Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0459

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar it-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja (2015/2051(INI))

    ĠU C 399, 24.11.2017, p. 106–117 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.11.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 399/106


    P8_TA(2015)0459

    Tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar it-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja (2015/2051(INI))

    (2017/C 399/11)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 46/182 tad-19 ta' Diċembru 1991 dwar it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-għajnuna umanitarja ta' emerġenza (1),

    wara li kkunsidra l-Aġenda Trasformattiva tal-Kumitat Permanenti Interaġenziji (IASC) tan-NU (2),

    wara li kkunsidra l-Prinċipji tas-Sħubija (kif approvati mill-Pjattaforma Umanitarja Globali) tat-12 ta' Lulju 2007 (3),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 64/290 tad-9 ta' Lulju 2010 dwar id-Dritt għall-Edukazzjoni f'Sitwazzjonijiet ta' Emerġenza (4) u l-linji gwida rilevanti inklużi dawk tal-UNICEF u tal-UNESCO,

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-IASC tan-NU għall-Integrazzjoni ta' Interventi ta' Vjolenza abbażi tas-Sess f'Azzjoni Umanitarja (5),

    wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030 adottat mit-Tielet Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri li saret mill-14 sat-18 ta' Marzu 2015 f'Sendai, il-Ġappun (6),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 69/313 tas-27 ta' Lulju 2015 li tistabbilixxi l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa tat-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp (7),

    wara li kkunsidra d-dibattiti bi tħejjija għat-32 Konferenza Internazzjonali tal-Moviment tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar mit-8 sal-10 ta' Diċembru 2015 f'Ġinevra,

    wara li kkunsidra r-Rapport tal-2015 dwar l-Għajnuna Umanitarja Globali (8),

    wara li kkunsidra l-Ħarsa Ġenerali Globali Umanitarja ta' Ġunju 2015 (9),

    wara li kkunsidra l-prinċipji ta' Donazzjoni Umanitarja Tajba (GHD) (10),

    wara li kkunsidra l-Bord ta' Livell Għoli tan-NU dwar il-Finanzjament Umanitarju,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja (11),

    wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja tal-2007 (minn hawn 'il quddiem “Kunsens Ewropew”), dikjarazzjoni konġunta ffirmata mill-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri (12), u l-Pjan ta' Azzjoni tiegħu li għandu jiġġedded,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja (“l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE”) (13), u r-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fl-2014 (14),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (15),

    wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Il-Ġeneru fl-Għajnuna Umanitarja: Bżonnijiet Differenti, Għajnuna Adattata” (SWD(2013)0290) (16),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Rapport Annwali dwar il-Politiki tal-Unjoni Ewropea tal-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili u l-implimentazzjoni tagħhom fl-2014 (COM(2015)0406) (17),

    wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Attività 2014 mid-DĠ tal-Kummissjoni għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO) (18),

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar il-Prinċipji Komuni għal Assistenza b'Diversi Għanijiet Ibbażata fuq Flus Kontanti b'Reazzjoni għall-Ħtiġijiet Umanitarji (19),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989 u l-Protokoll Fakultattiv dwar l-involviment tat-Tfal f'Kunflitti Armati tal-25 ta' Mejju 2000, wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati (aġġornati fl-2008),

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2015 dwar Sħubija Globali Ġdida għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015 (20),

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2013 dwar l-approċċ tal-UE għar-reżiljenza (21),

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2014 dwar il-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni wara l-2015: L-immaniġġar ta' riskji biex tinkiseb reżiljenza (22),

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar Aġenda Trasformattiva għal wara l-2015 (23),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tad-9 ta' Settembru 2015 intitolata “L-indirizzar tal-Kriżi tar-Refuġjati fl-Ewropa: Ir-Rwol tal-Azzjoni Esterna tal-UE” (JOIN(2015)0040) (24),

    wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet reġjonali, tematiċi u globali bi tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji (25),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp (26),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 (27),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (28); tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fin-Nepal wara t-terrimoti (29); tat-30 ta' April 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-kamp tar-refuġjati ta' Yarmouk fis-Sirja (30); tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-Sudan t'Isfel, inkluż is-sekwestru reċenti ta' tfal (31); tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS (32); u tal-15 ta' Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (33),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati fl-Ewropa (34); u tad-29 ta' April 2015 dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil (35),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jafferma mill-ġdid li l-UE “għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud tal-objettivi kollha tagħha”,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-TFUE, li jistabblixxi li “l-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw”,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 214 tat-TFUE dwar l-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna umanitarja,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Settembru 2015 intitolata “Lejn is-Summit Umanitarju Dinji: Sħubija globali għal azzjoni umanitarja msejsa fuq il-prinċipji u effettiva” (COM(2015)0419) (36) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaha (SWD(2015)0166) (37),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0332/2015),

    A.

    billi, f'dinja fraġli ħafna, qed niffaċċjaw żieda fid-diversità, il-frekwenza u l-intensità tad-diżastri naturali u l-karestiji u żieda bla preċedent fl-għadd u fil-kumplessità tal-kunflitti;

    B.

    billi l-isfidi li dejjem qed jikbru, bħall-urbanizzazzjoni, it-tkabbir rapidu fil-popolazzjoni, il-bidliet demografiċi, il-prevalenza u s-saħħa akbar tad-diżastri naturali, id-degradazzjoni ambjentali, id-deżertifikazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-għadd ta' kunflitti dejjiema u simultanji b'impatt reġjonali u l-iskarsezza tar-riżorsi, flimkien mal-konsegwenzi tal-faqar, l-inugwaljanza, il-migrazzjoni, l-ispostament u l-fraġilità, konsegwentement żiedu b'mod drammatiku l-ħtieġa għal rispons umanitarju madwar id-dinja;

    C.

    billi l-għadd tal-persuni fil-bżonn żdied b'aktar mid-doppju mill-2004 għal iżjed minn 100 miljun fl-2015; billi 250 miljun persuna huma affettwati minn kriżijiet umanitarji; billi l-għadd ta' persuni spostati b'mod furzat laħaq l-ogħla punt tiegħu mit-Tieni Gwerra Dinjija f'livell ta' kważi 60 miljun, inklużi kważi 40 miljun li huma spostati f'pajjiżhom stess; billi iżjed minn nofs ir-refuġjati tad-dinja huma tfal;

    D.

    billi se jkunu spostati biljun ruħ minħabba t-tibdil fil-klima sal-2050 peress li aktar minn 40 % tal-popolazzjoni dinjija tgħix f'żoni ta' kriżi qawwija tal-ilma; billi t-telf ekonomiku minħabba diżastri naturali x'aktarx li jiżdied b'mod drammatiku minn USD 300 biljun attwalment mitlufa kull sena;

    E.

    billi matul dawn l-aħħar tmien snin il-bżonnijiet u l-isfidi li qed jiżdiedu, in-nuqqas ta' impenji sostnuti u ż-żieda fl-ispiża tal-assistenza umanitarja kkontribwixxew biex is-sistema umanitarja attwali laħqet il-limiti tagħha, u ġiegħlu lil għadd ta' organizzazzjonijiet jissospendu b'mod temporanju l-għajnuna alimentari, il-kenn u operazzjonijiet umanitarji oħra ta' salvataġġ;

    F.

    billi l-isptarijiet umanitarji huma spiss fil-mira ta' attakki bl-użu ta' armi ta' qerda massiva; billi t-theddid u l-attakki kontra l-persunal umanitarju qed jiżdiedu; billi s-sigurtà tal-persunal umanitarju u ta' persuni korruti ħafna drabi tiġi mhedda; u billi dawn l-attakki jikkostitwixxu ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u ta' periklu serju għall-futur tal-għajnuna umanitarja;

