EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0348

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-piena tal-mewt (2015/2879(RSP))

ĠU C 349, 17.10.2017, p. 41–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/41


P8_TA(2015)0348

Il-piena tal-mewt

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-piena tal-mewt (2015/2879(RSP))

(2017/C 349/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, b'mod partikolari dik tas-7 ta' Ottubru 2010 (1),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Ottubru 2014 minn Federica Mogherini, Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u Thorbjørn Jagland, Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, dwar il-Jum Ewropew u Dinji Kontra l-Piena tal-Mewt,

wara li kkunsidra l-Protokolli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt,

wara li kkunsidra r-reġim ta' kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE rigward prodotti li jistgħu jintużaw għall-piena tal-mewt, li bħalissa qiegħed jiġi aġġornat,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u t-Tieni Protokoll Fakoltattiv tiegħu,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1984 kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra,

wara li kkunsidra l-Istudju dwar l-impatt tal-problema dinjija tad-droga fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, maħruġ mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Settembru 2015,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, b'mod partikolari dik tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt (A/RES/69/186),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adottata mill-5 Kungress Dinji Kontra l-Piena tal-Mewt li sar f'Madrid mit-12 sal-15 ta' Ġunju 2013,

wara li kkunsidra l-Jum Dinji u l-Jum Ewropew Kontra l-Piena tal-Mewt, li jokkorri fl-10 ta' Ottubru kull sena,

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt madwar id-dinja hija waħda mill-objettivi ewlenin tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

B.

billi l-Jum Dinji Kontra l-Piena tal-Mewt fl-10 ta' Ottubru 2015 għandu l-għan li “jqajjem kuxjenza dwar l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga”;

C.

billi, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, aktar minn 160 stat membru tan-NU, li għandhom varjetà ta' sistemi ġuridiċi, tradizzjonijiet, kulturi u reliġjonijiet, jew abolixxew il-piena tal-mewt jew inkella ma japplikawhiex;

D.

billi l-aħħar ċifri juru li huwa magħruf li tal-anqas 2 466 persuna f'55 pajjiż ġew ikkundannati għall-mewt fl-2014 – żieda ta' kważi 23 % fuq iċ-ċifra għall-2013; billi twettqu mill-anqas 607 eżekuzzjonijiet madwar id-dinja fl-2014; billi dawn iċ-ċifri ma jinkludux l-għadd ta' persuni li huwa mifhum li ġew iġġustizzjati fiċ-Ċina, pajjiż li baqa' jwettaq aktar eżekuzzjonijiet mill-bqija tad-dinja kollha kemm hi, filwaqt li baqa' jgħaddi eluf ta' kundanni ta' mewt; billi l-kundanni ta' mewt u l-eżekuzzjonijiet qed ikomplu b'rata allarmanti fl-2015; billi ż-żieda fil-kundanni ta' mewt għandha rabta mill-qrib ma' deċiżjonijiet tal-qrati fi proċessi tal-massa b'reazzjoni għal reati marbuta mat-terroriżmu f'pajjiżi bħall-Eġittu u n-Niġerja; billi ċ-Chad u t-Tuneżija qed jikkunsidraw il-possibbiltà li jerġgħu jintroduċu l-piena tal-mewt; billi l-kundanni ta' mewt għadhom jingħataw u jiġu eżegwiti f'uħud mill-Istati Uniti tal-Amerika;

E.

billi huwa rrappurtat li xi persuni ġew ikkundannati għall-mewt bit-tħaġġir fil-Pakistan, in-Niġerja, l-Afganistan, l-Iran, l-Iraq, is-Sudan, is-Somalja u l-Arabja Sawdija, u billi f'dawn l-aħħar snin mijiet ta' nisa sfaw imħaġġra għall-mewt minħabba l-adulterju; billi t-tħaġġir bħala metodu tat-twettiq tal-piena tal-mewt jitqies bħala forma ta' tortura;

F.

billi tmien Stati għandhom il-piena tal-mewt għall-omosesswalità fil-leġiżlazzjoni tagħhom (il-Mauritania, is-Sudan, l-Iran, l-Arabja Sawdija, il-Jemen, il-Pakistan, l-Afganistan u l-Qatar) u billi provinċji fin-Niġerja u fis-Somalja uffiċjalment jimplimentaw il-piena tal-mewt għal atti sesswali bejn persuni tal-istess sess;

