Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IR4285

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Viżjoni territorjali għall-2050: x’inhu l-ġejjieni?

    ĠU C 51, 10.2.2016, p. 8–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.2.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 51/8


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Viżjoni territorjali għall-2050: x’inhu l-ġejjieni?

    (2016/C 051/02)

    Relatur:

    is-Sur Oldřich VLASÁK (CZ/KRE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Hradec Králové

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    Il-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    Kummenti ġenerali

    1.

    jilqa’ l-isforzi mill-Presidenza Lussemburgiża biex tiddiskuti l-Viżjoni Territorjali għall-2050 u huwa sodisfatt li l-Presidenza Lussemburgiża ddeċidiet li tikkonsulta lill-KtR dwar din il-kwistjoni;

    2.

    jenfasizza l-importanza tar-rikonoxximent espliċitu tal-firxa wiesgħa ta’ realtajiet territorjali fl-Unjoni Ewropea li jeħtieġu approċċi u strateġiji differenti biex jindirizzaw il-problemi tagħhom;

    3.

    jemmen li aktar minn 15-il sena wara l-Perspettiva ta’ Żvilupp tal-Ispazju Ewropew adottata f’Potsdam fl-1999 l-Unjoni Ewropea teħtieġ viżjoni territorjali ġdida li:

    issarraf il-kunċett ta’ koeżjoni territorjali kif stabbilit fit-Trattat ta’ Lisbona f’linji gwida operazzjonali ta’ politika,

    tmur lil hinn minn sempliċi perspettiva ta’ żvilupp tal-ispazju,

    tindirizza l-isfidi territorjali ewlenin tal-Unjoni Ewropea,

    tipprovdi direzzjoni għall-politiki kollha tal-UE b’dimensjoni territorjali u li tkun marbuta u koerenti mal-politika ta’ koeżjoni u l-miżuri tagħha kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej,

    tipprovdi orjentazzjoni għall-politiki kollha tal-UE b’dimensjoni territorjali,

    tkun marbuta mal-għanijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-ġejjieni fit-tul tal-politiki Ewropej, u

    tkun ibbażata fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-governanza f’diversi livelli;

    4.

    għaldaqstant jitlob għal konsultazzjoni wiesgħa madwar l-Ewropa dwar il-viżjoni territorjali futura tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali (COM(2008) 616 final) u jtenni t-talba tiegħu għal White Paper dwar il-koeżjoni territorjali, li tista’ tintuża bħala element kostitwenti għal politiki oħra tal-UE b’dimensjoni territorjali iżjed b’saħħitha, saħansitra fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss għal wara l-2020;

    5.

    jenfasizza l-importanza tal-identifikazzjoni ta’ tendenzi u sfidi globali kmieni biżżejjed biex il-politika pubblika tiġi adattata b’mod adegwat. F’dan ir-rigward il-KtR jilqa’ diversi rapporti li jħarsu ‘l quddiem li ġew immexxija mill-istituzzjonijiet Ewropej u tenfasizza l-istudju tal-KtR intitolat “Sfidi fl-Orizzont 2025 – It-Tendenzi ewlenin u l-Impatt fuq l-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali (1)”;

    6.

    jagħmel referenza għat-tendenzi u l-isfidi globali li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea, kif identifikati fir-rapport intitolat “Tendenzi globali sal-2030: L-UE tista’ tilħaq l-isfidi li ġejjin?” mill-proġett ESPAS (2), u li jinvolvu dimensjoni territorjali peress li l-impatti tagħhom ivarjaw minn reġjun għal ieħor skont l-ispeċifiċitajiet u l-kuntesti territorjali. Madankollu l-KtR jinnota li d-dimensjoni territorjali ma ġietx ikkunsidrata biżżejjed fir-rapport ESPAS. Għalhekk, jistenna b’interess li jikkontribwixxi biex tkun indirizzata d-dimensjoni territorjali fil-ħidma futura tal-proġett ESPAS;

    7.

    jemmen li viżjoni territorjali Ewropea ċara hija meħtieġa sabiex twieġeb b’mod effettiv għat-tendenzi u l-isfidi attwali u dawk futuri u li għandha ssaħħaħ id-dimensjoni territorjali fit-tfassil tal-politiki, fost l-oħrajn billi jiġi applikat l-approċċ ibbażat fuq il-post;

    8.

