Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IR1184

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Green Paper “Nibnu Unjoni tas-Swieq Kapitali”

    ĠU C 313, 22.9.2015, p. 17–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.9.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 313/17


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Green Paper “Nibnu Unjoni tas-Swieq Kapitali”

    (2015/C 313/05)

    Relatur:

    Is-Sur TRUSKOLASKI (PL/AE), Sindku tal-Belt ta’ Białystok

    Dokument ta’ referenza:

    Green Paper “Nibnu Unjoni tas-Swieq Kapitali”

    COM(2015) 63 final

    I.   PUNTI ĠENERALI

    Il-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    1.

    bi pjaċir jilqa’ l-inizjattiva li ħadet il-Kummissjoni Ewropea fil-Green Paper dwar il-ħolqien ta’ “Unjoni tas-Swieq Kapitali”, li l-għan ewlieni tagħha huwa li jinħoloq suq kaptiali uniku;

    2.

    ifakkar li l-inizjattiva privata u l-intraprenditorija għandhom rwol importanti fil-ħolqien ta’ ekonomija kompetittiva tal-Unjoni Ewropea;

    3.

    jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta’ suq uniku komuni li jippermetti l-ħolqien ta’ suq kapitali uniku komuni;

    4.

    jistieden lill-Kummissjoni biex tħaffef il-ħidma tagħha fuq il-pjan ta’ azzjoni u tressaq proposti leġislattivi malajr kemm jista’ jkun biex tilħaq l-għan ta’ suq kapitali tal-UE uniku integrat bis-sħiħ sal-aħħar tal-2018;

    5.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tneħħi l-ostakli li jfixklu l-investiment fin-negozju, li jkun ta’ benefiċċju b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Il-Kumitat jenfasizza li l-isfruttar tal-potenzjal tas-suq kapitali huwa dimensjoni importanti għall-isforzi għat-tkabbir u l-impjieg sostenibbli fil-livell lokali u reġjonali;

    6.

    jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu aktar inizjattivi strutturali u kontroċikliċi fil-qasam tas-swieq finanzjarji b’tali mod li l-effetti tagħhom jinkludu l-Istati Membri kollha tal-UE u jwasslu għal benefiċċji anke għar-reġjuni bi swieq finanzjarji anqas żviluppati;

    7.

    iqis li jeħtieġ li jiġu diversifikati s-sorsi ta’ finanzjament tal-ekonomija tal-UE u jinħtieġu wkoll strumenti biex jinġibdu investimenti ġodda għall-iżvilupp u l-istabbiltà;

    8.

    jiffoka l-attenzjoni tiegħu fuq dawk l-elementi tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali li jistgħu jintensifikaw l-iżvilupp reġjonali u lokali;

    9.

    jesprimi l-interess partikolari tiegħu u jappoġġja l-isforzi kollha biex:

    (a)

    jissaħħaħ il-potenzjal tal-SMEs, b’rikonoxximent tar-rwol lokali tagħhom fil-qasam tat-tisħiħ tal-intraprenditorija, il-ħolqien tal-innovazzjoni, kif ukoll it-tiswir tas-soċjetà abbażi tal-valur tax-xogħol;

    (b)

    jappoġġja s-sostenibbiltà finanzjarja ta’ proġetti kbar ta’ investiment fit-tul li huma ta’ importanza kbira għar-reġjuni, li joħolqu l-kundizzjonijiet għal żvilupp reġjonali u lokali effettiv;

    10.

    jinnota li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha tippermetti d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament għal proġetti ta’ investiment li, minħabba n-natura u d-daqs tagħhom, jeħtieġu l-involviment ta’ bosta entitajiet finanzjarji;

    11.

    jaqbel li l-ħolqien ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali ser jirrikjedi analiżi u konsultazzjoni estensivi sabiex jiġu identifikati l-ostakli u l-opportunitajiet u, sussegwentement, varjetà ta’ miżuri fil-qasam regolatorju, istituzzjonali u edukattiv;

    II.   PRINĊIPJI U OBJETTIVI TA’ UNJONI TAS-SWIEQ KAPITALI

    12.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħidma għall-proċess biex tinħoloq Unjoni tas-Swieq Kapitali;

    13.

    huwa tal-fehma li suq kapitali uniku regolat fi ħdan l-Unjoni Ewropea ser ikun mekkaniżmu ieħor biex tittejjeb ir-reżiljenza għax-xokkijiet asimetriċi li jirriżultaw mir-ritmu ta’ żvilupp diverġenti fir-reġjuni differenti tal-Unjoni Ewropea. Jagħraf li d-dgħufija tas-swieq kapitali hija bbażata fuq fatturi b’għeruq sodi u fil-fond ta’ domanda aggregata, bħal pereżempju d-disparitajiet fl-iżvilupp reġjonali;

