Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015JC0032

DEĊIŻJONI KONĠUNTA TAL-KUMMISSJONI EWROPEA U TAR-RAPPREŻENTANT GĦOLI TAL-UNJONI GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U L-POLITIKA TA’ SIGURTÀ dwar is-sehem tal-Unjoni Ewropea f’diversi organizzazzjonijiet ta’ kooperazzjoni għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu

JOIN/2015/032 final

Brussell, 27.8.2015

JOIN(2015) 32 final

DEĊIŻJONI KONĠUNTA TAL-KUMMISSJONI EWROPEA U TAR-RAPPREŻENTANT
GĦOLI TAL-UNJONI GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U L-POLITIKA TA’
SIGURTÀ

dwar is-sehem tal-Unjoni Ewropea f’diversi organizzazzjonijiet ta’ kooperazzjoni għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu


DEĊIŻJONI KONĠUNTA TAL-KUMMISSJONI EWROPEA U TAR-RAPPREŻENTANT
GĦOLI TAL-UNJONI GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U L-POLITIKA TA’

SIGURTÀ

dwar is-sehem tal-Unjoni Ewropea f’diversi organizzazzjonijiet ta’ kooperazzjoni għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu

IL-KUMMISSJONI U R-RAPPREŻENTANT GĦOLI TAL-UNJONI GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U L-POLITIKA TA’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 27(2) tiegħu,

Billi:

(1)Il-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu jservi bħala forum multilaterali biex isaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, li fih il-membri parteċipanti jiddiskutu l-ħtieġa għall-mobilizzazzjoni ta’ għarfien espert, riżorsi u inizjattivi sabiex il-ġlieda kontra t-terroriżmu tkun aktar effettiva. F’dan il-qafas, il-membri pproċedew bit-twaqqif ta’ korpi internazzjonali speċjalizzati biex jindirizzaw kwistjonijiet rigward il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti: iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda kontra l-Estremiżmu Vjolenti “Hedayah”, l-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u għall-Istat tad-Dritt, u l-Fond Globali għall-Involviment u għar-Reżiljenza tal-Komunità.

(2)Iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda kontra l-Estremiżmu Vjolenti “Hedayah” inħoloq b’reazzjoni għall-ħtieġa identifikata għal twaqqif ta’ ċentru indipendenti u multilaterali ddedikat għat-taħriġ, għad-djalogu, għall-kollaborazzjoni u għar-riċerka dwar il-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti fl-għamliet u fid-dehriet kollha tiegħu, liema ċentru jkun jista’ jiġbor flimkien esperti, għarfien espert, u esperjenza minn madwar id-dinja.

(3)Il-missjoni tal-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u għall-Istat tad-Dritt hija li jipprovdi taħriġ ibbażat fuq l-istat tad-dritt għal-leġiżlaturi, għall-pulizija, għall-prosekuturi, għall-imħallfin, għall-uffiċjali korrettivi, u partijiet ikkonċernati oħrajn fis-settur tal-ġustizzja dwar kif jiġu indirizzati t-terroriżmu u attivitajiet kriminali transnazzjonali relatati, jissaħħu s-sistemi ta’ ġustizzja kriminali u jissawru netwerks reġjonali ġudizzjarji, tal-pulizija u ta’ prattikanti oħrajn tal-ġustizzja kriminali sabiex tingħata promozzjoni lill-ġustizzja, lis-sigurtà, u d-drittijiet tal-bniedem. L-Istitut iservi wkoll bħala forum għal attivitajiet simili ta’ sħab fil-kooperazzjoni bħal, fost l-oħrajn, l-Uffiċju tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra d-Droga u l-Kriminalità, id-Direttorat Eżekuttiv Kontra t-Terroriżmu tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu.

(4)Il-Fond Globali għall-Involviment u għar-Reżiljenza tal-Komunità ġie stabbilit fil-qafas tal-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu biex iservi ta’ forċina għall-isforzi attwali u tal-ġejjieni tal-gvernijiet u għall-organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità biex jindirizzaw l-estremiżmu vjolenti u jdawwru reżiljenza għal aġendi ta’ estremiżmu vjolenti b’mod kumplimentari. Il-Fond għandu l-għan li jappoġġa inizjattivi fuq livell lokali u ta’ komunità dwar il-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti.

