EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0472

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (2015/2114(INI))

ĠU C 399, 24.11.2017, p. 178–187 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 399/178


P8_TA(2015)0472

Esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (2015/2114(INI))

(2017/C 399/21)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (minn hawn 'il quddiem il-“Pożizzjoni Komuni”) (1),

wara li kkunsidra r-rieżami tal-Pożizzjoni Komuni mwettaq mill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali tal-Kunsill tal-UE,

wara li kkunsidra s-16-il Rapport Annwali tal-Kunsill skont l-Artikolu 8(2) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/711/PESK tad-19 ta' Novembru 2012 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Unjoni biex fi ħdan pajjiżi terzi jiġi promoss il-kontroll tal-esportazzjoni ta' armi u tal-prinċipji u l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK,

wara li kkunsidra l-istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni ta' armi tal-qerda tal-massa tal-UE tad-9 ta' Diċembru 2003,

wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà “Ewropa Sigura f'Dinja Aħjar”, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-2 ta' April 2013 (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar ir-ratifika tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2015 dwar l-impatt tal-iżviluppi fis-swieq Ewropej tad-difiża fuq is-sigurtà u l-kapaċitajiet ta' difiża fl-Ewropa (5), b'mod partikolari l-paragrafi 4, 10, 18, 19, 20 u 21,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/768/PESK tas-16 ta' Diċembru 2013 dwar l-attivitajiet tal-UE f'appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà (6),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (7), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 599/2014 u l-lista ta' oġġetti b'użu doppju fl-Anness I tagħha,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' April 2014 lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew intitolata “L-analiżi tal-politika ta' kontroll tal-esportazzjoni: niżguraw sigurtà u kompetittività f'dinja li qed tinbidel” (COM(2014)0244),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-12 ta' Ġunju 2014 mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-sistema ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-analiżi tal-politika ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-21 ta' Novembru 2014,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar “Id-drittijiet tal-bniedem u t-teknoloġija: l-impatt ta' sistemi ta' intrużjoni u sorveljanza fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi” (8),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (9),

wara li kkunsidra l-istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tal-SALW u tal-munizzjon tagħhom, adottata fil-15 u s-16 ta' Diċembru 2005 mill-Kunsill Ewropew, u l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/589/PESK tat-12 ta' Lulju 2002 dwar il-kontribut tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabilizzanti ta' armamenti ħfief u ta' kalibru żgħir u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 1999/34/PESK,

wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/468/PESK tat-23 ta' Ġunju 2003 dwar il-kontroll tas-sensarija tal-armi (10),

wara li kkunsidra l-Lista Militari Komuni aġġornata tal-Unjoni Ewropea adottata mill-Kunsill fid-9 ta' Frar 2015,

wara li kkunsidra l-Gwida għall-Utent għall-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Wassenaar tat-12 ta' Mejju 1996 dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni għall-Armi Konvenzjonali u l-Prodotti u t-Teknoloġiji b'Użu Doppju, flimkien mal-listi, aġġornati fl-2015, ta' dawn il-prodotti u teknoloġiji u munizzjon (11),

wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tad-19-il Laqgħa Plenarja tal-Ftehim ta' Wassenaar dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni għall-Armi Konvenzjonali u l-Prodotti u t-Teknoloġiji b'Użu Doppju li saret fi Vjenna fit-3 u l-4 ta' Diċembru 2013,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 tas-27 ta' Ġunju 2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti prodotti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, tortura jew trattament jew kastig ieħor krudili, inuman jew degradanti,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' April 2015 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (COM(2015)0185)),

wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, adottat fl-24 ta' Frar 2006,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ottubru 2011 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolat “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla” (COM(2011)0637),

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, u b'mod partikolari għan nru 16: mira 16.4, li jitlob l-istati jnaqqsu b'mod sinifikanti l-flussi ta' armi illegali;

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna,

wara li kkunsidra l-Artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 346 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi tan-NU, li daħal fis-seħħ fl-24 ta' Diċembru 2014,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU 24/35 tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tat-trasferiment tal-armi f'kunflitti armati (12),

wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0338/2015),

A.

billi l-ambjent tas-sigurtà globali madwar l-UE inbidel b'mod drammatiku, speċjalment fil-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant;

B.

billi jeżisti d-dritt inerenti għall-awtodifiża individwali jew kollettiva taħt l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU;

C.

billi fl-interess tal-istabbiltà internazjonali hu importanti li jiġu pprovduti mezzi għall-iskoraġġiment fuq bażi ta' każ b'każ, b'konformità sħiħa mal-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU u l-Kriterju Erbgħa tal-Pożizzjoni Komuni dwar il-preservazzjoni tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali;

D.

billi t-tixrid bla rażan tal-armi jikkostitwixxi riskju serju għall-paċi u s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli; billi kull minuta, xi mkien fid-dinja, persuna tmut kawża ta' vjolenza armata u 15-il arma ġdida huma manifatturati;

E.

billi r-regolamentazzjoni tal-kummerċ tal-armi internazzjonali hi, fid-definizzjoni tagħha stess, ambizzjoni globali; billi l-UE trid tiżgura l-konsistenza tal-attivitajiet esterni kollha tagħha fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tagħha, tippromwovi d-demokrazija u l-istat tad-dritt, tipprevjeni l-kunflitti, teqred il-faqar, trawwem id-djalogu interkulturali u żżomm l-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali; billi fuq il-perjodu 2010-2014 l-Istati Membru tal-UE kienu responsabbli għal 25,4 % tal-volumi ta' kunsinni effettivi (13) tal-armi konvenzjonali maġġuri fid-dinja;

