EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0359

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ottubru 2015 lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi (2015/2112(INI))

ĠU C 349, 17.10.2017, p. 67–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/67


P8_TA(2015)0359

Lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ottubru 2015 lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi (2015/2112(INI))

(2017/C 349/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto tagħha,

wara li kkunsidra l-15-il Konferenza tal-Partijiet (COP 15) tal-UNFCCC u l-ħames Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP5) li saru f'Kopenħagen, id-Danimarka, mis-7 sat-18 ta' Diċembru 2009, u l-Qbil ta' Kopenħagen,

wara li kkunsidra s-16-il Konferenza tal-Partijiet (COP 16) tal-UNFCCC u s-sitt Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto (CMP6) li saru f'Cancún, il-Messiku, mid-29 ta' Novembru sal-10 ta' Diċembru 2010, u l-Ftehimiet ta' Cancún,

wara li kkunsidra s-17-il Konferenza tal-Partijiet (COP 17) tal-UNFCCC u s-seba' Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto (CMP7) li saru f'Durban, l-Afrika t'Isfel, mit-28 ta' Novembru sad-9 ta' Diċembru 2011 u, b'mod partikolari, id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-Pjattaforma ta' Durban għal Azzjoni Msaħħa,

wara li kkunsidra t-18-il Konferenza tal-Partijiet (COP 18) tal-UNFCCC u t-tmien Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto (CMP8) li saru f'Doha, il-Qatar, mis-26 ta' Novembru sat-8 ta' Diċembru 2012, u l-adozzjoni tal-Portal ta' Doha dwar il-Klima,

wara li kkunsidra d-19-il Konferenza tal-Partijiet (COP 19) tal-UNFCCC u d-disa' Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP9) li saru f'Varsavja, il-Polonja, mill-11 sat-23 ta' Novembru 2013 u l-istabbiliment tal-Mekkaniżmu Internazzjoanli ta' Varsavja għal Telf u Ħsara,

wara li kkunsidra l-20 Konferenza tal-Partijiet (COP 20) tal-UNFCCC u l-għaxar Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP10) li saru f'Lima, il-Perù, mill-1 sat-12 ta' Diċembru 2014, u l-appell ta' Lima għal azzjoni dwar il-klima,

wara li kkunsidra l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) tal-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li se sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11) li se jsiru f'Pariġi, Franza, mit-30 sal-11 ta' Diċembru 2015,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar l-istrateġija tal-UE għall-Konferenza ta' Kopenħagen dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 15) (1), tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-eżitu tal-COP 15 (2), tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f'Cancún (COP 16) (3), tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima f'Durban (COP 17) (4), tat-22 ta' Novembru 2012 dwar il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima f'Doha, il-Qatar (COP 18) (5), tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f'Varsavja, il-Polonja (COP 19) (6), u tas-26 ta' Novembru 2014 dwar it-Tibdil fil-Klima f'Lima, Perù (COP 20) (7),

wara li kkunsidra l-pakkett tal-UE dwar il-klima u l-enerġija ta' Diċembru 2008,

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta' Marzu 2013 bit-titolu “Qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030” (COM(2013)0169),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-4 ta' Frar 2009 bit-titolu “l-2050: Il-ġejjieni jibda llum – Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-klima” (9), tal-15 ta' Marzu 2012 dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 (10) u tal-5 ta' Frar 2014 dwar qafas għall-politika tal-klima u tal-enerġija sal-2030 (11),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015, bħala parti mill-pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija, bit-titolu “Pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020” (COM(2015)0081),

wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima ta’ April 2013 u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jmur magħha,

wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) ta' Novembru 2014 bit-titolu “The Emissions Gap Report 2014” u l-“Adaptation Gap Report 2014” tal-UNEP;

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja adottata fis-Summit tal-G7 fix-Schloss Elmau, il-Ġermanja, mis-7 sat-8 ta' Ġunju 2015 bit-titolu “Think ahead. Act together”, li fih tennew l-intenzjoni tagħhom li jżommu mal-impenn li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'40 % sa 70 % sal-2050 meta mqabbel mal-2010, u dan hu neċessarju biex jiġi żgurat li t-tnaqqis ikun eqreb lejn is-70 % milli l-40 %;

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Bank Dinji intitolati “Turn Down the Heat: Why a 4 oC Warmer World Must be Avoided”, “Turn Down the Heat: Climate Extremes, Regional Impacts, and the Case for Resilience” u “Climate Smart Development: Adding up the Benefits of Climate Action”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Globali dwar l-Ekonomija u l-Klima bit-titolu “Better Growth, Better Climate: The New Climate Economy Report”,

wara li kkunsidra l-enċiklika “Laudato Si'”;

wara li kkunsidra l-ħames Rapport ta' Valutazzjoni (AR5) tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) u r-Rapport ta' Sinteżi tiegħu,

wara li kkunsidra t-tressiq fis-6 ta' Marzu 2015 mil-Latvja u l-Kummissjoni Ewropea lill-UNFCCC tal-Kontributi Maħsubin Determinati fil-Livell Nazzjonali (INDCs) tal-UE u l-Istati Membri tagħha,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti fis-Summit dwar il-Klima tan-NU f'Settembru 2014;

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità (COM(2008)0645,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u tal-24 ta' Ottubru 2014,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0275/2015),

A.

billi t-tibdil fil-klima jirrappreżenta theddida globali urġenti u potenzjalment irreversibbli għas-soċjetajiet umani u għall-bijosfera u għalhekk irid jiġi indirizzat fil-livell internazzjonali mill-Partijiet kollha;

B.

billi skont il-provi xjentifiċi ppreżentati fl-AR5 tal-IPCC tal-2014, it-tisħin tas-sistema klimatika huwa inekwivokabbli; it-tibdil fil-klima qiegħed tabilħaqq iseħħ u l-attivitajiet tal-bniedem huma l-kaġun dominanti tat-tisħin li ġie osservat sa minn nofs is-seklu XX; l-impatti mifruxa u sostanzjali tat-tibdil fil-klima huma diġà evidenti fis-sistemi naturali u umani fil-kontinenti u fl-oċeani kollha;

C.

billi l-UE naqset l-emissjonijiet tagħha bi 19 % bejn l-1990 u l-2013 fi ħdan l-ambitu tal-Protokoll ta' Kjoto, filwaqt li l-PDG tagħha żdied b'aktar minn 45 %; billi l-emissjonijiet globali żdiedu b'aktar minn 50 % bejn l-1990 u l-2013;

D.

billi, skont l-aħħar riżultati tal-Amministrazzjoni Nazzjonali għall-Atmosfera u l-Oċeani (NOAA), għall-ewwel darba minn meta bdiet titkejjel, il-konċentrazzjoni medja globali ta' kull xahar tad-diossidu tal-karbonju fl-atmosfera qabżet l-400 parti għal kull miljun f'Marzu 2015;

E.

billi l-“Adaptation Gap Report 2014” tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) jenfasizza l-kostijiet enormi tan-nuqqas ta' azzjoni u jikkonkludi li hemm probabilità li l-kost ta' adattament għat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikun darbtejn jew tliet darbiet aktar l-istimi ta' qabel ta' USD 70-100 biljun kull sena sal-2050, li jwassal għal differenza sinifikanti fil-finanzjament ta' adattament wara l-2020 sakemm ikunu disponibbli finanzi ġodda u addizzjonali għall-adattament;

F.

billi l-isfida tal-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija inseparabbli mill-isfidi usa' ta' finanzjament għall-iżvilupp sostenibbli globali;

G.

billi t-tibdil fil-klima jista' jtejjeb il-kompetizzjoni għar-riżorsi, bħall-ikel, l-ilma, il-mergħat, u aktarx jista' jsir l-akbar mutur ta' spostamenti tal-popolazzjonijiet, kemm ġewwa kif ukoll bejn il-fruntieri nazzjonali fil-futur mhux daqshekk imbiegħed;

H.