    14.

    bi pjaċir jilqa’ l-iżvilupp ta’ lista ta’ prijoritajiet għal miżuri addizzjonali, fosthom: it-tneħħija tal-ostakli għall-aċċess għas-suq kapitali, is-semplifikazzjoni tar-relazzjonijiet bejn id-detenturi tal-kapital u entitajiet bħall-SMEs, is-sigurtà fis-swieq kapitali, l-appoġġ u l-finanzjament tal-investimenti fit-tul, l-iżvilupp ta’ pjazzamenti mhux pubbliċi u forom oħra ta’ finanzjament fl-UE kollha kif ukoll it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi;

    15.

    huwa tal-fehma li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha l-potenzjal li tintegra s-swieq kapitali frammentati fl-Ewropa, billi ssaħħaħ il-flussi transkonfinali tal-kapital, li min-naħa tagħhom jagħtu spinta lill-volum tal-investiment fil-kumpaniji Ewropej u l-proġetti ta’ infrastruttura;

    16.

    jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra wkoll il-lat tal-provvista, b’mod partikolari biex tanalizza u tindirizza l-kawżi prinċipali li jwasslu biex l-investituri bl-imnut u dawk istituzzjonali ma jkunux jistgħu jimmobilizzaw u jittrasformaw biżżejjed kapital biex isaħħu servizzi finanzjarji individwali u investiment fit-tul fl-ekonomija reali;

    17.

    jibża’ li l-objettivi attwali huma wisq ġenerali, u li dan jista’ jwassal biex ma jintlaħaqx livell sodisfaċenti ta’ diversifikazzjoni fis-sorsi ta’ finanzjament għall-SMEs;

    18.

    iqis li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali li ser tiġi stabbilita għandha l-ewwel u qabel kollox tappoġġja l-iżvilupp tal-SMEs, iżda jistaqsi jekk it-titolizzazzjoni, anke fid-dawl tal-ispiża proporzjonalment ogħla li din tfisser għall-SMEs, tipprovdix soluzzjoni fit-tul għall-problemi ta’ finanzjament tal-SMEs;

    19.

    jappoġġja t-tendenza l-ġdida li qed jiżdied l-involviment tal-investituri individwali fis-swieq kapitali imma jinnota li l-Green Paper tagħti wisq ftit attenzjoni lill-investituri privati;

    20.

    jikkunsidra li l-adozzjoni ta’ riforma mifruxa tas-swieq kapitali għandha tkun akkumpanjata minn superviżjoni pan-Ewropea u nazzjonali b’saħħitha, inkluż permezz tat-tisħiħ tar-rwol tal-ESMA fit-titjib tal-konverġenza superviżorja, sabiex jiġi evitat teħid tar-riskju eċċessiv u instabbiltà fis-swieq finanzjarji;

    21.

    jinkoraġġixxi aktar proċessi estensivi ta’ konsultazzjoni dwar it-titolizzazzjonijiet, b’kunsiderazzjoni tal-lezzjonijiet li nsiltu mill-kriżi finanzjarja. It-titolizzazzjoni m’għandhiex twassal għar-riskji sistemiċi, u għalhekk għandha tevita strumenti b’livell għoli ta’ ingranaġġ u li jiddependu minn finanzjament fuq perjodu qasir;

    22.

    jiġbed l-attenzjoni għad-differenzi sostanzjali fis-swieq individwali tal-Istati Membri f’termini kulturali, storiċi u legali. Il-kumplessità tal-kwistjoni titlob estensjoni tal-analiżi ex ante dwar il-ħolqien u l-impatt tas-swieq kapitali f’kull Stat Membru;

    23.

    jemmen li ħafna mill-inizjattivi dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali ser ikollhom jitmexxew b’mod parallel u sussegwentement jiġu appoġġjati f’diversi livelli permezz ta’ programmi edukattivi minħabba l-ostakli soċjali, fost oħrajn minħabba t-tradizzjonijiet u d-drawwiet;

    24.

    jinnota l-livelli baxxi ta’ litteriżmu finanzjarju u kultura ta’ investiment fost l-investituri bl-imnut u s-sidien tal-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar. Dawn huma fatturi strutturali li jxekklu l-iżvilupp ta’ suq kapitali pan-Ewropew;

    25.

    iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fil-proċess tal-iżvilupp tal-edukazzjoni finanzjarja tal-pubbliku inġenerali. Barra minn hekk, il-Kumitat jenfasizza r-rwol tal-istituzzjonijiet soċjali u tal-istrutturi tat-tagħlim fit-tixrid tal-għarfien ekonomiku u finanzjarju fost iż-żgħażagħ Ewropej;

    26.

    iqis li jkun tajjeb li jiġi kkunsidrat l-involviment istituzzjonali u finanzjarju tas-settur pubbliku fl-oqsma li jikkontribwixxu direttament għall-iżvilupp tas-suq kapitali, fejn l-inizjattivi tas-settur privat mhumiex suffiċjenti. Jitlob li qabel il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi jiġi vverifikat li l-fondi pubbliċi tassew ikunu jinvolvu wkoll inizjattivi privati. L-involviment tas-settur pubbliku f’każijiet bħal dawn għandu jkun ibbażat fuq analiżi ekonomika ta’ akkumpanjament u jkollu pjan ċar għaċ-ċessjoni ta’ dan is-settur, wara li jkun intlaħaq l-effett mixtieq, iżda wkoll jekk l-affarijiet imorru ħażin;

    27.

    huwa tal-fehma li, fl-oqsma koperti mill-Unjoni tas-Swieq Kapitali, f’ħafna pajjiżi jeżistu prattiki tajbin li jistħoqqilhom jinxterdu;

    28.

    jenfasizza li l-entitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol sinifikanti u varjat fis-swieq kapitali, bħala investituri li jipprovdu kapital tal-bidu fit-tul u li l-pretensjonijiet tagħhom jistgħu jiġu nnegozjati fis-swieq;

    III.   L-ARMONIZZAZZJONI TAD-DISPOŻIZZJONIJIET LEGALI

    29.

    jaqbel li hemm bżonn sett koerenti ta’ regoli għas-swieq kapitali. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu rispettati fl-Istati Membri kollha;

    30.

    iqis li huwa raġonevoli li wieħed jassumi li meta jinħoloq qafas trasparenti għall-funzjonament tas-suq uniku għall-kapital u l-armonizzazzjoni tal-karatteristiċi tas-sigurtà dawn għandhom ikunu mistennija li jżidu r-responsabbiltà fost l-investituri, u li dan iwassal għal allokazzjoni iktar effiċjenti tal-kapital;

    31.

    jenfasizza li sett ta’ regoli komuni jkun jirrappreżenta pass sinifikanti lejn it-tneħħija tal-ostakli u l-ħolqien tal-ambjent meħtieġ għall-istabbiliment u l-funzjonament ta’ suq uniku għall-kapital fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, li jkun integrat aħjar fis-swieq internazzjonali;

    32.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-proposti leġislattivi dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali m’għandhomx iwasslu għal piż regolatorju eċċessiv fuq l-SMEs jew jillimitaw il-benefiċċji għal dan is-settur li jirriżultaw mill-unjoni tas-swieq kapitali;

    33.

    iqis bħala essenzjali l-ħolqien ta’ kategoriji legali ġodda li jagħmluha possibbli li jsir investiment u li jiġi provdut kapital fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

    34.

    jemmen fil-possibbiltà li jitnedew inizjattivi ġodda fis-suq billi tiżdied aktar it-trasparenza tal-informazzjoni finanzjarja pubblikament disponibbli u billi jiġu eliminati r-raġunijiet li għalihom l-informazzjoni ma tistax titqabbel bejn l-Istati Membri;

    35.

    itenni t-talba li diġà esprima f’Opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat tar-Reġjuni, biex tittejjeb il-komparabbiltà u d-disponibbiltà tad-data dwar ir-riskji li jġib miegħu l-finanzjament tal-SMEs madwar l-UE;

    36.

    iqis li huwa xieraq li tiġi stabbilita sistema semplifikata ta’ Standards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS), li tista’ tiżgura l-komparabbiltà tal-kumpaniji u li ssaħħaħ il-klassifikazzjoni tagħhom. L-użu ta’ dawn l-istandards jista’ jinkoraġġixxi wkoll lill-investituri biex jinvestu f’kumpaniji li jużaw prinċipji trasparenti u li jkunu rikonoxxuti ġeneralment;

    37.

    jirrikonoxxi li hemm bżonn ħidma kontinwa għall-armonizzazzjoni tal-liġi dwar l-insolvenza u għall-konverġenza tal-oqfsa tar-ristrutturar finanzjarju, filwaqt li titqies il-kumplessità ta’ din il-kwistjoni, b’mod partikolari minħabba l-forom varji ta’ gruppi soċjali privileġġjati u ta’ ċerti gruppi ta’ kredituri;

