EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0350

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar it-tiġdid tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp (2015/2754(RSP))

ĠU C 349, 17.10.2017, p. 50–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/50


P8_TA(2015)0350

It-tiġdid tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar it-tiġdid tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp (2015/2754(RSP))

(2017/C 349/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jistabbilixxu l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala wieħed mill-prinċipji ewlenin li fuqhom tissejjes l-UE;

wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistabbilixxi l-prinċipju ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, li jirrikjedi li l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jitqiesu fil-politiki li aktarx jaffettwaw pajjiżi li qed jiżviluppaw,

wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa, li saret f'Beijing f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing kif ukoll id-dokumenti sussegwenti li ħarġu mis-Sessjonijiet Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing + 5, + 10, + 15 u + 20 dwar azzjonijiet u inizjattivi ulterjuri għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, adottati fid-9 ta' Ġunju 2000, fil-11 ta' Marzu 2005, fit-2 ta' Marzu 2010 u fid-9 ta' Marzu 2015 rispettivament;

wara li kkunsidra l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) li saret fil-Kajr fl-1994, fejn il-komunità dinjija rrikonoxxiet u tenniet li s-saħħa sesswali u riproduttiva kif ukoll id-drittijiet riproduttivi huma fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli;

wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 (COM(2010)0491);

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tan-Nisa fl-Iżvilupp (2010-2015), ir-Rapport ta' Implimentazzjoni tal-2013 (SWD(2013)0509), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2014 dwaru u r-Rapport ta' Implimentazzjoni tal-2014 (SWD(2015)0011);

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2015 dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Iżvilupp u dwar Sħubija Globali Ġdida għall-Qerda tal-Faqar u għall-Iżvilupp Sostenibbli;

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 (1),

wara li kkunsidra l-Evalwazzjoni tal-Appoġġ tal-UE għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fil-Pajjiżi Sħab (2);

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1325 (2000) u 1820 (2008) dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tan-Nisa fl-Iżvilupp (O-000109/2015 – B8-0762/2015 u O-000110/2015 – B8-0763/2015),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Unjoni Ewropea (UE) hija impenjata li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u tiżgura l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-azzjonijiet kollha tagħha; billi l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa hija prekundizzjoni għall-ilħiq tal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli wara l-2015 kif ukoll kwistjoni awtonoma tad-drittijiet tal-bniedem li għandha tkun segwita irrispettivament mill-benefiċċji tagħha għall-iżvilupp u t-tkabbir; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u ma għandha qatt tiġi ġġustifikata b'raġunijiet ta' reliġjon, kultura jew tradizzjoni;

B.

billi r-rieżami ta' 20 sena tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing sab li l-progress lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa (GEWE) kien mexa b'pass kajman u b'mod mhux uniformi, u li l-ebda pajjiż fid-dinja ma kien għeleb għalkollox id-disparità bejn is-sessi; billi r-rieżami sab li dan in-nuqqas ta' progress kien ġie aggravat min-nuqqas persistenti u kroniku ta' investiment fil-GEWE;

C.

billi tnejn mill-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) li espliċitament jindirizzaw id-drittijiet tan-nisa, jiġifieri l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa (MDG 3) kif ukoll it-titjib tas-saħħa tal-ommijiet (MDG 5), fil-parti l-kbira baqgħu ma ntlaħqux; billi stimi juru li ta' kuljum imutu 800 mara fid-dinja minħabba kumplikazzjonijiet waqt it-tqala jew il-ħlas; billi madwar 222 miljun mara fil-partijiet tad-dinja li qed jiżviluppaw m'għandhomx aċċess għal metodi sikuri u moderni tal-ippjanar tal-familja, filwaqt li l-proporzjon ta' għajnuna għall-iżvilupp intiż għall-ippjanar tal-familji qed jonqos meta mqabbel mal-għajnuna globali għall-iżvilupp b'rabta mas-saħħa;

D.