(5)L-Unjoni Ewropea, bħala membru fundatur tal-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu u billi kienet involuta mill-qrib fil-fondazzjoni taċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda kontra l-Estremiżmu Vjolenti “Hedayah”, tal-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u għall-Istat tad-Dritt, u tal-Fond Globali għall-Involviment u għar-Reżiljenza tal-Komunità, tqis dawn il-korpi bħala ċentrali għall-isforzi tagħha ta’ kooperazzjoni internazzjonali biex tiġġieled l-estremiżmu vjolenti b’mod ġenerali u t-terroriżmu b’mod speċifiku.

(6)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tadotta d-Dokument Tematiku ta’ Strateġija 2014-2020 u l-Programm Indikattiv Pluriennali 2014-2017 tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi li jiġi flimkien miegħu (C(2014) 5607) tal-11 ta’ Awwissu 2014 identifikat dispożizzjonijiet għal azzjonijiet fuq terminu twil biex ikunu indirizzati azzjonijiet speċifiċi ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiżi u r-reġjuni sħab fil-ġlieda kontra t-theddid globali u transreġjonali kif ukoll it-theddid emerġenti, kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 230/2014 li jistabbilixxi l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi ( 1 ).

(7)L-Istrateġija, li fost il-prijoritajiet ewlenin identifikati fiha hemm il-ġlieda kontra t-terroriżmu, talbet lill-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi għall-għan globali tal-Unjoni Ewropea ta’ promozzjoni tal-multilateraliżmu effettiv u ta’ kooperazzjoni transreġjonali prijoritizzata. L-appoġġ għal programmi speċifiċi ta’ kooperazzjoni li jiġġieldu t-terroriżmu żviluppati fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti jew f’oqfsa multilaterali oħrajn bħal Forum Globali Kontra t-Terroriżmu, jissemma b’mod espliċitu bħala possibilità waħda skont l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi.

(8)Filwaqt li bbaża fuq l-Istrateġija, il-Programm Indikattiv Pluriennali 2014-2017 ta prijorità lill-promozzjoni tal-kooperazzjoni multilaterali li tiġġieled it-terroriżmu fuq terminu twil, b’mod partikolari fin-Nazzjonijiet Uniti u fil-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu, u wkoll bħala appoġġ għall-preżenza u djalogu globali rigward il-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti inkluż mal-inizjattivi multilaterali, gvernijiet, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u komunitajiet lokali.

(9)Il-Kummissjoni qiegħda tiffinanzja azzjonijiet permezz tal-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u għall-Istat tad-Dritt skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tadotta l-Programm Annwali ta’ Azzjoni għall-2013 (C(2013) 4599) dwar l-aspetti li jaħdmu kontra t-terroriżmu tas-sistemi tal-ġustizzja kriminali fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq minħabba l-għarfien espert u l-mandat tiegħu fil-promozzjoni tar-riforma tal-ġustizzja kriminali bbażata fuq l-istat tad-dritt.

(10)Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tadotta l-Programm Annwali ta’ Azzjoni għall-2014 (C(2014) 5647), il-Kummissjoni ddeċidiet li tieħu sehem fil-ħidma taċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda kontra l-Estremiżmu Vjolenti “Hedayah” u tal-Fond Globali għall-Involviment u għar-Reżiljenza tal-Komunità. Permezz ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni pprovdiet għotjiet kemm liċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda kontra l-Estremiżmu Vjolenti “Hedayah” kif ukoll lill-Fond Globali għall-Involviment u għar-Reżiljenza tal-Komunità bl-iskop li jgħadduhom f’sovvenzjonijiet indiretti li jiffinanzjaw inizjattivi fuq livell lokali u ta’ komunità dwar il-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti madwar id-dinja filwaqt li jintuża l-għarfien espert internazzjonali u n-natura multilaterali ta’ dawn iż-żewġ korpi. Barra minn hekk, l-istess Deċiżjoni stipulat li l-Kummissjoni tieħu sehem fil-Bord ta’ Tmexxija tal-Fond Globali għall-Involviment u għar-Reżiljenza tal-Komunità.