    G.

    billi l-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza, u r-regoli bażiċi tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem stabbiliti fil-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-protokolli addizzjonali tagħhom, għandhom ikunu fil-qalba tal-azzjonijiet umanitarji kollha; billi l-protezzjoni ta' persuni spostati jeħtieġ tkun garantita bla kundizzjoni, u billi l-indipendenza tal-għajnuna, jiġifieri l-għajnuna li tkun ħielsa minn kwalunkwe kunsiderazzjonijiet politiċi, ekonomiċi jew ta' sigurtà jew kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni, għandha tipprevala;

    H.

    billi l-partijiet kollha f'kunflitt, inklużi partijiet armati statali u mhux statali, jeħtieġu jiggarantixxu lill-atturi umanitarji l-aċċess neċessarju biex jgħinu l-popolazzjonijiet ċivili vulnerabbli u milquta minn kunflitti;

    I.

    billi n-nisa u t-tfal mhux biss huma speċjalment vulnerabbli u esposti b'mod sproporzjonat għal riskju f'żoni ta' diżastru, kemm waqt u wara l-emerġenzi, huma jħabbtu wiċċhom ukoll ma' sfruttament, marġinalizzazzjoni, infezzjonijiet, u vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru użati bħala armi; billi n-nisa u t-tfal jiffaċċjaw riskji akbar minħabba l-ispustjar u t-tneħħija tal-istrutturi normali ta' protezzjoni u appoġġ; billi d-dritt umanitarju internazzjonali jeħtieġ li l-kura medika kollha meħtieġa tiġi pprovduta mingħajr diskriminazzjoni lill-bniet u n-nisa stuprati fil-gwerra; billi l-abort mhux sikur huwa elenkat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bħala waħda minn tliet kawżi ewlenin ta' mwiet marbuta mal-maternità; billi s-saħħa materna, il-konsulenza psikoloġika għan-nisa vittmi ta' stupru, u l-edukazzjoni ta' tfal spostati huma sfidi kbar fil-kampijiet tar-refuġjati;

    J.

    billi l-appell umanitarju konsolidat għall-2015 laħaq livell rekord fl-istorja tan-NU li ammonta għal kważi EUR 19-il biljun; billi, minkejja kontribuzzjonijiet rekord minn donaturi, ġie ffinanzjat biss kwart mill-appell globali, u l-UE għamlet sforzi biex tiffinanzja l-appelli umanitarji globali u l-operazzjonijiet appoġġjati minn DĠ ECHO; billi dan isaħħaħ mill-ġdid il-ħtieġa għal finanzjament ikkoordinat globalment, fil-ħin, prevedibbli u flessibbli, imfassal apposta għal kuntesti differenti u sostnut minn sħubija pubblika-privata ġdida għal stat ta' tħejjija innovattiva u metodi ta' distribuzzjoni; billi l-UE tħabtet biex tiffinanzja l-appelli umanitarji globali u l-operazzjonijiet tal-ECHO; billi l-impenn imġedded għal mira ta' 0,7 % ta' għajnuna u t-twettiq f'waqtu tal-impenji huma aktar u aktar importanti f'dan il-kuntest;

    K.

    billi l-maġġoranza tal-kriżijiet umanitarji għandhom kawżi relatati mal-bniedem; billi 80 % tal-assistenza umanitarja internazzjonali tal-UE hija kkonċentrata fuq kriżijiet ikkawżati mill-bniedem li jeħtieġu soluzzjonijiet essenzjalment politiċi u mhux biss umanitarji; billi l-faqar u l-vulnerabbiltà għall-kriżijiet huma marbuta b'mod intrinsiku, u dan jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti tal-kriżijiet, li tinbena reżiljenza, tissaħħaħ il-kapaċità għall-adattament għal diżastri naturali u t-tibdil fil-klima, u li jintlaħqu l-ħtiġijiet fit-tul tal-persuni affettwati; billi l-konsegwenzi tal-kriżijiet umanitarji, bħall-isfidi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati, se jkomplu jikbru sakemm ma jiġux indirizzati l-kawżi primarji u jkun hemm rabta aħjar bejn l-assistenza umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

    L.

    billi l-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp huma interkonnessi, speċjalment fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza għad-diżastri billi jitnaqqsu r-riskji u jkun hemm protezzjoni kontra x-xokkijiet, bħala mezz kruċjali biex jitnaqqsu l-ħtiġijiet umanitarji u għall-ġlieda kontra t-tfixkil għas-saħħa, l-iġjene, l-edukazzjoni, in-nutrizzjoni u saħansitra l-kenn bażiku;

    M.

    billi l-koordinazzjoni internazzjonali, lokali u reġjonali, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-programmar konġunt, il-ġbir tad-data u l-valutazzjonijiet tal-evalwazzjoni se jgħinu biex itejbu t-teħid tad-deċiżjonijiet, l-effiċjenza, l-effikaċja u r-responsabbiltà fit-twassil tal-għajnuna;

    N.

    billi hemm il-ħtieġa li jiġu żviluppati fiduċja akbar u aktar kooperazzjoni bejn l-atturi tas-settur privat, l-NGOs, l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-gvernijiet; billi r-riżorsi kummerċjali, l-ispeċjalizzazzjoni, il-ktajjen tal-provvista, il-kapaċitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp, u l-loġistika jistgħu jservu biex jiżguraw tħejjija aktar effikaċi u azzjoni umanitarja;

    O.

    billi l-finanzjament ta' EUR 909 miljun fl-2015, taħt il-kapitolu tal-għajnuna umanitarja tal-UE, jirrappreżenta inqas minn 1 % tal-baġit totali tal-UE; billi t-titjib tar-rabta bejn l-għajnuna u l-assistenza fit-tul huwa mod wieħed ta' kif titnaqqas id-diskrepanza attwali bejn il-ħtiġijiet umanitarji straordinarji u l-mezzi disponibbli;

    P.

    billi l-NGOs u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, bħas-Salib l-Aħmar u l-aġenziji tan-NU, bħalissa huma l-implimentaturi ewlenin tal-appoġġ umanitarju, billi jipprovdu assistenza ta' salvataġġ u protezzjoni lil madwar 120 miljun persuna kull sena;

    Q.

    billi l-prevenzjoni, ir-rispons u l-kapaċitajiet domestiċi jiżvolgu rwol importanti sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet bl-aħjar mod, u biex inaqqsu l-ħtieġa għal assistenza internazzjonali; billi fl-2015, 2 % biss tat-total tal-assistenza umanitarja internazzjonali mar direttament għall-NGOs lokali u nazzjonali tal-Istati affettwati, minkejja li r-reattività tagħhom, l-għarfien tal-ħtiġijiet u l-kapaċità li jintlaħqu l-persuni affettwati hija ġeneralment aħjar minn dik ta' atturi oħra; billi hemm domanda dejjem akbar biex tiġi żgurata r-responsabbiltà għall-popli u l-komunitajiet affettwati mill-kriżi;

    R.

    billi l-għajnuna umanitarja teħtieġ tibqa' bbażata fuq il-ħtiġijiet kif ivvalutat minn atturi umanitarji, u billi d-donaturi għandhom jastjenu milli jużaw l-għajnuna bħala għodda ta' ġestjoni tal-kriżijiet;

    S.

    billi r-rispons umanitarju u l-għodod użati għandhom ikunu maħsuba għall-ħtiġijiet ivvalutati b'mod konġunt u għandhom jiddependu fuq kuntesti li jvarjaw; billi huwa essenzjali li jsiru l-isforzi kollha biex jiżguraw li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, għall-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa, it-tfal, l-anzjani, il-persuni b'diżabbiltà, il-minoranzi u l-popli indiġeni u gruppi vulnerabbli oħra jiġu integrati fi sforzi tar-rispons umanitarju;