F.

billi, skont it-Trattat ta' Lisbona, il-qirda tal-faqar hu l-għan ewlieni tal-politika tal-iżvilupp tal-UE, u billi hi waħda mill-prijoritajiet għall-azzjoni esterna tal-UE biex tinbena dinja aktar stabbli u prospera; billi l-provvista ta' armi lil pajjiżi li huma f'kunflitt mhux biss iżżid il-probabbiltà li tiżdied il-vjolenza iżda għandha wkoll impatt negattiv fuq il-potenzjal għall-iżvilupp ta' dawn il-pajjiżi, kif joħroġ ċar minn rapporti ta' organizzazzjonijiet umanitarji li kwantifikaw dan l-impatt (14);

G.

billi l-Istati Membri tal-UE esportaw armi b'valur totali ta' EUR 36,7 biljun fl-2013, fosthom EUR 26 biljun lill-pajjiżi terzi; billi, bħala paragun, il-baġit kumplessiv għall-Strument Ewropew ta' Viċinat għall-2014-2020 hu ta' EUR 15,4 biljun; billi 30 % tal-esportazzjonijiet kumplessivi ta' armi kienu minn Stati Membri tal-UE; u ma tantx jista' jiġi argumentat li dawn il-flussi ta' kummerċ huma fl-interessi diretti tas-sigurtà tal-UE;

H.

billi l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK hi qafas legalment vinkolanti li tistipola t-tmien kriterji għall-esportazzjoni ta' armi konvenzjonali li jridu japplikaw l-Istati Membri tal-UE fid-deċiżjonijiet ta' liċenzji tagħhom; billi din il-Pożizzjoni Komuni trid titqies sew speċifikament fil-kuntest tal-iżvilupp tas-suq Ewropew tad-difiża u bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea;

I.

billi l-pajjiżi terzi l-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Iżlanda, il-Kanada, il-Kroazja, il-Montenegro u n-Norveġja aderixxew b'mod uffiċjali mal-kriterji u l-prinċipji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni;

Ambjent ta' sigurtà globali u esportazzjoni ta' armi

1.

Hu mħasseb ħafna dwar il-firxa ta' kunflitti armati, notevolment dawk fl-Ukrajna, is-Sirja, l-Iraq, il-Libja u l-Jemen kif ukoll il-kunflitti internazzjonali kollha, li, f'dinja dejjem aktar globalizzata, huma theddida għall-istabbiltà u s-sigurtà globali u wasslu għal viċinat anqas stabbli u anqas sigur għall-UE; jinnota li t-trasferiment ta' armi lil stati f'kunflitt seta kkontribwixxa għal dawn il-kunflitti;

2.

Jiddispjaċih li l-iżviluppi ta' dawn l-aħħar sentejn urew li l-armi ġieli jispiċċaw f'idejn terroristi jew reġimi ripressivi jew pajjiżi fejn it-tfal jistgħu jiġu rreklutati jew jintużaw f'ostilitajiet, jew minn reġimi li għandhom relazzjonijiet dubjużi mat-terroriżmu internazzjonali jew politiki aggressivi nazzjonali u barranin u jemmen li, għaldaqstant, hu neċessarju li jiġu adottati sistemi effettivi ta' kontroll ta' esportazzjoni tal-armi; Jikkundanna l-użu ta' armi bil-għan li tiżdied l-insigurtà u l-kunflitti armati internament jew esternament jew favur ir-ripressjoni interna, kunflitti reġjonali jew vjolazzjonijiet gravi ta' drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali; jiddispjaċih ukoll li l-kummerċ illegali ta' armi jibqa' negozju kbir u li jrendi;

3.

Jiddeplora l-fatt li madwar nofs miljun (15) ruħ imutu kull sena minħabba vjolenza bl-armi, kemm f'kunflitti armati kif ukoll b'rabta ma' attività kriminali;

4.

Itenni li l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni hija fundamentali għat-twettiq tal-prinċipji u l-valuri tal-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, kif ukoll ir-responsabilitajiet tagħha fis-sigurtà lokali, reġjonali u globali;

5.

Jinnota li l-Istati Membri tal-UE huma esportaturi maġġuri tal-armi fid-dinja, b'EUR 36,711 biljun f'esportazzjonijiet dinjija fl-2013, li minnhom EUR 10,735 biljun bejn l-Istati Membri u EUR 25,976 biljun lill-pajjiżi terzi, skont is-16-il Rapport Annwali; itenni li l-Artikolu 10 tal-Pożizzjoni Komuni jsostni li kunsiderazzjonijiet ta' interessi ekonomiċi, kummerċjali u industrijali mill-Istati Membri mhux ser jaffettwaw l-applikazzjoni tat-tmien kriterji li jirregolaw l-esportazzjoni tal-armi;

6.