(11)Dan l-approċċ ġie vvalidat u mtenni fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu tad-9 ta' Frar 2015 2 , li fihom il-Kunsill laqa’, fost l-oħrajn, “L-appoġġ għal inizjattivi internazzjonali dwar il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu bħall-ewwel Ċentru Internazzjonali ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda kontra l-Estremiżmu Vjolenti (“Hedayah”) f’Abu Dhabi, u l-Fond tal-Komunità Globali għall-Impenn u r-Reżiljenza (GCERF) f’Ġinevra [...].”

(12)Barra minn hekk, il-Kunsill iddikjara li “L-UE ser issaħħaħ aktar l-impenn tagħha fil-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu (GCTF), inkluż billi ssawwar b’mod attiv inizjattivi tal-GCTF bħal Hedayah f’Abu Dhabi, il-Fond tal-Komunità Globali għall-Impenn u r-Reżiljenza (GCERF) u l-Istitut Internazzjonali tal-Ġustizzja u l-Istat tad-Dritt f’Malta.” Dan ingħata enfasi wkoll fid-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tat-12 ta’ Frar 2015 li ħarġu l-membri tal-Kunsill Ewropew, li saħqet dwar involviment kontinwu u koordinat man-Nazzjonijiet Uniti u mal-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu, kif ukoll mal-inizjattivi reġjonali rilevanti.

(13)Fil-Linji Gwida tagħha dwar “Is-sehem tal-Kummissjoni f’korpi tad-dritt privat” annessi mad-Deċiżjoni C(2004) 2958 tal-4 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni stabbiliet ir-regola ġenerali għan-nuqqas ta’ sehem tagħha f’korpi tad-dritt privat.

(14)Ir-regola ġiet adottata minħabba s-sogri serji involuti f’tali sehem, jiġifieri s-sogru għall-immaġni tal-Kummissjoni, is-sogru finanzjarju, il-kunflitt ta’ interessi possibbli għall-uffiċjal ikkonċernat, il-possibilità ta’ użu ħażin tal-proċeduri finanzjarji, is-sogru ta’ nepotiżmu u ta’ klijenteliżmu fir-reklutaġġ tal-persunal minn dawn il-korpi, is-sogru li l-Kummissjoni ma timraħx lil hinn minnhom u li tkun ineffiċjenti u s-sogru ta’ kompetizzjoni mhux ġusta ma’ fornituri oħrajn tas-servizz.

(15)Madankollu, il-Kummissjoni żammet il-possibilità ta’ deroga minn dik ir-regola ġenerali f’sitwazzjonijiet ta’ eċċezzjoni li fihom l-evidenza wriet li s-sehem ikun ta’ interess eċċezzjonali. F’każ ta’ deroga bħal din, il-Kummissjoni għandha tqis ċerti kriterji ġenerali, filwaqt li żżomm quddiem għajnejha n-natura u l-għanijiet tal-korp inkwistjoni.

(16)Fir-rigward ta’ korpi dedikati għall-kooperazzjoni internazzjonali, li fihom il-Kummissjoni jkollha bħala sħab lill-Istati Membri u lil pajjiżi terzi, kull sehem min-naħa tal-Kummissjoni għandu jkun ġustifikat minn interessi politiċi eċċezzjonali. Ġaladarba dawn il-korpi huma ta’ natura kważi-intergovernattiva, sehem mill-qrib fl-organi deċiżjonali tagħhom jista’ jiġi kkunsidrat, meta jkun xieraq f’konformità mal-Artikolu 4(a) tal-Linji Gwida (C(2004) 2958).