G.

billi l-piena tal-mewt ħafna drabi tintuża kontra persuni żvantaġġati u nies b'mard mentali, u b'mod partikolari kontra membri ta' minoranzi nazzjonali u kulturali;

H.

billi 33 stat japplikaw il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-drogi, bir-riżultat li kull sena jitwettqu madwar 1 000 eżekuzzjoni; billi huwa magħruf li fl-2015 twettqu eżekuzzjonijiet għal reati ta' dan it-tip fiċ-Ċina, l-Iran, l-Indoneżja u l-Arabja Sawdija; billi fl-2015 baqgħu jiġu imposti kundanni ta' mewt għal reati relatati mad-droga fiċ-Ċina, l-Indoneżja, l-Iran, il-Kuwajt, il-Malasja, l-Arabja Sawdija, is-Sri Lanka, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Vjetnam; billi dawn ir-reati jistgħu jinkludu diversi akkużi relatati mat-traffikar jew il-pussess tad-droga;

I.

billi fl-aħħar 12-il xahar kien hemm mewġa globali tal-użu tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-drogi, b'tali mod li għadd ta' stati ġġustizzjaw individwi għal reati relatati mad-droga b'rata kunsiderevolment ogħla, filwaqt li oħrajn fittxew li jintroduċu l-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, jew inkella temmew moratorji fuq il-piena tal-mewt li kienu ilhom fis-seħħ żmien twil;

J.

billi, skont kif ġie rrappurtat, l-Iran iġġustizzja 394 persuna ħatja ta' reati relatati mad-droga fl-ewwel sitt xhur tal-2015, meta mqabbel ma' 367 persuna tul l-2014 kollha kemm hi; billi nofs l-eżekuzzjonijiet kollha li twettqu fl-Arabja Sawdija din is-sena kienu jirrigwardaw reati marbuta mad-droga, meta mqabbel mal-4 % biss tal-għadd totali fl-2010; billi tal-anqas 112-il persuna ħatja ta' reati marbuta mad-droga qegħdin jistennew li jiġu ġġustizzjati fil-Pakistan;

K.

billi għadd ta' ċittadini ta' Stati Membri tal-UE jew sfaw iġġustizzjati jew inkella qed jistennew li jiġu ġġustizzjati f'pajjiżi terzi għal reati relatati mad-droga;

L.

billi l-Artikolu 6(2) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi jistipula li l-piena tal-mewt tista' tiġi applikata biss għad-“delitti l-aktar gravi”; billi l-Kumitat tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar l-Eżekuzzjonijiet Extraġudizzjarji, Sommarji u Arbitrarji u dwar it-Tortura ddikjaraw li l-piena tal-mewt ma għandhiex tiġi imposta għal reati relatati mad-droga; billi l-piena tal-mewt obbligatorja u l-użu tagħha għal reati relatati mad-droga huma kontra d-dritt u l-istandards internazzjonali;

M.

billi l-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi ħeġġeġ lil dawk l-istati li jimponu l-piena tal-mewt biex jabolixxuha kompletament għal reati relatati mad-droga;

N.

billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri taw tal-anqas EUR 60 miljun lill-programmi għall-ġlieda kontra n-narkotiċi tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), li jikkonċentraw fuq l-infurzar kontra d-droga f'pajjiżi li japplikaw b'mod attiv il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga; billi rapporti reċenti minn NGOs esprimew tħassib dwar il-fatt li programmi ffinanzjati mill-Ewropa għall-ġlieda kontra n-narkotiċi fi stati li għad għandhom il-piena tal-mewt jista' jkun li qed jinkoraġġixxu l-kundanni ta' mewt u l-eżekuzzjonijiet, u billi jeħtieġ li dawn ir-rapporti jiġu vvalutati;

O.

billi, fil-qafas tal-Istrument tal-UE li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) u l-predeċessur tiegħu, l-Istrument għall-Istabbiltà (IfS), il-Kummissjoni tat bidu għal żewġ miżuri ta' skala kbira kontra n-narkotiċi fuq livell reġjonali – il-programmi tar-rotot tal-kokaina u tal-eroina, li l-ambitu tagħhom jinkludi pajjiżi li japplikaw il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga; billi, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament IcSP, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tuża linji gwida operazzjonali għall-konformità mad-dritt umanitarju u ma' dak tad-drittijiet tal-bniedem rigward miżuri kontra l-kriminalità organizzata;

1.