billi fil-Konferenza dwar it-Tibidl fil-Klima ta' Doha li saret f'Diċembru 2012, il-Partijiet adottaw emenda għall-Protokoll li jistabbilixxi t-tieni perjodu ta' impenn skont il-Protokoll ta' Kjoto li jibda fl-1 ta' Jannar 2013 u jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2020, b'impenji ġuridikament vinkolanti dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet, l-inklużjoni ta' gass ġdid (trifluworur tan-nitroġenu), “mekkaniżmu ta' ambizzjoni” li jipprovdi proċedura semplifikata li tippermetti lil Parti tadegwa l-impenn tagħha billi żżid l-ambizzjoni tagħha matul il-perjodu ta' impenn u finalment, dispożizzjoni li tadegwa awtomatikament l-objettiv ta' Parti biex tipprevjeni żieda fl-emissjonijiet tagħha għall-perjodu 2013 sa 2020 lil hinn mill-emissjonijiet medji tagħha għas-snin 2008 sa 2010;

I.

billi fil-COP 18 (Deċiżjoni 23/CP.18) il-Partijiet tal-UNFCCC iddeċidew li jadottaw għan ta' bilanċ bejn is-sessi fil-korpi stabbiliti skont il-Konvenzjoni u l-Protokoll ta' Kjoto, sabiex tittejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa u jinfurmaw politika aktar effikaċi dwar it-tibdil fil-klima li tindirizza l-bżonnijiet tan-nisa u l-irġiel bl-istess mod u li jirreġistraw il-progress li jsir fit-triq lejn l-għan ta' bilanċ bejn is-sessi sabiex tkun avvanzata l-politika dwar il-klima sensittiva għas-sessi;

J.

billi l-isforzi li jittaffa t-tisħin globali m'għandhomx jitqiesu bħala ostakolu għall-kisba tat-tkabbir ekonomiku, iżda, għall-kuntrarju, għandhom jitqiesu bħala forza ewlenija fit-twettiq tat-tkabbir ekonomiku u l-impjieg ġodda u sostenibbli;

K.

billi l-UE s'issa żvolġiet rwol ewlieni fl-isforzi biex jittaffa t-tisħin globali u tkompli tagħmel dan fit-tħejjijiet ta' ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi fl-aħħar tal-2015; jitlob li din l-ambizzjoni tkun appoġġata minn emittenti kbar oħra;

Urġenza biex tittieħed azzjoni fil-livell globali

1.

Jirrikonoxxi l-iskala straordinarja u l-gravità tat-theddid ikkawżat mit-tibdil fil-klima, u huwa estremament imħasseb dwar il-fatt li d-dinja għadha 'l bogħod milli twettaq l-għan li tillimita t-tisħin globali għal taħt iż-2 oC 'il fuq mil-livelli preindustrijali; jistieden lill-gvernijiet jieħdu, mingħajr dewmien, miżuri vinkolanti u konkreti kontra t-tibdil fil-klima u favur ftehim globali ambizzjuż u ġuridikament vinkolanti f'Pariġi fl-2015 sabiex jilħqu dan l-objettiv;

2.

Jinnota li, bi qbil mal-konklużjonijiet tal-AR5 tal-IPCC, il-baġit globali tal-karbonju disponibbli wara l-2011, bil-possibilità li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm taħt iż-2 oC 'il fuq mil-livelli preindustrijali, huwa ta' 1 010 ġigatunnellati ta' CO2; jenfasizza li l-pajjiżi kollha jeħtieġ li jikkontribwixxu u li jekk idumu biex jieħdu azzjoni se jiżdiedu l-ispejjeż u jitnaqqsu l-alternattivi; jenfasizza l-konklużjonijiet tar-rapport “New Climate Economy”“Better Growth, Better Climate” skont liema l-pajjiżi fil-livelli kollha ta' introjtu għandhom l-opportunità li jibnu tkabbir ekonomiku dejjiemi fl-istess ħin li jnaqqsu r-riskji enormi tat-tibdil fil-klima; jirrakkomanda li l-ftehimiet u l-konvenzjonijiet għandhom jimmiraw lejn l-involviment tal-pajjiżi tal-adeżjoni mal-UE fil-programmi dwar il-klima tal-UE;

3.

Ifakkar li l-limitazzjoni taż-żieda tat-temperatura globali għal medja ta' 2 oC ma tiggarantixxix li se jiġu evitati l-impatti klimatiċi negattivi sinifikanti; jistieden lill-Konferenza tal-Partijiet tivvaluta l-possibilità li tiġi limitata ż-żieda tat-temperatura globali għal medja ta' 1,5 oC;

4.

Jinnota l-konklużjonijiet tal-Ħames Rapport ta' Valutazzjoni tal-IPCC jikkonkludu li anki l-waqfien totali tal-emissjonijiet tal-karbonju mill-pajjiżi industrijalizzati ma jiżgurax il-kisba tal-objettiv anqas minn 2 oC mingħajr impenji ġodda sinifikanti min-naħa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

5.

Iqis essenzjali li l-pajjiżi kollha li jippreżentaw l-INDCs tagħhom mill-aktar fis, sabiex jinħolqu konsegwenzi sostanzjali u jintwera li l-pajjiżi kollha qegħdin jimxu fl-istess direzzjoni, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom; iqis li dawn l-INDCs jistgħu jinkludu wkoll azzjonijiet ta' adattament billi dawn huma prijorità għal ħafna pajjiżi;

6.

Jirrikonoxxi l-importanza fundamentali ta' sistema klimatika stabbli għas-sigurtà tal-ikel, għall-produzzjoni tal-enerġija, għall-ilma u s-sanità, għall-infrastruttura, għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi terrestri u tal-baħar, u għall-paċi u l-prosperità fuq livell globali; ifakkar li t-tibdil fil-klima jaċċelera t-telf tal-bijodiversità; jilqa' pożittivament galhekk l-enċiklika “Laudato Si”;

7.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-G7 għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija globali matul il-kors ta' dan is-seklu u għat-trasformazzjoni tas-settur enerġetiku sal-2050; ifakkar madankollu li d-dekarbonizzazzjoni hija meħtieġa ħafna f'fażi inizjali sabiex tkun konformi mal-konstatazzjonijiet xjentifiċi u jkollha probabbiltajiet akbar li tibqa' anqas minn 2 oC; jistieden lill-Partijiet f'pożizzjoni li jagħmlu hekk jaħdmu għall-implimentazzjoni ta' objettivi u strateġiji nazzjonali ta' dekarbonizzazzjoni permezz tal-prijoritizzazzjoni tat-eliminazzjoni gradwali tal-emissjonijiet mill-faħam li huwa l-aktar sors ta' enerġija li jniġġes;

8.

Jindika li l-pajjiżi li m'għandhomx il-kapaċitajiet neċessarji sabiex jelaboraw il-kontributi nazzjonali tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn mekkaniżmi ta' appoġġ bħall-Fond għall-Ambjent Dinji, il-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima, kif ukoll minn appoġġ Ewropew;

Ftehim ambizzjuż, globali u ġuridikament vinkolanti

9.

Jenfasizza li l-Protokoll tal-2015 irid ikun ġuridikament vinkolanti u ambizzjuż sa minn meta jiġi adottat f'Pariġi, u għandu jimmira lejn l-eliminazzjoni gradwali, sal-2050 jew sa ftit żmien wara tali sena, tal-emissjonijiet globali tal-karbonju, sabiex id-dinja tinżamm fuq perkors kosteffettiv għat-tnaqqis ta' emissjonijiet kompatibbli mal-objettiv ta' “anqas minn 2 oC” u li tintlaħaq il-quċċata globali ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra malajr kemm jista' jkun; jistieden lill-UE taħdem mas-sħab internazzjonali tagħha għal dan l-għan u turi eżempji ta' prattika tajba; jenfasizza li l-ftehim irid joffri qafas prevedibbli li jinkoraġġixxi l-investimenti u tnaqqis effiċjenti tal-karbonju u l-adozzjoni ta' teknoloġiji ta' adattament min-naħa tal-impriżi;

10.

