Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0047

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-użu tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (l-applikazzjoni EGF/2014/016 IE/Lufthansa Technik)

/* COM/2015/047 final */

52015PC0047

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-użu tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (l-applikazzjoni EGF/2014/016 IE/Lufthansa Technik) /* COM/2015/047 final - 2015/ () */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.           Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huma stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] ("ir-Regolament dwar l-FEG").

1.           Wara li ngħataw sensji mil-Lufthansa Technik Airmotive Ireland Ltd (LTAI) u minn żewġ fornituri tagħha fl-Irlanda, l-awtoritajiet Irlandiżi ressqu l-applikazzjoni EGF/2014/016 IE/Lufthansa Technik għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

2.           Wara li vvalutat din l-applikazzjoni, u bi qbil mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament dwar l-FEG, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-għotja ta' finanzjament mill-FEG huma sodisfatti.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

Applikazzjoni tal-FEG || EGF/2014/016 IE/Lufthansa Technik

Stat Membru || L-Irlanda

Ir-reġjun(i) kkonċernat(i) (Livell NUTS 2) || IE 02 - tan-Nofsinhar u tal-Lvant

Data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni || id-19 ta' Settembru 2014

Data tal-konferma tal-wasla tal-applikazzjoni || l-24 ta' Settembru 2014

Data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali || it-3 ta' Ottubru 2014

Data ta' skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali || l-14 ta' Novembru 2014

Data ta' skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni || is-6 ta' Frar 2015

Il-kriterju ta' intervent || Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar l-FEG

L-intrapriża ewlenija || Lufthansa Technik Airmotive Ireland Ltd

Is-settur(i) tal-attività ekonomika (Taqsima NACE Rev. 2)[2] || It-taqsima 33 (Tiswija u installazzjoni ta' makkinarju u tagħmir)

Għadd ta' sussidjarji, fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni || 2

Perjodu ta' referenza (erba' xhur): || l-1 ta' Marzu 2014 sat-30 ta' Ġunju 2014

L-għadd ta' sensji jew twaqqif ta' attività waqt il-perjodu ta' referenza (a) || 149

Għadd ta' sensji jew twaqqif ta' attività qabel jew wara l-perjodu ta' referenza (b) || 275

L-għadd totali ta' sensji (a + b) || 424

għadd totali stmat ta' benefiċjarji fil-mira || 250

Għadd ta' żgħażagħ fil-mira barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) || 200

Baġit għas-servizzi personalizzati (EUR) || 3 922 944

Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG[3] (EUR) || 228 320

Baġit totali (EUR) || 4 151 264

Kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (EUR) || 2 490 758

VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

Proċedura

3.           L-awtoritajiet Irlandiżi ressqu l-applikazzjoni EGF/2014/016 IE/Lufthansa Technik fi żmien 12-il xahar mid-data ta' meta ġew sodisfatti l-kriterji ta' intervent stipulati fil-paragrafi 6 sa 8 ta' hawn taħt, fid-19 ta' Settembru 2014. Il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet l-applikazzjoni fi żmien ġimagħtejn mid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, fl-24 ta' Settembru 2014, u talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Irlandiżi fit-3 ta' Ottubru 2014. Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien sitt ġimgħat mid-data tat-talba. Il-limitu ta' 12-il xahar wara l-wasla tal-applikazzjoni kompluta, li fih il-Kummissjoni għandha tlesti l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, jiskadi fis-6 ta' Frar 2015.

Eliġibbiltà tal-applikazzjoni

L-intrapriżi u l-benefiċjarji kkonċernati

4.           L-applikazzjoni tirrigwarda 424 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn Lufthansa Technik Airmotive Ireland Ltd (l-intrapriża ewlenija) u minn żewġ fornituri. L-intrapriża ewlenija topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt it-Taqsima 33 NACE Reviżjoni 2 ("Tiswija u installazzjoni ta' makkinarju u tagħmir"). Is-sensji li taw l-intrapriżi kkonċernati jinsabu primarjament fir-reġjun tal-livell NUTS 2[4] tal-Irlanda tan-Nofsinhar u tal-Lvant (IE 02).

L-intrapriżi u l-għadd ta' sensji matul il-perjodu ta' referenza

Lufthansa Technik Airmotive LTD || 415 || ||

QCafe || 4 || ||

Senaca group || 5 || ||

Għadd totali ta' intrapriżi: 3 || Għadd totali ta' sensji: || 424

Għadd totali ta' persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet: || 0

Għadd totali ta' ħaddiema eliġibbli u ta' persuni li jaħdmu għal rashom: || 424

Kriterji ta' intervent

5.           L-awtoritajiet Irlandiżi ressqu l-applikazzjoni skont il-kriterji ta' intervent li jinsabu fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar l-FEG, b'deroga mill-kriterji tal-Artikolu 4(1)(a), li jeħtieġ li minn tal-anqas 500 ħaddiem jingħataw is-sensja jew li titwaqqaf l-attività ta’ 500 persuni li jaħdmu għal rashom, tul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża stabbilita fi Stat Membru, dan jinkludi l-ħaddiema li jingħataw is-sensja minn fornituri u minn produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni u / jew persuni li jaħdmu għal rashom li titwaqqfilhom l-attività. Fl-applikazzjoni ntwera l-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur (mill-1 ta' Marzu sat-30 ta' Ġunju 2014), filwaqt li l-għadd ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja huwa inqas mil-limitu ta' 500 persuna għal applikazzjoni skont l-Artikolu 4(1)(a). L-Irlanda ssostni li f'dan il-każ jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali, billi s-sensji għandhom impatt serju fuq l-impjiegi u fuq l-ekonomija lokali u reġjonali (ara l-paragrafi 21 sa 23).

