EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0345

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-każ ta' Ali Mohammed al-Nimr (2015/2883(RSP))

ĠU C 349, 17.10.2017, p. 34–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/34


P8_TA(2015)0345

Il-każ ta' Ali Mohammed al-Nimr

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-każ ta' Ali Mohammed al-Nimr (2015/2883(RSP))

(2017/C 349/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċendenti tiegħu tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-każ tas-Sur Raif Badawi, mill-Arabja Sawdija (1) u tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq (2);

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, adottati f'Ġunju 1998, u l-verżjoni riveduta u aġġornata ta' April 2013,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, b'mod partikolari dik tat-18 ta’ Diċembru 2014 dwar il-moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt fid-dinja (A/RES/69/186),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-22 ta' Settembru 2015 mill-esperti tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-każ ta' Ali Mohammed al-Nimr,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jiddikkjara d-dritt ta' kulħadd għal-libertà tal-espressjoni, u l-Artikolu 4 li jipprojbixxi t-tortura,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem adottati f'Ġunju 2004 u riveduti f'Diċembru 2008,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tagħha l-Arabja Sawdija hija parti,

wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

wara li kkunsidra l-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li tagħha l-Arabja Sawdija hi parti, b'mod partikolari l-Artikolu 32(1) tagħha, li tiggarantixxi d-dritt għall-informazzjoni u l-libertà ta' opinjoni u tal-espressjoni u l-Artikolu 8 tagħha, li jipprojbixxi tortura fiżika jew psikoloġika u trattament krudili, inuman jew degradanti ieħor,

wara li kkunsidra l-każ addizzjonali reċenti ta' kundanna għall-qtugħ ir-ras tat-tieni minorenni, Dawoud al-Marhoon, li, fl-età ta' 17-il sena, allegatament kien ittorturat u mġiegħel jiffirma konfessjoni li l-uffiċjali użaw biex jikkundannawh wara li kien arrestat matul protesti fil-Provinċja tal-Lvant tal-Arabja Sawdija f'Mejju 2012;

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi Ali Mohammed al-Nimr, ta' 21 sena u neputi ta' dissident prominenti tal-gvern, kien ikkundannat għall-piena kapitali f'Mejju 2015, skont kif rappurtat għal qtugħ ir-ras segwit minn kruċifissjoni mill-Qorti Suprema tal-Arabja Sawdija fuq akkużi kriminali inklużi sedizzjoni, irvell, protesti, serq u li jagħmel parti minn ċellula terroristika f'Mejju 2015; billi Ali al-Nimr kien għad ma kellux 18-il sena – u għalhekk minorenni – meta kien arrestat waqt li kien qed jipprotesta għad-demokrazija u d-drittijiet ugwali fl-Arabja Sawdija; billi hu kien ikkundannat għall-mewt waqt protesti fil-Provinċja prinċipalment Xiita tal-Lvant tal-Arabja Sawdija; billi kien allegat minn sorsi affidabbli li Ali al-Nimr kien ittorturat u mġiegħel jiffirma l-konfessjoni tiegħu; billi hu ġie mċaħħad minn kull garanzija ta' proċess sikur u proċess legali xieraq f'konformità mad-dritt internazzjonali;

B.

billi l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt fuq xi ħadd li kien għadu minorenni meta saret l-offiża u dan wara allegazzjonijiet ta' tortura hi inkompatibbli mal-obbligi internazzjonali tal-Arabja Sawdija;

C.

billi l-projbizzjoni ta' tortura u trattament jew pieni krudili, inumani u degradanti hi inkluża fl-istrumenti internazzjonali u reġjonali kollha tad-drittijiet tal-bniedem, u tikkostitwixxi regola tad-dritt konswetudinarju internazzjonali, li hi għalhekk vinkolanti fuq l-istati kollha, indipendentement minn jekk ikunux irratifikaw il-ftehimiet internazzjonali relevanti;

D.

billi ż-żieda fl-għadd ta' sentenzi tal-mewt hi marbuta sew mas-sentenzi tal-Qorti Kriminali Speċjalizzat tal-Arabja Sawdija fi proċessi bħala rispons għal offiżi relatati mat-terroriżmu; billi skont l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tal-inqas 175 eżekuzzjoni twettqu bejn Awwissu 2014 u Ġunju 2015 fl-Arabja Sawdija;

E.

billi dan il-każ hu wieħed minn ħafna li fih sentenzi kiefra kif ukoll fastidju intużaw kontra attivisti Saudi li ġew ippersegwitati għaliex esprimew il-fehmiet tagħhom, diversi minnhom ġew ikkundannati, skont proċeduri li huma 'l bogħod minn standards internazzjonali dwar proċessi ġusti, kif ġie kkonfermat mill-Kummissarji Għoli preċedenti tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Lulju 2014;