Iwissi kontra perkors ta' tnaqqis tal-emissjonijiet globali li jippermetti emissjonijiet tal-karbonju sinifikanti fl-2050 u lil hinn, peress li dan iġib miegħu riskji kbar u li jobbliga dipendenza minn teknoloġiji għaljin, mhux sperimentati u b'intensità enerġetika għolja biex jitneħħa mill-atmosfera u jinħażen is-CO2; skont il-livell tal-eċċess ta' emissjonijiet, il-kapaċità ta' dawn it-tendenzi biex iżommu t-tibdil fil-klima taħt iż-2 oC se jiddependi mid-disponibilità u mill-firxa wiesgħa tal-bijomassa għall-użu enerġetiku bil-qbid u l-ħżin tal-karbonju (BECCS) u afforestazzjoni mingħajr disponibilità plawżibbli tal-art, kif ukoll l-użu ta' teknoloġiji oħrajn għat-tneħħija tad-diossidu tal-karbonju (CDR) li għadhom mhux magħrufa u li għad iridu jiġu żviluppati;

11.

Jemmen li ftehim internazzjonali ambizzjuż u ġuridikament vinkolanti jgħin biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar ir-rilokalizzazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u dwar il-kompetittività tas-setturi rilevanti u, b'mod partikolari s-setturi b'intensità enerġetika għolja;

12.

Iqis li f'każ ta' diskrepanza bejn il-livell ta' ambizzjoni tal-effett aggregat tal-INDCs ippreżentati qabel Pariġi u l-livell meħtieġ ta' tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra, meħtieġ biex it-temperaturi jibqgħu taħt iż-2 oC 'il fuq mil-livelli preindustrijali, se jkun meħtieġ li jiġi elaborat programm ta' ħidma li jibda fl-2016 bil-għan li jiffissa l-miżuri addizzjonali tat-tnaqqis; jitlob li jsir proċess ta' rieżami komprensiv, li se jitwettaq kull ħames snin, u li se jiżgura id-dinamiżmu tal-mekkaniżmu implimentat u se jgħolli l-livell ta' ambizzjoni tal-impenji ta' tnaqqis skont id-data xjentifika l-aktar reċenti; jistieden lill-Partijiet jappoġġaw l-perjodi ta' impenn ta' ħames snin bħala l-aktar għażla xierqa sabiex jevitaw li jintrabtu f'livell baxx ta' ambizzjoni, iżidu r-responsabilità politika u jippermettu r-rieżami tal-objettivi biex jaqbel mal-adegwatezza xjentifika jew mal-progess tekniku ġdid li jista' jippermetti livell ogħla ta' ambizzjoni;

13.

Huwa mħasseb li l-analiżi bikrija tal-impatt kumplessiv tal-INDCs sottomessi sal-lum ikkonkludiet li l-INDCs attwali mhux riveduti jirriżultaw f'żieda tat-temperatura medja globali b'bejn 2,7 oC u 3,5 oC; jitlob lill-Partijiet jaqblu fil-COP21 f'Pariġi li jirrevedu l-INDCs attwali qabel l-2020 sabiex isiru konformi mal-aħħar valutazzjonijiet xjentifiċi u ma' baġit globali tal-karbonju sikur kompatibbli maż-2 oC;

14.

Jitlob tiġdid ġenerali tal-politika tal-UE dwar il-klima li jgħin biex tingħata spinta lid-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-klima u jkun konformi mal-limitu massimu tal-impenn min-naħa tal-UE li tnaqqas, sal-2050, l-emissjonijiet tagħha ta' gassijiet serra bi 80-95 % taħt il-livelli tal-1990; josserva l-objettiv vinkolanti tal-UE ta' tnaqqis sal-2030 tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra b'almenu 40 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw impenji komplementari li jibnu fuq l-objettiv maqbul tal-2030, inkluża l-azzjoni barra mill-UE, bil-għan li d-dinja tkun tista' tilħaq l-objettiv ta' “inqas minn 2 oC”;

15.

Ifakkar ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 li tindika tliet objettivi vinkolanti: objettiv ta' 40 % għall-effiċjenza enerġetika, objettiv ta' mill-inqas 30 % għas-sorsi rinnovabbli u objettiv ta' tnaqqis ta' gassijiet b'effett ta' sera ta' mill-inqas 40 %, u jerġa' jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jadottaw u jimplimentaw, bħala parti mill-qafas 2030 tal-UE għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija, approċċ multidimensjonali bbażat fuq it-tisħiħ reċiproku, objettivi koordinati u koerenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, l-espansjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u effiċjenza enerġetika; josserva li l-objettivi għall-effiċjenza enerġetika u għall-enerġiji rinnovabbli kif invokati mill-Parlament jafu jwasslu għal tnaqqis konsiderevolment ogħla minn 40 % sal-2030 tal-gassijiet b'effett ta' serra;

16.

Jissottolinja l-ħtieġa ta' reġim ta' konformità effikaċi li japplika għall-Partijiet kollha fil-qafas tal-Ftehim tal-2015; jenfasizza li l-ftehim tal-2015 irid jippromwovi t-trasparenza u r-responsabilità permezz ta' reġim ibbażat fuq regoli komuni li jinkludi regoli ta' kontabilizzazzjoni u arranġamenti ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika; iqis li l-evoluzzjoni tas-sistema ta' trasparenza u responsabilità għandha ssir fil-qafas ta' approċċ progressiv ta' konverġenza;

17.

Jisħaq fuq l-importanza li d-drittijiet tal-bniedem jinżammu fil-qalba tal-azzjoni dwar il-klima, u jinsisti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-Ftehim ta' Pariġi jkun fih id-dispożizzjonijiet neċessarji biex tiġi ttrattata d-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem tat-tibdil fil-klima u joffri sostenn għall-pajjiżi l-aktar fqar li l-kapaċitajiet tagħhom huma limitati mill-impatti tat-tibdil fil-klima; jinsisti, f'dan il-kuntest, fuq ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-komunitajiet lokali u tal-popli indiġeni partikolarment dawk vulnerabbli għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima;

18.

Jistieden b'insistenza lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Ftehim ta' Pariġi jirrikonoxxi li r-rispett, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali tan-nisa, u l-promozzjoni attiva ta' tranżizzjoni ġusta tal-forza tax-xogħol biex jinħoloq ix-xogħol diċenti u impjiegi ta' kwalità għal kulħadd, huma prerekwiżit għal azzjoni effettiva globali dwar il-klima;

Ambizzjoni ta' qabel l-2020 u l-Protokoll ta' Kjoto

19.

Jisħaq b'mod partikolari fuq il-ħtieġa urġenti għal progress biex jitħassar il-“gigatonne gap” li hemm bejn l-analiżi xjentifika u l-impenji attwali tal-Partijiet għall-perjodu sal-2020; jenfasizza r-rwol importanti ta' miżuri politiċi oħrajn, li lilhom ta' min jiġi ddedikat sforz kollettiv, inklużi l-effiċjenza enerġetika, l-iffrankar sostanzjali tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, l-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-eliminazzjoni gradwali tal-idrofluworokarburi (HFCs), produzzjoni u konsum sostenibbli, l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili inkluż il-finanzjament tal-esportazzjoni għat-teknoloġija tal-impjant tal-faħam u t-tisħiħ tar-rwol ta' pprezzar mifrux tal-karbonju, biex jikkontribwixxu għall-għeluq tal-“gigatonne gap”;

20.