    f’dan ir-rigward jenfasizza r-rwol tal-Aġenda Territorjali għall-2020 li jibqa’ validu u jeħtieġ jiġi implimentat aħjar. Minħabba dan, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jirreferi għall-opinjoni riċenti tiegħu dwar “It-titjib tal-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea 2020 (3)”;

    9.

    barra minn hekk jenfasizza li l-ippjanar strateġiku u t-tfassil ta’ għanijiet ta’ politika ċari u li jistgħu jintlaħqu, li jistgħu jkunu parti minn “viżjoni”, huma element essenzjali għat-tfassil ta’ politika tajjeb;

    10.

    itenni li fil-livell tal-UE, it-Trattat (l-Artikolu 174 tat-TFUE) jistabbilixxi għan globali territorjali għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea billi jistipula li “sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha in ġenerali, l-Unjoni għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha”. Il-koeżjoni territorjali tfisser li jkun żgurat l-iżvilupp bilanċjat tat-territorji kollha tal-UE;

    Id-dimensjoni territorjali tat-tfassil ta’ politika

    11.

    jiġbed l-attenzjoni għall-vantaġġi u l-benefiċċji tal-applikazzjoni tal-approċċ ibbażat fuq il-post (4), li l-elementi essenzjali tiegħu jikkonċernaw l-integrazzjoni tas-setturi fi strateġija partikolari territorjali u djalogu territorjali orjentat lejn ir-riżultati. Jekk jiġi implimentat b’mod effettiv, l-approċċ ibbażat fuq il-post jagħmilha possibbli li l-identità territorjali u l-ispeċifiċitajiet territorjali jiġu stmati u jerġgħu jitqajmu bħala element prezzjuż;

    12.

    jinnota li filwaqt li l-approċċ ibbażat fuq il-post ħafna drabi huwa diskuss fl-istituzzjonijiet tal-UE, għadu mhuwiex implimentat kullimkien u b’mod wiesa’ fil-livell tal-UE u f’dak tal-Istati Membri. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jtenni l-konvinzjoni qawwija tiegħu li l-approċċ ibbażat fuq il-post tal-politiki tal-UE se jġib l-aħjar riżultati peress li l-politiki se jiġu adattati għal kundizzjonijiet lokali speċifiċi u għaldaqstant se jindirizzaw b’mod iżjed effettiv l-isfidi tar-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet u b’hekk ser inaqqsu d-differenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tagħhom;

    13.

    jinnota li filwaqt li jibqa’ meħtieġ li jissaħħu l-politiki settorjali, l-approċċ ibbażat fuq il-post huwa l-aktar approċċ effettiv biex jintlaħaq l-għan tat-trattat ta’ żvilupp armonjuż globali. F’dan ir-rigward, il-KtR jirreferi għal studju mmexxi mill-Kummissjoni Ewropea li identifika ħames karatteristiċi komuni ta’ implimentazzjoni b’suċċess tal-approċċ ibbażat fuq il-post (5). Karatteristiċi bħal dawn jinkludu r-rwol importanti ta’ valutazzjoni ta’ identità territorjali, li tinfirex lil hinn mill-konfini ġeografiċi u settorjali, sistema miftuħa ta’ governanza, kapaċità b’saħħitha ta’ tmexxija u sperimentazzjoni u tagħlim prattiku bl-għemil;

    14.

    huwa tal-fehma li, minkejja li l-politiki settorjali huma importanti għall-iżvilupp territorjali, l-approċċ ibbażat fuq il-post huwa punt tat-tluq importanti għal żvilupp lokali u reġjonali adattat. L-approċċ ta’ qafas komuni (ftehim ta’ sħubija) għall-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej f’dan il-perjodu ta’ programmazzjoni huwa ta’ min ifaħħru, iżda sabiex il-politika kollha tkun tista’ tiġi implimentata b’mod effettiv, jeħtieġ li jitneħħew id-diversi ostakli li jinħolqu minħabba r-regoli differenti. Il-qafas regolatorju għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għandu jiġi ssemplifikat bil-kontribut u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-proġetti b’approċċ territorjali integrat għandhom ikunu jistgħu jiksbu l-finanzjament minn diversi fondi u għandhom ikunu responsabbli lejn qafas regolatorju waħdieni;

    15.

