Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0312

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-għoti ta’ setgħa lill-bniet permezz tal-edukazzjoni fl-Unjoni Ewropea (2014/2250(INI))

    ĠU C 316, 22.9.2017, p. 182–191 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.9.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 316/182


    P8_TA(2015)0312

    Emanċipazzjoni tal-bniet permezz tal-edukazzjoni fl-UE

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-għoti ta’ setgħa lill-bniet permezz tal-edukazzjoni fl-Unjoni Ewropea (2014/2250(INI))

    (2017/C 316/18)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Programm ta’ Azzjoni ta’ Pekin adottati mir-Raba’ Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa fil-15 ta’ Settembru 1995 u d-dokumenti finali sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Pekin + 5 (2005), Pekin + 15 (2010) u Pekin + 20 (2015),

    wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill Ewropew f’Marzu 2011,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni adottata f’Mejju 2011 mill-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Settembru 2010 bit-titolu “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” (COM(2010)0491),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-isterjotipi tas-sessi fl-Unjoni (1),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, u d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2015 dwar il-progress li sar fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni fl-2013 (2),

    wara li kkunsidra r-rapport indipendenti tal-2009 kkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Edukazzjoni u l-Kultura (DĠ EAC),

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2007)13 tal-10 ta’ Ottubru 2007 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar approċċ integrat għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-edukazzjoni,

    wara li kkunsidra l-“kumpilazzjoni ta’ prattiki tajba għall-promozzjoni ta’ edukazzjoni mingħajr sterjotipi tas-sess u biex jiġu definiti modi għall-implimentar tal-miżuri li jinsabu fir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri dwar approċċ integrat għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-edukazzjoni” (riveduta fit-12 ta’ Marzu 2015), żviluppata mill-Kunsill tal-Ewropa,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni Rec(2003)3 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u pubbliċi, adottata fit-12 ta’ Marzu 2003,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) bl-isem “In-nisa u d-dinja tax-xogħol” fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara fl-2015,

    wara li kkunsidra l-istħarriġ “tal-Unjoni Ewropea dwar il-persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru” ippubblikat mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) fl-2013,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0206/2015),

    A.

    billi l-edukazzjoni hija l-pedament ta’ ċittadinanza responsabbli, hija essenzjali biex tiġi żgurata ugwaljanza bejn is-sessi u emanċipazzjoni tal-bniet, u hija dritt tal-bniedem fundamentali u dritt ta' kull tifel u tifla;

    B.

    billi l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-bniet u n-nisa huwa valur importanti Ewropew, dritt fundamentali u element essenzjali tal-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa fuq livelli soċjali, kulturali u professjonali, kif ukoll għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet l-oħra kollha soċjali, ekonomiċi, kulturali u politiċi u sussegwentement għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

    C.

    billi l-edukazzjoni tista' tittrasforma soċjetà u tikkontribwixxi għal ugwaljanza oċjali, politika u bejn is-sessi;

    D.

    billi skont studju mwettaq mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament, 30 miljun tifla f'età tal-iskola primarja huma esklużi mis-sistema edukattiva madwar id-dinja;

    E.

    billi l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inadegwatezza jew in-nuqqas ta’ disponibilità ta’ stabbilimenti għal qabel l-iskola proprja, skejjel u netwerks barra l-iskola huma fost l-akbar ostakli li jipprevjenu li l-bniet ikollhom aċċess għall-edukazzjoni;

    F.

    billi l-Istati biss jistgħu jipprovdu edukazzjoni universali obbligatorja bla ħlas, li hija kundizzjoni sine qua non biex jiggarantixxu opportunitajiet indaqs għaż-żewġ sessi;

    G.

    billi t-tnaqqis baġitarju li sar fis-settur tal-edukazzjoni, li jirriżulta fil-biċċa l-kbira minn politiki ta’ awsterità imħeġġa mill-UE, qed jipperikolaw edukazzjoni pubblika ta’ kwalità għolja mingħajr ħlas u għalhekk iservu biex jaggravaw l-inugwaljanzi;

    H.

    billi edukazzjoni pubblika ta’ kwalità għandha tkun mingħajr ħlas u disponibbli għat-tfal kollha, mingħajr ebda diskriminazzjoni u irrispettivament mill-istatus ta’ residenza tagħhom;

    I.

    billi l-faqar għandu influwenza qawwija fuq aċċess ugwali għall-edukazzjoni minħabba l-ispejjeż, kemm diretti kif ukoll indiretti, li jiġġarbu meta t-tfal jintbagħtu l-iskola, u l-aċċess għall-edukazzjoni, u b’mod partikulari l-edukazzjoni għolja, huwa speċjalment diffiċli għal żgħażagħ minn familji bi dħul baxx, u dan iwassal għal tisħiħ tal-preferenza tradizzjonali lejn l-edukazzjoni tas-subien;

    J.

    billi l-istereotipi tas-sessi jassenjaw rwoli differenti, iddeterminati u limitati lin-nisa u l-irġiel, u dawn ir-rwoli huma fformati permezz ta’ bosta fatturi soċjali u mxerrda jew riprodotti mill-ġenituri, l-edukazzjoni u l-midja; billi dawn ir-rwoli tal-ġeneri jiġu integrati minn individwi matul il-fażijiet tas-soċjalizzazzjoni tat-tfulija u l-adoloxxenza, u għalhekk jinfluwenzaw ħajjithom u jistgħu jillimitaw l-iżvilupp personali tan-nisa u l-irġiel;