Josserva li l-UE qiegħda issa fit-triq it-tajba biex tilħaq l-objettivi fissati fl-2020 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u għall-enerġiji rinnovabbli u li sar titjib sinifikanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-intensità enerġetika grazzi għal binjiet, prodotti, proċessi industrijali u vetturi aktar effiċjenti, filwaqt li l-ekonomija Ewropea kibret b'45 % mill-1990; jenfasizza li l-objettivi 20/20/20 għall-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, għall-enerġiji rinnovabbli u għall-iffrankar tal-enerġija żvolġew rwol fundamentali biex dan il-progress jingħata spinta u biex ikunu sostnuti l-impjiegi ta' aktar minn 4,2 miljun persuna f'diversi ekoindustriji (12), bi tkabbir kontinwu matul il-kriżi ekonomika;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippreżentaw lill-UNFCCC l-aħħar projezzjonijiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-UE għall-perjodu sal-2020 u jħabbru li l-UE se taqbeż l-objettiv tagħha ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-2020 mill-anqas b'2 ġigatunnellati;

22.

Jiċċara li, għalkemm it-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto se jkun limitat fil-kobor tiegħu, għandu jitqies bħala pass intermedju importanti ħafna, u għalhekk jistieden lill-Partijiet, inklużi l-Istati Membri tal-UE, ilestu l-proċess ta' ratifika malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ qabel Diċembru 2015; josserva li l-Parlament lesta l-parti tiegħu billi ta l-approvazzjoni tiegħu, u li l-inklużjoni tas-soċjetà ċivili u tat-trasparenza hija neċessarja biex in-negozjati jkunu jistgħu jinftiehmu u biex tinbena l-fiduċja fost il-Partijiet qabel il-Konferenza ta' Pariġi;

Aġenda tas-soluzzjonijiet

23.

Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jaħdmu mal-atturi kollha tas-soċjetà ċivili (l-istituzzjonijiet, is-settur privat, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-komunitajiet lokali) sabiex jiżviluppaw inizjattivi ta' tnaqqis f'setturi ewlenin (enerġija, teknoloġiji, bliet, trasport, eċċ.), kif ukoll inizjattivi dwar l-adattament u r-reżiljenza sabiex jirreaġixxu għall-problemi ta' adattament, partikolarment rigward l-aċċess għall-ilma, għall-ikel, għas-sigurtà u għall-prevenzjoni tar-riskji; jistieden lill-gvernijiet kollha u lill-atturi kollha tas-soċjetà ċivili jappoġġaw u jsaħħu din l-aġenda tal-azzjoni;

24.

Jenfasizza li firxa dejjem usa' ta' atturi mhux statali qed jieħdu azzjoni biex jeliminaw il-karbonju u jsiru aktar adattabbli għat-tibdil fil-klima; jenfasizza għaldaqstant l-importanza ta' djalogu strutturat u kostruttiv bejn il-gvernijiet, il-komunità tan-negozju, l-ibliet, ir-reġjuni, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet akkademiċi sabiex tiġi mobilizzata azzjoni globali b'saħħitha lejn emissjonijiet baxxi ta' karbonju u soċjetajiet reżiljenti; jenfasizza r-rwol tagħhom fil-ħolqien ta' momentum qabel Pariġi u għall-“Aġenda ta' Azzjoni Lima-Pariġi”; jindika, f'dan ir-rigward, li l-Pjan ta' Azzjoni ta' Lima-Pariġi jħeġġeġ lil dawk li qegħdin jorganizzaw inizjattivi biex iħaffu xogħlijiethom u jieħdu sehem fil-Konferenza ta' Pariġi biex iressqu l-ewwel riżultati tagħhom;

25.

Iħeġġeġ l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi li se jinkoraġġixxu din id-dinamika ta' soluzzjonijiet, bħall-attribuzzjoni ta' tikketti ta' kwalità lill-proġetti innovattivi tas-soċjetà ċivili;

26.

Jinnota li l-bijoekonomija għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi sostanzjalment għar-reindustrijalizzazzjoni u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda fl-UE u fil-bqija tad-dinja;

27.

Jenfasizza li l-isforzi sabiex tinħoloq ekonomija ċirkolari jistgħu jiżvolġu parti notevoli fil-kisba tal-objettivi, billi jiskoraġġixxu l-ħela tal-ikel u jirriċiklaw il-materja prima;

28.

Ifakkar lill-Partijiet u lin-Nazzjonijiet Uniti stess li l-azzjoni individwali hija importanti daqs l-azzjoni tal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet; jappella għaldaqstant għal sforzi f'kampanji u f'azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni tal-opinjoni pubblika dwar il-ġesti żgħar u kbar li jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-pajjiżi żviluppati u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

29.

Jistieden ukoll lill-impriżi jaċċettaw u jeżerċitaw b'mod attiv ir-responsabbiltajiet tagħhom u jappoġġaw b'mod attiv il-ftehim dwar il-klima, anki minn qabel;

Sforz komprensiv fis-setturi kollha

30.

Jilqa' pożittivament l-iżvilupp globali ta' skema għan-negozjar ta' emissjonijiet, inklużi 17-il skema għan-negozjar ta' emissjonijiet operanti fl-erba' kontinenti, li jammontaw għal 40 % tal-PDG globali u jgħinu biex jonqsu l-emissjonijiet globali b'manjiera kosteffettiva; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tippromwovi rabtiet bejn l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet u skemi analogi oħrajn bil-għan li jinħolqu mekkaniżmi internazzjonali tas-suq tal-karbonju biex tiżdied l-ambizzjoni fil-qasam tal-klima u kontemporanjament jgħinu biex jonqos ir-riskju tar-rilokalizzazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju bis-saħħa tal-introduzzjoni ta' kundizzjonijiet ta' parità; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi salvagwardji biex jiġi żgurat li l-irbit tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet ma' skemi oħrajn ma jikkompromettix l-objettivi tal-UE dwar il-klima u l-importanza tal-iskema tagħha; jappella biex ikunu elaborati regoli biex tali salvagwardji jiġu stabbiliti, inklużi regoli għall-kontabilizzazzjoni u li jiżguraw li s-swieq internazzjonali u r-rabtiet bejn is-swieq nazzjonali tal-karbonju jipproduċu kontributi ta' mitigazzjoni permamenti u ma jimminawx l-objettivi nazzjonali ta' tnaqqis fl-UE;

31.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat ambjent regolatorju prevedibbli li jidderieġi l-investimenti lejn miżuri maħsuba biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u jippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

32.

Jitlob li jintlaħaq ftehim li jkopri s-setturi u l-emissjonijiet b'mod komprensiv u li jistabbilixxi objettivi assoluti fl-ekonomija kollha, flimkien mal-baġits tal-emissjonijiet li għandhom jiżguraw l-ogħla livell possibbli ta' ambizzjoni; jenfasizza li, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-IPCC, l-użu tal-art (użu agrikolu, għat-trobbija tal-bhejjem, għall-foresti u ieħor) għandu potenzjal kosteffettiv sinifikanti għall-mitigazzjoni u għat-tisħiħ tar-reżiljenza, u li l-kooperazzjoni internazzjonali teħtieġ li tissaħħaħ biex tottimizza l-potenzjal tal-qbid tal-karbonju tal-foresti u tal-artijiet mistagħdra; jenfasizza li l-ftehim għandu jistabbilixxi qafas ta' kontabilizzazzjoni komprensiv għall-emissjonijiet u t-tneħħija mill-art (LULUCF); jissottolinja partikolarment li l-azzjonijiet ta' mitigazzjoni u ta' adattament fl-allokazzjoni tal-artijiet iridu jagħmlu minn kollox biex isegwu objettivi komuni u ma jagħmlux ħsara lill-objettivi l-oħra fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli;

33.

Josserva li d-deforestazzjoni u d-degrad forestali huma responsabbli mill-20 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra, u jenfasizza r-rwol tal-foresti fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet adattivi u r-reżistenza tal-foresti għat-tibdil fil-klima; jistieden lill-UE ssegwi l-objettiv tagħha li twaqqaf it-telf globali tal-foresti sal-2030 u mill-anqas tnaqqas bin-nofs id-deforestazzjoni tropikali sal-2020, meta mqabbla mal-livelli tal-2008; jenfasizza li l-ksib ta' dawn l-impenji flimkien mat-tibdil għal li kienu ta' 350 miljun ettaru ta' foresti kif mitlub fid-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti, jistgħu aktarx inaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 b'4,5-8,8 biljun tunnellata fis-sena sal-2030; jenfasizza li mingħajr sforzi sinifikanti ta' mitigazzjoni ġodda ffukati fuq is-settur tal-foresti tropikali (REDD+) il-ksib tal-objettiv “inqas minn 2 oC” x'aktarx huwa impossibbli; jistieden barra minn hekk lill-UE ssaħħaħ il-finanzjament internazzjonali għat-tnaqqis tad-deforestazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

34.