    jinnota l-analiżi fis-Sitt Rapport dwar il-Koeżjoni li ddikjara li “id-disparitajiet reġjonali twessgħu fl-aħħar ftit snin minħabba li l-kriżi ekonomika affettwat lir-reġjuni b’mod differenti (6)”. Fil-fatt, mhux biss il-kriżi nnifisha, iżda anki d-deċiżjonijiet ta’ politika, notevolment il-miżuri ta’ awsterità bħala parti mis-Semestru Ewropew, kellhom impatti differenti ħafna fuq ir-reġjuni Ewropej. Pereżempju, reġjuni finanzjarjament b’saħħithom jistgħu jtaffu l-effetti tal-kriżi u jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-Semestru Ewropew, filwaqt li min-naħa l-oħra, reġjuni finanzjarjament dgħajfa kellhom inaqqsu l-investimenti pubbliċi bħala konsegwenza tal-miżuri ta’ awsterità, li wasslu għal diffikultajiet ekonomiċi. Din l-analiżi twassal għall-konklużjoni li hemm impatt territorjali anke f’oqsma ta’ politika u fatturi esterni li qabel ma ġewx ikkunsidrati f’perspettiva territorjali, bħal dawk bankarji jew il-politika fiskali. Il-KtR jinnota li l-kriżi aggravat b’mod partikolari d-disparitajiet territorjali u kellha impatt aktar qawwi fuq il-pajjiżi li għadhom lura fl-iżvilupp. Għaldaqstant, jisħaq li biex il-politiki jkollhom impatt armonjuż, jeħtieġ li dawn jiġu implimentati abbażi tal-prinċipju tal-ibbilanċjar mill-ġdid u approċċ territorjali. Dan ifisser li jiġi applikat approċċ ekwilibrat għal miżuri ta’ awsterità;

    16.

    jinnota li minn mindu sar id-dibattitu tal-2009 dwar “Il-PDG u lil hinn”, id-data disponibbli fil-livell tal-UE żdiedet b’mod sinifikanti u jeħtieġ li jiġu eżaminati indikaturi oħra li jikkomplementaw il-PDG meta jitkejjel il-progress, b’mod partikolari fil-livell tar-reġjuni u l-bliet tal-UE, f’dak li jirrigwarda t-tilħiq tal-objettivi tal-UE;

    17.

    jenfasizza li l-parti l-kbira tal-politiki tal-UE għandhom dimensjoni reġjonali u lokali li tista’ tiġi evalwata permezz ta’ Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali (TIA) u għandha titqies meta jitfasslu u jiġu riveduti dawn il-politiki. Il-KtR beda l-fażi pilota tal-Istrateġija TIA tiegħu fl-2014 fuq fajls magħżula, li matulha ġew ittestjati metodoloġiji u approċċi differenti. Jilqa’ bil-qawwa l-fatt li wara li l-Pakkett għal Regolamentazzjoni Aħjar ġie ppubblikat fid-19 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni se tkun qed tuża t-TIAs bħala element wieħed tal-valutazzjoni tal-impatt. Għaldaqstant, il-KtR jenfasizza wkoll ir-rwol tal-politika urbana tal-UE – b’enfasi speċjali fuq “żoni interni” – u l-importanza prijoritarja tal-implimentazzjoni tagħha għall-iżvilupp tar-reġjuni. Jirreferi għall-opinjoni tiegħu “Lejn approċċ komprensiv għall-bliet fl-Unjoni Ewropea” (25 ta’ Ġunju 2014) (7), u jenfasizza l-proposta li tinsab fiha, sabiex tiġi adottata White Paper dwar il-politika urbana integrata. Fl-aħħar nett, il-KtR jenfasizza li jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li ħabbret passi konkreti għall-adozzjoni tal-politika urbana tal-UE, li għaliha se jkun hemm allokati EUR 80 biljun mill-baġit tal-UE (8). Jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq l-esperjenzi tal-KtR;

    It-tfassil ta’ politika msejjes fuq l-evidenza

    18.

    huwa mħasseb dwar il-fatt li l-unitajiet ta’ statistika attwali fl-Istati Membri tal-UE mhux neċessarjament jirrappreżentaw is-sitwazzjoni soċjoekonomika reali u għaldaqstant m’għandhomx ikunu l-unika bażi għat-tfassil u l-implimentazzjoni futura tal-politiki. Il-politiki għandhom ikunu integrati b’karattru sod transettorjali, transreġjonali u transkonfinali, filwaqt li jitqiesu l-effetti sekondarji fuq ir-reġjuni l-oħra;