    T.

    billi l-atturi globali huma mħeġġa jinkorporaw ir-rispons umanitarju fil-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem u fil-mekkaniżmi ta' rappurtar;

    U.

    billi l-ewwel Summit Umanitarju Dinji (WHS) li se jsir f'Istanbul fit-23 u l-24 ta' Mejju 2016 għandu jirriżulta fit-tiswir mill-ġdid tal-arkitettura umanitarja biex issir iżjed inklużiva, effikaċi, trasparenti u verament globali, sabiex forsi twieġeb għaż-żidiet antiċipati fil-bżonnijiet umanitarji marbuta mal-isfidi attwali u tal-ġejjieni, bħas-sigurtà alimentari, it-tkabbir tal-popolazzjoni, it-tibdil fil-klima, il-fraġilità, is-sikurezza tal-ħaddiema li jipprovdu l-għajnuna, l-ispostament furzat u l-iżvilupp soċjoekonomiku;

    V.

    billi d-WHS se jsegwi għadd ta' negozjati intergovernattivi, dwar it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, il-finanzjament għall-iżvilupp, l-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli wara l-2015 u t-tibdil fil-klima, li se jsawru l-iżvilupp u x-xenarji umanitarji għas-snin li ġejjin, u għalhekk jipprovdu opportunità unika, kritika u konkreta biex jiġu allinjati l-objettivi, il-prinċipji u l-azzjonijiet, u biex id-dinja tindirizza l-bżonnijiet, u tibni r-reżiljenza, tal-iżjed vulnerabbli b'mod iżjed koerenti;

    W.

    billi l-UE, bħala d-donatur ewlieni, għandha r-responsabbiltà u l-ingranaġġ neċessarju biex tieħu r-rwol ta' tmexxija fit-tfittxija għal modi aħjar u innovattivi biex jintlaħqu l-bżonnijiet ta' miljuni ta' persuni affettwati mill-kunflitti u d-diżastri, u jiġu provduti soluzzjonijiet vijabbli fit-tul għalihom;

    X.

    billi r-rati riċenti, li qed jiżdiedu, ta' malnutrizzjoni akuta globali u r-riperkussjonijiet reġjonali u internazzjonali tal-instabbiltà politika fil-pajjiżi kklassifikati f'Livell 3, fakkru mill-ġdid fil-bżonn li d-WHS jaċċellera t-trasformazzjoni fis-sistema umanitarja u jaqdi aħjar il-persuni fil-bżonn;

    Minn konsultazzjonijiet globali għal azzjoni globali

    1.

    Jilqa' d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li jsejjaħ l-ewwel Summit Umanitarju Dinji (WHS) għal diversi partijiet interessati u r-rieda tat-Turkija li tospitah; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jappoġġjaw id-WHS u jilħqu konklużjonijiet sodi tal-Kunsill, b'impenji speċifiċi u oqsma ta' prijorità għal azzjoni, filwaqt li jsegwu l-effiċjenza operazzjonali, l-istandards ta' kwalità komuni, koordinazzjoni aħjar u sħubiji mad-donaturi emerġenti, abbażi ta' għajnuna politikament imparzjali kif ukoll fuq fehim komuni u applikazzjoni tal-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza, u r-rispett għall-obbligi previsti mid-dritt umanitarju internazzjonali;

    2.

    Jilqa' l-inizjattiva tan-NU biex tiġbor intelligence minn madwar id-dinja kollha sabiex issib diżastri naturali u kunflitti u ssib soluzzjoni ħalli ssalva u tħares aktar nies mill-impatt ta' kriżijiet bħal dawn; jilqa' wkoll l-organizzazzjoni ta' tmien konsultazzjonijiet reġjonali li involviet ukoll laqgħat tematiċi u konsultazzjoni globali, b'rappreżentanti mill-gvern, mis-soċjetà ċivili, mill-NGOs, min-netwerks volontarji, negozji u netwerks reliġjużi, kif ukoll l-inizjattiva ta' konsultazzjonijiet onlajn u l-istabbiliment ta' Bord ta' Livell Għoli għall-Finanzjament Umanitarju, kopresedut mill-UE;

    3.

    Jenfasizza li l-isfidi umanitarji enormi tal-lum jeħtieġu sistema umanitarja aktar inklużiva, diversa u tassew globali, li għandha tissaħħaħ fil-livell tad-WHS, li, fl-istess ħin, tirrikonoxxi d-diversità fis-sistema ta' rispons umanitarju tal-lum u r-rwoli komplementari tal-atturi kollha; jistieden lill-UE tippromwovi “Kunsens Globali dwar l-Azzjoni Umanitarja” li jafferma mill-ġdid il-prinċipji tal-għajnuna umanitarja u l-obbligi u l-intitolamenti taħt id-dritt umanitarju internazzjonali (IHL), filwaqt li jiżgura r-rispons ta' protezzjoni ffukat fuq in-nies u bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, u jżomm il-gvernijiet responsabbli għar-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom fil-ħarsien tal-persuni; iqajjem kuxjenza dwar l-impatti negattivi tal-politiċizzazzjoni ta' assistenza umanitarja, u jfakkar li r-rispett għall-prinċipji umanitarji ċentrali, u l-impenn kontinwu għalihom, huwa kritiku biex jiġi żgurat l-ispazju umanitarju f'żoni ta' kunflitt u ta' diżastri naturali;

    4.

    Jenfasizza li, sabiex ikollu sinifikat, id-dokument ta' eżitu tad-WHS għandu jinkludi pjan direzzjonali ta' ħames snin għall-iżvilupp u t-tħaddim ta' impenji politiċi konkreti meħuda, inkluż ta' natura intergovernattiva, il-qafas ta' monitoraġġ u ta' responsabbiltà, valutazzjoni ta' prattiki tal-organizzazzjonijiet ta' għajnuna u valutazzjoni tal-impatt li tinkludi l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti;

    5.

    Jistieden lid-WHS jorbot l-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015, il-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri u l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 21) sabiex tittejjeb il-koerenza fost il-politiki u l-istituzzjonijiet biex tinbena r-reżiljenza għad-diżastri, u biex jintalab rwol iktar attiv tal-atturi tal-iżvilupp fil-bini tar-reżiljenza; jistieden lill-gvernijiet donaturi jiżviluppaw sett komuni ta' għanijiet, prijoritajiet u indikaturi, għall-politiki nazzjonali tagħhom, li jgħaqqdu dawn l-oqfsa;

    6.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, bħala l-akbar donaturi u l-atturi operazzjonali ewlenin, biex imexxu b'eżempju attiv; jenfasizza li l-azzjonijiet umanitarji kollha tal-UE għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipji ta' solidarjetà, responsabbiltà u kontabbilità, u għandhom ikunu mfassla biex jiżguraw li l-persuni vulnerabbli jiġu protetti, kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament; jitlob soluzzjoni globali, komprensiva u fit-tul għall-mases ta' persuni li qed jaħarbu minn reġjuni f'kunflitt; jirrimarka li, fir-rigward tar-rispons min-naħa tal-UE għall-kriżi attwali, ir-rwol u l-kredibbiltà tal-Ewropa fix-xena umanitarja globali jinsabu wkoll f'periklu;

    7.

    Jitlob lid-WHS jimpenja ruħu għal approċċ sistematiku, ibbażat fuq ir-riżultati u parteċipatorju billi jistabbilixxi indikaturi speċifiċi u metodoloġija ta' xogħol, li jiġu msaħħa u kondiviżi mid-donaturi u l-aġenziji ta' implimentazzjoni, sabiex il-persuni affettwati jieħdu sehem fiċ-ċiklu sħiħ tal-azzjoni umanitarja; jistieden lid-WHS jaħdem favur l-istituzzjonalizzazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni aħjar tal-qafas tan-NU dwar ir-Responsabbiltà tal-Popolazzjonijiet Affettwati;

    8.