Jiddispjaċih, madankollu, li l-Artikolu 10 spiss jiġi injorat, speċjalment billi kumpaniji tad-difiża Ewropej huma dejjem aktar qed jagħmlu tajjeb għat-tnaqqis fid-dħul tagħhom fl-Ewropa permezz ta' esportazzjonijiet barra l-UE; ikkonċernat ħafna bil-konsegwenzi għas-sigurtà u d-difiża tal-UE li jirriżultaw mit-trasferiment ta' informazzjoni u teknoloġiji sensittivi lil pajjiżi terzi, li jirrappreżenta riskju akbar ta' dipendenza fuq pajjiżi terzi b'interessi strateġiċi diverġenti, bħal pereżempju r-Russja;

7.

Ifakkar li l-industrija tad-difiża għandha sservi ta' strument għall-implimentazzjoni tad-difiża u s-sigurtà tal-Istati Membri u tiġi żgurata s-sigurtà fil-provvista fl-UE filwaqt li ssir kontribuzzjoni għall-implimentazzjoni biex jissaħħu l-PESK u l-PSDK, billi dawn huma importanti biex jgħinu biex jiġu żgurati l-istabbiltà u s-sigurtà dinjija; jirrikonoxxi li l-esportazzjonijiet ta' armi kienu strumentali f'termini tat-tisħiħ u l-iżvilupp ulterjuri tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea, li kienet importanti fl-iżvilupp ta' firxa wiesa' ta' innovazzjoni u teknoloġija;

8.

Jirrikonoxxi l-leġittimità tal-esportazzjonijiet li huma kompletament konformi mal-kriterji fl-Artikolu 4(c) tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u jsiru b'rispons għal talba li ssir lill-UE skont id-dritt għall-awtodifiża; jappoġġa l-forniment ta' armi għad-difiża f'każ leġittimu ta' awtodifiża; jinnota d-deċiżjoni ta' xi Stati Membri li jfornu armi għad-difiża lill-Peshmerga fil-Kurdistan Iraqin u lill-Ukrajna; jinnota li, f'dan ir-rigward, l-Istati Membri mhumiex qed jikkoordinaw ma' xulxin;

9.

Jirrimarka li, filwaqt li ċ-ċaħdiet u s-sospensjonijiet ta' liċenzji wara embargos jew kunflitti huma sinjal pożittiv, dawn jindikaw li l-politika tal-UE dwar l-esportazzjoni hi ta' natura reattiva; iqis li skont il-Pożizzjoni Komuni eżami aktar bir-reqqa tar-riskji speċifiċi assoċjati mal-pajjiżi destinatarji u tal-interessi tas-sigurtà tal-UE jkun neċessarju qabel ma jiġu liċenzjati;

10.

Jinnota li r-riskji riżultanti minn din id-diverġenza, il-kuntrabandu u l-ħażna tal-armi u l-isplussivi qed jiżdiedu u jibqgħu sfidi li għandhom jiġu indirizzati; jenfasizza r-riskji li armi minn pajjiżi terzi li għandhom livelli għoljin ta' korruzzjoni jiġu introdotti fl-Ewropa minħabba żieda fil-kuntrabandu u fit-traffikar ta' armi u n-nuqqas ta' spezzjonijiet fil-punti tad-dħul, bħal pereżempju l-portijiet, u b'hekk jikkompromettu s-sigurtà taċ-ċittadini hekk kif kien sottolinjat f'rapport reċenti tal-Europol (16);

11.

Jisħaq li l-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta' armi huma parti integrali mill-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE u għandhom jiġu ggwidati mill-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE, b'mod partikolari l-promozzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u ż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali; Ifakkar li huwa kruċjali li tiġi żgurata koerenza bejn l-esportazzjoni tal-armi u l-kredibbiltà tal-UE bħala promotur tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja; huwa konvint ħafna li implimentazzjoni aktar effettiva tat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni jirrappreżentaw kontribuzzjoni importanti għall-iżvilupp tal-PESK u l-PSDK; jitlob li titfassal strateġija globali tal-UE fir-rigward tal-politika barranija u ta' sigurtà biex jitqiesu b'mod xieraq il-kwistjonijiet tal-esportazzjoni ta' armi fid-dawl tal-bidliet fl-ambjent tas-sigurtà u r-riskji u t-theddidiet assoċjati għall-interessi tas-sigurtà fl-Ewropa;

12.

Jiddeplora l-fatt li t-trasferiment illeġittimu, illeċitu u mhux regolat ta' armi ser ikompli jimmina l-istabbiltà politika u jxekkel l-iżvilupp demokratiku soċjali u/jew ekonomiku f'ċerti partijiet tad-dinja; jirrikonoxxi li l-interpretazzjoni koerenti u l-implimentazzjoni effikaċi tal-Kriterju Tmienja tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK ikunu kontribuzzjonijiet deċiżivi għall-għanijiet tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tal-UE; Jappella għal attenzjoni kontinwa għall-Kriterju Tmienja biex jiġi vvalutat l-impatt negattiv potenzjali tal-infiq fuq l-armi fil-prospetti għall-iżvilupp ta' għall-aktar pajjiżi destinatarji foqra;

It-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi

13.

Jilqa' d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi; jilqa' l-attivitajiet ta' komunikazzjoni li saru mill-UE biex jiġu promossi r-ratifikazzjoni unversali u l-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi u jitlob biex ikun hemm sforzi sostenuti f'dan ir-rigward, partikolarment minn pajjiżi li huma kummerċjanti tal-armi maġġuri; Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli; jirrikonoxxi li t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, minkejja li jirrapreżenta kisba pożittiva, xorta għandu l-limitazzjonijiet u l-ambigwitajiet tiegħu (kunċetti mhux ċari, eċċezzjonijiet għal obbligazzjonijiet ta' rappurtar, nuqqas ta' reġim tas-sanzjonijiet);

14.