    19.

    itenni li sabiex jiġu ddeterminati dawk l-effetti, l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea jeħtieġu jimplimentaw Valutazzjonijiet tal-Impatt Territorjali bħala prattika standard fil-proċess tat-tfassil ta’ politika kif ukoll fil-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-investimenti settorjali. Jekk l-effetti asimmetriċi possibbli tal-politiki tal-UE u dawk nazzjonali ma jiġux ikkunsidrati, dawn il-politiki qatt ma jistgħu jkunu effiċjenti jew effettivi biżżejjed, u jistgħu potenzjalment jirriżultaw f’effetti mhux mixtieqa;

    20.

    jenfasizza li meta jiġu eżaminati l-effetti tal-politiki tal-UE, il-fatt li aktar u aktar ċittadini tal-UE qed jgħixu f’żoni urbani għandu jiġi kkunsidrat kemm f’termini tal-isfidi urbani kif ukoll dawk rurali li dan joħloq. Bħalissa ma teżistix data statistika fil-livell urban jew din hija limitata ħafna, u dan jagħmilha diffiċli li ssir valutazzjoni koerenti u bir-reqqa tal-effetti. Il-KtR u l-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed jaħdmu fuq proġett pilota ta’ Valutazzjoni tal-Impatt Urban li għandu jiġi żviluppat aktar fil-futur u jista’ jservi bħala għodda siewja għall-evalwazzjoni ta’ dawn l-effetti li jista’ jirriżulta fi tfassil aħjar tal-liġijiet. Jenfasizza wkoll li l-Kumitat tar-Reġjuni ilu jitlob li l-politiki tal-UE jikkunsidraw aħjar l-impatt akkumulattiv tal-bliet żgħar u ta’ daqs medju;

    21.

    ifakkar li ż-żoni rurali huma differenti wkoll mil-lat tal-karatteristiċi u l-isfidi tagħhom u l-livell ta’ żvilupp tagħhom huwa inqas minn dak tal-UE, partikolarment meta mqabbel mal-livelli ta’ żvilupp fiż-żoni urbani, u d-differenza qiegħda tikber. Mhux se jkun possibbli li tinkiseb il-koeżjoni territorjali mingħajr ma jiġi sfruttat il-potenzjal kollu disponibbli, inkluż il-potenzjal offrut miż-żoni territorjali kollha. Dan huwa partikolarment importanti meta wieħed iqis li l-interdipendenzi funzjonali bejn iż-żoni urbani u dawk rurali, pereżempju permezz tal-ivvjaġġar jew ta’ attivitajiet ta’ rikreazzjoni, jagħmluha kważi impossibbli li f’ċerti każijiet ikun hemm limiti ċari bejn iż-żoni;

    22.

    peress li t-teknoloġija hija mistennija li tiżviluppa malajr fid-deċennji li ġejjin, anke l-għodod biex jiġu evalwati dawn l-impatti b’mod mgħaġġel, effiċjenti u oġġettiv għandhom jiżviluppaw malajr. Mudelli bħal dawn diġà qed jinħolqu u qed jiżviluppaw malajr u eżempju tajjeb ta’ għodda bħal din hija l-ESPON Quick Scan. Bħalissal-ostakolu ewlieni li jkollhom dawn it-tip ta’ strumenti huwa n-nuqqas ta’ bażi tad-data suffiċjenti u kompleta ta’ data statistika, fuq kollox fil-livell lokali;

    23.

    huwa tal-fehma li huwa daqstant importanti li jiġu vvalutati l-impatti territorjali ta’ ċerti politiki tal-UE f’żoni elenkati fl-Artikolu 174 tat-TFUE, affettwati minn żvantaġġi naturali, demografiċi jew strutturali, sew jekk dawn ikunu reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, sew jekk dawn ikunu reġjuni insulari, transkonfinali jew muntanjużi;

    24.