7.           L-applikazzjoni tirrigwarda:

– 148 ħaddiem li ngħataw is-sensja[5] mil-Lufthansa Technik Airmotive Ireland Ltd waqt il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur,

– Kien hemm ħaddiem wieħed li ngħata s-sensja minn fornitur tal-intrapriża ewlenija waqt l-istess perjodu ta' referenza ta' erba' xhur,

Il-kalkolu tas-sensji u tal-waqfien tal-attività

8.           Is-sensji ġew ikkalkulati kif ġej:

– Wieħed wara d-data ta' meta l-impjegatur, b'konformità mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE[6], avża bil-miktub lill-awtorità pubblika kompetenti dwar is-sensji kollettivi previsti. Qabel id-data tat-tlestija tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Irlandiżi kkonfermaw li din is-sensja kienet tabilħaqq ingħatat.

– 148 wara d-data de facto meta ntemm il-kuntratt tal-impjieg jew wara li dan skada.

Il-benefiċjarji eliġibbli

9.           Minbarra l-ħaddiema li diġà ssemmew, il-benefiċjarji eleġibbli jinkludu 275 ħaddiem li ngħataw is-sensja qabel jew wara l-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur. Dawn il-ħaddiema kollha ngħataw is-sensja wara t-tħabbira ġenerali dwar is-sensji previsti li saret fil-15 ta' Novembru 2013. Jidher b'mod ċar li hemm rabta ta' kawżalità mal-avveniment li wassal għall-għoti tas-sensji waqt il-perjodu ta' referenza, jiġifieri l-għeluq tal-intrapriżi li tat is-sensji.

10.         Għalhekk l-għadd totali ta' benefiċjarji huwa 424.

Ir-rabta bejn is-sensji u t-tibdil strutturali kbir fix xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni

11.         Biex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u t-tibdil strutturali kbir fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, l-Irlanda ssostni li l-għeluq tal-LTAI irriżulta minn tibdil serju fil-kummerċ tal-UE tal-prodotti u s-servizzi li seħħ minħabba bidla teknoloġika lejn il-produzzjoni ta' inġenji tal-ajru u ta' komponenti ta' ġenerazzjoni ġdida; bidla lejn firxa aktar wiesgħa ta' prattiki ta' produzzjoni tal-komponenti tal-inġenji tal-ajru li kellha l-impatti fuq il-mudell kummerċjali sottostanti tal-LTAI, u fuq il-post tal-produzzjoni dinjija tal-inġenji tal-ajru.

12.         Tul dawn l-aħħar 20 sena, seħħet evoluzzjoni tal-aktar tipi ta' inġenji tal-ajru popolari mit-tipi li fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu magħmulin kollha mill-metall, u kienu mekkaniċi, elettromekkaniċi, idrawliċi u pnewmatiċi (eż. il-B737-200/300/400/500, l-MD80, il-B747-100/200/300 u d-DC10/MD11) għal inġenji tal-ajru bi strutturi magħmulin minn materjali komposti, u komposti mħalltin mal-metall, b'pilotaġġ elettriku (fly-by-wire, FBW), ikkontrollati kompletament bil-kompjuter. Bl-istess mod, it-tipi ta' magni tas-snin sittin u sebgħin ġew mibdula minn materjali sofistikati ħafna u minn disinji ajrudinamiċi.

13.         L-inġenji tal-ajru dinjin tal-ġejjieni wisq probabbli se jkunu ta' tip li jkollhom kuritur wieħed u struttura primarja dejqa, li huma tipiċi ta', fost tipi oħrajn, il-B737-600/700/800/900 u l-A32Fam. Il-proporzjon tal-flotta dinjija ta' dan it-tip ta' inġenju tal-ajru huwa mistenni li jikber mill-64% tal-lum għal aktar minn 70% tal-flotta dinjija (aktar minn 29 000 inġenju). Huwa mistenni li ż-żieda fid-domanda ta' inġenji tal-ajru bi struttura primarja dejqa se tibda primarjament mill-Asja u l-Lvant Imbiegħed, fejn is-settur tal-avjazzjoni qed jespandi u fejn hemm ħtieġa globali ikbar biex it-tipi antiki ta' inġenji tal-ajru jinbidlu b'tipi ta' inġenji bi struttura primarja dejqa[7].

14.         Bil-wasla ta' aktar tipi ta' ġenerazzjonijiet ġodda, bħalma huma l-B737 Max u l-A320 Neo, l-operaturi bdew jirtiraw l-inġenji klassiċi l-antiki u, xi ftit jew wisq anki l-verżjonijiet aktar antiki tat-tipi ta' ġenerazzjonijiet ġodda. Tul dawn l-aħħar ħames snin, għadd sostanzjali tat-tipi klassiċi ta' inġenji tal-ajru li kellhom tipi ta' magni li kienu s-sinsla tal-portafoll tal-LTAI ġew irtirati.

15.         Il-mudell kummerċjali tradizzjonali tal-LTAI kien ibbażat fuq għadd ta' elementi li ġew fid-diffikultà minħabba tibdiliet fil-profili tal-flotta dinjija tal-inġenji tal-ajru u t-tnaqqis rapidu fl-użu tal-mudelli ta' inġenji li fuqhom kien ibbażat il-portafoll tal-LTAI.

16.         L-LTAI kellha negozju stabbilit tal-kummerċ tal-parts tal-bdil li taha d-dritt li tinnegozja u jkollha aċċess għan-netwerk dinji tal-fornituri ta' materjali u aġenziji tat-tiswijiet u taha wkoll vantaġġ kompetittiv tajjeb fil-qasam tal-offerti għal kuntratti ta' tiswijiet tal-magni.