Josserva l-effikaċja tal-mekkaniżmu REDD+ eżistenti għall-mitigazzjoni u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinkluduh fl-eventwali sforzi ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; jistieden lill-Istati Membri jidħlu fi sħubijiet volontarji ta' mitigazzjoni internazzjonali mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw partikolarment milquta minn din id-deforestazzjoni tropikali, bil-għan li tingħata assistenza finanzjarja jew teknika biex titwaqqaf id-deforestazzjoni permezz tal-politiki sostenibbli dwar l-użu tal-art jew ir-riformi ta' governanza; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tipproponi miżuri b'saħħithom biex jitwaqqfu l-importazzjonijiet fl-UE ta' oġġetti derivati mid-deforestazzjoni illegali; jissottolinja r-rwol tal-impriżi fl-eliminazzjoni tad-domanda tal-prodotti bażiċi li jirriżultaw mid-deforestazzjoni illegali;

35.

Ifakkar li t-trasport huwa t-tieni l-aktar settur li jarmi emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, u jinsisti fuq il-bżonn li titqiegħed fis-seħħ firxa ta' politiki li timmira lejn t-tnaqqis tal-emissjonijiet minn dan is-settur; itenni l-ħtieġa li l-Partijiet tal-UNFCCC jaġixxu biex jirregolaw u jaqbdu b'mod effikaċi l-emissjonijiet min-naħa tal-avjazzjoni u tat-tbaħħir internazzjonali, f'konformità mal-adegwatezza u mal-urġenza meħtieġa; jitlob lill-Partijiet kollha jaħdmu permezz tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) u tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) biex jiżviluppaw qafas ta' politika globali biex jippermettu reazzjoni effikaċi, u biex jieħdu miżuri biex jilħqu l-objettivi adegwati qabel tmiem l-2016 biex jinkiseb it-tnaqqis neċessarju fid-dawl tal-objettiv taż-2 oC;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni toffri l-appoġġ u l-għarfien espert tagħha lill-Konferenza COP21 biex jistabbilixxu l-kontributi nazzjonali tagħhom, filwaqt li tissensibilizza dwar ir-rwol tas-settur tat-trasport fl-adozzjoni ta' strateġiji komprensivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;

37.

Jirrimarka li kemm għal żmien qasir kif ukoll fit-tul, huma meħtieġa strateġiji ta' mitigazzjoni tat-trasport biex jinkisbu l-ambizzjonijiet ta' tnaqqis tal-emissjonijiet b'effett ta' serra;

38.

jenfasizza l-importanza li jittieħed kont tas-sitwazzjoni speċifika tal-gżejjer u tar-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex jiġi żgurat li r-rendiment ambjentali ma jolqotx il-mobilità u l-aċċessibilità f'dawn ir-reġjuni b'mod partikolari;

39.

Jemmen li mingħajr enfasi akbar fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet mis-settur tat-trasport, l-objettivi globali tal-klima se jkun impossibbli li jintlaħqu, peress li t-trasport huwa l-uniku settur li fih l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra komplew jiżdiedu (bi 30 % f'dawn l-aħħar 25 sena); jenfasizza li dan jista' jinkiseb biss bis-saħħa ta' objettivi vinkolanti għat-tnaqqis tal-gassijiet serra, flimkien mal-integrazzjoni sħiħa tas-sorsi rinnovabbli fis-suq, approċċ teknoloġikament newtrali għad-dekarbonizzazzjoni, u politika tat-trasport u tal-investimenti aktar integrata bis-sħiħ li tinkorpora politiki ta' trasferiment modali flimkien ma' avvanzi teknoloġiċi kif ukoll l-evitar tat-trasport (eż. permezz ta' loġistika sostenibbli, ippjanar urban intelliġenti u ġestjoni integrata tal-mobilità);

40.

Jirrimarka li aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja issa tgħix fl-ibliet u li t-trasport urban huwa kontributur ewlieni tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mis-settur tat-trasport; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, jissensibilizzaw biex b'mod attiv dwar ir-rwol tal-mobilità urbana sostenibbli biex jiġu onorati l-impenji ta' mitigazzjoni; jenfasizza li użu u ppjanar responsabbli tal-art u soluzzjonijiet sostenibbli ta' trasport fiż-żoni urbani jikkontribwixxu b'mod effiċjenti għall-għan ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2;

41.

Jenfasizza li hija meħtieġa taħlita tajba tal-enerġija fis-settur tat-trasport u din tista' tinkiseb billi jiġu promossi vetturi alternattivi li jaħdmu bil-gass naturali u bil-bijogass u l-politiki kollha mmirati lejn it-tisħiħ tal-modi sostenibbli tat-trasport, inkluża l-elettrifikazzjoni tat-trasport u l-użu ta' sistemi ta' trasport intelliġenti; Jenfasizza l-bżonn li titpoġġa enfasi fuq il-ferroviji, it-trammijiet, il-karozzi tal-linja elettrifikati, il-karozzi elettriċi u r-roti elettriċi, li jinkorporaw perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja kollu, u li wieħed jimmira għall-isfruttament sħiħ tas-sorsi enerġetiċi rinnovabbli; Jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-awtoritajiet tat-trasport pubbliku lokali u lill-operaturi tat-trasport biex ikunu minn ta' quddiem fl-introduzzjoni ta' flotot u teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet ta'

42.

Jenfasizza l-potenzjal enormi li jitnaqqsu l-emissjonijiet permezz ta' żieda fl-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' enerġija nadifa; iqis li l-massimizzazzjoni tal-effiċjenza enerġetika fid-dinja kollha huwa l-ewwel pass lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet relatati mal-enerġija li jikkontribwixxi wkoll għall-isfida li jittaffa l-faqar enerġetiku;

43.

Jissottolinja l-konsegwenzi negattivi serji – u sikwit irreversibbli – ta' nuqqas ta' azzjoni, filwaqt li jfakkar li t-tibdil fil-klima jaffettwa lir-reġjuni kollha tad-dinja b'modi differenti, iżda lkoll dannużi ħafna, li jirriżultaw fi flussi migratorji u mwiet kif ukoll telf mil-lat ekonomiku, ekoloġiku u soċjali; jenfasizza l-importanza tal-provi xjentifiċi bħala mutur fir-rigward ta' deċiżjonijiet politiċi fit-tul u li l-ambizzjoni għandha tkun ibbażata fuq rakkomandazzjonijiet xjentifiċi solidi; jisħaq fuq il-fatt li spinta politika u finanzjarja globali miftiehma favur l-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tal-enerġiji rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika hija fundamentali biex jinkisbu l-objettivi tal-klima u biex jiġi aġevolat it-tkabbir;

44.

Jistieden lill-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex tirregola t-tnaqqis gradwali globali tal-HFCs skont il-Protokoll ta' Montreal; ifakkar li l-UE adottat leġiżlazzjoni ambizzjuża biex telimina gradwalment l-HFCs b'79 % sal-2030 peress li l-alternattivi li jirrispettaw il-klima huma disponibbli b'mod mifrux u l-potenzjal tagħhom għandu jiġi sfruttat b'mod sħiħ; jinnota li l-eliminazzjoni gradwali tal-użu tal-HFCs tirrappreżenta objettiv faċli biex jinkiseb għall-azzjonijiet ta' mitigazzjoni ġewwa u barra l-UE u jistieden lill-UE timpenja ruħha b'mod attiv biex tiffaċilita l-azzjoni globali dwar l-HFCs;

Riċerka xjentifika, żvilupp teknoloġiku u innovazzjoni

45.