    jitlob li l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea jinvestu b’mod konsiderevoli aktar riżorsi biex jakkwistaw id-data statistika nieqsa u li tirrifletti sfidi territorjali partikolari u jiżviluppaw b’mod b’saħħtu l-ġbir tad-data fl-inqas livell tal-amministrazzjoni. Dan huwa partikolarment importanti f’dawk il-pajjiżi fejn l-unitajiet territorjali tal-Eurostat ma jirriflettux verament il-ġeografiji reali fil-livell lokali jew reġjonali. Mingħajr stampa sħiħa u li tevolvi tar-reġjuni tal-Unjoni Ewropea, mhuwiex possibbli li jinħolqu politiki effettivi li jindirizzaw l-isfidi li jiffaċċjaw. Il-KtR ifakkar li fir-regolamenti l-ġodda dwar il-fondi strutturali hemm l-objettiv tematiku 11 tal-fondi strutturali li huwa speċifikament disponibbli għall-finanzjament ta’ investimenti fl-iżvilupp ta’ data aħjar fil-livell lokali u reġjonali iżda li sfortunatament ftit li xejn qed jintuża għal dak l-iskop s’issa. Fl-istess ħin, il-KtR itenni l-ħtieġa li jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq diversi partijiet interessati, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, billi jinħolqu strumenti adatti li jippermettu l-ġbir ta’ data statistika u r-rappurtar b’mod rigoruż u sistematikament selettiv, sabiex jiġi ffaċilitat l-ipproċessar tagħhom. Jeħtieġ li jiġi żgurat li r-riżorsi disponibbli taħt l-objettiv tematiku 11 jkunu magħrufa b’mod mifrux;

    25.

    jenfasizza l-ħidma utli tal-programm ESPON (9) li qed jiġbor evidenza territorjali madwar l-Ewropa. B’mod partikolari, il-projezzjonijiet fir-rapport tiegħu intitolat “Nagħmlu Ewropa Miftuħa u Poliċentrika” huma rilevanti sabiex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar kif isiru l-investimenti sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp reġjonali. Meta wieħed iqis xenarji differenti, il-KtR jemmen li l-iżvilupp poliċentriku għandu jkun l-għan u element essenzjali tal-Viżjoni Territorjali għall-2050 li jinkludi l-awtoritajiet lokali ta’ kull daqs, madwar l-Istati Membri kollha tal-UE. Peress li r-reġjuni metropolitani dejjem qed ikomplu jikbru, l-iżvilupp ibbilanċjat għandu jiġi promoss filwaqt li għandha tingħata attenzjoni lill-irħula ż-żgħar u lir-reġjuni inqas żviluppati u lill-interkonnettività tat-territorji biswithom;

    Viżjoni u governanza territorjali ewropej

    26.

    peress li t-tendenzi u l-isfidi globali jaffettwaw lit-territorji Ewropej b’mod differenti u peress li l-politiki pubbliċi kollha jinvolvu dimensjoni territorjali, Viżjoni Territorjali Ewropea għandha tiffoka prinċipalment fuq l-applikazzjoni ta’ dimensjoni territorjali għall-Governanza Ewropea;

    27.

    ifakkar li l-KtR adotta Karta għal Governanza f’Diversi Livelli (10) fl-Ewropa li tiddeskrivi l-prinċipji ewlenin tal-Governanza Ewropea li għandhom jgħinu jsaħħu d-dimensjoni territorjali tat-tfassil tal-politiki u jiksbu koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali akbar fl-Ewropa, kif il-KtR tenna iktar minn darba fl-Opinjonijiet kollha tiegħu dwar is-suġġett tal-politiki territorjali;

    28.

    jemmen li f’dan il-kuntest għandha ssir enfasi fuq forom diversi ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-korpi deċentralizzati oħrajn bħala għodda effettiva, effiċjenti u leġittima għat-twassil ta’ servizzi pubbliċi u għandha tingħatalhom appoġġ speċjali;

    29.

    jenfasizza li l-kooperazzjoni transkonfinali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ntweriet li hija strument ewlieni għall-iżvilupp tar-reġjuni tal-fruntiera. Għalhekk għandha tkompli tiġi appoġġjata mill-UE u l-Istati Membri;

    30.

    jenfasizza li l-istrumenti finanzjarji innovattivi u s-sħubijiet pubbliċi-privati b’regoli ċari jistgħu jkunu għodod importanti għall-iżvilupp territorjali fl-approċċ ibbażat fuq il-post f’ċerti oqsma fejn il-finanzjament privat jista’ jikkomplementa l-finanzjament pubbliku u meta r-ritorn ikun attraenti biżżejjed. Madankollu għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu pprovduti bi gwida dwar l-użu tal-istrumenti finanzjarji (11);

    31.