billi l-maġġoranza tal-foqra fid-dinja huma nisa u unitajiet domestiċi mmexxija min-nisa; billi l-vulnerabbiltà ta' nisa marġinalizzati qed tiżdied; billi 62 miljun tifla fid-dinja ma jmorrux l-iskola;

E.

billi mara minn kull tlieta fid-dinja aktarx tesperjenza vjolenza fiżika u sesswali f'xi mument matul ħajjitha; billi kull sena 14-il miljun tifla jiġu mġiegħla jiżżewġu; billi l-UE hija impenjata favur id-dritt ta' kull individwu li jkollu kontroll sħiħ fuq kwistjonijiet marbutin mas-sesswalità u s-saħħa sesswali u riproduttiva tiegħu, u li jiddeċiedi b'mod liberu dwar dawn il-kwistjonijiet, filwaqt li jkun ħieles mid-diskriminazzjoni, il-koerċizzjoni u l-vjolenza;

F.

billi l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) rrappurtat (3) li l-investimenti huma “insuffiċjenti ferm biex tintlaħaq l-ugwaljanza bejn is-sessi” minkejja li l-għajnuna mmirata għal dak l-iskop mill-membri tagħha ttriplikat b'tali mod li laħqet is-somma ta' USD 28 biljun fl-2012; billi l-finanzjament abbażi tal-ġeneru huwa kkonċentrat l-aktar f'setturi soċjali, b'tali mod li s-setturi ekonomiċi u produttivi jitħallew f'qagħda ta' sottinvestiment, filwaqt li l-analiżi tal-OECD turi li, minn kull tip ta' investiment għall-iżvilupp, l-investimenti fl-ugwaljanza bejn is-sessi jagħtu l-ogħla redditi;

G.

billi 2,5 biljun ruħ, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa u żgħażagħ, għadhom esklużi mis-settur finanzjarju formali;

Intensifikazzjoni tal-isforzi fil-GAP2

1.

Jemmen li l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-GAP1 juru l-bżonn ċar għal intensifikazzjoni tal-isforzi fl-azzjoni tal-UE dwar il-GEWE u li għandna bżonn impenn politiku mġedded mis-SEAE u mill-Kummissjoni biex il-prestazzjonijiet jittejbu; jenfasizza l-importanza li r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-evalwazzjoni jiġu implimentati fis-suċċessur għall-GAP tal-lum, ibda minn rispons komplut ta' ġestjoni;

2.

Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal bidla trasformattiva bil-GAP il-ġdid, u għalhekk jemmen li l-GAP2 għandu jieħu s-sura ta' Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jiddispjaċih li l-GAP 2 ġie prodott bħala Dokument Konġunt ta' Ħidma tal-Persunal mhux Komunikazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jibdew l-implimentazzjoni tal-pjan il-ġdid mill-aktar fis possibbli sabiex ir-riżultati konkreti jistgħu jintlaħqu, bħala parti mill-impenn aktar wiesa' tal-UE għal GEWE fl-SDGs, u biex jinvolvu lill-Parlament f'konsultazzjoni matul dan il-proċess;

3.

Jemmen li l-GAP2 għandu jiffoka fuq l-aspetti kollha tal-politika esterna tal-UE – il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja, il-kummerċ, id-drittijiet tal-bniedem u l-affarijiet barranin, il-migrazzjoni u l-asil – bi qbil mal-prinċipju tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, u għandu japplika bl-istess mod għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għal dawk tal-viċinat u għal dawk tat-tkabbir;

4.

Jemmen li l-GEWE għandu jkun fil-qofol tal-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE, b'responsabbiltajiet ta' ġestjoni ċari kemm fl-amministrazzjoni ċentrali kif ukoll fid-Delegazzjonijiet tal-UE; jissottolinja li jeħtieġ li l-Kapijiet ta' delegazzjoni, il-kapijiet ta' unità u l-maniġment superjuri jkunu responsabbli għar-rappurtar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki dwar il-GEWE, li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tiġi inkorporata fid-deskrizzjonijiet tax-xogħol fil-karigi differenti u li jingħata taħriġ lill-persunal kollu;

5.