17.         Iżda ż-żieda kontinwa fl-ispiża tal-iżvilupp tat-teknoloġija tal-magni u l-iżvilupp tat-teknoloġija parallela tat-tiswijiet kienet inċentiva għall-Manifatturi tat-Tagħmir Oriġinali (OEM) - fil-maġġoranza tagħhom kumpaniji barra l-UE, bħal General Electric, Pratt Whitney, Honeywell u International Aero Engines - biex jinvolvu ruħhom iżjed minn qabel fis-suq tal-Manutenzjoni, it-Tiswija u t-Tiġdid Maġġuri (MRO).

18.         L-industrijalizzazzjoni ta' pajjiżi bħall-Indja u ċ-Ċina xprunat iż-żieda fl-ivvjaġġar bl-ajru. Fl-Asja tal-Paċifiku u l-Lvant Nofsani, pjanijiet ambizzjużi ta' kostruzzjoni ta' ajruporti ġodda internazzjonali u domestiċi se joħolqu opportunitajiet ġodda għall-fornituri MRO tal-inġenji tal-ajru kummerċjali. F'dan il-kuntest, u minħabba t-tkabbir li seħħ bħala riżultat tat-tendenza tal-kumpaniji tal-ajru tal-Ewropa tal-Punent u Amerikani li jibagħtu l-inġenji bi struttura primarja wiesa' lejn iċ-Ċina għall-manutenzjoni maġġuri, il-kumpaniji tal-MRO investew ħafna b'mod partikolari fiċ-Ċina u fir-reġjuni tal-APAC u tal-Lvant Nofsani[8].

19.         Billi rat l-opportunitajiet emerġenti għat-tiswijiet, għall-manutenzjoni u għat-tiġdid maġġuri tal-inġenji tal-ajru u tal-komponenti ta' dawn l-inġenji barra l-UE, il-Lufthansa Technik stess, dan l-aħħar, fittxet u kkonkludiet allejanzi strateġiċi mal-operaturi fir-reġjun tal-APAC, fosthom maċ-Ċina u mal-Filippini. Il-kumpanija prinċipali Lufthansa Technik iddeċidiet ukoll li tibbaża l-operazzjonijiet dinjin tal-Airbus A330/340 MRO fil-kumpanija sussidjarja tagħha Lufthansa Technik Philippines (LTP), bħala parti mill-pjan tagħha li tittrasferixxi xi faċilitajiet għall-manutenzjoni maġġuri għall-inġenji tal-ajru wesgħin lejn l-Asja, fejn il-ħlas tal-ħaddiema jiswa inqas. Il-forza tax-xogħol tal-LTP kibret minn 1 800 għal 2 200 u l-mekkaniks Filippini ngħataw taħriġ fil-Ġermanja[9].

20.         Fl-2013 u kmieni fl-2014 il-Lufthansa Technik iffirmat u ġeddet kuntratti ta' manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru mal-Air Asia X, li hija bbażata fil-Malasja, kuntratti ta' manutenzjoni tal-komponenti mal-GoAir u ma' kumpaniji tal-ajru tal-Indja u tax-Sri lanka, u kuntratti ta' manutenzjoni tal-magni mal-Pakistan International Airlines. Fost l-oħrajn ikkonkludiet ukoll ftehim fuq żmien twil għall-manutenzjoni tal-komponenti ma' UTC Aerospace, USA, Manifattur tat-Tagħmir Oriġinali (OEM) tal-magni.

21.         Jidher ċar li l-ħsieb hu li dawn il-kumpaniji barra l-UE jipprovdu l-kapaċità u s-servizzi b'inqas spejjeż minn dawk tal-bażijiet ewlenin tal-Lufthansa fl-UE, u li se jgħinu biex iservu l-industrija tal-avjazzjoni li qed tikber b'rata mgħaġġla barra l-UE.

22.         S'issa s-settur tat-"tiswija u l-installazzjoni tal-makkinarju u t-tagħmir" kien is-suġġett ta' żewġ applikazzjonijiet tal-FEG (dan il-każ huwa wieħed minnhom), u l-każ l-ieħor kien ibbażat fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija[10].

L-avvenimenti li wasslu għas-sensji u għall-waqfien tal-attività

23.         Il-ġrajjiet li wasslu għas-sensji fil-Lufthansa Technik Airmotive Ireland Ltd huma l-għeluq tal-intrapriża u t-tkeċċija tal-forza tax-xogħol kollha.

24.         L-impjant tal-manutenzjoni, it-tiswija u t-tiġdid maġġuri tal-inġenji tal-ajru Airmotive Ireland f'Rathcoole, fil-kontea ta' Dublin, kien ġie stabbilit mill-Aer Lingus fl-1980. Fl-1997 il-Lufthansa Technik Airmotive Ireland Limited (LTAI) xtrat 60% tas-sehem tal-ishma u fl-1999 xtrat il-kumpanija kollha.

25.         F'Ottubru tal-2010, Shannon Aerospace, sussidarja akkwiżita totalment tal-Lufthansa, naqqset 100 impjieg minħabba dak li ddeskriviet bħala spiża bażika mhux sostenibbli, bħala parti minn programm ta' ristrutturar aktar wiesa' tal-kumpanija Ġermaniża[11].

26.         Fil-15 ta' Novembru 2013, il-kumpanija ħabbret li kienet qed tipproponi li tagħti s-sensja lil 409 impjegat fil-faċilità tagħha fil-Punent ta' Dublin. Il-kumpanija stqarret li dan kien wara li saret evalwazzjoni estensiva tal-operazzjonijiet fl-LTAI, fil-kuntest ta' dħul dejjem jonqos u opportunitajiet kummerċjali internazzjonali dejjem jiċkienu[12].