    Jissottolinja li d-WHS huwa wkoll opportunità għall-partijiet interessati kollha biex jirriflettu dwar il-ħtieġa vitali għal riforma tan-NU lejn sistema ta' koordinazzjoni inklużiva, trasparenti u effikaċi, b'IASC aktar inklussiva u operattiva, b'involviment aħjar mas-sħab biex tissaħħaħ il-komplementarjetà u bl-operazzjonalizzazzjoni sħiħa tal-Aġenda Trasformattiva, u biex tissaħħaħ l-arkitettura umanitarja multilaterali għall-kriżijiet kollha billi tiġi stabbilita sistema affidabbli ta' valutazzjoni tal-ħtiġijiet li sservi bħala bażi għall-appelli konġunti (l-iżgurar ta' traċċar finanzjarju komprensiv), is-sistema ta' paragun tal-kostijiet bejn l-aġenziji u mekkaniżmu ta' monitoraġġ u evalwazzjoni;

    9.

    Jinsisti li mingħajr mezzi komprensivi u sostanzjali, tali azzjoni globali mhux se tkun ta' suċċess; jissottolinja li l-indirizzar ta' diżastri u vulnerabbiltajiet ġodda u kroniċi jeħtieġ li jiġu evitati sistemi paralleli, twessiegħ tal-bażi ta' finanzjament, investimenti prevedibbli fit-tul, u konformità mal-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli ġdida, b'mod partikolari permezz tal-promozzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-ħtiġijiet konġunta, l-ippjanar u l-iffinanzjar fost l-atturi fil-ħidma umanitarja, l-iżvilupp u t-tibdil fil-klima; jissottolinja li tinħtieġ żieda fil-komplementarjetà bejn l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp sabiex jiġu indirizzati l-effikaċja u l-lakuni ta' finanzjament umanitarju, u għandha timxi id f'id ma' aktar għajnuna għall-iżvilupp u finanzjament umanitarju; ifakkar, f'dan il-kuntest, l-impenn internazzjonali fit-tul biex tintlaħaq il-mira ta' 0,7 % tal-ING;

    10.

    Iħeġġeġ lill-UE, bħala l-akbar donatur tal-għajnuna umanitarja fid-dinja, turi sens ta' tmexxija fid-WHS billi tappella għal metodi aktar flessibbli għall-għoti tal-għajnuna umanitarja, kif ukoll għal miżuri proattivi u koerenti u għodod effettivi għall-prevenzjoni tal-kriżijiet; iħeġġeġ lill-UE u lid-donaturi l-oħra jirrispettaw l-impenji finanzjarji tagħhom u jiżviluppaw modi għat-tnaqqis tal-ħin li jittieħed biex l-impenji finanzjarji jinbidlu f'azzjonijiet fuq il-post; jirrimarka, barra minn hekk, l-importanza tar-rapportar dwar id-drittijiet tal-bniedem bħala mekkaniżmu ta' twissija bikrija għal kriżijiet, u jinkoraġġixxi lid-WHS iqis dan il-fatt meta jagħżel li jadotta kultura ta' prevenzjoni minflok kultura ta' reazzjoni;

    Naqdu l-bżonnijiet tal-persuni f'kunflitt

    11.

    Jistieden lill-UE tqiegħed il-protezzjoni fil-qalba tal-azzjoni umanitarja fi ħdan rispons ibbażat fuq il-ħtiġijiet billi toħloq sistema ta' konformità u billi tintegraha fil-programmar; jenfasizza l-bżonn għall-istituzzjonalizzazzjoni tar-rwol tal-uffiċjali tal-protezzjoni u għall-iżvilupp ta' approċċi strateġiċi u integrati b'fondi suffiċjenti għall-attivitajiet ta' protezzjoni anke fl-ewwel fażi tal-emerġenzi; iħeġġeġ lill-UE timpenja ruħha b'iżjed qawwa għal approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fl-azzjoni umanitarja biex tiżgura li d-dinjità, u l-ħtiġijiet u d-drittijiet, ta' gruppi vulnerabbli speċifiċi – speċjalment in-nisa, iż-żgħażagħ, il-migranti, il-persuni li għandhom l-HIV, il-persuni LGBTI u l-persuni b'diżabbiltà – jiġu rispettati;

    12.

    Jistieden lill-UE tippromwovi waqt id-WHS ftehim komprensiv dwar mezzi prattiċi biex jissaħħu r-rispett u l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt dwar ir-refuġjati, bħal permezz tat-tixrid tar-regoli tad-dritt umanitarju internazzjonali fost l-amministrazzjonijiet reġjonali u nazzjonali, il-forzi ta' sigurtà, l-awtoritajiet lokali u l-mexxejja tal-komunità, u biex tappoġġja r-rwol tal-Qorti Kriminali Internazzjonali ħalli ttemm l-impunità għall-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

    13.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-Konvenzjoni tar-Refuġjati u l-Konvenzjoni ta' Kampala jespandu biex jipproteġu u jassistu lill-persuni spostati madwar id-dinja, kif ukoll dawk affettwati mit-tibdil fil-klima, u anke biex ikunu protetti minn diversi forom ta' vjolenza, bħat-traffikar tal-bnedmin, il-vjolenza abbażi tas-sessi, u l-vjolenza urbana u ekonomika, peress li dawn jista' jkollhom biża' bir-raġun ta' persekuzzjoni jew jinsabu f'riskju li jġarrbu ħsara serja; jissottolinja li l-migranti jeħtieġu jiġu offruti l-istess livell ta' protezzjoni tad-drittijiet tagħhom kif garantit lill-gruppi l-oħra kollha fi żminijiet ta' kriżi; jappella li tingħata attenzjoni lil gruppi partikolarment vulnerabbli, bħall-migranti, il-persuni mingħajr stat u r-refuġjati, li sikwit huma injorati fid-dibattitu umanitarju; jappella għal ġenerazzjoni ġdida ta' għodod ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem biex jipproteġu dawn il-popolazzjonijiet;

    14.

    Jenfasizza l-ħtieġa għal bidla fundamentali fl-appoġġ offrut lil refuġjati u lil pajjiżi u komunitajiet ospitanti; jappoġġja r-rapport ta' Sinteżi għall-Konsultazzjoni Globali li jistieden lid-WHS jeżamina “ftehim ta' akkoljenza tar-refuġjati” komprensiv li jirrikonoxxi l-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi ospitanti, jorganizza pakketti finanzjarji fit-tul, prevedibbli u sostenibbli biex jassistuhom, jagħmel lir-refuġjati indipendenti billi jagħtihom aċċess għall-opportunitajiet ta' għajxien, u joħloq arranġamenti aktar ekwi għar-risistemazzjoni tagħhom f'pajjiżi terzi;

    15.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu favur interpretazzjoni globali kondiviża u l-operazzjonalizzazzjoni tal-prinċipji umanitarji bi tħejjija għad-WHS, u biex jiżviluppaw b'mod konġunt kodiċi ta' kondotta wiesgħa u parteċipattiva fost id-donaturi attwali u ġodda sabiex jiġu skambjati l-aħjar prattiki, jiffaċilitaw l-aċċess għal persuni fil-bżonn u jsaħħu l-impenji eżistenti għal prattiki tajbin ta' donaturi, bħal dawk li huma riflessi fil-prinċipji ta' Donaturi Tajbin Umanitarji (GHD);

    16.