(17)Sabiex tingħata konferma tal-impenn konsistenti tal-Kummissjoni Ewropea għaċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda kontra l-Estremiżmu Vjolenti “Hedayah”, għall-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u għall-Istat tad-Dritt, u għall-Fond Globali għall-Involviment u għar-Reżiljenza tal-Komunità f’konformità mal-approċċ multilaterali tal-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, u b’segwitu għad-“Dokument Tematiku ta’ Strateġija 2014-2020 u l-Programm Indikattiv Pluriennali 2014-2017 tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi li jiġi flimkien miegħu” li fihom it-tliet entitajiet huma parti kruċjali mill-istrateġija tal-Unjoni għall-azzjoni kontra t-terroriżmu madwar id-dinja u l-prevenzjoni tiegħu, huwa essenzjali li l-Unjoni Ewropea tiżgura s-sehem sħiħ tagħha fil-Bordijiet tal-entitajiet imsemmijin hawn fuq. Dan huwa meħtieġ ukoll sabiex ikun hemm influwenza fuq l-ipprogrammar kif ukoll, fil-każ tal-Fond Globali għall-Involviment u għar-Reżiljenza tal-Komunità, fuq id-deċiżjonijiet ta’ finanzjament ta’ dawn il-korpi skont il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea, u sabiex tkun garantita l-koerenza u l-kumplimentarjetà tal-ħidma ta’ dawn l-organizzazzjonijiet mal-programmi tal-Unjoni stess u mal-involviment tagħha permezz tan-Nazzjonijiet Uniti. Flimkien ma’ dan, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta’ Frar 2015 dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu jsejjaħ lill-Unjoni Ewropea biex iżżid l-involviment tagħha mat-tliet entitajiet li jissemmew aktar ’il fuq filwaqt li l-Istrateġija Kontra t-Terroriżmu / il-Ġellieda Barranin 3 approvata mill-Kunsill fl-20 ta’ Ottubru 2014 u nħarġet għall-pubbliku fis-16 ta’ Jannar 2015 ukoll issejjaħ lill-Unjoni Ewropea biex tkun involuta fl-inizjattivi rilevanti tal-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu. Barra minn hekk, il-korpi li ssemmew aktar ’il fuq jippermettu wkoll li l-UE tikkoopera ma’ sħab diversi sabiex tiġġieled it-terroriżmu b’mod aktar effettiv. Għall-Fond Globali għall-Involviment u għar-Reżiljenza tal-Komunità, huwa barra minn hekk fl-interessi finanzjarji tal-Kummissjoni li tkun parti mill-Bord ta’ Tmexxija u li jkollha d-drittijiet tal-vot kollha minħabba n-natura finanzjarja u operattiva tiegħu u l-iskop tiegħu li jamministra l-fondi.

(18)Kull Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar rikjesta għal deroga mir-regola ġenerali ta’nuqqas ta’ sehem (jiġifieri f’każ ta’ sehem sħiħ jew sħubija bid-drittijiet tal-vot) f’korpi tad-dritt privat għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punti 5 u 6 tal-Linja Gwida annessi mad-Deċiżjoni C(2004) 2958.

(19)Jeħtieġ li tittieħed Deċiżjoni Konġunta speċifika tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar is-sehem tal-Unjoni fl-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u għall-Istat tad-Dritt, fiċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda kontra l-Estremiżmu Vjolenti “Hedayah”, u fil-Fond Globali għall-Involviment u għar-Reżiljenza tal-Komunità li twaqqfu riċentement.

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Unjoni Ewropea se tipparteċipa fl-organizzazzjonijiet segwenti li għandhom l-għan li jipprevenu u jiġġieldu t-terroriżmu:

Iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda kontra l-Estremiżmu Vjolenti “Hedayah”, Abu Dhabi, l-Emirati Għarab Magħquda;

L-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u għall-Istat tad-Dritt, Valletta, ir-Repubblika ta’ Malta;

Il-Fond Globali għall-Involviment u għar-Reżiljenza tal-Komunità, Ġinevra, il-Konfederazzjoni Żvizzera.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà japprovaw l-abbozz ta’ skambju ta’ ittri li jinsab mehmuż (id-Dokument Mehmuż I) ma’ din id-Deċiżjoni bħala dokumenti ta’ prova u jfittxu li jiksbu l-istatus ta’ Membru Sħiħ tal-Bord għall-Unjoni Ewropea fi:

Iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda kontra l-Estremiżmu Vjolenti “Hedayah”, Abu Dhabi, l-Emirati Għarab Magħquda;

L-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u għall-Istat tad-Dritt, Valletta, ir-Repubblika ta’ Malta;

Il-Fond Globali għall-Involviment u għar-Reżiljenza tal-Komunità, Ġinevra, il-Konfederazzjoni Żvizzera.

Is-sehem tal-Kummissjoni Ewropea fil-korpi li jissemmew aktar ’il fuq huwa f’konformità mal-linji gwida stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004)2958.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà japprovaw l-Arranġamenti ta’ Ħidma annessi ma’ din id-Deċiżjoni (l-Anness I).