27.         Minkejja l-isforzi tal-LTAI u tal-Awtorità tal-Iżvilupp Industrijali (IDA) biex jinstab xerrej għall-impjant, is-sensji ta' total ta' 415 ħaddiem u l-għeluq tal-faċilità fl-2014 ġew ikkonfermati f'Diċembru tal-2013. Is-sensji bdew jingħataw f'Diċembru tal-2013 u kellhom jintemmu sa Ġunju tal-2014.

L-impatt mistenni tas-sensji fuq l-ekonomija u l-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

28.         L-415-il ħaddiem tal-Lufthansa kienu joqgħodu fil-kontej ġeografiċi ta' Dublin (212 fil-kontej amministrattivi ta' South Dublin, Fingal, Dublin City, Dun Laogħaire-Rathdown), Kildare (140), Meath (15), Wicklow (14) jew kontej oħrajn fl-inħawi (34). Minn fost ir-residenti ta' Dublin, aktar minn 60 kienu joqgħodu f'żoni qrib ta' Rathcoole, bħal Tallaght u Clondalkin (fin-Nofsinhar ta' Dublin) u Blanchardstown (Fingal).

29.         Skont l-aħħar ċensiment tal-2011, minn popolazzjoni totali ta' 3 608 662 ta' età ta' aktar minn 15-il sena, l-għadd ta' persuni kklassifikati bħala Qiegħda minħabba li tilfu jew irriżenjaw minn impjieg preċedenti fl-Irlanda kien ta' 390 677 (10,83 %). Filwaqt li l-perċentwal ta' 11,61% ta' South Dublin kien biss kemmxejn ogħla, wara dawn iċ-ċifri hemm moħbijin roqgħat ta' żvantaġġ lokali konsiderevoli.

30.         Pereżempju, Blanchardstown-Tyrrelstown, Tallaght-Killinarden, Clondalkin-Rowlagh u Tallaght-Fettercairn kienu fost il-25 ta' quddiem tat-3 409 distrett elettorali nazzjonali li għandhom ċifri ta' qgħad ta' 24,64 %[13], 23,83 %[14], 22,34 %[15] u 22,01 %[16] rispettivament. Indikaturi soċjoekonomiċi oħrajn għal dawn id-distretti elettorali, bħalma huma livelli ta' kisba edukattiva baxxi, nuqqas ta' kwalifiki professjonali, u livelli għoljin ta' akkomodazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet lokali juru żvantaġġ u faqar lokali konsiderevoli.

31.         L-għadd ta' persuni fir-Reġistru Ħaj tal-persuni qiegħda fir-reġjun ta' Dublin bejn April u Mejju tal-2014 żdied minn 94 529 għal 94 940 (+0,43 %) meta mqabbel ma' żieda minn 388 559 għal 388 764 (+0,05 %) għall-Istat kollu[17].

32.         Sa tmiem l-2012, kważi 59% tal-popolazzjoni tal-età tax-xogħol, bejn il-15 u l-64 tal-Irlanda kellhom xogħol imħallas. Din iċ-ċifra għadha ħafna inqas mill-mira tar-rata tal-impjiegi ta' bejn 69% u 71% li ffissat l-Irlanda fl-indikaturi tal-istrateġija Ewropa 2020 tagħha[18].

Spjegazzjoni taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jirfdu l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni

33.         L-Irlanda ssostni li, minkejja li kien hemm inqas minn 500 sensja fil-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur, din l-applikazzjoni xorta waħda għandha tiġi assimilata f'applikazzjoni skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar l-FEG minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u minħabba li s-sensji għandhom impatt serju fuq l-impjiegi u fuq l-ekonomiji lokali u reġjonali. Għalhekk, l-awtoritajiet Irlandiżi jipprovdu l-informazzjoni dwar is-sensiela ta' sensji fl-intrapriżi f'dan is-settur. Dawn bdew fl-2009 u fl-2010 b'1 365 sensja mill-faċilità MRO ta' SR Technics fl-ajruport ta' Dublin. F'Novembru 2013 tħabbru s-sensji mil-Lufthansa Technik Airmotive Technik fin-Nofsinhar ta' Dublin, u wara dawn tħabbru 107 sensja minn Pratt and Whitney - impjant ieħor tal-MRO ibbażat f'Rathecoole. Barra minn hekk, f'Settembru tal-2014 tħabbru 400 sensja minn Bombardier, kumpanija ajruspazjali bbażata f'Belfast, li setgħet kienet post għall-impjieg ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Lufthansa Technik, billi tinsab madwar 120 km minn Dublin.

34.         Billi fil-preżent hemm madwar 1 550 impjegat f'dan is-settur fl-Irlanda, iċ-ċifri ta' hawn fuq juru tnaqqis ta' madwar 52% fl-impjiegi totali f'dan il-qasam.

35.         L-awtoritajiet Irlandiżi jsostnu wkoll li l-forza tax-xogħol ta' dan is-settur għandha ħiliet speċifiċi ħafna li huma diffiċli li jintużaw f'setturi oħrajn, u għaldaqstant huwa diffiċli għal dawn il-ħaddiema li jsibu impjieg ieħor malajr. Dan jgħodd iżjed u iżjed għal dawk il-ħaddiema fosthom li huma ikbar fl-età (madwar 20% tal-ħaddiema tal-Lufthansa Technik), jew li ilhom għadd ta' snin mal-istess impjegatur.