Jilqa' s-suċċess tal-ewwel Konferenza tal-Istati Parti li sar f'Cancún mill-24 sas-27 ta' Awwissu 2015, imma jirrimarka li ma ntlaħaq l-ebda ftehim fuq il-mudell li kellu jintuża għar-rapporti annwali; jemmen li t-Trattat ser ikun ta' suċċess ġenwin biss jekk jittieħdu passi biex ikun applikabbli universalment jew jekk jiġu stabbiliti mekkaniżmi vinkolanti jew punittivi, li jintużaw f'każ li jonqsu milli japplikaw ir-regoli;

15.

Jilqa' r-rekwiżit li, fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-għoti ta' liċenzji, l-istati partijiet għat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi jqisu l-fatt li jeżisti r-riskju li l-armi li jiġu trasferiti jistgħu jintużaw biex jitwettqu jew jiġu ffaċilitati atti serji ta' vjolenza sessista jew atti serji ta' vjolenza fuq in-nisa u t-tfal; jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-formulazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni fir-rigward tal-vjolenza sessista jew atti serji ta' vjolenza fuq in-nisa u t-tfal;

16.

Ifaħħar il-fatt li l-UE għandha qafas legali vinkolanti, uniku fid-dinja, li permezz tiegħu qed jiġu infurzati l-kontrolli fuq l-esportazzjonijiet tal-armi, fosthom f'reġjuni ta' krizi u f'pajjiżi dubjużi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-fatt li, b'rabta ma' dan, għadd ta' pajjiżi Ewropej u pajjiżi terzi ngħaqdu mas-sistema ta' kontrolli tal-esportazzjonijiet tal-armi abbażi tal-Pożizzjoni Komuni;

17.

jilqa' l-fatt l-istati terzi bħalma huma l-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Iżlanda, il-Kanada, il-Kroazja, il-Montenegro u n-Norveġja aderixxew b'mod uffiċjali mal-kriterji u l-prinċipji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK; jinnota li sistema speċjali ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi terzi aderenti ilha fis-seħħ mill-2012;

Il-Pożizzjoni Komuni

18.

Ifakkar li l-Pożizzjoni Komuni għandha twassal għal approċċ koordinat fil-kummerċ tal-armi li ma jaffettwax id-dritt tal-Istati Membri li joperaw politiki nazzjonali aktar restrittivi hekk kif jissemma fl-Artikolu 3 tal-Pożizzjoni Komuni; ifakkar ukoll li f'kull każ ir-rifjut li jsir trasferiment ta' teknoloġija militari jew armi jibqa' kompetenza esklussiva tal-Istati Membru u l-istandards komuni stabbiliti mill-Pożizzjoni Komuni għandhom jitqiesu bħala l-istandards minimi għall-ġestjoni tat-trasferimenti ta' teknoloġija militari skont il-premessa 3; jirrimarka li l-armonizzazzjoni fil-livell Ewropew m'għandiex tintuża bħala pretest biex titnaqqas is-saħħa ta' regoli nazzjonali aktar stretti;

19.

Jistieden lill-Istati Membri biex jinterpretaw b'mod koerenti u japplikaw b'mod rigoruż l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni f'kull każ u ma jħallux kunsiderazzjonijiet politiċi u ekonomiċi jieħdu post il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jħassru kuntratti diġà miftiehma fejn, bħala riżultat ta' sitwazzjoni li nbidlet drastikament, il-ftehim jikser il-Pożizzjoni Komuni;

20.

Hu tal-fehma li l-problema reali hi li l-Pożizzjoni Komuni qed tiġi applikata b'mod laxk u qed tiġi interpretata b'mod inkonsistenti mill-Istati Membru u b'hekk iqis li hu kruċjali li jkun hemm applikazzjoni konsistenti u ambizzjuża tat-tmien kriterji; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li ma huma stabbiliti l-ebda penali f'każ ta' ksur tal-kriterji u iqis li jkun rakkomandabbli li jsiru arranġamenti biex isiru kontrolli indipendenti u jkun hemm penali f'każ ta' ksur tal-Pożizzjoni Komuni;

21.

Jinnota r-rieżami li għamel il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali dwar il-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK kif ukoll il-konklużjoni li din isservi b'mod xieraq l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill, u li hija konformi mat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi; jinnota li ma ġiet introdotta l-ebda bidla minkejja s-sitwazzjoni gravi fis-Sirja u fl-Iraq, iż-żieda f'attività terroristika u l-kunflitt u l-instabbiltà mifruxa fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq u li jistgħu, eventwalment, jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni nnifisha;

22.