Magħmul fi Brussell,

Għall-Kummissjoni

Neven MIMICA

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà
Federica MOGHERINI

(1)

   Ir-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi. ĠU L 77, 15.3.2014.

(2)

   Id-Dokument Nru 6044/15, it-3367 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin, Brussell, id-9 ta’ Frar 2015

(3)

   Id-Dokument Nru 5369/15,“Deskrizzjoni tal-istrateġija kontra t-terroriżmu għas-Sirja u l-Iraq, b'fokus partikolari fuq il-ġellieda barranin”, il-233494 laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Terroriżmu (l-Aspetti Internazzjonali), Brussell, il-15 Jannar 2015

Top

Brussell, 27.8.2015

JOIN(2015) 32 final

ANNESS

tad-

DEĊIŻJONI KONĠUNTA TAL-KUMMISSJONI EWROPEA U TAR-RAPPREŻENTANT GĦOLI TAL-UNJONI GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U L-POLITIKA TA’ SIGURTÀ

dwar is-sehem tal-Unjoni Ewropea f’diversi organizzazzjonijiet ta’ kooperazzjoni għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu


ANNESS I: ARRANĠAMENTI TA’ ĦIDMA

Fir-rigward tas-sehem tal-Unjoni Ewropea fl-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u għall-Istat tad-Dritt, fiċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda kontra l-Estremiżmu Vjolenti “Hedayah”, u fil-Fond Globali għall-Involviment u għar-Reżiljenza tal-Komunità, l-arranġamenti segwenti jkunu rispettati:

a)Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha (mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jew mis-Servizzi tal-Kummissjoni) se jirrappreżentaw lill-Unjoni fl-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u għall-Istat tad-Dritt u fiċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda kontra l-Estremiżmu Vjolenti “Hedayah”. Il-Kummissjoni Ewropea se tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Fond Globali għall-Involviment u għar-Reżiljenza tal-Komunità.

Is-servizz ewlieni inkarigat mir-rappreżentanza tal-Unjoni f’kull wieħed mit-tliet korpi msemmijin qabel se jorganizza laqgħat ta’ koordinazzjoni mas-servizzi rilevanti kollha minn tal-inqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel kull Laqgħa tal-Bord tat-tliet korpi msemmijin qabel.

b)Fi kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kompetenza tal-Kummissjoni u fi kwistjonijiet b’implikazzjonijiet operattivi u finanzjarji, il-Kummissjoni tkun preżenti u rrappreżentata fil-Laqgħat tal-Bord tal-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u għall-Istat tad-Dritt u taċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda kontra l-Estremiżmu Vjolenti “Hedayah”.

F’konformità mal-Artikolu 4(a) u l-Artikolu 5(a) u (b), tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar is-sehem tal-Kummissjoni f’korpi tad-dritt privat (C(2004) 2958), ir-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea mhuwiex se jkollu rabta ġerarkika mas-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-finanzjament tal-UE lill-korpi msemmijin aktar ’il fuq għajr jekk ikun japplika l-Artikolu 5(d) li jirreferi għall-kontribuzzjoni, li l-ammont tagħha jiġi ddeterminat minn deċiżjoni tal-Kulleġġ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea mhi se tkun assoċjata ma’ ebda sejħa għall-offerti li fiha jkun hemm is-sehem ta’ dawk il-korpi.

c)Fi kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kompetenza tar-Rappreżentant Għoli u fi kwistjonijiet li jittrattaw il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni jew li jindirizzaw kwistjonijiet strateġiċi u ta’ politika, ir-rappreżentanti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jkunu preżenti u rrappreżentati fil-Laqgħat tal-Bord tal-Fond Globali għall-Involviment u għar-Reżiljenza tal-Komunità.

Top

Brussell, 27.8.2015

JOIN(2015) 32 final

ANNESS

DOKUMENT MEHMUŻ

mad-

Deċiżjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà

dwar is-sehem tal-Unjoni Ewropea f’diversi organizzazzjonijiet ta’ kooperazzjoni għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu


DOKUMENT MEHMUŻ

SKAMBJU TA’ ITTRI

Top