Il-benefiċjarji fil-mira u l-azzjonijiet proposti

Il-benefiċjarji fil-mira

36.         L-għadd stmat ta' ħaddiema fil-mira li huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huwa 250. Id-disaggregazzjoni ta' dawn il-ħaddiema skont is-sess, iċ-ċittadinanza u l-età hija kif ġej:

Kategorija || Għadd ta' benefiċjarji fil-mira

Sess: || Irġiel: || 220 || (88 %)

|| Nisa: || 30 || (12 %)

Ċittadinanza: || Ċittadini tal-UE: || 246 || (98,4 %)

|| Mhux ċittadini tal-UE: || 4 || (1,6 %)

Grupp ta' età: || 15-24 sena: || 12 || (4,8 %)

|| 25-29 sena: || 18 || (7,2 %)

|| 30-54 sena: || 149 || (59,6 %)

|| 55-64 sena: || 70 || (28,0 %)

|| aktar minn 64 sena: || 1 || (0,4 %)

37.         Barra minn hekk, l-awtoritajiet Irlandiżi se jagħtu servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG lil sa 200 żagħżugħ(a) barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta' 25 sena fid-data tat-tressiq tal-applikazzjoni, billi l-424 sensja msemmija fil-paragrafu 10 ngħataw f'reġjun tal-livell NUTS 2 tal-Irlanda tan-Nofsinhar u tal-Lvant (IE 02), li huwa eliġibbli skont l-Inizjattiva għall-Impjieg taż-Żgħażagħ.

L-eliġibbiltà tal-azzjonijiet proposti

38.         Is-servizzi personalizzati li se jingħataw lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u lin-NEETs huma dawn li ġejjin:

– Gwida u ppjanar tal-karriera: Din il-miżura hija meqjusa li hi ta' importanza kruċjali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li fil-bidu jistgħu jħossuhom diżorjentati u inċerti minn kif se jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol. L-intervent ta' gwida bikrija jista' jgħin lill-ħaddiema ssensjati biex jivvalutaw il-qagħda u l-prospetti tagħhom b'mod ċar u metodiku. Gwida aktar fid-dettall u mfassla skont il-każ tkun utli biex turi t-triq għax-xogħol lil dawk il-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja xi żmien qabel. L-appoġġ jinkludi t-tfassil ta' profil individwali, l-identifikazzjoni tal-bżonnijiet, valutazzjoni tat-tagħlim, tħejjija tas-CV, gwida u ppjanar dwar il-karriera, għajnuna fit-tfittxija ta' impjieg u għajnuniet u pariri relatati oħra. Jiġu involuti għadd wiesa' ta' korpi, fosthom id-Dipartiment tal-Protezzjoni Soċjali, Bordijiet tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ, l-Unità ta' Koordinazzjoni SOLAS FEG u gwidi speċjalisti privati, fejn rilevanti, biex jipprovdu s-servizzi ta' għajnuna għall-impjegati li jkunu ngħataw is-sensja, fosthom korsijiet akkreditati mill-QQI/FETAC għall-ippjanar tal-karrieri, li jservu ta' tarġiet li jwasslu għal taħriġ aktar formali orjentat lejn l-impjieg u l-edukazzjoni.

– Għotjiet ta' Finanzjament tal-FEG għat-Taħriġ: Dawn il-miżuri jingħataw minn fornituri privati approvati, amministrati mill-Unità Nazzjonali ta' Koordinazzjoni tas-SOLAS FEG. Il-mekkaniżmu tal-Għotjiet għat-Taħriġ tal-FEG jagħti aktar flessibbiltà lill-benefiċjarju tal-FEG biex jidentifika u jagħżel taħriġ approvat imfassal speċifikament għalih, jew programmi ta' tkomplija tal-edukazzjoni u ta' edukazzjoni għolja oħrajn, (dawn, pereżempju, jinkludu korsijiet tal-avjazzjoni mfasslin mill-Awtorità Irlandiża tal-Avjazzjoni (Irish Aviation Authority - IAA), barra dawk li jingħataw permezz ta' aġenziji Statali.

– Programmi ta' Taħriġ u ta' Tkomplija tal-Edukazzjoni: Dawn il-miżuri jingħataw primarjament mill-aġenziji statali, bħalma huma Bordijiet tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ, iżda jingħataw ukoll minn fornituri privati approvati permezz ta' inizjattivi tal-industrija, bħall-programmi ta' taħriġ għan-netwerks Skillnets (www.skillnets.ie), Fast Track to IT (FIT www.fit.ie), eċċ. Jistgħu jingħataw ukoll programmi ta' taħriġ intern, xogħol speċjalizzat, esperjenza fix-xogħol, u taħriġ orjentat lejn il-komunità, f'konsultazzjoni mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Soċjali (DSP) u korpi Statali oħra li jerfgħu r-responsabbiltà nazzjonali għal dan it-tip ta' intervent.

– Programmi ta' Edukazzjoni Għolja: Programmi ta' Edukazzjoni Għolja se jikkonsistu minn programmi full time jew part time għall-popolazzjoni fil-mira, li jingħataw permezz ta' istituzzjonijiet ffinanzjati mill-Istat, primarjament fir-reġjun ta' Dublin u fiż-żoni interni tiegħu. L-Istitut tat-Teknoloġija ta' Tallaght, l-Istitut tat-Teknoloġija ta' Blanchardstown, l-Istitut tat-Teknoloġija ta' Carlow, l-Istitut tat-Teknoloġija ta' Dublin u Dublin City University huma istituzzjonijiet ewlenin tal-edukazzjoni għolja li jkopru ż-żona ġenerali minn fejn jiġu l-ħaddiema affettwati. Jistgħu jingħataw ukoll korsijiet qosra ta' konverżjoni mmirati fuq żoni magħrufin għan-nuqqas ta' ħiliet, u li jistgħu jiġu ffinanzjati permezz ta' inizjattivi bħal Springboard (www.springboardcourses.ie). L-Għotja għat-Taħriġ tal-FEG (QQI/HETAC) ukoll hija disponibbli għall-grupp ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja biex ikollhom aċċess għal programmi tat-tielet livell mogħtija b'mod privat f'każijiet li dawn ma jiġux offruti fis-sistema ffinanzjata mill-gvern jew meta jkunu speċjalizzati ħafna. Se ssir enfasi fuq l-evalwazzjoni bir-reqqa tal-ħiliet u l-addattabbiltà biex isegwu korsijiet partikolari ta' dawk li qegħdin jaħsbuha li jidħlu f'programm ta' edukazzjoni għolja, biex jiġi stabbilit jekk humiex aktar addattati korsijiet ta' tħejija u għażliet alternattivi f'oqsma differenti ta' appoġġ.