Jieħu nota tal-aġġornament tal-Linji Gwida għall-Utent għall-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill u tal-Lista Militari tal-UE; jistenna b'ħerqa l-adozzjoni ta' mekkaniżmu ġdid għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni onlajn mill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali; jilqa' r-referenzi ġodda li saru għal aspetti tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi li għadhom ma ġewx inklużi fil-Pożizzjoni Komuni, u l-bidliet għall-gwida elaborattiva għall-Kriterju Sebgħa; jappella għal aktar sforzi partikolarment fil-gwida għall-implimentazzjoni tal-Kriterju Tmienja b'mod effettiv;

23.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li ssir applikazzjoni aktar stretta tat-tmien kriterji; jemmen li l-Istati Membri, anki fil-livell Ewropew fil-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali, għandhom iwessgħu l-valutazzjonijiet tagħhom bil-għan li jagħtu attenzjoni wkoll lis-sitwazzjoni fil-pajjiż ta' destinazzjoni kif ukoll lit-teknoloġija militari speċifika kkonċernata; iħeġġeġ lill-Istati Membri japplikaw kriterji nazzjonali aktar stretti;

24.

huwa mħasseb dwar l-effett li theddida ta' azzjoni legali minn kumpaniji f'xi Stati Membri, kemm jekk din hi reali jew hi perċezzjoni, jista' jkollha fuq il-kunsiderazzjoni ta' applikazzjonijiet għal liċenzji għall-esportazzjoni; ifakkar lill-Istati Membri li applikazzjoni rigoruża u skrupluża tat-tmien kriterji toħloq il-bażi neċessarja għar-rifjut ta' liċenzji;

25.

Jieħu nota li l-Kriterju Tnejn jirrikjedi li l-Istati Membri jirrifjutaw l-għoti ta' liċenzja għall-esportazzjoni biss jekk hemm “risku ċar” li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari esportat jista' jintuża għal ripressjoni interna; billi dan il-kriterju jħalli ħafna spazju għal interpretazzjoni inkoerenti tar-regoli komuni; jitlob il-koordinament mar-rappreżentati tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem sabiex il-Kriterju Tnejn jiġi kkjarifikat ulterjorment;

26.

Huwa kritiku fuq il-ksur frekwenti tat-tmien kriterji minn Stati Membri varji; jiddispjaċih li ma hemm l-ebda mekkaniżmi biex jiġi ssanzjonat ksur tat-tmien kriterji minn Stat Membru u li ma hemm l-ebda pjanijiet biex dan isir; huwa tal-fehma li għandhom ikunu previsti possibbiltajiet ta' verifika indipendenti kif ukoll mekkaniżmi ta' sanzjoni fil-każ ta' ksur tal-Pożizzjoni Komuni;

27.

Iħeġġeġ kull Stat Membru biex jittratta l-kunċett ta' riskju fil-proċess ta' għoti ta' liċenzji għat-trasferiment tal-armi fuq bażi prekawzjonarja, hekk kif isir normalment meta jiġu indirizzati oqsma oħra bħalma huma l-ħasil ta' flus u tħassib ambjentali;

28.

Jenfasizza l-bżonn li tiġi żgurata politika aktar koerenti fuq l-embargos u li jiġu applikati minnufih; jistieden lill-Istati Membri jeliminaw kwalunkwe ambigwitajiet kemm fis-sistemi tagħhom kif ukoll fil-livell tal-Ftehim ta' Wassenaar dwar l-esportazzjoni tal-armi 'militari' u 'mhux militari', li jistgħu jwasslu biex it-trasferimenti ta' armi żgħar jirnexxilhom iduru mas-sistema ta' regolazzjoni billi jiġu deskritti bħala “mhux militari”;

29.

Ifakkar li r-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta' u l-ittraffikar fl-armi tan-nar huwa maħsub biex jiżgura kontroll effettiv ta' trasferimenti ta' armi tan-nar għal użu ċivili; jirrikonoxxi l-leġittimità tal-esportazzjonijiet għall-kaċċa u armi għall-isport għal użu ċivili taħt dan ir-Regolament; jilqa' r-rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armi tan-nar u l-intenzjoni li tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-pulizija mal-pajjiżi ġirien fir-rigward tal-kuntrabandu tal-armi; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Europol;

30.

Jistieden lill-Istati Membri jinkludu mekkaniżmu fil-Pożizzjoni Komuni li awtomatikament jiffriża liċenzji għall-esportazzjonijiet eżisteni għal dawk il-pajjiżi li kontrihom ikun stabbilit embargo Ewropew dwar l-armi wara li ħarġet liċenzja ta' kontroll għall-esportazzjonijiet;

31.

Jissuġġerixxi li tiġi esplorata l-possibbiltà li jiġu applikati u estiżi t-tmien kriterji anke għat-trasferiment ta' servizzi li għandhom x'jaqsmu ma' esportazzjonijiet ta' armi bħalma huma l-konsulenza u l-attivitajiet ta' kumpaniji militari privati bbażati fl-UE f'pajjiżi terzi; jappella għal approċċ unifikat tal-UE għall-kwistjoni ta' armeriji fuq il-baħar;

32.

Jistieden l-Istati Membri kollha li għadhom mhumiex kompletament konformi mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/468/PESK tat-23 ta' Ġunju 2003 dwar il-kontroll ta' senserija ta' armi biex jispjegaw għaliex mhumiex konformi u x'passi qed jipproponu li jieħdu u meta, sabiex jonoraw l-obbligazzjonijiet tagħhom taħt il-Pożizzjoni Komuni; jinkoraġixxi l-Istati Membri biex jinkludu t-trasport tal-armi u servizzi ta' ffinanzjar tal-armi fil-leġiżlazzjoni tagħhom dwar is-senserija tal-armi;

33.