Itenni l-kundanna tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt u jappoġġja bil-qawwa l-introduzzjoni ta' moratorju fuq il-piena tal-mewt, bħala pass favur it-tneħħija tagħha; jenfasizza għal darb'oħra li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità umana, u li l-għan aħħari tal-UE huwa l-abolizzjoni universali;

2.

Jikkundanna l-eżekuzzjonijiet kollha, iseħħu fejn iseħħu; jibqa' mħasseb ħafna dwar l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt fuq il-minorenni u fuq il-persuni b'diżabilità mentali jew intellettwali, u jitlob li prattiki bħal dawn, li jiksru standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jinqatgħu b'mod immedjat u definittiv; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar proċessi tal-massa reċenti li wasslu għal għadd enormi ta' kundanni ta' mewt;

3.

Jesprimi il-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar il-prattika tat-tħaġġir, li għadha tintuża f'bosta pajjiżi, u lill-gvernijiet tal-pajjiżi konċernati jħeġġiġhom jadottaw minnufih leġiżlazzjoni li tipprojbixxi t-tħaġġir;

4.

Iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jissuktaw jikkumbattu l-użu tal-piena tal-mewt u jappoġġjaw bil-qawwa l-moratorju bħala pass lejn l-abolizzjoni, ikomplu jagħmlu pressjoni għall-abolizzjoni mad-dinja kollha, iħeġġu bil-qawwa lill-pajjiżi li għadhom iwettqu l-piena tal-mewt biex jikkonformaw mal-istandards minimi internazzjonali, inaqqsu l-kamp ta' applikazzjoni u l-użu tal-piena tal-mewt, u jippubblikaw ċifri ċari u preċiżi dwar l-għadd ta' kundanni ta' mewt u ta' eżekuzzjonijiet; iħeġġeġ lis-SEAE jibqa' viġilanti rigward żviluppi fil-pajjiżi kollha, b'mod partikolari fil-Belarussja bħala l-uniku pajjiż Ewropew li għad għandu l-piena tal-mewt, u jħeġġu juża kull mezz ta' influwenza li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu;

5.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt f'uħud mill-Istati Uniti tal-Amerika, u jħeġġeġ lill-UE tissokta d-djalogu tagħha mal-Istati Uniti tal-Amerika bil-għan li sseħħ abolizzjoni totali, ħalli nkunu nistgħu naħdmu flimkien biex nindirizzaw il-piena kapitali madwar id-dinja;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari, f'dak li jirrigwarda l-għajnuna u l-appoġġ politiku, lil pajjiżi li jimxu 'l quddiem lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt jew li jinkoraġġixxu moratorju universali fuq il-piena kapitali; jinkoraġġixxi inizjattivi bilaterali u multilaterali bejn l-Istati Membri, l-UE, in-NU, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet reġjonali oħra dwar kwistjonijiet relatati mal-piena tal-mewt;

7.

Ifakkar li l-piena tal-mewt mhijiex kompatibbli ma' valuri bħar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, li fuqhom tissejjes l-Unjoni, u li għalhekk kwalunkwe Stat Membru li jerġa' jintroduċi l-piena tal-mewt ikun qed jikser it-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

8.

Huwa mħasseb b'mod partikolari dwar il-fatt li l-piena tal-mewt qed tintuża aktar fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu f'għadd ta' pajjiżi, u dwar il-possibbiltà li l-piena tal-mewt terġa' tiġi introdotta f'pajjiżi oħra;

9.

Jikkundanna b'mod partikolari l-użu tal-kundanna ta' mewt bħala għodda għas-soppressjoni tal-oppożizzjoni, jew inkella fuq il-bażi tat-twemmin reliġjuż, tal-omosesswalità jew tal-adulterju, jew fuq akkużi oħra li jitqiesu trivjali jew inkella li saħansitra lanqas biss jitqiesu li huma reati; jappella lil dawk l-istati li jikkriminalizzaw l-omosesswalità, għaldaqstant, biex ma japplikawx il-piena tal-mewt għaliha;

10.