– Appoġġi għall-intraprenditorija u għal dawk li jaħdmu għal rashom: L-Uffiċċji Lokali tal-Impjiegi tar-reġjun se jagħtu l-appoġġ ewlieni għall-intraprenditorija u għal dawk li jaħdmu għal rashom. Se jiġu offruti firxa ta' appoġġi differenti lil dawk il-benefiċjarji li jkunu qegħdin jaħsbuha li jibdew jaħdmu għal rashom u jistabbilixxu negozju biex jimpjegaw ruħhom mill-ġdid. Dawn l-appoġġi se jkunu jinkludu moduli ta' introduzzjoni, sessjonijiet ta' ħidma dwar l-ippjanar tan-negozju, mentoring u għajnuna finanzjarja għall-istabbiliment tan-negozju. Appoġġi ta' taħriġ fl-intraprenditorija oħrajn jistgħu jingħataw skont il-każ permezz tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Soċjali, in-netwerks Skillnets jew permezz ta' kollaborazzjoni ma' korpi tal-edukazzjoni għolja.

– Appoġġi tal-Introjtu li jinkludu l-iskema ta' Kontribuzzjoni mill-FEG għall-Ispejjeż tal-Korsijiet (EGF Course Expense Contribution (CEC) scheme): L-għan ta' din il-miżura huwa li jżid l-aċċess u l-parteċipazzjoni fil-korsijiet ta' gwida, ta' taħriġ u ta' edukazzjoni. Skema ta' Kontribuzzjoni mill-FEG għall-Ispejjeż tal-Korsijiet (CEC) tgħin biex jitħallsu ftit mill-ispejjeż sekondarji tal-aċċessibbiltà tal-korsijiet u l-parteċipazzjoni fihom. Is-CEC amministrata mill-Unità Koordinattiva tal-FEG tikkontribwixxi għall-ħlas ta' ftit mill-ispejjeż marbutin mal-mobbiltà, is-sussistenza, il-materjali tal-korsijiet, it-tagħmir eċċ. Gratifiki oħrajn jistgħu jinkludu, skont il-każ, gratifiki għat-taħriġ tal-Bord tal-Edukazzjoni u Taħriġ, il-Back to Education Allowance tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Soċjali, Grants għall-Istudenti mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet, l-Back to Work Enterprise Allowance tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Soċjali, eċċ.

Is-servizzi personalizzati li se jingħataw lin-NEETs jikkonsistu mill-istess għażliet li hemm għall-ħaddiema ssensjati, iżda dawn se jkunu mfasslin għal kull individwu NEET skont il-każ.

39.         L-azzjonijiet proposti deskritti hawn jiffurmaw il-miżuri attivi għas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar l-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jieħdux post il-miżuri passivi tal-protezzjoni soċjali.

40.         L-awtoritajiet Irlandiżi pprovdew l-informazzjoni meħtieġa dwar l-azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata skont il-liġijiet nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tissostitwixxix dawn l-azzjonijiet.

Il-baġit stmat

41.         L-ispejjez totali stmati huma ta' EUR 4 151 264, li jinkludu n-nefqa fuq is-servizzi personalizzati ta' EUR 3 922 944 u n-nefqa ta' EUR 228 320 fuq l-attivitajiet ta' tħejjija, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rappurtar.

42.         Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba biex tingħata mill-FEG hija ta' EUR 2 490 758 (60 % tal-ispejjeż totali).

L-azzjonijiet || L-għadd stmat tal-parteċipanti || L-ispiża stmata għal kull parteċipant (EUR) (*) || L-ispejjeż totali stmati (EUR) (**)

Is-servizzi personalizzati (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament dwar l-FEG)

Appoġġi ta' Gwida Okkupazzjonali u l-Ippjanar tal-Karriera || 450 || 404 || 181 924

Għotjiet tal-FEG għat-Taħriġ || 198 || 2 106 || 416 932

Programmi ta' Taħriġ u tat-Tieni Livell Edukattiv || 218 || 4 123 || 898 910

Programmi tat-Tielet Livell Edukattiv || 116 || 6 310 || 731 933

Appoġġ għall-Imprenditorija/għal min jaħdem għal rasu || 50 || 6 404 || 320 214

Sottototal (a): Perċentwal tal-ispejjeż totali (a) u (b): || – || 2 549 913

(65 %)

Benefiċċji u inċentivi (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar l-FEG)

Appoġġi tal-introjtu li jinkludu l-kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż tal-korsijiet (CECs) || 358 || 3 835 || 1 373 031

Sottototal (b): Perċentwal tal-ispejjeż totali (a) u (b): || – || 1 373 031 (35%)

Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament dwar l-FEG

1. Attivitajiet ta' tħejjija || – || 3 000

2. Ġestjoni || – || 144 229

3. Informazzjoni u pubbliċità || – || 41 713

4. Kontroll u rappurtar || – || 39 378

Sottototal (c): Perċentwal tal-ispejjeż totali (a+b+c): || – || 228 320

(5,5 %)

Spejjeż totali (a + b + c): || – || 4 151 264

Kontribuzzjoni mill-FEG (60% tal-ispejjeż totali) || – || 2 490 758

(*) L-ispejjeż totali għal kull miżura ġew aġġustati għal ċifri sħaħ biex jiġu evitati d-deċimali

(**) L-ispejjeż stmati għal kull ħaddiem ġew aġġustati għal ċifri sħaħ biex jiġu evitati d-deċimali. Madankollu dawn l-aġġustamenti ma għandhomx impatt fuq l-ispiża totali għal kull miżura.