Hu mħasseb dwar id-diverġenza possibbli tal-esportazzjonijiet u jistieden l-Istati Membri kollha jistabbilixxu sistema ta' kontroll effettiva (sistema ta' monitoraġġ komuni, klawżola kontra l-użu ħażin fiċ-ċertifikati tal-utent aħħari, spezzjonijiet fiżiċi obbligatorji tal-utenti aħħarin) fosthom rinforzament tal-persunal iddedikat għal dan il-għan; jemmen li jrid ikun hemm kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Europol u l-Eurojust, kif ukoll ma' pajjiżi terzi, biex tiġi ffaċilitata l-prosekuzzjoni ta' sensara u traffikanti għal trasferimenti illegali ta' armi; jistieden lill-Kunsill jallinja aħjar il-Kriterju Sebgħa mal-Artikolu 11 tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi;

34.

Jinsab profondament imħasseb dwar il-possibilità li jiġu evitati l-kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE permezz ta' produzzjoni liċenzjata f'pajjiżi barra l-UE jew permezz ta' sussidjarji barranin ta' kumpaniji bbażati fl-UE; iħeġġeġ lill-COARM biex fir-rapport annwali tiegħu li jmiss jikkunsidra din il-kwistjoni fil-fond;

35.

Jitlob li jkun hemm aktar koordinazzjoni fil-livell ta' ħidma fi ħdan il-Kunsill u s-SEAE bil-għan li jiġi żgurat li l-aspetti marbuta mal-prevenzjoni tal-konflitti, l-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem jiġu kkunsidrati kif xieraq; jitlob li jkun hemm konsultazzjoni regolari bejn il-COARM u l-COHOM, kif ukoll biex il-COARM jikkomunikaw mal-atturi relevanti tal-UE bħalma huma l-Intcen, il-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u d-Delegazzjonijiet tal-UE sabiex titjieb il-koerenza u tiġi kondiviża informazzjoni li tista' tkun relevanti għal deċiżjonijiet dwar liċenzji għat-trasferiment tal-armi, partikolarment fir-rigward ta' riskji fil-pajjiżi destinatarji, biex tittejjeb il-kwalità tad-deċiżjonijiet li jsiru fil-kuntest tal-Pożizzjoni Komuni;

It-trasparenza

36.

Jiddispjaċih dwar l-adozzjoni tardiva ħafna tas-16-il Rapport Annwali, li huwa l-aktar wieħed li dam biex ġie adottat;

37.

Jinnota li sottomissjoni sħiħa tfisser data dwar il-valur finanzjarju kemm tal-liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi, kif ukoll esportazzjonijiet attwali, li jkunu elenkati skont id-destinazzjoni u skont il-kategorija fil-Lista Militari tal-UE; jistieden l-Istati Membri li fadal biex, fi żmien debitu, jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jissottomettu rapport annwali u jipprovdu data għas-16-il Rapport Annwali retrospettivament kif ukoll għar-Rapporti Annwali li ġej;

38.

Jinnota li r-rapport jinkludi informazzjoni standardizzata dwar il-liċenzji tal-esportazzjoni maħruġa iżda ma jinkludix informazzjoni komprensiva dwar l-esportazzjoni reali tal-armi; iħeġġeġ lill-Kunsill u l-VP/RGħ biex jistudjaw mezzi biex titjieb il-konformità mal-obbligazzjoni għar-rappurtar u biex jiżdiedu t-trasparenza u l-iskrutinju pubbliku tal-qafas ta' kontrol għall-esportazzjonijiet, partikolarment fl-iżgurar li l-Istati Membri kollha jirrapurtaw l-esportazzjonijiet tal-armi tagħhom; jitlob li dan in-nuqqas jiġi indirizzat u debitament issir dispożizzjoni għal rapport annwali li tenfasizza d-data reali tal-esportazzjonijiet, diżaggregati skont it-tip u d-destinazzjoni;

39.

Jitlob l-introduzzjoni ta' proċedura standardizzata ta' rappurtar u ta' sottomissjoni, inkluża l-iskadenza, għal informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet reali u d-data tal-liċenzja, proċedura li għandha tiġi applikata b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Istati Membri jirrappurtaw b'mod aktar komprensiv dwar il-liċenzji miċħuda, inkluża l-informazzjoni speċifika għal-liċenzja li tirrigwarda l-istat destinatarju u l-awtorità speċifika, id-deskrizzjoni u l-kwantità tal-oġġetti li għandhom jiġu trasferiti fir-rigward tas-subkategoriji tal-lista militari, u r-raġuni għaċ-ċaħda; jipproponi li l-format tar-Rapport Annwali jinbidel u li tali rapport jitnieda mill-ġdid bħala bażi ta' dejta onlajn pubblika, interattiva u li tista' titfittex;

40.

Jitlob għal konsultazzjonijiet imsaħħin bejn l-Istati Membri fir-rigward ta' trasferimenti lil reġjuni jew pajjiżi fraġili jew instabbli, partikolarment dawk li qed jaġixxu b'mod agressiv fil-viċinat tagħhom; jitlob għal verifika fonda u sistematika tal-implimentazzjoni tar-reġim tas-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja fl-esportazzjoni ta' armi u bejgħ ta' teknoloġiji b'użu doppju; jistieden lill-Istati Membru jistabbilixxu lista ta' persuni (fosthom entitajiet u individwi) li nstabu ħatja li kisru leġiżlazzjoni li għandha x'taqsam mal-esportazzjoni tal-armi u f'każi ta' diverżjoni identifikata u persuni li ma nstabux ħatja minn qorti imma huma magħrufin li huma involuti fil-kummerċ illegali tal-armi jew f'attivitajiet li huma ta' theddida għas-sigurtà internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni ddettaljata dwar il-proċeduri għar-revoka jew is-sospensjoni ta' liċenzji mogħtija fir-rigward ta' pajjiżi soġġetti għal embargo;

41.