Jemmen li l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) għandha tiżgura li l-Kummissarji kollha responsabbli għall-azzjoni esterna juru l-kapaċità ta' tmexxija meħtieġa biex jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-GAP2 tirnexxi; jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Mejju 2015, li jissottolinjaw l-impenn tal-Istati Membri favur aġenda trasformattiva dwar id-drittijiet tan-nisa u tal-bniet; jenfasizza l-ħtieġa ta' komplementarjetà bejn l-azzjonijiet tal-Kummissjoni/SEAE u dawk tal-Istati Membri;

6.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru mhumiex indirizzati fir-Rapport Annwali 2014 tad-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DEVCO) u jitlob li, fil-futur, kwistjonijiet tal-GEWE jiġu inklużi fir-rapporti annwali tad-Direttorati Ġenerali kollha tal-Kummissjoni involuti fl-azzjoni esterna u tas-SEAE; jistieden lid-delegazzjonijiet kollha tal-UE biex jippreżentaw rapport annwali dwar il-GAP kif ukoll sommarju tal-prestazzjoni fir-rigward tal-GEWE fir-rapporti annwali, ir-rieżamijiet ta' nofs it-termini u l-evalwazzjonijiet fil-livell tal-pajjiżi tagħhom; jemmen li r-riżultati għandhom jiġu integrati f'monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati (MOR);

7.

Jinnota li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-2017 tad-dokumenti ta' programmazzjoni tal-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) jippreżenta opportunità tajba biex jiġu vvalutati l-impatti ta' programmi ffinanzjati mid-DCI dwar in-nisa u l-bniet, jiġi identifikat b'mod ċar is-sehem ta' programmi li huma ta' benefiċċju għan-nisa u l-bniet, u jsiru riallokazzjonijiet jekk ikunu meħtieġa;

8.

Ifakkar il-prinċipju tal-UE ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u jenfasizza l-importanza tal-koerenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza tal-politika bejn il-GAP il-ġdid u l-pjan ta' azzjoni li jmiss dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jissottolinja li l-ġeneru jeħtieġ li jkun parti sistematika u integrali mid-djalogi kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u pajjiżi terzi; jistieden lis-SEAE biex jistabbilixxi djalogi dwar il-ġeneru flimkien ma' djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi;

9.

Itenni li koordinazzjoni sħiħa bejn id-dipartimenti ċentrali, id-delegazzjonijiet u l-ambaxxati tal-Istati Membri hija essenzjali għal implimentazzjoni b'suċċess tal-GAP2, bl-użu tal-profili tal-pajjiżi fir-rigward tal-ġeneri u għodod oħra; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li r-rieżami tal-programmazzjoni tal-pajjiżi tal-programm tal-FEŻ jipprovdi opportunità biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni sħiħa tal-GAP2 tkun miexja fid-direzzjoni t-tajba u biex isiru l-aġġustamenti meħtieġa;

Ġbir ta' data u miri

10.

Jitlob li jitfasslu strateġiji ta' implimentazzjoni aktar effikaċi u jinsisti fuq l-użu ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi sensittivi għall-perspettiva tal-ġeneri, u fuq il-ġbir sistematiku u f'waqtu ta' data diżaggregata skont il-ġeneru fir-rigward tal-benefiċjarji u l-parteċipanti fl-azzjonijiet kollha, bħala parti mill-proċess ta' monitoraġġ u evalwazzjoni; jinsisti li d-data għandha tkun disponibbli għall-pubbliku sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà finanzjarja u t-trasparenza; jemmen li r-rappurtar għandu jkun allinjat u integrat f'sistemi stabbiliti ta' monitoraġġ u evalwazzjoni bħall-Qafas tar-Riżultati tad-DEVCO fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fi statistiki nazzjonali u jistieden lill-Istati Membri kollha biex jistabbilixxu sistemi ta' monitoraġġ sensittivi għall-perspettiva tal-ġeneri;

11.

Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri biex jipprijoritizzaw u jinvestu f'analiżi tal-ġeneru b'livell għoli ta' kwalità bħala l-bażi għall-istrateġija u l-programmazzjoni fil-livell tal-pajjiżi; iqis li l-UE għandha tirrevedi l-pjanijiet indikattivi nazzjonali mill-perspettiva tal-GAP il-ġdid;

12.

Jagħraf li l-bniet u n-nisa żgħażagħ huma partikolarment żvantaġġati u f'sitwazzjoni ta' riskju, u li jinħtieġ fokus speċifiku biex jiġi żgurat li l-bniet ikollhom aċċess għall-edukazzjoni u jitħallew jgħixu ħajja ħielsa mill-vjolenza, li jitneħħew il-leġiżlazzjoni u l-prattiki diskriminatorji u li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bniet u n-nisa żgħażagħ globalment;

13.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' miri u indikaturi ċari, imkejla u diżaggregati skont is-sess, l-età, id-diżabilità u fatturi oħra kif ukoll titjib tas-segwitu tal-allokazzjonijiet baġitarji; jissottolinja li l-miri u l-metodoloġija ta' monitoraġġ għandhom jiġu allinjati mal-qafas tal-iżvilupp globali ta' wara l-2015 u ma' oqfsa internazzjonali relevanti oħra;

14.

Jisħaq li l-UE jeħtiġilha tindika u tiżgura riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti biex twettaq l-impenji tagħha favur il-GEWE; jissottolinja l-importanza tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-finanzi pubbliċi permezz ta' bbaġitjar li jkun sensittiv għall-perspettiva tal-ġeneri u jindirizza l-inugwaljanzi;

Aspetti ewlenin għall-GAP il-ġdid

15.

Jemmen li l-GAP jeħtieġ li jindirizza l-ostakli għall-implimentazzjoni sħiħa tal-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet (VAWG) u l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza; jitlob strateġija komprensiva tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa b'iktar sforzi u riżorsi għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tal-prattiki kollha li jiddiskriminaw kontra n-nisa kif ukoll biex jiġu miġġielda u pproċessati fil-qrati l-forom kollha ta' traffikar tal-bnedmin, mutilazzjoni ġenitali femminili, sterilizzazzjoni furzata, tqala furzata, ġeneriċidju, vjolenza domestika u stupru konjugali, żwieġ tat-tfal, żwieġ bikri u żwieġ furzat u vjolenza abbażi tal-ġeneru f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitt; jitlob li jiġu żviluppati azzjonijiet speċifiċi tal-UE biex isaħħu d-drittijiet ta' gruppi differenti ta' nisa, b'attenzjoni speċjali fuq iż-żgħażagħ, il-migranti, in-nisa bl-HIV, persuni LGBTI u persuni b'diżabilitajiet;

16.

Jenfasizza l-importanza li jittejjeb l-aċċess tal-bniet għal-livelli kollha tal-edukazzjoni u li jitneħħew l-ostakoli relatati mal-ġeneru fil-qasam tat-tagħlim;

17.

Jenfasizza l-fatt li l-użu tal-istupru bħala arma tal-gwerra u l-oppressjoni jeħtieġ jiġi eliminat, u li l-UE jeħtieġ li tagħmel pressjoni fuq il-gvernijiet ta' pajjiżi terzi u l-partijiet konċernati kollha involuti f'reġjuni fejn isseħħ din il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, sabiex il-prattika tintemm, l-awturi tagħha jitressqu quddiem il-ġustizzja u ssir ħidma mas-superstiti, man-nisa u mal-komunitajiet milquta biex tgħinhom ifiqu u jirkupraw;

18.

