (mingħajr ma jkunu mpjegati fil-pajjiż tal-Parti Kontraenti l-oħra),

    — persuni tal-isports u artisti li jeżebixxu attività fuq bażi ad hoc,

    — ġurnalisti mibgħuta mill-midja ta’ pajjiż ta’ residenza tagħhom, u,

    — apprendisti intra-korporattivi

    Għandu jkun monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ din id-Dikjarazzjoni mill-Kumitat Konġunt fl-ambitu tar-responsabbiltà tiegħu skont l-Artikolu 6 ta’ dan il-Ftehim, li jista’ jipproponi modifiki meta, fuq il-bażi tal-esperjenzi tal-Partijiet Kontraenti, huwa jikkunsidra dan neċessarju.

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-PERJODU TA’ 90 JUM F'PERJODU KWALUNKWE TA' 180 JUM KIF STABBILIT FL-ARTIKOLU 4 TA’ DAN IL-FTEHIM

    Il-Partijiet Kontraenti jifhmu li perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum kif ipprovdut mill-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim ifisser soġġorn kontinwu jew bosta soġġorni konsekuttivi li t-tul ta’ żmien tagħhom ma jaqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum b’kollox.

    Il-kunċett ta’ “kwalunkwe” jimplika l-applikazzjoni ta’ perjodu referenzjarju mobbli ta' 180 jum, billi wieħed iħares lura lejn kull ġurnata tas-soġġorn fl-aħħar perjodu ta' 180 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżit tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum għadux qed jiġi ssodisfat. Fost l-oħrajn, dan ifisser li assenza għal perjodu mhux interrott ta’ 90 jum tippermetti li jkun hemm soġġorn ġdid ta' mhux aktar minn 90 jum.

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INFORMAZZJONI TAĊ-ĊITTADINI DWAR IL-FTEHIM TAL-EŻENZJONI MILL-VIŻA

    Filwaqt li tkun rikonoxxuta l-importanza tat-trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Samoa, il-Partijiet Kontraenti jiftiehmu li jiżguraw it-tixrid totali ta’ informazzjoni dwar il-kontenut u l-konsegwenzi tal-eżenzjoni mill-viża u kwistjonijiet relatati, bħall-kundizzjonijiet għad-dħul fil-pajjiż.

    Top