Jemmen li ż-żieda fl-użu ta' teknoloġiji tal-enerġija nadifa fejn ikollhom l-akbar impatt tiddependi mill-bini u ż-żamma ta' kapaċità ta' innovazzjoni b'saħħitha kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk emerġenti;

46.

Jissottolinja li l-istimolu tal-innovazzjoni fit-teknoloġiji u fil-mudelli kummerċjali jista' jixpruna kemm it-tkabbir ekonomiku kif ukoll it-tnaqqis fl-emissjonijiet; jenfasizza li t-teknoloġija mhix se tavvanza b'mod awtomatiku f'direzzjoni ta' livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, iżda teħtieġ sinjali ċari mil-lat ta' politika, inkluż it-tnaqqis tal-ostakoli regolatorji u tas-suq għal teknoloġiji u mudelli kummerċjali ġodda, u nefqa pubblika mmirata tajjeb; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp pubbliċi fis-settur tal-enerġija biex jgħinu joħolqu l-mewġa li jmiss ta' teknoloġiji effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

47.

Jagħraf l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u jistieden lill-Partijiet jagħmlu kull sforz sabiex jappoġġaw lir-riċerkaturi u jippromwovu t-teknoloġiji ġodda li jistgħu jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi ta' tnaqqis li jistgħu jiġu stabbiliti, kif ukoll il-miżuri ta' mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima;

48.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tieħu aktar vantaġġ mill-fatt li l-programm Orizzont 2020 huwa miftuħ kompletament għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi, speċjalment fl-oqsma tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima;

49.

Iqis li l-politika spazjali tal-UE u l-investiment fiha, inkluż il-varar ta' satelliti, li jiżvolġu rwol importanti fil-monitoraġġ ta' inċidenti industrijali, deforestazzjoni, deżertifikazzjoni, eċċ., kif ukoll il-kollaborazzjoni mas-sħab f'pajjiżi terzi, jistgħu jkollhom rwol ewlieni fil-monitoraġġ u l-indirizzar tal-effetti tat-tibdil fil-klima madwar id-dinja kollha;

50.

Jenfasizza li l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha fir-rigward tat-trasferiment ta' teknoloġiji għall-benefiċċju tal-pajjiżi l-inqas żviluppati, filwaqt li tirrispetta d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali eżistenti;

51.

Jitlob li r-rwoli taċ-Ċentru u Netwerk ta' Teknoloġiji għall-Klima (CTCN) u tal-Kumitat Eżekuttiv għat-Teknoloġija fil-faċilitazzjoni tal-iżvilupp teknoloġiku għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament jirċievu rikonoxximent u appoġġ sħiħ;

52.

Jilqa' l-isforzi li saru favur il-kooperazzjoni bejn l-UE u d-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti, partikolarment f'termini ta' riċerka dwar it-teknoloġija marbuta mat-tibdil fil-klima; iqis li hemm potenzjal kbir għal aktar kooperazzjoni fir-riċerka bejn l-UE u ekonomiji kbar oħrajn; jenfasizza li r-riżultati ta' riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi għandhom ikunu disponibbli liberament;

53.

Jirrimarka li l-użu ta' assi spazjali għandu jiġi kkunsidrat fl-implimentazzjoni tal-miżuri mmirati lejn il-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari permezz tal-monitoraġġ u tas-sorveljanza tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkontribwixxi b'mod attiv għal sistema ta' monitoraġġ globali ta' CO2 u CH4; Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-isforzi biex tiġi żviluppata sistema tal-UE ta' kejl tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra b'mod awtonomu u mhux dipendenti, bl-użu u l-espansjoni ta' missjonijiet tal-programm Copernicus;

Tibdil fil-klima: il-pedament tal-Ftehim ta' Pariġi

54.

Iqis li l-mezzi ta' implimentazzjoni – inkluż il-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-trasferiment ta' teknoloġija u l-bini tal-kapaċitajiet – ser jaqdu rwol essenzjali biex jintlaħaq ftehim fil-Konferenza ta' Pariġi, u jħeġġeġ għalhekk lill-UE u lill-pajjiżi l-oħrajn iħejju “pakkett finanzjarju” kredibbli, li jkopri l-perjodi kemm qabel kif ukoll wara l-2020, sabiex jappoġġa aktar l-isforzi għat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra, il-ħarsien tal-foresti u l-adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima; jitlob li l-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jiġi inkluż fil-ftehim bħala element dinamiku li jirrifletti r-realtajiet ambjentali u ekonomiċi li qed jinbidlu u jappoġġa l-ambizzjoni msaħħa ta' azzjonijiet ta' kontribut ta' mitigazzjoni u ta' adattament; jistieden għaldaqstant lill-Partijiet kollha li jinsabu f'qagħda li jagħmlu hekk biex jikkontribwixxu fil-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

55.

Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jaqblu dwar pjan direzzjonali biex iżidu l-finanzjamenti prevedibbli, ġodda u addizzjonali, f'konformità mal-impenji eżistenti, biex b'hekk jagħtu l-kontribut ġust lill-objettiv kumplessiv ta' USD 100 biljun kull sena sal-2020 minn sensiela ta' sorsi pubbliċi u privati u jaffrontaw l-iżbilanċ bejn ir-riżorsi ddestinati għall-mitigazzjoni u għall-adattament; jistieden lill-UE tinkoraġġixxi lill-pajjiżi kollha jagħtu l-kontribut ġust tagħhom fil-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jitlob li jkun hemm qafas ta' monitoraġġ u responsabilità b'saħħtu għal segwitu effikaċi tal-implimentazzjoni tal-impenji fil-qasam tal-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u tal-objettivi; ifakkar li, hekk kif il-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima mill-baġits għall-għajnuna jiżdied, il-baġit globali ta' għajnuna għandu jiżdied ukoll, bħala l-ewwel pass lejn addizzjonalità sħiħa;

56.

Jitlob li l-impenji konkreti tal-UE u internazzjonali biex jiġu offruti sorsi addizzjonali ta' finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, inkluż id-destinazzjoni ta' xi kwoti ta' emissjonijiet tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet tal-UE fil-perjodu 2021-2030 u l-allokazzjoni ta' dħul mill-UE u miżuri internazzjonali dwar l-emissjonijiet mill-avjazzjoni u mit-tbaħħir għall-finanzjament internazzjonali tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-Fond Ekoloġiku għall-Klima, fost ħwejjeġ oħra, proġetti ta' innovazzjoni teknoloġika;

57.

Jappella għall-ipprezzar tal-karbonju wiesa' bħala strument applikabbli globalment għall-ġestjoni tal-emissjonijiet u l-allokazzjoni ta' dħul ta' kwoti tal-emissjonijiet għal investimenti relatati mal-klima, kif ukoll id-dħul mill-ipprezzar tal-karbonju tal-karburanti tat-trasport internazzjonali; jitlob barra minn hekk għal użu parzjali tas-sussidji tal-biedja biex ikunu garantiti l-investimenti għall-produzzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-azjendi agrikoli; jenfasizza l-importanza tal-mobilizzazzjoni ta' kapital mis-settur privat u tal-ftuħ tal-investiment meħtieġ fit-teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju; jagħmel appell għal impenn ambizzjuż min-naħa tal-gvernijiet u tal-istituzzonijiet finanzjarji pubbliċi u privati, fosthom il-banek, il-fondi tal-pensjonijiet u ditti tal-assigurazzjoni, favur l-allinjament tal-prattiki ta' self u ta' investimenti mal-objettiv “inqas minn 2 oC” u ċ-ċessjoni mill-fjuwils fossili, inkluża l-eliminazzjoni gradwali tal-krediti għall-esportazzjoni għall-investimenti fil-qasam tal-fjuwils fossili; jappella għal garanziji pubbliċi speċifiċi favur l-investimenti ekoloġiċi, it-tikketti ta' kwalità u l-vantaġġi fiskali għall-fondi tal-investimenti ekoloġiċi u għall-ħruġ ta' bonds ekoloġiċi;

58.