    38.

    jappoġġja r-reviżjoni tal-oqfsa leġislattivi, inklużi r-regoli prudenzjali, biex jiġu investigati r-restrizzjonijiet li jimblukkaw l-aċċess għat-titolizzazzjoni ta’ assi investiti fis-settur tal-SMEs u li jostakolaw il-funzjonament ta’ operaturi mhux bankarji li joffru finanzjament u trattament inqas strett ta’ skoperturi fit-tul fi proġetti infrastrutturali;

    39.

    jiġbed l-attenzjoni għall-problema potenzjali ta’ nuqqas ta’ armonizzazzjoni tas-swieq finanzjarji minħabba li ċerti Stati Membri rrifjutaw li jingħaqdu fil-Unjoni Bankarja;

    40.

    jenfasizza li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha tkun miftuħa u kompetittiva fuq skala dinjija u tattira l-investiment internazzjonali billi żżomm l-istandards għoljin tal-UE, fost oħrajn, billi tiġi żgurata l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja tal-investituri;

    IV.   ID-DIVERSIFIKAZZJONI TAS-SORSI TA’ FINANZJAMENT GĦALL-SMEs

    41.

    jixtieq jenfasizza l-importanza tas-settur tal-SMEs għall-ekonomija Ewropea u l-iżvilupp reġjonali. Fl-UE-27 kien hemm iktar minn 20 miljun SME, jiġifieri madwar 67 % tat-total tal-impjiegi u 58 % tal-valur miżjud gross. Barra minn hekk, l-SMEs li jħaddmu sa 10 persuni, u li kienu jammontaw għal madwar 19-il miljun entità, ipprovdew wieħed minn kull ħames impjiegi fl-UE. Fil-perjodu tal-kriżi 2008-2011, l-SMEs kellhom impjiegi aktar stabbli mill-intrapriżi l-kbar, iżda fl-istess ħin il-kontribut tagħhom għall-PDG naqas relattivament (1);

    42.

    jiġbed l-attenzjoni li l-SMEs isibuha aktar diffiċli biex jaċċessaw sorsi ta’ finanzjament diversifikati għall-attivitajiet tagħhom. Aktar minn 80 % tas-sorsi esterni ta’ finanzjament għall-SMEs fl-UE huma self mill-bank u 40 % tal-intrapriżi jużaw il-lokazzjoni ġeneralment offruta minn entitajiet assoċjati mal-banek;

    43.

    jinnota li l-SMEs jiffaċċjaw problemi akbar biex jissellfu mill-banek f’perjodi ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Għalhekk hemm tendenza li l-proċessi interni tal-banek ikunu iktar proċikliċi minn kontroċikliċi;

    44.

    iqis li l-kompetizzjoni fis-settur bankarju hija meħtieġa biex titnaqqas id-dominanza tal-banek fil-provvista tal-finanzjament fl-UE, b’mod partikolari għall-SMEs. Għandha tiġi appoġġjata bis-sħiħ it-tneħħija tal-ostakli għal din il-kompetizzjoni minn operaturi u strumenti finanzjarji li ma jaqgħux taħt is-settur bankarju, atturi ġodda u innovazzjonijiet esterni għas-settur finanzjarju, kif ukoll mill-inizjattivi leġislattivi f’dan il-qasam;

    45.

    jinnota li l-iskop tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali mhuwiex li tnaqqas l-importanza tal-banek fl-ekonomija Ewropea. Il-Kumitat iqis li jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn miżuri li minn naħa jippromovu investiment u finanzjament mhux bankarju u, min-naħa l-oħra, finanzjament permezz ta’ self bankarju tradizzjonali;

    46.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-attivitajiet attwali tal-Istati Membri, fost oħrajn fil-programmi ta’ appoġġ finanzjarju għall-SMEs (garanziji, għotjiet, tħaffif ta’ ħlasijiet kummerċjali, kapitali tal-bidu);

    47.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatturi importanti li jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-SMEs, bħalma huma l-ambjent ta’ negozju tajjeb, l-infrastruttura moderna, l-eżistenza ta’ setturi ta’ teknoloġija avvanzata tal-ekonomija u forza tax-xogħol bi kwalifiki għoljin. Konsegwentement, l-inizjattivi għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandhom jitħejjew b’tali mod li jnaqqsu l-ispejjeż tat-transazzjoni għall-ksib tal-kapital u jilħqu l-gruppi ta’ mikrointrapriżi li, fl-istess ħin, huma l-ikbar fin-numru u l-inqas marbuta mas-swieq kapitali; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi minimizzat il-piż amministrattiv involut fir-regolament;