    jenfasizza r-rwol kruċjali tat-tmexxija politika lokali u l-gvernijiet lokali eletti demokratikament fl-iżvilupp ta’ approċċ ibbażat fuq il-post u jinnota li dan it-tip ta’ approċċ jeħtieġ parteċipazzjoni mill-partijiet interessati u aċċess miftuħ mil-livelli kollha ta’ governanza. Huwa importanti li l-proċess, il-valur u l-benefiċċji tiegħu huma mifhuma sew mill-atturi kollha fil-proċess;

    32.

    jenfasizza li l-approċċ ibbażat fuq il-post jinvolvi rwoli speċifiċi għall-atturi f’livelli differenti ta’ governanza. Strateġiji għall-ippjanar u l-iżvilupp tal-ispazju dejjem għandhom jikkunsidraw il-livell l-eqreb iċ-ċittadini, li f’ħafna każijiet ifisser il-livelli lokali jew reġjonali;

    33.

    f’oqsma ta’ politika fejn il-kompetenzi jinsabu fil-livell Ewropew, għandha titqies dimensjoni territorjali b’mod sistematiku. F’dan ir-rigward, il-KtR jilqa’ l-inizjattiva għal regolamentazzjoni aħjar tal-KE u jaqbel li “l-applikazzjoni tal-prinċipji tar-regolamentazzjoni aħjar se tiżgura li l-miżuri jkunu bbażati fuq l-evidenza, imfassla tajjeb u jrendu benefiċċji tanġibbli u sostennibbli għaċ-ċittadini, in-negozji u s-soċjetà kollha (12)”. Il-KtR huwa partikolarment kuntent li l-inizjattiva għal regolamentazzjoni aħjar tħaddan prinċipji ewlenin deskritti fil-karta għal governanza f’diversi livelli fl-Ewropa;

    34.

    ifakkar li l-KtR waqqaf Pjattaforma ta’ Monitoraġġ Ewropa 2020 sabiex jissorvelja d-dimensjoni reġjonali tal-Istrateġija Ewropa 2020 li waslet għall-konklużjoni li l-Istrateġija Ewropa 2020 imġedda għandha tkun ibbażata fuq sħubija u approprjazzjoni aktar b’saħħithom tal-livelli kollha ta’ gvern, billi jiġu introdotti dimensjoni territorjali, aktar trasparenza u responsabbiltà u governanza f’diversi livelli (13);

    35.

    b’konformità mal-Kodiċi tal-Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija, jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu fdati bir-responsabbiltà għall-abbozzar ta’ pjani għall-iżvilupp billi jużaw l-ispeċifiċitajiet territorjali tagħhom bħala assi uniċi u billi jikkunsidraw l-għanijiet Ewropej miftiehma u l-parteċipazzjoni opportuna tal-partijiet interessati organizzati. Il-KtR jenfasizza li l-Politika ta’ Koeżjoni hija essenzjali fl-għajnuna finanzjarja u għall-gwida metodoloġika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jimplimentaw il-pjani ta’ żvilupp tagħhom. Governanza effikaċi hija essenzjali għal implimentazzjoni aħjar tal-programmi, daqs kemm hi importanti l-kwalità tal-proġett;

    36.

    josserva li, skont is-6 Rapport ta’ Monitoraġġ dwar l-Istrateġija Ewropa 2020 u s-Semestru Ewropew ippubblikat reċentement (f’Ottubru 2015) mill-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Ewropa 2020 tal-KtR, l-awtoritajiet lokali u reġjonali fi 15-il Stat Membru tal-UE kienu involuti mill-qrib fit-tħejjija tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Barra minn hekk, matul l-implimentazzjoni tal-programmi, 23 mit-28 gvern semmew speċifikament ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’ċerti oqsma, bħall-politika tas-suq tax-xogħol, l-inklużjoni soċjali u l-kura tas-saħħa. Fir-rigward tal-Istrateġija Ewropa 2020, 20 Stat Membru enfasizzaw ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma fl-oqsma tal-inklużjoni soċjali, l-enerġija rinnovabbli u t-tibdil fil-klima. Jitlob, għalhekk, li r-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 tkompli ssaħħaħ id-dimensjoni territorjali tal-politiki tal-UE sabiex l-Istati Membri kollha jirrispettaw il-prinċipji tas-sussidjarjetà, tal-governanza f’diversi livelli u tas-sħubija;

    37.