Iqis li s-sistema finanzjarja għandha tintegra r-riskju tal-klima fid-deċiżjonijiet fil-qasam tal-investimenti tagħha; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-UE u lill-Partijiet kollha tal-UNFCCC jużaw il-lievi kollha disponibbli sabiex iħeġġu lill-atturi finanzjarji jidderieġu l-investimenti tagħhom lejn l-iskala neċessarja għall-finanzjament ta' tranżizzjoni xierqa lejn ekonomiji reżiljenti u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju;

59.

Jitlob li jittieħdu passi konkreti, inkluż kalendarju, barra mill-impenn min-naħa tal-pajjiżi tal-G-20 tal-2009, għall-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji tal-fjuwils fossili kollha sal-2020;

60.

Iħeġġeġ lill-atturi l-aktar progressivi jieħdu impenji volontarji favur it-tranżizzjoni lejn l-ekonomija b'użu baxx ta' karbonju billi jippromwovu l-prattiki tajbin implimentati diġà mis-settur; jittama li din il-mobilizzazzjoni tiżdied u li l-impenji fil-futur ikunu aktar strutturati, partikolarment permezz ta' pjattaformi ta' reġistrazzjoni integrati mal-għodda tal-Konvenzjoni dwar il-Klima;

61.

Jieħu nota tar-rabtiet mill-qrib bejn il-Konferenza tal-Finanzjament għall-Iżvilupp, il-Summit tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-21 Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC fl-2015; jirrikonoxxi li l-impatti tat-tibdil fil-klima se jimminaw b'mod serju t-tentattivi biex jinkiseb il-qafas ta' żvilupp sostenibbli ppjanat wara l-2015, u li l-qafas ġenerali finanzjament għall-iżvilupp se jeħtieġ li jiġi allinjat ma' u jkun kapaċi jappoġġa dinja b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u reżiljenti għall-klima;

62.

Iħeġġeġ il-promozzjoni ta' inizjattivi privati tas-settur finanzjarju partikolarment fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-G-20 f'Novembru 2015, iżda wkoll b'mod ġenerali fil-bosta avvenimenti speċifiċi għall-finanzjament tal-preparazzjoni tal-Konferenza ta' Pariġi fl-2015;

Ksib tar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima bis-saħħa tal-adattament

63.

Jenfasizza li l-azzjoni ta' adattament hija neċessità inevitabbli għall-pajjiżi kollha jekk iridu jimminimalizzaw l-effetti negattivi u jisfruttaw sal-massimu l-opportunitajiet tat-tkabbir u tal-iżvilupp sostenibbli reżiljenti għall-klima, u teħtieġ tiżvolġi rwol ċentrali fil-ftehim il-ġdid; jitlob li jkun hemm objettivi ta' adattament fit-tul biex jiġi stabbilit kif suppost; jenfasizza li l-azzjoni fil-preżent għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra se tiswa anqas lill-ekonomiji globali u nazzjonali, u se tnaqqas l-ispejjeż għall-azzjonijiet ta' adattament; jirrikonoxxi li l-adattament huwa neċessarju, partikolarment fil-pajjiżi li huma vulnerabbli ħafna għal dawn l-impatti, u speċjalment biex ikun żgurat li l-produzzjoni tal-ikel u l-iżvilupp ekonomiku jkunu jistgħu jipproċedu b'mod reżiljenti għall-klima; jitlob appoġġ attiv għall-elaborazzjoni ta' pjanijiet ta' adattament komprensivi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'kont meħuda tal-prattiki tal-atturi lokali u tal-għarfien tal-popli indiġeni;

64.

Jirrikonoxxi li l-ambizzjoni ta' mitigazzjoni miksuba mill-Kontributi Maħsuba Determinati fil-livell Nazzjonali (INDCs) għandha influwenza qawwija fuq l-isforzi ta' adattament meħtieġa; jappella għal għan globali għall-adattament u l-finanzi ta' adattament fil-Ftehim ta' Pariġi flimkien mal-impenji biex jiżviluppaw approċċi ulterjuri biex jindirizzaw b'mod effikaċi t-telf u l-ħsara;

65.

Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-koordinament u l-ġestjoni tar-riskju klimatiku fil-livell tal-UE u li tinħoloq strateġija ta' adattament ċara għall-UE; jitlob l-implimentazzjoni ta' strateġiji reġjonali ta' adattament;

66.

Ifakkar li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari l-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-istati gżejjer iż-żgħar li qed jiżviluppaw, huma l-anqas li kkontribwew għat-tibdil fil-klima, huma l-aktar vulnerabbli għall-effetti negattivi tiegħu u huma l-anqas kapaċi li jadattaw; jitlob li l-appoġġ għal adattament u telf u ħsara jkunu elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Pariġi, u li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jirċievu assistenza tanġibbli fit-tranżizzjoni tagħhom lejn forom ta' enerġija sostenibbli, rinnovabbli u b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, biex b'hekk jiggarantixxu li l-ħtiġijiet tagħhom ta' adattament se jiġu sodisfatti kemm fi żmien qasir kif ukoll fit-tul; jitlob rikonoxximent serju tal-kwistjoni tar-rifuġjati minħabba l-klima u l-ambitu tagħha, li tirriżulta minn diżastri tal-klima kkawżati mit-tisħin globali;

67.

Jenfasizza li dan il-ftehim għandu jkun flessibbli sabiex iqis iċ-ċirkostanzi nazzjonali, il-bżonnijiet u l-kapaċitajiet rispettivi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ispeċifiċitajiet ta' ċerti pajjiżi, partikolarment dawk l-anqas avvanzati u l-gżejjer iż-żgħar;

68.

Jistieden lill-ekonomiji żviluppati l-kbar jagħmlu użu mill-infrastruttura avvanzata eżistenti tagħhom sabiex jippromwovu, itejbu u jiżviluppaw it-tkabbir sostenibbli u jintrabtu li jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex dawn ikunu jistgħu jibnu l-kapaċità tagħhom stess, biex jiżguraw li t-tkabbir ekonomiku futur fil-partijiet kollha tad-dinja jinkiseb mingħajr ebda impatt ulterjuri fuq l-ambjent;

69.

Jenfasizza l-importanza tar-rwol li għandhom jiżvolġu l-komunità għall-iżvilupp, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u l-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp (DAK) tal-OECD f'ħidma mill-qrib mal-partijiet interessati u l-organizzazzjonijiet rilevanti biex jevalwaw u jimmitigaw l-agħar effetti tat-tibdil fil-klima fuq il-bniedem, li huma mistennija li se jirrappreżentaw sfida anki taħt il-livell ta' tisħin ta' 2 oC;

70.

Jafferma li l-indirizzar effikaċi tal-kwistjoni tal-klima għandu jkun prijorità strateġika għall-UE u għal atturi oħra fix-xena internazzjonali, u li dan jirrikjedi li l-azzjoni klimatika tiġi integrata fil-politiki rilevanti kollha u li jitfittex li jkun hemm koerenza politika; jikkunsidra li huwa importanti li l-UE tippromwovi perkorsi ta' żvilupp b'livell baxx ta' karbonju fl-oqsma u s-setturi rilevanti kollha, u jistieden lill-UE tipproponi mudelli ta' produzzjoni u konsum sostenibbli, inklużi indikazzjonijiet tal-modi kif l-UE qed tippjana li tnaqqas il-konsum u tifred l-attività ekonomika mid-degrad ambjentali;

71.

Jinnota bi tħassib li, bejn l-2008 u l-2013, 166 miljun ruħ kellhom iħallu djarhom minħabba għargħar, maltempati tar-riħ, terremoti jew diżastri oħrajn; jiġbed attenzjoni partikolari għall-fatt li l-iżviluppi relatati mal-klima f'partijiet tal-Afrika jistgħu jikkontribwixxu għal intensifikazzjoni tal-kriżi tar-rifuġjati fil-Mediterran; jiddeplora l-fatt li l-istatus ta' “rifuġjat tal-klima” għadu mhux rikonoxxut u jħalli lakuna ġuridika li tolqot lill-vittmi li ma jistgħux jibbenefikaw mill-istatus ta' rifuġjat;

72.