Iqis li hu vitali li pajjiżi li huma kandidati għal adeżjoni mal-UE jikkonformaw mal-pożizzjonijiet u prinċipji tal-UE dwar l-esportazzjonijiet ta' armi u l-kummerċ tal-armi;

42.

Jappella biex ikun hemm monitoraġġ ta' u kooperazzjoni dwar it-traffikar illegali ta' armi, permezz ta' kooperazzjoni li tinvolvi l-forzi tal-pulizija u l-awtoritajiet tal-fruntieri bbażati fuq il-kondiviżjoni ta' informazzjoni u bażijiet ta' dejta sabiex jitnaqqsu r-riskji għas-sigurtà tal-UE u taċ-ċittadini tagħha;

L-iskrutinju pubbliku

43.

Ifakkar li l-gvernijiet għandhom ir-responsabilità politika li jiddeċiedu jekk jesportawx oġġetti militari jew oġġetti ta' użu doppju; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar kull waħda mil-liċenzji li joħorġu sabiex ikun possibbli li jsiru kontrolli fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat li pajjiżi ma jonqsux milli jilħqu l-kriterji tal-pożizzjoni komuni minħabba interessi ekonomiċi, politiċi jew personali; jistieden lis-SEAE/COARM jassumu l-kompitu li jeżaminaw liċenzji li jidhru li ma jilħqux il-kriterji tal-pożizzjoni komuni;

44.

Jemmen bis-sħiħ li ċ-ċittadini u l-parlamenti għandhom id-dritt li jiġu infurmati f'dettall dwar id-deċiżjonijiet dwar l-esportazzjonijiet ta' armi tal-gvernijiet tagħhom billi dawn jaffettwaw s-sigurtà u l-benessri tan-nazzjon tagħhom u ta' pajjiżi oħra, u dan f'konformità mal-interessi ta' trasparenza u skrutinju pubbliku akbar; jitlob biex ir-rapporti jinżammu pubbliċi;

45.

Jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE biex itejbu l-aċċess għal informazzjoni dwar sanzjonijiet tal-UE u dwar embargos fuq l-armi billi spiss din l-informazzjoni ma tkunx aġġornata jew preżentata b'mod li hu ħafif taċċessa;

46.

Jitlob li s-sorveljanza parlamentari tissaħħaħ kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew permezz ta' rapporti annwali fil-parlamenti; jitlob li l-kwistjoni tal-esportazzjonijiet tal-armi Ewropej tiġi diskussa fil-laqgħa li jmiss tal-Konferenza Interparlamentari dwar il-PESK/PSDK;

47.

Jilqa' konsultazzjonijiet regolari mas-soċjetà ċivili bħala titjib fit-trasparenza; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE/Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali jkomplu japprofondixxu d-djalogu tagħhom mas-soċjetà ċivili, NGOs u l-gruppi ta' riflessjoni relevanti; jinkoraġġixxi s-soċjetà ċivili u l-akkademja teżerċizza skrutinju indipendenti tal-kummerċ tal-armi;

It-teknoloġiji l-ġodda u l-kwistjoni tal-oġġetti b'użu doppju

48.

Iqis li l-iżviluppi teknoloġiċi jagħmluha dejjem itqal biex issir distinzjoni bejn użu purament militari u użu purament ċivili u li, b'hekk, attenzjoni speċjali trid tingħata lil-Lista ta' Użu Doppju fid-dawl tal-Ftehim ta' Wassenaar; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li ma jkun hemm ebda lakuna fil-livell tal-Ftehim ta' Wassenaar u bejn il-Lista Militari u l-annessi tar-Regolament dwar l-Użu Doppju, u jistedinhom ukoll jagħtu attenzjoni partikolari għat-teknoloġiji l-ġodda ta' importanza strateġika, bħas-sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod u t-teknoloġija ta' sorveljanza;

49.

Ifakkar li l-proliferazzjoni ta' ċerti teknoloġija ta' sorveljanza u intrużjoni madwar id-dinja mhumiex biss detrimentali għad-drittijiet tal-bniedem iżda possibbilment huma ta' theddida senifikanti għall-interessi strateġiċi tal-UE u l-infrastruttura diġitali tagħna;

50.