    Jistieden lill-UE tappoġġja l-inklużjoni tat-trasparenza u r-responsabbiltà bħala prinċipji ta' gwida fid-dikjarazzjoni tad-WHS, billi tuża indikaturi speċifiċi u data diżaggregata (jiġifieri, rigward is-sess u l-età, b'varjanti speċifiċi għat-tfal) bħala l-bażi għat-tfassil u l-evalwazzjoni tal-programm, u billi tippromwovi inizjattiva internazzjonali standard fit-trasparenza tal-għajnuna umanitarja bil-għan li tiżgura qafas globali tar-responsabbiltà fil-qasam tar-riżultati biex jitkejjel il-progress;

    17.

    Jissottolinja l-ħtieġa li jingħataw in-nutrizzjoni, l-ilma, il-kenn, is-sanità u l-kura medika, bħala drittijiet fundamentali ta' kull bniedem; jinsab ferm imħasseb dwar ir-riskji tal-epidemiji assoċjati ma' kundizzjonijiet sanitarji ħżiena ħafna u l-aċċess limitat għall-ilma tajjeb għax-xorb, u dwar in-nuqqas ta' aċċess għall-mediċini essenzjali fi kriżijiet umanitarji; jistieden lill-UE tassumi rwol ta' tmexxija biex tiżgura l-forniment xieraq tal-mediċini essenzjali u tal-ilma tajjeb għax-xorb fil-kuntest ta' kriżijiet umanitarji;

    18.

    Jistieden lill-Unjoni u lill-atturi internazzjonali kollha sabiex itejbu, fil-kampijiet tar-refuġjati, tekniki li jipprovdi għajnuna umanitarja, b'mod partikolari billi jfornu l-laboratorji mobbli biex jiġġieldu kontra epidemiji ta' mard infettiv, itejbu l-metodi ta' tqassim ta' għajnuna ta' emerġenza – filwaqt li jqisu l-gruppi l-aktar vulnerabbli – u jtejbu l-iġjene u l-infrastruttura sanitarja ta' emerġenza;

    19.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-protezzjoni tat-tfal tiġi inkluża bħala parti integrali mir-rispons umanitarju sabiex tipprevjeni u tirrispondi għall-abbuż, in-negliġenza, l-isfruttament u l-vjolenza kontra t-tfal; jenfasizza li peress li t-tfal huma l-ixpruni ewlenin tal-bidla, huwa importanti li jinħolqu spazji adatti għat-tfal bħala parti mir-rispons umanitarju;

    20.

    Jenfasizza r-rwol ċentrali li n-nisa jiżvolġu f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitt, minħabba li huma dawk li jagħtu l-ewwel rispons fi kriżijiet, u li jżommu l-familji u l-komunitajiet tagħhom flimkien; jistieden lid-donaturi u lill-gvernijiet jintegraw l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-programmar umanitarju u jappoġġjaw l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet;

    21.

    Iħeġġeġ li l-għoti ta' għajnuna umanitarja jsegwi d-dritt umanitarju internazzjonali, u li l-għajnuna umanitarja tal-UE ma tkunx soġġetta għal restrizzjonijiet imposti minn donaturi sħab oħra; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar, u jikkundanna, l-użu kontinwu ta' stupru u forom oħra ta' vjolenza sesswali u sessista kontra n-nisa u l-bniet bħala arma tal-gwerra f'emerġenzi umanitarji; jisħaq li din il-vjolenza, flimkien mal-konsegwenzi fiżiċi u psikoloġiċi tagħha, teħtieġ tiġi indirizzata; jappella għal impenn globali sabiex jiġi żgurat li n-nisa u l-bniet ikunu sikuri mill-bidu ta' kull emerġenza jew kriżi billi jiġi indirizzat ir-riskju tal-vjolenza sesswali u sessista, permezz ta' kampanja ta' sensibilizzazzjoni, billi tiġi żgurata l-prosekuzzjoni ta' min iwettaq tali vjolenza, u billi jiġi żgurat li n-nisa u l-bniet ikollhom aċċess għal firxa sħiħa ta' servizzi ta' saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi aborti sikuri, fi kriżijiet umanitarji, minflok ma jinbeda trattament inuman, kif meħtieġ mid-dritt umanitarju internazzjonali u kif previst fil-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom;

    22.

    Iqis li l-persunal kollu involut fl-għoti ta' assistenza umanitarja, inklużi l-forzi tal-pulizija u militari, għandhom jirċievu taħriġ sensittiv għad-differenza bejn is-sessi, u li għandu jiġi stabbilit kodiċi ta' kondotta strett biex jitwaqqfu milli jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom u biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi;

    23.

    Jistieden lill-atturi umanitarji jinkorporaw strateġiji biex tiġi evitata u mitigata l-vjolenza sessista fl-interventi speċifiċi għas-setturi kollha tagħhom, filwaqt li tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta' strumenti ġodda ta' finanzjament tal-UE, u, għal dan l-għan, biex jieħdu kont tal-Linji Gwida riveduti għall-Integrazzjoni ta' Interventi ta' Vjolenza Sessista f'Azzjoni Umanitarja, imħejjija mir-Raggruppament ta' Protezzjoni Globali (Global Protection Cluster); iqis ukoll li atturi umanitarji (inkluża l-UE) għandhom jikkonsultaw lill-bniet u s-subien (speċjalment it-tfajliet) fl-istadji kollha tat-tħejjija u r-reazzjoni għad-diżastri;

    24.

    Jistieden lill-aġenziji umanitarji rispettivi biex isaħħu l-koordinazzjoni tagħhom sabiex jiġu identifikati u protetti l-vittmi, u l-vittmi potenzjali, minn sfruttament u abbuż sesswali;

    25.

    Jirrikonoxxi l-valur tal-approċċ komprensiv tal-UE fil-koordinazzjoni u l-koerenza tal-firxa wiesgħa ta' strumenti tal-politika esterna tagħha biex tinvesti f'soluzzjonijiet politiċi dejjiema; jiġbed l-attenzjoni għall-karatteristiċi speċifiċi tal-għajnuna umanitarja, u jisħaq li huwa perentorju li ssir differenza bejn ir-rispons umanitarju u l-kunsiderazzjonijiet barranin, politiċi, ta' sigurtà u ta' kontra t-terroriżmu permezz tal-adozzjoni ta' salvagwardji; jiddeplora kull użu ħażin tal-prinċipji għal azzjoni umanitarja, jew in-nuqqas ta' rispett lejhom, peress li tali użu ħażin ixxekkel b'mod sinifikanti l-għoti tal-għajnuna u s-sigurtà tal-persunal umanitarju; jinsisti li l-miżuri kontra t-terroriżmu la għandhom ixekklu u lanqas jostakolaw l-isforzi umanitarji, u jistieden lid-WHS biex jindirizza din il-kwistjoni b'mod xieraq;

    Effikaċja umanitarja

    26.

    Jikkundanna t-tfixkil konsistenti ta' tentattivi ta' tqassim tal-għajnuna umanitarja u kwalunkwe azzjoni li tikser il-prinċipji li jgħassu kontra “in-nuqqas ta' assistenza lil persuni fil-periklu” u ta' “non-refoulement” applikabbli għal popolazzjonijiet spostati minn kwalunkwe attur, kemm jekk Stat Membru tal-UE kif ukoll jekk mhuwiex; jistieden lill-gvernijiet jerfgħu r-responsabbiltajiet primarji tagħhom biex jipproteġu u jassistu l-popolazzjoni ċivili, u biex jistabbilixxu oqfsa legali u ta' politika biex jiffaċilitaw l-aċċess umanitarju u t-twassil tal-għajnuna, f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; jissuġġerixxi li dawn l-oqfsa jinkludu eżenzjonijiet umanitarji mit-taxxa, tnaqqis fl-ispejjeż tat-tranżazzjoni tal-flussi tar-rimessi u proċeduri doganali simplifikati; jistieden lid-donaturi, lill-gvernijiet ospitanti u lill-atturi implimentattivi jirrispettaw id-dispożizzjonijiet għall-għajnuna u l-assistenza umanitarja b'kull mezz possibbli, u biex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom ħalli jiżguraw li l-assistenza professjonali, fil-waqt, koordinata, xierqa u ta' kwalità tilħaq il-popolazzjonijiet kollha fil-bżonn, saħansitra f'żoni remoti;

    27.