    Il-Politika ta’ Koeżjoni għandha tiżgura koerenza tal-pjani lokali u reġjonali mal-għanijiet Ewropej. Il-Ftehimiet ta’ Sħubija u l-Programmi Operazzjonali huma l-istrumenti prinċipali f’dan ir-rigward. Il-KtR jenfasizza li l-finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni permezz ta’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jista’ jikkontribwixxi għall-għajnuna finanzjarja meħtieġa sabiex jiġu implimentati l-pjani. Jenfasizza wkoll li l-implimentazzjoni ta’ pjani ta’ żvilupp lokali u reġjonali jistgħu jiġu ffaċilitati aktar permezz ta’ strumenti speċifiċi tal-Politika ta’ Koeżjoni bħall-Investimenti Territorjali Integrati (ITI) u l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD), li għandhom jintużaw b’mod usa’;

    38.

    huwa tal-fehma li ħafna politiki oħra tal-UE, pereżempju l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, it-trasport, l-enerġija u l-ħarsien ambjentali, fost oħrajn, għandhom dimensjoni territorjali li hija importanti daqs dik tal-Politika ta’ Koeżjoni nnifisha. Għalhekk, dawn il-politiki settorjali l-oħra għandhom jiġu adattati wkoll sabiex jassistu l-pjani ta’ żvilupp lokali u reġjonali. Fil-fatt, il-Viżjoni Territorjali għall-2050 għandha tħaddan il-politiki kollha tal-UE li għandhom dimensjoni territorjali qawwija b’tali mod li l-approċċ ibbażat fuq il-post fit-tfassil ta’ politiki jiġi integrat fil-politiki rilevanti kollha tal-UE;

    39.

    huwa meħtieġ approċċ aktar koeżiv u kkoordinat għall-Istrateġija/Viżjoni Territorjali Ewropea fil-livell Ewropew; għandha tiġi stabbilita kooperazzjoni kontinwa mal-assoċjazzjonijiet nazzjonali u Ewropej li jirrappreżentaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Dan l-approċċ għandu jinkludi wkoll skambju strutturat u sistematiku ta’ esperjenza u għarfien meta jiġu żviluppati diversi politiki settorjali;

    40.

    fl-aħħar nett, jemmen li Strateġija/Viżjoni Ewropea għandha tevolvi kontinwament, partikolarment bl-użu ta’ feedback minn isfel għal fuq ipprovdut minn kooperazzjoni kontinwa mal-assoċjazzjoni Ewropea u nazzjonali li tirrappreżenta l-awtoritajiet lokali u reġjonali u billi jiġu kkunsidrati żviluppi globali bħall-isfidi tal-migrazzjoni u t-tibdil fil-klima fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE jaqdu rwol importanti fuq il-bażi tal-prinċipju tas-solidarjetà.

    Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2015.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Markku MARKKULA


    (1)  http://cor.europa.eu/en/documentation/studies/Documents/challenges-horizon-2025.pdf

    (2)  http://europa.eu/espas/

    (3)  ĠU C 195, 12.6.2015, p. 30.

    (4)  Approċċ ibbażat fuq il-post jista’ jiġi definit bħala partijiet interessati involuti fi proċess kollaborattiv biex jindirizzaw il-kwistjonijiet hekk kif jiġu esperjenzati fi spazju ġeografiku, kemm jekk ikun lokal, reġjun, jew ekosistema.

    (5)  http://ec.europa.eu/regional_policy/en/newsroom/news/2015/07/territorial-agenda-2020-put-in-practice

    (6)  http://ec.europa.eu/regional_policy/en/information/publications/reports/2014/6th-report-on-economic-social-and-territorial-cohesion p. 3

    (7)  COTER-V-046.

    (8)  Stqarrija tal-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, is-Sinjura Corina Creţu, fl-okkażjoni tat-tieni Forum Urban (li sar fi Brussell fit-2 ta’ Ġunju 2015).

    (9)  http://www.espon.eu/main/

    (10)  http://cor.europa.eu/en/activities/governance/Pages/charter-for-multiLevel-governance.aspx

    (11)  Opinjoni tal-KtR dwar Strumenti finanzjarji b’appoġġ għall-iżvilupp territorjali adottata fit-13 ta’ Ottubru 2015, COTER-VI/005

    (12)  COM(2015) 215, p. 3.

    (13)  http://cor.europa.eu/en/news/Pages/regions-cities-athens-declaration.aspx


    Top