Jissottolinja l-vulnerabbiltà tan-nisa migranti, rifuġjati u li qed ifittxu asil, u l-ħtieġa ta' ħarsien speċifiku għalihom; jitlob miżuri speċifiċi li jsaħħu u jiggarantixxu bis-sħiħ id-drittijiet tan-nisa li jfittxu asil; jitlob li tittieħed azzjoni kuraġġuża fil-livell Ewropew biex tindirizza l-kriżi tal-migranti u r-rifuġjati li għaddejja bħalissa, inkluż approċċ għall-migrazzjoni u l-asil li jkun olistiku u sensittiv għall-perspettiva tal-ġeneri kif ukoll konsistenti fl-Istati Membri kollha;

19.

Jirrikonoxxi s-saħħa bħala dritt tal-bniedem; jenfasizza l-importanza ta' aċċess universali għall-kura u l-kopertura tas-saħħa, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi kif miftiehem skont il-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing; jitlob, f'dan ir-rigward, li jsiru aktar sforzi biex jiżdied l-aċċess tan-nisa għas-saħħa u għall-edukazzjoni dwar is-saħħa, għall-ippjanar tal-familja, għall-kura ta' qabel it-twelid u s-saħħa sesswali u riproduttiva, partikolarment biex jiġi indirizzat l-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju 5 dwar is-saħħa materna, inkluża l-mortalità infantili u tat-tfal, li fil-parti l-kbira ma ntlaħaqx; jirrimarka li l-aċċess jikkontribwixxi għall-ilħiq tal-għanijiet ta' żvilupp kollha li huma relatati mas-saħħa; jilqa' b'mod partikolari, f'dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Mejju 2015;

20.

Jissottolinja l-ħtieġa li jinħoloq ambjent favorevoli, b'mod partikolari billi jitneħħew l-ostakoli soċjali u legali għall-aċċess tan-nisa għall-beni tal-produzzjoni, inklużi l-art u r-riżorsi naturali u ekonomiċi, il-promozzjoni tal-inklużjoni finanzjarja, standards tax-xogħol diċenti, ħarsien soċjali sensittiv għall-perspettiva tal-ġeneri u paga ugwali għal xogħol ugwali;

21.

Jemmen li n-negozji għandhom rwol importanti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi permezz ta' azzjonijiet li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa u tad-drittijiet ekonomiċi tan-nisa, bħall-iżgurar li n-nisa jkollhom xogħol deċenti, pagi ndaqs, aċċess għall-finanzi u s-servizzi bankarji u opportunitajiet biex jipparteċipaw fit-tmexxija u t-teħid tad-deċiżjonijiet, u li jħarsuhom kontra d-diskriminazzjoni u l-abbuż fuq il-post tax-xogħol, u permezz ta' responsabbiltà soċjali korporattiva sensittiva għall-perspettiva tal-ġeneri; f'dan il-kuntest jappella għal aktar appoġġ għall-SMEs lokali, speċjalment għall-imprendituri nisa, sabiex ikunu jistgħu jiggwadanjaw mit-tkabbir immexxi mis-settur privat; jenfasizza r-rwol pożittiv li l-mikrofinanzjament, l-intraprenditorija soċjali u l-mudelli tan-negozju alternattivi – bħall-impriżi mutwi u l-kooperattivi, qed ikomplu jkollhom fil-qasam tat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa u tal-inklużjoni tagħhom fl-ekonomija;

22.

Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' prevenzjoni tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa għal raġunijiet ta' żwieġ jew maternità, u li jkun żgurat id-dritt effettiv tagħhom li jaħdmu;

23.

Jinnota li t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u s-sigurtà tal-ikel isostnu lil xulxin; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-pożizzjoni tan-nisa rurali tissaħħaħ billi tkun indirizzata d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-art, l-ilma, l-edukazzjoni, it-taħriġ, is-swieq u s-servizzi finanzjarji; jitlob li l-investiment pubbliku fl-agrikoltura u l-iżvilupp rurali jiżdied b'mod sostanzjali b'enfasi fuq proprjetarji żgħar, kooperattivi agrikoli u netwerks tal-bdiewa;

24.