    Jinsab ferm imħasseb, fil-kuntest ta' protezzjoni aħjar għal atturi umanitarji, dwar l-attakki rikorrenti kemm fuq il-ħaddiema umanitarji kif ukoll fuq l-infrastrutturi, inklużi l-isptarijiet; jenfasizza li tinħtieġ issir aktar ħidma biex titjieb is-sikurezza, il-protezzjoni u l-libertà ta' moviment tagħhom skont id-dritt internazzjonali; jappoġġja l-inklużjoni sistematika ta' klawżoli speċifiċi li jsaħħu r-responsabbiltà għall-protezzjoni tal-ħaddiema umanitarji fil-leġiżlazzjoni u pjanijiet ta' azzjoni ta' donaturi għall-pajjiżi kollha, kif ukoll monitoraġġ u rappurtar sistematiċi u sodi ta' attakki kontra ħaddiema kollha li jipprovdu l-għajnuna;

    28.

    Jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għal dashboard komprensiv għall-effikaċja;

    29.

    Jenfasizza l-ħtieġa għal djalogu kontinwu dwar ir-rwoli komplementari u l-mandati tal-atturi umanitarji differenti; iqis li jeħtieġ ikun hemm distinzjoni ċara bejn atturi umanitarji u militari ċivili; iqis li għandha tingħata prijorità lir-rispons umanitarju ċivili; jistieden lid-WHS jesplora oqfsa ġodda għal koordinament aħjar bejn l-atturi bħala element ewlieni għal rispons umanitarju aktar effiċjenti, effikaċi u xieraq; jisħaq fuq il-ħtieġa għal analiżi aħjar tal-kapaċitajiet operazzjonali lokali, u għal aktar valutazzjonijiet konġunti tal-ħtiġijiet u r-responsabbiltà tal-azzjoni umanitarja;

    30.

    Jappella għal sforzi serji biex jiżguraw, b'mod effettiv, id-dritt għall-edukazzjoni fi kriżijiet umanitarji li jieħdu fit-tul, permezz tal-għoti ta' riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa, peress li n-nuqqas ta' edukazzjoni jipperikola l-ġejjieni tat-tfal u l-iżvilupp ulterjuri ta' kwalunkwe soċjetà; jissottolinja l-importanza ta' edukazzjoni kontinwa fis-salvagwardja u l-promozzjoni ta' valuri komuni u universali, bħad-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

    31.

    Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni, minħabba l-għadd allarmanti ta' tfal li huma mċaħħda minn edukazzjoni, u l-potenzjal enormi tal-edukazzjoni biex tiżdied ir-reżiljenzatan-nies, li żżid il-finanzjament għall-edukazzjoni għal tfal f'emerġenzi umanitarji; jistieden lill-Kunsill japprova l-proposta tal-Kummissjoni biex tiddedika 4 % tal-baġit għall-għajnuna umanitarja tal-UE għal dan il-għan; iqis li din iż-żieda m'għandhiex tirriżulta f'inqas attenzjoni għall-ħtiġijiet primarji oħra;

    32.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-edukazzjoni ta' tfal f'kampijiet tar-refuġjati, u jistieden lill-UE u lill-atturi internazzjonali kollha sabiex iżidu l-kapaċitajiet tagħhom biex jipprovdu edukazzjoni f'kampijiet tar-refuġjati;

    33.

    Jirrikonoxxi li l-prevedibbiltà, il-flessibbiltà operazzjonali u l-kontribuzzjonijiet pluriennali huma prerekwiżiti ewlenin għal twassil effiċjenti u effikaċi tal-għajnuna; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħtu nifs ġdid lill-prinċipji ta' Donazzjoni Umanitarja Tajba fid-dikjarazzjoni tad-WHS;

    34.

    Jenfasizza li hija meħtieġa azzjoni globali biex jiġi indirizzat id-distakk fil-finanzjament; jitlob l-istabbiliment ta' fond globali għall-għajnuna umanitarja li jappoġġja l-parteċipazzjoni u l-inklużjoni tad-donaturi li mhumiex parti mill-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp u li jġib flimkien il-mekkaniżmi finanzjarji internazzjonali eżistenti kollha, ir-riżorsi nazzjonali u l-fondi komuni (fondi tan-NU għar-rispons għal emerġenza, fondi CERF, fondi fiduċjarji, eċċ.), u li jkun ikkomplimentat minn ħlasijiet finanzjarji volontarji mill-gvernijiet, is-settur privat u l-organizzazzjonijiet reġjonali; jissuġġerixxi li l-ħlasijiet jistgħu jintużaw biex jimlew id-distakki fil-wegħdiet umanitarji għal emerġenzi tal-Livell 3, jappoġġjaw it-tħejjija, jipprovdu pakkett ta' reżiljenza għall-protezzjoni soċjali għal dawk li ilhom żmien twil refuġjati jew jaffaċċjaw emerġenzi mhux mistennija, bħall-Ebola, fost oħrajn;

    35.

    Jenfasizza li jeħtieġ li l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ u jfasslu mill-ġdid l-objettivi rispettivi ta' self issusidjat tagħhom, prinċipalment billi jagħtu definizzjoni mill-ġdid tal-kriterji ta' eliġibbiltà tal-fond konċessjonali tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jippermettu rispons istituzzjonali aktar flessibbli għal sitwazzjonijiet fraġli u jirriflettu aktar mill-qrib fuq il-kapaċitajiet nazzjonali għaż-żieda tar-riżorsi domestiċi;

    36.

    Iħeġġeġ lill-gvernijiet, id-donaturi u l-ambjenti abilitanti tagħhom jissimplifikaw ir-rekwiżiti amministrattivi għas-sħab implimentattivi billi jissimplifikaw il-proċeduri, u l-immappjar tal-aħjar prattiki amministrattivi kuntrattwali u ta' rappurtar filwaqt li tkun żgurata r-responsabbiltà, u jappoġġjaw inizjattivi li huma mfassla biex jipprovdu għajnuna kontinwa fit-tisħiħ tal-kapaċità u l-monitoraġġ ta' atturi lokali, u jsaħħu strutturi nazzjonali ta' koordinazzjoni;

    37.

    Jenfasizza li biex tinżamm u tiġi garantita b'mod aħjar il-ħajja u d-dinjità tal-popolazzjonijiet affettwati, l-NGOs lokali jeħtieġ ikollhom aċċess għal finanzjament dirett; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lid-donaturi jżidu b'mod sostanzjali l-finanzjament dirett għall-atturi umanitarji lokali li għandhom il-kapaċità, il-kompetenza u l-kapaċitajiet li jaġixxu fil-qasam filwaqt li jiżguraw ir-responsabbiltà;

    38.

    Jistieden lid-WHS jistabbilixxi patt ġdid għal impenn ma' stati fraġli u kriżijiet li jieħdu fit-tul ma' programmi sostenibbli, pjanijiet ta' implimentazzjoni u finanzjament prevedibbli għall-iżvilupp; jissottolinja li l-Aġenda ta' Azzjoni Addis Ababa tenfasizza l-ħtieġa għal investimenti f'sistemi ta' protezzjoni soċjali, u f'sistemi ta' sikurezza, bil-għan li r-rispons f'kuntesti fraġli jista' jiżdied aktar malajr u b'mod aktar effikaċi;

    Innaqqsu l-vulnerabbiltà u nimmaniġġjaw ir-riskju

    39.