Jinsisti li sforzi msaħħa biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima globali għandhom jitwettqu b'mod konġunt mill-pajjiżi żviluppati u minn dawk li qed jiżviluppaw, skont il-prinċipju tar-responsabilità komuni iżda differenzjata (CBDR);

73.

Jenfasizza li, skont l-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-għan tal-UE fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja huwa li tikkontribwixxi għas-solidarjetà u l-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali; josserva li, skont l-Artikolu 191(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-politika ambjentali tal-UE għandha tippromwovi miżuri fil-livell internazzjonali sabiex tiġi miġġielda l-bidla fil-klima;

Intensifikazzjoni tad-diplomazija klimatika

74.

Jenfasizza l-bżonn li d-diplomazija klimatika tkun parti minn approċċ komprensiv għall-azzjoni esterna tal-UE u, f'dan il-kuntest, l-importanza li l-UE taqdi rwol ċentrali u ambizzjuż fil-Konferenza, titkellem b'“vuċi waħda” fl-isforzi tagħha biex tikseb progress lejn ftehim internazzjonali u li tibqa' magħquda f'dak ir-rigward;

75.

Jistieden lill-Istati Membri jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom f'dan ir-rigward ma' dawk tal-UE; jissottolinja l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom kapaċità enormi ta' politika estera, u għandhom juru sens ta' tmexxija fil-qasam tad-diplomazija klimatika u jimmobilizzaw dan in-netwerk sabiex isibu bażi komuni għall-qbil dwar is-suġġetti prinċipali f'Pariġi, fosthom il-mitigazzjoni, l-adattament, il-finanzjament, l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija, it-trasparenza tal-azzjoni u tal-appoġġ, u l-bini tal-kapaċitajiet;

76.

Jilqa' pożittivament il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għad-Diplomazija dwar il-Klima, kif approvat mill-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE fid-19 ta' Jannar 2015; jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tassumi rwol proattiv fin-negozjati; jistieden lill-Kummissjoni tagħmilha ċara li l-isfida tal-klima hija l-prijorità strateġika assoluta ta' din il-Kummissjoni u biex torganizza ruħha b'tali mod li tirrifletti dan, fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha tal-politika;

77.

Jenfasizza r-rwol ta' tmexxija tal-UE fil-politika dwar it-tibdil fil-klima u jisħaq fuq il-bżonn ta' koordinament u l-istabbiliment ta' pożizzjoni komuni fost l-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jkomplu u jintensifikaw l-isforzi diplomatiċi tagħhom qabel u matul il-Konferenza, bil-għan li jtejbu l-fehim tagħhom tal-pożizzjonijiet tas-sħab tagħha kif ukoll iħeġġu lill-Partijiet l-oħra jieħdu miżuri effikaċi biex jibqgħu konformi mal-objettiv taż-2 oC u jaslu għal ftehimiet u impenji, b'mod partikolari min-naħa tal-Istati Uniti, immirati li jallinjaw l-aktar emissjonijiet sinifikanti ma' dawk taċ-ċittadini tal-UE, li diġà għamlu bosta sforzi sabiex jikkonċiljaw l-iżvilupp ekonomiku u r-rispett tal-ambjent u tal-klima; jistieden lill-UE tuża l-pożizzjoni tagħha biex tikseb kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar il-kwistjonijiet tal-klima mal-pajjiżi ġirien u mal-pajjiżi ta' adeżjoni mal-UE;

78.

Jenfasizza li huma meħtieġa sforzi diplomatiċi akbar qabel u waqt il-Konferenza partikolarment biex isibu qbil fuq in-natura ta' differenzjazzjoni fl-obbligi tal-Partijiet fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom u dwar ir-rwol ta' telf u ħsara fil-ftehim;

79.

Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tiżviluppa prijoritajiet strateġiċi għall-politika esterna dwar il-klima minquxa fl-objettivi ġenerali tal-politika estera, u tiżgura li d-delegazzjonijiet tal-UE jiffukaw b'mod aktar intensiv fuq il-politiki dwar il-klima u fuq il-monitoraġġ tal-isforzi tal-pajjiżi sabiex jimmitigaw jew jadattaw għat-tibdil fil-klima, kif ukoll fuq l-għoti ta' appoġġ f'termini ta' bini ta' kapaċità, u li huma għandhom il-mezzi neċessarji sabiex iwettqu azzjonijiet fuq kwistjonijiet ta' monitoraġġ dwar il-klima; jistieden lill-UE tikkoopera aktar mill-qrib mal-pajjiżi ġirien u mal-pajjiżi kandidati fuq kwistjonijiet dwar il-klima, billi tħeġġeġ l-allinjament tal-politiki tagħhom mal-objettivi tal-UE fir-rigward tal-klima; jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jistabbilixxu punti ta' kuntatt iffukati fuq it-tibdil fil-klima fid-delegazzjonijiet tal-UE u fl-ambaxxati tal-Istati Membri;

80.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe miżura adottata minn Parti għall-Ftehim ta' Pariġi relatata mal-objettiv tal-istabbilizzazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-atmosfera f'livell li jipprevjeni interferenza antropoġenika perikoluża mas-sistema klimatika, jew relatata ma' xi wieħed mill-prinċipji jew mill-impenji inklużi fl-Artikoli 3 u 4 tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, ma tkunx soġġetta għal xi trattat eżistenti jew futur ta' Parti sal-punt li tippermetti soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-istati;

81.

Jirrikonoxxi l-importanza ta' azzjoni kontra t-tibdil fil-klima u t-theddida potenzjali li hija toħloq għall-istabilità u għas-sigurtà, kif ukoll l-importanza tad-diplomazija dwar il-klima, qabel il-Konferenza ta' Pariġi dwar il-Klima;

Il-Parlament Ewropew

82.

Jilqa' favorevolment il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni u l-objettivi tal-kontribut tal-UE għall-Konferenza dwar il-Klima tal-COP21 li għandha ssir f'Pariġi f'Diċembru 2015;

83.

Jimpenja ruħu li juża r-rwol internazzjonali tiegħu u l-appartenenza tiegħu għal netwerks parlamentari internazzjonali sabiex ifittex konsistentement progress lejn ftehim ġuridikament vinkolanti u ambizzjuż dwar il-klima internazzjonali f'Pariġi;

84.

Jirrimarka li l-attivitajiet ta' lobbying qabel u matul in-negozjati COP21 jista' jkollhom influwenza fuq ir-riżultati tan-negozjati; jenfasizza għalhekk li attivitajiet bħal dawn għandhom ikunu trasparenti, jiġu indikati b'mod ċar fl-aġenda ta' kuljum tal-UNFCCC tal-COP 21 u li l-Konferenza għandha tippermetti aċċess ekwu għall-partijiet interessati rilevanti kollha;

85.

Jemmen, peress li se jkollu bżonn jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal kull ftehim internazzjonali, li jeħtieġ ikun integrat sew fid-delegazzjoni tal-UE; jistenna għalhekk li jitħalla jattendi l-laqgħat ta' koordinament tal-UE f'Pariġi;

o

o o

86.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-UNFCCC, bit-talba li r-riżoluzzjoni tkun iċċirkolata lill-Partijiet Kontraenti kollha li mhumiex membri tal-UE.


(1)  ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 1.

(2)  ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 25.

(3)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 77.

(4)  ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 83.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2012)0452.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2013)0443.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2014)0063.

(8)  ĠU L 8, 13.1.2009, p. 3.

(9)  ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 44.

(10)  ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 75.

(11)  Testi adottati, P7_TA(2014)0094.

(12)  Data tal-Eurostat dwar is-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali msemmija fil-“Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030” (COM(2014)0015).


Top