43.         L-ispejjeż tal-azzjonijiet identifikati fit-tabella ta' hawn fuq bħala azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar l-FEG ma jaqbżux il-35% tal-ispejjeż totali tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati. L-awtoritajiet Irlandiżi kkonfermaw li dawn l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva fit-tfittxija ta' impjieg jew fit-taħriġ tal-benefiċjarji fil-mira.

44.         L-awtoritajiet Irlandiżi kkonfermaw li l-ispejjeż investiti f'dawk li se jaħdmu għal rashom, fl-għajnuna għall-istabbiliment ta' negozju, u fit-teħid ta' kontroll mill-impjegati mhumiex se jaqbżu l-EUR 15 000 għal kull benefiċjarju.

Il-perjodu ta' eliġibbiltà tan-nefqa

45.         L-awtoritajiet Irlandiżi bdew jipprovdu s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fis-7 ta' Diċembru 2013. Għalhekk, in-nefqa fuq l-azzjonijiet imsemmijin fil-punt 29 se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mis-7 ta' Diċembru 2013 sad-19 ta' Settembru 2016, bl-eċċezzjoni tal-livell terzjarju tal-edukazzjoni, li se jkun eliġibbli għal kontribuzzjoni sad-19 ta' Marzu 2017.

46.         L-awtoritajiet Irlandiżi bdew iħallsu l-ispejjeż amministrattivi għall-implimentazzjoni tal-FEG fil-15 ta' Novembru 2013. Għalhekk, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ta' ġestjoni, ta' informazzjoni u pubbliċità, u ta' kontroll u rappurtar se jkunu eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-15 ta' Novembru 2013 sad-19 ta' Marzu 2017.

Il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati b'fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

47.         Is-sorsi ta' finanzjament minn qabel jew ta' kofinanzjament huma t-Teżor Irlandiż, li qiegħed jiffinanzja s-servizzi bil-quddiem u se jikkofinanzja wkoll il-programm malli tiġi approvata l-kontribuzzjoni mill-FEG. In-nefqa se tittieħed mill-Fond Nazzjonali għat-Taħriġ u mis-sottointestaturi tal-infiq ivvutati tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet u minn Dipartimenti tal-Gvern rilevanti oħrajn.

Il-proċeduri għall-konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira jew mar-rappreżentanti tagħhom, jew mas-sħab soċjali, kif ukoll mal-awtoritajiet lokali u reġjonali

48.         L-awtoritajiet Irlandiżi indikaw li l-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira u mar-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll mat-trejdunjins.

49.         Wara li rċeviet in-notifika mingħand id-Dipartiment tal-Impjiegi, l-Intrapriża u l-Innovazzjoni dwar is-sensji kollettivi li kienu se jingħataw f'Novembru tal-2013, l-Awtorità ta' Ġestjoni tal-FEG, flimkien mal-Awtorità tal-Iżvilupp Industrijali, ikkuntattjat lill-amministrazzjoni tal-kumpanija u għamlet kuntatt dirett ukoll mat-trejdunjins  SIPTU (Services Industrial Public and Technical Union), TEEU (Technical Engineering and Electrical Union) u Unite the Union biex jiddiskutu u jidentifikaw il-bżonnijiet potenzjali tal-ħaddiema ssensjati.

50.         Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Soċjali għamel stħarriġ komprensiv tal-impjegati affettwati f'Jannar tal-2014 biex jidentifika l-ħaddiema fil-mira, isir jaf il-kuntest edukattiv u ta' taħriġ tagħhom, u jinforma ruħu dwar il-bżonnijiet potenzjali personalizzati tagħhom biex itejjeb il-prospetti tagħhom li jiġu impjegati mill-ġdid.

51.         Kuntatti oħrajn li saru mill-Awtorità ta' Ġestjoni tal-FEG wasslu għal laqgħa mar-rappreżentanti trejdunjonistiċi u rappreżentanti mhux trejdunjonistiċi tal-ħaddiema f'Awwissu tal-2014 dwar il-proċess tal-FEG, il-ġbir tad-dejta u l-progress tal-applikazzjoni. Sar ukoll stħarriġ bil-posta mill-Awtorità ta' Ġestjoni tal-FEG permezz tal-Unità ta' Koordinazzjoni tal-FEG u bl-għajnuna u l-kooperazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, biex jiġi enfasizzat il-potenzjal tal-għajnuna tal-Fond għall-ħaddiema ssensjati.

52.         Hemm il-ħsieb li, kif isir fi programmi oħrajn Irlandiżi tal-FEG, jitwaqqaf forum konsultattiv jew proċess interattiv ieħor biex jissuplementa l-ħidma kontinwa tal-Unità ta' Koordinazzjoni tal-FEG u biex jagħti l-opportunità lill-ħaddiema ssensjati u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jagħtu l-ideat tagħhom b'mod kontinwu, biex dawn jintużaw fl-implimentazzjoni tal-programm tal-FEG.

Sistemi ta' ġestjoni u kontroll

53.         L-applikazzjoni tinkludi deskrizzjoni tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. L-Irlanda avżat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita mill-persunal magħżul tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet li nħatar bħala l-Awtorità ta' Ġestjoni tal-FEG. L-Awtorità ta' Ġestjoni teżamina u tħallas it-talbiet lill-FEG li jressqu Korpi Intermedjarji f'isem il-korpi tan-nefqa pubblika.