    Jenfasizza l-bżonn ta' adattament tas-sistema ta' rispons umanitarju għar-rekwiżiti lokali, nazzjonali u reġjonali, u biex il-popolazzjonijiet affettwati jingħataw is-setgħa u jiġu impenjati b'mod regolari, inklużi n-nisa ta' kull età, it-tfal, il-persuni b'diżabbiltà, il-minoranzi u l-popli indiġeni, li jirrikonoxxu r-rwol tagħhom bħala aġenti tal-bidla billi jiġu żgurati, kull meta possibbli, ir-reazzjoni u l-konsultazzjoni minn qabel ma' dawn il-popolazzjonijiet fil-programmar u l-implimentazzjoni tal-azzjoni umanitarja;

    40.

    Jissottolinja li rispons internazzjonali għandu jibni fuq inizjattivi eżistenti nazzjonali jew lokali u sħubiji aktar milli jinħolqu sforzi paralleli; jinsisti fuq l-importanza tat-tisħiħ tal-kapaċità lokali u reġjonali fl-għoti tal-għajnuna umanitarja u, jekk possibbli, li jiġu previsti proċessi inklużivi fejn l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili, is-settur privat u l-popolazzjonijiet affettwati huma inklużi fil-proċess ta' ppjanar;

    41.

    Jenfasizza l-ħtieġa għal mudell globali ġdid għal komplementarjetà li fuqha tibbaża l-kooperazzjoni bejn l-atturi umanitarji u ta' żvilupp – mudell li jippermettilhom jibnu soċjetajiet aktar reżiljenti u awtonomi – li jibda b'analiżi konġunta u programmar; jenfasizza li tali mudell għandu jinkludi, l-ewwel nett, strateġiji tad-dħul għal atturi tal-iżvilupp li jippermettulhom jibnu rabtiet fil-qasam, it-tieni nett, modifikaturi tal-kriżi fi programmi tal-iżvilupp, u, it-tielet nett, strateġiji ta' ħruġ għal rispons umanitarju, li jippermettu approċċ aktar flessibbli, u għandhom jinkludu wkoll mekkaniżmu pluriennali, affidabbli u flessibbli ta' finanzjament biex jirrispondi għal kriżijiet li jieħdu fit-tul; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mal-NGOs lokali u l-mexxejja tas-soċjetà ċivili biex jiġu stabbiliti strutturi permanenti f'żoni sensittivi għall-kunflitti;

    42.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta inizjattiva li torbot l-għajnuna umanitarja, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u r-reżiljenza b'mod aktar sistematiku, sabiex l-UE tkun tista' tkun aktar flessibbli u effettiva biex twieġeb għall-ħtiġijiet li dejjem qed jikbru, u biex tippromwovi riflessjoni għal rabta aħjar għad-WHS; jistieden lill-UE tieħu vantaġġ, fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali, biex issaħħaħ aktar ir-rabtiet bejn l-azzjoni umanitarja u dik tal-iżvilupp;

    43.

    Jenfasizza l-importanza ta' tnaqqis tar-riskju ta' diżastri għal reżiljenza f'erba' oqsma ta' prijorità: 1) il-fehim tar-riskji ta' diżastri; 2) it-tisħiħ tal-governanza tar-riskju għall-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri; 3) l-investiment fit-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri għar-reżiljenza, il-pjanijiet ta' kontinġenza u s-sistemi ta' twissija bikrija; u 4) it-tisħiħ tat-tħejjija għad-diżastri għal rispons effettiv u għall-“bini mill-ġdid aħjar” fil-fażi tal-irkupru, ir-riabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni;

    44.

    Jistieden lill-Istati Membri u lid-donaturi l-oħra jsaħħu u jiżviluppaw oqfsa legali nazzjonali għal azzjoni umanitarja, u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u l-ġestjoni abbażi tal-liġijiet, regoli u prinċipji internazzjonali ta' rispons għal diżastri; jissottolinja li t-tħejjija għad-diżastri, it-tnaqqis tar-riskju u r-reżiljenza għandhom jiġu sistematikament integrati fil-pjanijiet ta' rispons li għandhom jingħataw mill-amministrazzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali, l-industrija u s-soċjetà ċivili, u fl-istess ħin, għandhom jiġu appoġġjati b'finanzjament suffiċjenti għat-tbassir u l-immudellar tal-ġestjoni tar-riskju u aktar innovazzjoni fir-rigward ta' dawn tal-aħħar;

    45.

    Jistieden lid-WHS jagħmel enfasi qawwija fuq il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima u l-azzjoni umanitarja; jemmen li dan għandu jinkludi l-ippjanar u l-bini ta' reżiljenza għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, inkluż l-ispostament minħabba l-klima u l-migrazzjoni, fit-tfassil tal-politiki rilevanti kollha fil-livell reġjonali u globali; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ikomplu jieħdu deċiżjonijiet politiċi kuraġġużi ħalli jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima;

    Trasformazzjoni permezz tal-innovazzjoni

    46.

    Jisħaq li l-innovazzjoni għandha tislet minn sorsi multipli u, b'mod partikolari, mill-għarfien tal-persuni affettwati, is-soċjetà ċivili u l-komunitajiet lokali fuq quddiem nett tar-rispons; jenfasizza l-importanza ta' standards umanitarji minimi biex tingħata spinta lis-servizzi pubbliċi essenzjali bħall-edukazzjoni, in-nutrizzjoni, is-saħħa, il-kenn, l-ilma u s-sanità matul ir-risponsi umanitarji; jemmen li sħubiji pubbliċi-privati u dawk transsettorjali – meta kemm is-settur pubbliku u dak privat jikkondividu l-valuri u l-prijoritajiet li jallinjaw l-għanijiet tan-negozju mal-objettivi tal-iżvilupp tal-UE, u josservaw standards internazzjonali dwar l-effikaċja tal-iżvilupp – jistgħu jkunu mezz biex jikkomplementaw ir-rispons pubbliku għal ħtiġijiet umanitarji li dejjem qed jiżdiedu; jirrimarka li l-assistenza bbażata fuq flus kontanti, meta allinjata kif xieraq mal-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna, hija eżempju effiċjenti ta' innovazzjoni fl-assistenza umanitarja;

    47.

    Jilqa' l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar prinċipji komuni assistenza b'diversi għanijiet ibbażata fuq flus kontanti b'reazzjoni għall-ħtiġijiet umanitarji; jirrikonoxxi li filwaqt li proporzjon żgħir biss ta' assistenza umanitarja attwalment jinsab fi flus kontanti, l-użu ta' assistenza bbażata fuq flus kontanti għandu potenzjal sinifikanti bħala modalità innovattiva, dinjituża, sikura, sensittiva għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi, flessibbli u kosteffiċjenti biex tkopri l-ħtiġijiet bażiċi ta' emerġenza ta' dawk l-aktar vulnerabbli; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu l-prinċipji komuni u l-użu tal-assistenza mingħajr kundizzjonijiet fi flus kontanti u bbażati fuq il-kuntest u l-analiżi tar-rispons, filwaqt li jappoġġjaw mekkaniżmu ta' monitoraġġ, fit-tħejjija għad-WHS;

    48.