    48.

    jesprimi t-tħassib tiegħu li r-regoli l-ġodda dwar is-settur bankarju tal-UE (CRD IV/CRR) jistgħu jillimitaw iktar l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament mill-banek. Għal din ir-raġuni jirrakkomanda li jsiru studji ċikliċi tal-impatt ta’ dawn ir-regolamenti fuq l-aċċessibbiltà tal-finanzjament mill-banek għall-SMEs fil-pajjiżi individwali;

    49.

    jenfasizza li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-finanzjament tal-SMEs, peress li għandhom għarfien aħjar tal-ekonomiji lokali u reġjonali u metodi uniċi għall-valutazzjoni tar-riskju tas-self lill-intrapriżi lokali;

    V.   NISTIMULAW IL-KOMPETIZZJONI FIS-SUQ KAPITALI

    50.

    jittama li s-suq kapitali uniku kapitali jista’ jwassal għall-iżvilupp u t-tixrid ta’ alternattivi għall-forom tradizzjonali ta’ intermedjazzjoni ta’ kreditu u ta’ investiment. Dawn għandhom potenzjal konsiderevoli li jipprovdu investiment kapitali lill-operaturi ekonomiċi lokali;

    51.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex ixxerred il-prattiki tajbin tal-forom alternattivi ta’ finanzjament li huma żviluppati sew f’ċerti Stati Membri tal-UE;

    52.

    iqis li jkun tajjeb li, fid-diskussjonijiet u l-ħidma dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, jiġi żgurat ambjent adatt u b’mod partikolari livell ta’ attività regolatorja u ta’ sorveljanza korrispondenti biex tiġi żviluppata sistema bankarja parallela u ta’ finanzjament kollettiv. L-iskala tagħhom għadha relattivament żgħira, iżda għandha rata ta’ tkabbir sostanzjali (2);

    53.

    jirrikonoxxi li offerti alternattivi ta’ finanzjament għall-SMEs, u b’mod partikolari għall-investiment ta’ kapital ta’ riskju għoli, huma aktar adatti għal proġetti innovattivi;

    54.

    huwa tal-fehma li l-ambjent regolatorju għandu jkun ta’ stimolu u mhux jillimita l-aċċessibbiltà ta’ strumenti ġodda u forom ta’ distribuzzjoni ta’ kapital;

    VI.   KUMMENTI TAL-AĦĦAR

    55.

    jilqa’ l-interess dejjem dejjem ikbar tal-KE fir-rigward tal-problema ta’ aċċess għal finanzjament mhux bankarju;

    56.

    jirrikonoxxi li l-Green Paper “Noħolqu Unjoni tas-Swieq Kapitali” hija biss l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta’ suq kapitali uniku;

    57.

    lest jieħu sehem f’ħidma ulterjuri, filwaqt li jirrikonoxxi li perspettiva divrenzjata fil-livell reġjonali u lokali tagħmilha possibbli li jinħolqu dispożizzjonijiet li jqisu l-ħtiġiet tal-partijiet kollha;

    58.

    jinkoraġġixxi diskussjoni dwar programm ta’ ħidma speċifiku, li għandha tiżgura l-momentum meħtieġ biex tinżamm l-iskadenza ppjanata għall-ħolqien ta’ suq kapitali uniku;

    59.

    jenfasizza l-bżonn li jitlaqqgħu l-partijiet interessati differenti biex jitħejja dokument kompletament sodisfaċenti li jqis il-bżonnijiet tar-reġjuni u s-setturi individwali;

    60.

    jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu intensifikati l-programmi intiżi sabiex jittejbu l-għarfien tal-finanzi u l-edukazzjoni pubblika dwar l-opportunitajiet u l-ħtiġiet ta’ investiment. L-inizjattivi nazzjonali u l-proġetti pan-Ewropej bħall-“klassi tal-konsumatur” għandhom jiġu modifikati u appoġġati;

    61.

    jappella għal dibattitu pubbliku addizzjonali dwar il-Green Paper “Noħolqu Unjoni tas-Swieq Kapitali” u dwar ir-reviżjoni li takkumpanja d-Direttiva dwar il-prospett u t-titolizzazzjoni.

    Brussell, it-8 ta’ Lulju 2015.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Markku MARKKULA


    (1)  Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej 2012/2013; KE, Ottubru 2013.

    (2)  The European Alternative Finance Benchmarking Report, Università ta’ Cambridge, Frar 2015.


    Top