54.         Il-Korpi Intermedjarji huma responsabbli biex jitolbu l-finanzjament tal-FEG mingħand l-Awtorità ta' Ġestjoni, u fil-biċċa l-kbira, għall-iżborż tiegħu. Il-Korpi Intermedjarji huma responsabbli wkoll biex jivverifikaw li l-għan, l-ambitu u d-daqs tal-finanzjament ikunu xierqa skont it-termini tal-applikazzjoni tal-FEG. Barra minn hekk, huma jiżguraw li jkunu twaqqfu proċeduri ta' monitoraġġ, reġistrazzjoni xierqa u kontroll intern b'rabta man-nefqiet u t-talbiet kollha relatati mal-FEG mill-korpi pubbliċi benefiċjarji, u li dawn jiġu dokumentati kif xieraq.

55.         L-Awtorità ta' Ċertifikazzjoni tal-FEG hija responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni tar-rapporti marbutin mal-miżuri kofinanzjati mill-FEG. Billi twettaq dan, l-Awtorità ta' Ċertifikazzjoni tivverifika l-konformità mar-rekwiżiti kollha marbutin mal-preċiżjoni, mal-legalità, mal-eliġibbiltà u mar-regolarità tan-nefqa. Hija tiċċertifika wkoll id-Dikjarazzjoni li Tiġġustifika n-Nefqa li trid tintbagħat bħala parti mir-rapport finali.

56.         Korp awditur indipendenti jippreżenta l-opinjoni tiegħu mar-rapport finali.

L-impenji mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat

57.         L-awtoritajiet Irlandiżi taw l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa rigward dawn li ġejjin:

– il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u ta' nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fil-kuntest tal-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom;

– ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew issodisfatti;

– l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu għajnuna finanzjarja minn fondi oħrajn jew minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, u kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat;

– l-azzjonijiet proposti se jikkomplementaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

– il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Proposta baġitarja

58.         L-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[19].

59.         Wara li studjat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament dwar il-FEG, u wara li qieset in-numru ta’ benefiċjarji fil-mira, l-azzjonijiet proposti u l-ispejjeż stmati, il-Kummissjoni tipproponi li l-FEG jiġi mobilizzat għall-ammont ta’ EUR 2 490 758, li jirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet proposti, sabiex tiġi pprovduta kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

60.         Id-deċiżjoni proposta ta’ mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stabbilit fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[20].

Atti relatati

61.         Fl-istess ħin li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mobilizzat l-FEG, il-Kummissjoni se tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill proposta ta' trasferiment tal-ammont ta' EUR 2 490 758 lejn il-linja baġitarja rilevanti.

62.         Fil-ħin li tadotta din il-proposta biex jiġi mobilizzat l-FEG, il-Kummissjoni se tadotta deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja permezz ta' att ta' implimentazzjoni, li għandu jidħol fis-seħħ fid-data ta' dakinhar li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw id-deċiżjoni proposta li jiġi mobilizzat l-FEG.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-użu tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (l-applikazzjoni EGF/2014/016 IE/Lufthansa Technik)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[21], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[22], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit biex jagħti l-appoġġ lill-ħaddiema ssensjati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li tkun twaqqfitilhom l-attività minħabba bidliet kbar strutturali fix-xejriet kummerċjali dinjija bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, minħabba kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009[23], jew b'riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija ġdida, u biex jgħinhom jintegraw mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

(2)       L-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[24].

(3)       Fid-19 ta' Settembru 2014 l-Irlanda ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG rigward sensji[25] mil-Lufthansa Technik Airmotive Ireland LTD u minn żewġ fornituri tagħha fl-Irlanda. Din l-applikazzjoni kienet issuplementata b'informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 8.3 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. L-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG bi qbil mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Għalhekk, il-Kummissjoni pproponiet li jiġi mobilizzat l-ammont ta' EUR 2 490 758.

(4)       B'konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, l-Irlanda ddeċidiet li tipprovdi wkoll is-servizzi personalizzati kkofinzjati mill-FEG lil 200 NEET.

(5)       Għaldaqstant, l-FEG għandu jintuża biex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Irlanda.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena fiskali 2015, l-FEG se jiġi mobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta' EUR 2 490 758 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

[2]               Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kuf ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

[3]               Skont ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

[4]               Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).

[5]               Skont it-tifsira tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament dwar l-FEG.

[6]               Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16).

[7]               Ir-rapport tad-Dipartiment tar-RU tal-LTAI lill-IDA (l-Awtorità tal-Iżvilupp Industrijali) tat-28 ta' Marzu 2014

[8]               http://www.asianaviation.com/articles/415/China-MRO

[9]               http://www.lite.orientaviation.com/orient-aviation-magazine/ground-handling/lht-continues-to-spread-its-wings-in-asia#.VK_FVxtF2Uk

[10]             EGF/2009/021 IE/SR Technics

[11]             http://eurofound.europa.eu/observatories/emcc/erm/factsheets/shannon-aerospace

[12]             http://www.ltai.ie/press-releases-content/-/asset_publisher/3hGk/content/press-release-ltai-wind-up-media/10165

[13]             http://census.cso.ie/sapmap2011/Results.aspx?Geog_Type=ED&Geog_Code=04015&CTY=04

[14]             http://census.cso.ie/sapmap2011/Results.aspx?Geog_Type=ED&Geog_Code=03033&CTY=03

[15]             http://census.cso.ie/sapmap2011/Results.aspx?Geog_Type=ED&Geog_Code=03009&CTY=03

[16]             http://census.cso.ie/sapmap2011/Results.aspx?Geog_Type=ED&Geog_Code=03030&CTY=03

[17]             http://www.cso.ie/en/releasesandpublications/er/lr/liveregistermay2014/#.VK_L0RtF2Uk

[18]             http://ec.europa.eu/europe2020/europe-2020-in-your-country/ireland/national-reform-programme/index_en.htm

[19]             ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

[20]             ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

[21]             ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

[22]             ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

[23]             ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26.

[24]             ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

[25]             Skont it-tifsira tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament dwar l-FEG.

Top