    Jistieden lill-UE tippromwovi u tappoġġja alleanza globali dwar l-innovazzjoni umanitarja għall-iżvilupp ta' approċċi etiċi kondiviżi globalment, f'konformità mal-prinċipji umanitarji u l-prinċipji tan-NU għall-innovazzjoni u t-teknoloġija fl-iżvilupp biex jiggarantixxu li l-investiment kollu fl-innovazzjoni umanitarja jiġi mfassal biex ittejjeb ir-riżultati għal popolazzjonijiet affettwati; jappella għall-istabbiliment ta' fondi umanitarji ta' innovazzjoni fil-livell reġjonali u nazzjonali;

    49.

    Jirrikonoxxi li l-innovazzjoni tista' tiżvolġi rwol ewlieni fit-tweġiba għal sfidi ġodda, kif ukoll fit-titjib tal-programmi eżistenti, billi tintegra żviluppi ġodda f'setturi oħra sabiex jitfasslu, jiżdiedu u jiġu żviluppati mudelli li jippermettu li jsir progress sinifikanti biex jingħelbu l-isfidi umanitarji;

    50.

    Jenfasizza r-rwol ta' teknoloġiji ġodda u għodod diġitali innovattivi fl-organizzazzjoni u l-għoti ta' għajnuna umanitarja, speċjalment fir-rigward tat-twassil u t-tiftix tal-għajnuna, is-sorveljanza tad-diżastri, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, il-koordinazzjoni bejn id-donaturi u l-faċilitazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-aġenziji tal-għajnuna u l-gvernijiet lokali, b'mod partikolari f'żoni mbiegħda u ta' diżastru; jenfasizza li l-Afrika, u speċjalment l-Afrika sub-Saħarjana, bħalissa għaddejja minn rivoluzzjoni diġitali mobbli b'żieda qawwija f'abbonamenti tat-telefonija ċellulari (u l-użu tal-internet mobbli), li trendi tali għodod u servizzi kruċjali għat-twaqqif ta' sistemi ta' twissija bikrija u għall-għoti ta' informazzjoni rapida dwar kwistjonijiet relatati mas-saħħa, żoni ta' periklu u kuntatti għall-għajnuna;

    51.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji umanitarji u l-istandards etiċi, l-involviment tan-negozji, speċjalment l-SMEs, billi jiżviluppaw gwida tan-negozju għal azzjoni u jippromwovu pjattaformi ta' sħubijiet lokali u reġjonali għal impenn strutturat, koordinat u sostenibbli tal-kumpaniji f'emerġenzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jintegraw negozji fil-pjanijiet rispettivi tagħhom ta' rispons għal emerġenza nazzjonali u l-mekkaniżmi ta' responsabbiltà b'mod aħjar;

    52.

    Jistieden lill-UE tesplora u tinkoraġġixxi sħubiji ma' negozji ġodda, u ma' kumpaniji tal-assigurazzjoni u tat-teknoloġija, fost oħrajn, bil-ħsieb li jiġu żviluppati għodod għat-tħejjija u l-iskjerament f'emerġenzi; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi appoġġjat u żviluppat aktar l-immappjar globali mill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) ta' assi u kapaċitajiet disponibbli fis-settur privat sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni teknika għall-isforzi tar-rispons għal diżastri;

    53.

    Jistieden lill-UE u lis-sħab umanitarji tagħha, fil-kuntest tad-WHS, jappoġġjaw involviment aħjar taż-żgħażagħ fit-tħejjija umanitarja u fil-proċessi ta' rkupru, u biex jippromwovu skemi ta' volontarjat;

    54.

    Jenfasizza r-rwol importanti li l-iskema tal-UE għall-Voluntiera tal-Għajnuna tista' tiżvolġi fil-prattika tad-deċiżjonijiet meħuda waqt id-WHS futur u fil-kuntest ta' Kunsens Ewropew rivedut dwar l-Għajnuna Umanitarja; jisħaq li l-esperjenza tal-voluntiera, flimkien ma' dik tal-attivisti umanitarji oħra, tista' tiżvolġi rwol kruċjali fit-twaqqif tal-aħjar prattiki u għodod ta' implimentazzjoni;

    55.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu, fid-WHO, ir-rwol importanti tal-promozzjoni umanitarja peress li din tista' tkun mod effikaċi biex jissaħħu l-protezzjoni u l-innovazzjoni;

    56.

    Jenfasizza li l-impenji meħuda f'Istanbul jeħtieġu jiġu implimentati fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; jistieden, għalhekk, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jfasslu, flimkien ma' atturi umanitarji oħra, aġenda għall-operazzjonalizzazzjoni tar-riżultati tas-Summit wara Istanbul; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament prevedibbli u fil-waqt għall-għajnuna umanitarja permezz tal-baġit tal-UE billi jiġi żgurat li l-approprjazzjonijiet ta' impenn umanitarju tal-UE jiġu sistematikament kompletament iffinanzjati permezz ta' ammont ugwali ta' approprjazzjonijiet ta' pagament;

    57.

    Jappella għal pjan ta' azzjoni koerenti u solidu ġdid għall-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja li tiggarantixxi rispons umanitarju Ewropew imparzjali u effettiv, adattat għall-kuntest lokali filwaqt li tkun speċifika għall-età u s-sess u taġixxi mingħajr diskriminazzjoni u skont il-ħtiġiet;

    o

    o o

    58.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.


    (1)  http://www.un.org/documents/ga/res/46/a46r182.htm

    (2)  https://interagencystandingcommittee.org/iasc-transformative-agenda

    (3)  https://docs.unocha.org/sites/dms/ROWCA/Coordination/Principles_of_Partnership_GHP_July2007.pdf

    (4)  http://www.un.org/en/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/64/290

    (5)  https://interagencystandingcommittee.org/files/guidelines-integrating-gender-based-violence-interventions-humanitarian-action

    (6)  http://www.preventionweb.net/files/43291_sendaiframeworkfordrren.pdf

    (7)  http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/69/313

    (8)  http://www.globalhumanitarianassistance.org/wp-content/uploads/2015/06/GHA-Report-2015_-Interactive_Online.pdf

    (9)  https://www.humanitarianresponse.info/en/system/files/documents/files/gho-status_report-final-web.pdf

    (10)  http://www.ghdinitiative.org/ghd/gns/principles-good-practice-of-ghd/principles-good-practice-ghd.html

    (11)  ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.

    (12)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=URISERV:ah0009

    (13)  ĠU L 122, 24.4.2014, p. 1

    (14)  https://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/1/2015/EN/1-2015-335-EN-F1-1.PDF

    (15)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924.

    (16)  http://ec.europa.eu/echo/sites/echo-site/files/Gender_SWD_2013.pdf

    (17)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52015DC0406&rid=1

    (18)  http://ec.europa.eu/atwork/synthesis/aar/doc/echo_aar_2014.pdf

    (19)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9420-2015-INIT/mt/pdf

    (20)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9241-2015-INIT/mt/pdf

    (21)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/137319.pdf

    (22)  http://www.preventionweb.net/files/37783_eccommunicationsdgs.pdf

    (23)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/EN/foraff/146311.pdf

    (24)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=JOIN:2015:0040:FIN:MT:PDF

    (25)  https://www.worldhumanitariansummit.org/

    (26)  Testi adottati, P8_TA(2015)0196.

    (27)  Testi adottati, P8_TA(2014)0059.

    (28)  Testi adottati, P8_TA(2015)0270.

    (29)  Testi adottati, P8_TA(2015)0231.

    (30)  Testi adottati, P8_TA(2015)0187.

    (31)  Testi adottati, P8_TA(2015)0072.

    (32)  Testi adottati, P8_TA(2015)0040.

    (33)  Testi adottati, P8_TA(2015)0010.

    (34)  Testi adottati, P8_TA(2015)0317.

    (35)  Testi adottati, P8_TA(2015)0176.

    (36)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=comnat:COM_2015_0419_FIN

    (37)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?qid=1441187290883&uri=SWD:2015:166:FIN


    Top