Jenfasizza l-ħtieġa li n-nisa jkunu inklużi u rrappreżentati f'oqsma ekonomiċi emerġenti li huma importanti għall-iżvilupp sostenibbli, inklużi s-setturi tal-ekonomija ekoloġika u ċirkolari, l-enerġija li tiġġedded u l-ICT;

25.

Itenni r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni formali u informali fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet fl-isfera soċjali, ekonomika, kulturali u politika; jenfasizza l-ħtieġa li strateġija tal-UE dwar l-edukazzjoni fl-iżvilupp tinkludi perspettiva qawwija tas-sessi, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni għas-sostenibilità, ir-rikonċiljazzjoni ta' wara l-kunflitti, l-edukazzjoni matul il-ħajja u t-taħriġ vokazzjonali, il-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u r-rwol tal-arti fl-iskambji interkulturali;

26.

Jissottolinja kemm hu importanti li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-qafas ta' wara l-2015; jitlob aktar appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa, miżuri tal-politika u tal-bini tal-kapaċità mmirati biex jinvolvu u jżidu l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet f'livell lokali tas-soċjetà ċivili, u b'mod partikolari tal-organizzazzjonijiet tan-nisa, fil-konsultazzjonijiet tal-partijiet konċernati f'kull waqt u fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali;

27.

Jinnota li l-GAP irid jindirizza l-qagħda ta' persuni LGBTI fi stati terzi, u jrid jinkludi l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet ta' persuni LGBTI;

28.

Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tad-drittijiet legali tan-nisa u tal-aċċess tagħhom għall-ġustizzja permezz ta' riforma tal-liġijiet li tkun sensittiva għall-perspettiva tal-ġeneri; jemmen li finanzjament immirat għall-ugwaljanza tal-ġeneri fl-għajnuna ġuridika jgħin it-tisħiħ tal-istat tad-dritt;

29.

Jistieden lill-UE biex tippromwovi parteċipazzjoni ikbar tan-nisa fiż-żamma tal-paċi, fil-proċessi tal-bini tal-paċi u fil-missjoniiet militari u tal-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili tal-UE; itenni, f'dan il-kuntest, l-istedina tiegħu lill-UE biex tippromwovi r-Riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u jitlob li l-perspettivi tal-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa jiġu inkorporati fl-inizjattivi kollha għall-paċi u s-sigurtà;

30.

Jistieden lill-UE tippromwovi d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tan-nisa u l-bniet kif iggarantiti permezz tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; f'dan il-kuntest jinsisti fuq il-ħtieġa li tkun żgurata l-protezzjoni tad-dritt tal-ħajja u d-dinjità tan-nisa u l-bniet kollha permezz tat-taqbida attiva kontra prattiki dannużi bħall-ġeneriċidju;

31.

Jissottolinja l-importanza ta' miżuri li jsaħħu t-tmexxija u l-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa fl-isferi pubbliċi kif ukoll f'dawk privati; jitlob li jsiru aktar sforzi biex il-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa fil-ħajja politika tiżdied, notevolment permezz tal-integrazzjoni ta' dan it-tip ta' sforzi fil-programmi kollha ta' appoġġ għad-demokrazija, inkluż l-approċċ komprensiv ta' appoġġ għad-demokrazija (CDSA) tal-Parlament;

32.

Jenfasizza l-ħtieġa tal-involviment tal-irġiel u s-subien u l-promozzjoni tal-impenn attiv u r-responsabilità tagħhom fl-indirizzar ta' normi soċjali diskriminatorji u l-ġlieda kontra l-isterjotipi tal-ġeneru u l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

o

o o

33.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-UN WOMEN.


(1)  Testi Adottati, P8_TA(2014)0059.

(2)  https://ec.europa.eu/europeaid/evaluation-eu-support-gender-equality-and-womens-empowerment-partner-countries-final-report_en

(3)  https://europa.eu/eyd2015/sites/default/files/users/Madara.Silina/from_commitment_to_action_financing_for_gewe_in_sdgs_oecd.pdf


Top