Jibqa' konvint għalkollox li l-kundanni ta' mewt ma jiskoraġġixxux it-traffikar tad-droga, u lanqas ma jżommu lill-individwi milli jisfaw vittmi tal-abbuż tad-droga; jappella lill-pajjiżi li jridu jżommu l-piena tal-mewt biex, fil-każ ta' reati relatati mad-droga, jintroduċu alternattivi li jikkonċentraw, b'mod partikolari, fuq programmi għall-prevenzjoni tad-droga u għat-tnaqqis tad-danni;

11.

Itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga għandha ssir prekundizzjoni għall-assistenza politika, l-assistenza teknika, il-bini ta' kapaċitajiet u appoġġ ieħor għall-politika tal-infurzar tal-liġijiet dwar id-droga;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaffermaw mill-ġdid il-prinċipju kategoriku li l-għajnuna u l-assistenza mill-Ewropa, inkluża dik lil programmi tal-UNODOC kontra n-narkotiċi, ma jistgħux jiffaċilitaw operazzjonijiet tal-infurzar tal-liġijiet li jwasslu għal kundanni ta' mewt u għall-eżekuzzjoni ta' dawk arrestati;

13.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta' prodotti li jistgħu jintużaw għall-piena tal-mewt;

14.

Huwa mħasseb serjament dwar in-nuqqas ta' trasparenza rigward l-għajnuna u l-assistenza kontra n-narkotiċi mogħtija mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għal operazzjonijiet tal-infurzar tal-liġijiet dwar id-droga f'pajjiżi li japplikaw attivament il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga; jitlob li l-Kummissjoni tippubblika rendikont annwali dwar il-finanzjament tagħha għal programmi kontra n-narkotiċi f'pajjiżi li għad għandhom il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, li fih tiddeskrivi liema salvagwardji tad-drittijiet tal-bniedem tkun ħaddmet biex tiżgura li dak il-finanzjament ma jkunx ta lok għal kundanni ta' mewt;

15.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta, bla aktar dewmien, il-linji gwida operazzjonali stipulati fl-Artikolu 10 tar-Regolament IcSP u tapplikahom strettament għall-programmi dwar ir-rotot tal-kokaina u l-eroina;

16.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonforma mar-rakkomandazzjoni fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi (2013-2016) li għandha tiġi żviluppata u implimentata “għodda ta' gwida u valutazzjoni rigward id-drittijiet tal-bniedem” biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem “ikunu integrati b'mod effikaċi fl-Azzjoni Esterna tal-UE dwar id-Drogi”;

17.

Iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu gwida għal politika Ewropea komprensiva u effikaċi dwar il-piena tal-mewt fir-rigward ta' tużżani ta' ċittadini Ewropej li qed jiffaċċjaw l-eżekuzzjoni f'pajjiżi terzi, li għandha tinkludi mekkaniżmi sodi u msaħħa f'dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni, l-għoti ta' assistenza legali u r-rappreżentanza diplomatika;

18.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li s-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-Problema Dinjija tad-Droga, f'April 2016, tindirizza l-użu tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, u tikkundanna l-applikazzjoni tagħha;

19.

Jappoġġja lill-aġenziji tan-NU, lill-korpi reġjonali intergovernattivi u lill-NGOs kollha fl-isforzi ma jaqtgħu xejn tagħhom biex jinkoraġġixxu lill-istati jabolixxu l-piena tal-mewt; jitlob li l-Kummissjoni tibqa' tiffinanzja proġetti f'dan il-qasam permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;

20.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-ratifiki reċenti tat-Tieni Protokoll Fakoltattiv għall-ICCPR li għandu l-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt, li żiedu l-għadd ta' stati partijiet għal 81; jistieden lill-istati kollha li mhumiex partijiet ta' dan il-Protokoll biex jirratifikawh minnufih;

21.

Jistieden lill-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa li għadhom ma rratifikawx il-Protokolli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem biex ifittxu jirratifikawhom, b'tali mod li jkun żgurat li l-piena tal-mewt tkun abolita effettivament fir-reġjun kollu tal-Kunsill tal-Ewropa;

22.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU.


(1)  ĠU C 371 E, 20.12.2011, p. 5.


Top