F.

billi l-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jiddikkjara li kull bniedem għandu dritt għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni kemm online kif ukoll offline; billi dan id-dritt jinkludi l-libertà għall-opinjoni mingħajr xkiel u li wieħed ifittex, jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat permezz ta’ kwalunkwe midja u irrispettivament mill-fruntieri;

G.

billi l-Ambaxxatur tal-Arabja Sawdija għan-Nazzjonijiet Uniti f'Ġinevra, l-E.T. Faisal bin Hassan Trad, kien maħtur President ta' panel ta' esperti indipendenti fuq il-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

H.

billi l-ftuħ tad-djalogu bejn ir-Renju tal-Arabja Sawdija (KSA) u l-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem jista' jkun pass kostruttiv biex jissaħħaħ il-fehim reċiproku u jiġu promossi riformi fil-pajjiż inkluża r-riforma tal-ġudikatura;

I.

billi l-Arabja Sawdija hi attur politiku u ekonomiku influenti u importanti fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Afrika ta' Fuq;

1.

Jikkundanna bil-qawwa s-sentenza ta' Ali Mohammed al-Nimr għall-piena tal-mewt; itenni l-kundanna tiegħu kontra l-użu tal-piena tal-mewt u jappoġġa bis-sħiħ l-introduzzjoni ta' moratorju fir-rigward tal-piena tal-mewt, bħala pass favur it-tneħħija tagħha;

2.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija u b'mod partikolari l-Majestà Tiegħu r-Re tal-Arabja Sawdija Salman bin Abdulaziz Al Saud biex iwaqqaf l-eżekuzzjoni ta' Ali Mohammed al-Nimr u jagħti maħfra jew ibiddel is-sentenza; jistieden lis-Servizz Ewropew għal Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri jużaw l-għodda diplomatika kollha tagħhom u l-isforzi tagħhom biex immedjatament iwaqqfu din l-eżekuzzjoni;

3.

Ifakkar lir-Renju tal-Arabja Sawdija li hi parti statali għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tipprojbixxi b'mod strett l-użu tal-piena tal-mewt għal reati li jsiru minn persuna taħt it-18-il sena;

4.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jabolixxu l-Qorti Kriminali Speċjalizzata, li ġiet stabbilita fl-2008 biex tipproċessa l-każijiet tat-terroriżmu iżda kulma jmur aktar bdiet tħarrek lil dissidenti paċifiċi fuq akkużi li apparentement kienu politikament motivati u fi proċedimenti li jiksru d-dritt fundamentali għal proċess ġust;

5.

Jistieden lill-Gvern tal-Arabja Sawdija jiżgura investigazzjoni immedjata u imparzjali fl-allegati atti ta' tortura u biex jiżgura li Ali Mohammed al-Nimr jingħata attenzjoni medika li jeħtieġ, kif ukoll aċċess regolari għall-familja tiegħu u għal avukat;

6.

Ifakkar lill-Arabja Sawdija fl-impenji tagħha bħala membru tal-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jinnota li l-Arabja Sawdija reċentement inħatret president fuq panel ta' esperti indipendenti fil-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet tas-Sawdi jiżguraw li l-istandards tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-pajjiż tagħhom ikunu konsistenti mar-rwol internazzjonali tagħhom;

7.

Jitlob għal mekkaniżmu msaħħaħ għal djalogu bejn l-UE u l-Arabja Sawdija dwar kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u skambju ta' għarfien espert dwar kwistjonijiet ta' ġustizzja u dawk legali sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet individwali fir-Renju bi qbil mal-proċess ta' riforma ġudizzjarja li ħa r-Renju tal-Arabja Sawdija; jistieden lill-awtoritajiet tal-KSA isegwu r-riformi meħtieġa dwar id-drittijiet tal-bniedem u partikolarment dawk li jirrigwardaw il-limitazzjoni fuq il-piena tal-mewt u l-piena kapitali;

8.

Jinkoraġġixxi lill-Arabja Sawdija tiffirma u tirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li daħal fis-seħħ fl-1976, li l-Artikolu 6 tiegħu jiddikjara li 'kull bniedem għandu dritt inerenti għall-ħajja';

9.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda rappurtata fl-għadd ta' sentenzi ta' mewt fir-Renju tal-Arabja Sawdija fl-2014 u r-rata allarmanti li biha s-sentenzi tal-qorti qed jordnaw il-piena tal-mewt fl-2015;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlament u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Majestà Tiegħu ir-Re Salman bin Abdulaziz Al Saud, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija, lill-Kummissarju Għġoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.


(1)  Testi Adottati, P8_TA(2015)0037.

(2)  Testi Adottati, P7_TA(2014)0207.


Top