Jilqa' l-inizzjattiva attwali tal-Kummissjoni biex timmodernizza l-kontrolli tal-UE tal-esportazzjonijiet ta' oġġetti b'użu doppju u l-intenzjoni tagħha li tippreżenta proposta leġiżlattiva ġdida fl-ewwel parti tal-2016 għal politiki intelliġenti u effettivi li jirregolaw l-esportazzjonijiet kummerċjali ta' servizzi relatati mal-implimentazzjoni u l-użu ta' teknoloġiji b'użu doppju, waqt li jiġu inklużi salvagwardji effettivi sabiex tevita li tali kontrolli tal-esportazzjonijiet ikunu ta' ħsara għar-riċerka xjentifika u tal-IT; jenfasizza li l-proposta għandha jkollha l-għan li ttejjeb il-koerenza u t-trasparenza tas-sistemi effettivi ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u tieħu kont sħiħ tan-natura dejjem tinbidel tal-isfidi għas-sigurtà u l-pass rapidu ta' żviluppi teknoloġiċi, speċjalment fil-konfront ta' tagħmir ta' softwer ta' sorveljanza u intrużjoni; jilqa' l-ftehim li ntlaħaq fl-4 ta' Diċembru 2013 mill-istati li pparteċipaw fil-Ftehim ta' Wassenaar biex jadottaw kontrolli fl-oqsma ta' sorveljanza, infurzar tal-liġi u għodda biex tinkiseb l-intelligence u sistemi ta' sorveljanza tan-netwerk; ifakkar fil-bżonn urġenti li jiġu indirizzati esportazzjonijiet li possibbilment huma ta' ħsara ta' prodotti u servizzi tal-ICT li jistgħu jintużaw b'rabta ma' ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'ċerti pajjiżi terzi, hekk kif miftiehem fl-Istqarrija Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni f'April 2014;

51.

Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli riżorsi suffiċjenti biex jiġu implimentati u infurzati b'mod effettiv il-kontrolli fuq esportazzjonijiet ta' użu doppju, sensarija u transitu; jilqa' l-programmi ffinanzjati mill-UE ta' bini tal-kapaċità f'appoġġ għas-sistemi ta' kontroll tal-esportazzjonijiet ta' użu doppju ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-Istati Membri jimmobilizzaw il-kapaċitajiet ta' taħriġ fl-UE ukoll;

52.

Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tkun tista' tagħti malajr lill-kumpaniji li jkollhom dubju dwar jekk għandhomx japplikaw għal liċenzja tal-esportazzjoni, informazzjoni ċara u aġġornata dwar il-legalità jew l-effetti potenzjalment dannużi ta' transazzjonijiet potenzjali;

53.

Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti għal rieżami dwar kif standards tal-UE dwar l-ICTs jistgħu jintużaw biex jipprevjenu l-impatti potenzjalment dannużi tal-esportazzjoni ta' dawn it-teknoloġiji jew servizzi oħra lejn pajjiżi terzi fejn kunċetti bħal “interċettazzjoni legali” ma jistgħux jiġu kkunsidrati ekwivalenti għal dawk tal-UE, jew pereżempju, għandhom reputazzjoni ħażina tad-drittijiet tal-bniedem jew fejn l-istat tad-dritt ma jeżistix;

54.

Itenni li l-istandards tal-UE, partikolarment dawk elenkati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha tipprima fuq kunsiderazzjonijiet oħrajn fil-valutazzjoni ta' inċidenti li jinvolvu teknoloġiji ta' użu doppju użati b'mod li jistgħu jirrestrinġu d-drittijiet tal-bniedem;

55.

Jiddeplora l-kooperazzjoni attiva ta' ċerti kumpaniji Ewropej, kif ukoll ta' kumpaniji internazzjonali li jinnegozjaw teknoloġiji b'użu doppju, f'ċirkostanzi fejn jafu dwar l-effetti potenzjalment detrimentali għad-drittijiet tal-bniedem involuti fil-kummerċ ma' reġimi li l-azzjonijiet tagħhom jiksru d-drittijiet tal-bniedem;

56.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teskludi pubblikament kumpaniji involuti f’dawn l-attivitajiet minn proċeduri ta' akkwist tal-UE, minn finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp u minn kwalunkwe appoġġ finanzjarju ieħor;

o

o o

57.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.

(2)  ĠU C 103, 27.3.2015, p. 1.

(3)  It-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, NU, 13-27217.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2014)0081.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2015)0215.

(6)  ĠU L 341, 18.12.2013, p. 56.

(7)  ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.

(8)  Testi adottati, P8_TA(2015)0288.

(9)  ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.

(10)  ĠU L 156, 25.6.2003, p. 79.

(11)  http://www.wassenaar.org/controllists/, “list of dual-use goods and technologies and munitions list”, il-Ftehim ta’ Wassenaar dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni għall-Armi Konvenzjonali u l-Prodotti u t-Teknoloġiji b'Użu Doppju, 25 ta’ Marzu 2015.

(12)  A/HRC/RES/24/35.

(13)  “Trends in international arms transfers” (Tendenzi internazzjonali dwar trasferimenti ta’ armi), 2014, Skeda Informattiva tas-SIPRI, Marzu 2015.

(14)  IANSA, Oxfam International u Saferworld, “Africa’s missing billions – International arms flows and the cost of conflict” (Il-biljuni neqsin tal-Afrika – Il-flussi internazzjonali tal-armi u l-ispiża tal-kunflitt) , 2007.

(15)  “Global Burden of Armed Violence” 2015 Every Body Counts (Il-pi ¿ globali tal-vjolenza bl-armi 2015: Kull Persuna Tgħodd)  – rapport tal-“Geneva Declaration on Armed Violence and Development” (Dikjarazzjoni ta’ Ġinevra dwar il-Vjolenza Armata u l-I ¿vilupp)

(16)  “Exploring Tomorrow’s Organised Crime” (Esplorazzjoni tal-Kriminalità Organizzata ta’ Għada), 2015, Europol


Top