    K.

    billi l-impatt ta’ stereotipi tal-ġeneri fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ u deċiżjonijiet magħmula minn studenti fl-iskola jistgħu jinfluwenzaw l-għażliet tul ħajjithom u sussegwentement għandhom implikazzjonijiet qawwija fis-suq tax-xogħol fejn in-nisa għadhom jiffaċċjaw segregazzjoni kemm orizzontali kif ukoll vertikali; billi dan jikkontribwixxi biex ċerti setturi għadhom jitqiesu bħala “maskili” u fejn il-livelli tal-paga huma konsegwentement ogħla minn setturi meqjusa “femminili”;

    L.

    meta titqies l-influwenza sinifikanti tal-ambjent soċjali, l-attitudnijiet tal-familja, sħab, mudelli u għalliema, kif ukoll ta’ ċentri ta’ taħriġ u pariri fil-proċess tal-għażla, fuq l-għażla tal-oqsma ta’ studju tal-istudenti u fuq il-bidla fl-istereotipi tal-ġeneru, u peress li l-għalliema bħala aġenti tal-bidla soċjali, bl-attitudnijiet u l-prattiki ta’ tagħlim tagħhom huma essenzjali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, id-diversità u l-fehim u r-rispett reċiproċi; iqis ukoll li l-għalliema tal-iskejjel jistgħu jkellmu lill-ġenituri u titqajjem il-kuxjenza dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-potenzjal tat-tfal tagħhom;

    M.

    billi l-perspettiva tal-ġeneru għandha tkun inkorporata fil-livelli u l-oqsma kollha tas-sistema edukattiva biex, fost is-subien u l-bniet, l-irġiel u n-nisa, jinkoraġġixxu l-valuri tal-ġustizzja u ċ-ċittadinanza demokratika u biex tiġi żviluppata l-ugwaljanza vera bejn l-irġiel u n-nisa, kemm fl-isfera pubblika kif ukoll fl-isfera privata;

    N.

    billi hemm bżonn ta’ aktar nisa li huma ta' eżempju għall-oħrajn f’oqsma riżervati għall-irġiel bħax-xjenza, l-inġinerija, it-teknoloġija, il-matematika u l-intraprenditorija, u netwerks ta’ mentoring u tagħlim bejn il-pari huma effettivi fl-għoti ta’ setgħa lil bniet f’dawn l-oqsma;

    O.

    billi d-data disponibbli turi li n-nisa huma rikompensati inqas finanzjarjament għall-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom mill-irġiel, u n-nisa jibqgħu responsabbli fil-biċċa l-kbira mill-kura għat-tfal u dipendenti oħra tal-familja, u dan jillimita l-aċċess tagħhom għal impjieg full-time bi ħlas; billi l-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tinvolvi r-rikonoxximent ta’ kull xogħol magħmul min-nisa u l-edukazzjoni tas-subien u l-irġiel fil-kompiti li huma tradizzjonalment femminili; billi l-progress fil-politiki dwar l-appoġġ għall-kura tat-tfal u l-liv tal-maternità u tal-paternità madwar l-Ewropa se jikkontribwixxi għal prospetti ta’ impjieg tan-nisa, l-għoti ta’ setgħa ekonomika, u l-ġlieda kontra l-istereotipi tas-sessi, u b’hekk jagħti s-setgħa lill-bniet fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;

    P.

    billi, għalkemm hemm iktar nisa b'edukazzjoni sekondarja jew universitarja, kemm l-oqsma ta' edukazzjoni kif ukoll l-attivitajiet professjonali tagħhom huma kkonċentrati madwar kompiti bl-għan tar-riproduzzjoni u l-kontinwazzjoni ta’ strutturi soċjali u ekonomiċi tradizzjonali eżistenti, u li jeħtieġ li jiżdied il-perċentwal ta’ nisa kemm fl-edukazzjoni vokazzjonali kif ukoll mas-setturi tal-iSTEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika);

    Q.

    billi allokazzjoni aktar ugwali ta’ riżorsi edukattivi tista’ tirriżulta f’aktar aċċess għall-bniet għas-suq tax-xogħol, u parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol jistgħu jrawmu prospetti ekonomiċi tal-UE;

    R.

    billi l-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali għandhom jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-istabbilimenti edukattivi bil-mezzi kollha, li l-edukazzjoni tas-sessi għandha tkun parti fundamentali mill-programmi skolastiċi; billi l-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali għandhom jiżguraw li l-materjali tat-tagħlim ma fihomx kontenut diskriminatorju;

    S.

    billi l-kurrikulu formali jirrifletti l-perspettiva kulturali u soċjali ta’ kull Stat Membru u jinfluwenza l-kostruzzjoni ta’ identità tas-subien u l-bniet; billi l-kurrikulu informali jikkumplimenta l-kurrikulu formali filwaqt li l-kurrikulu moħbi huwa komuni għal kull definizzjoni sitwazzjonali tal-kurrikulu; billi dawn it-tipi kollha ta’ kurrikuli huma importanti fil-bini ta’ identità tas-subien u l-bniet, u l-awtoritajiet lokali, billi l-viċinanza tagħhom għall-istituzzjonijiet edukattivi għandha rwol ewlieni x'taqdi fl-edukazzjoni informali;

    T.

    billi huwa essenzjali, biex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa, li ċ-ċentri ta’ riċerka edukattiva speċjalizzati fl-ugwaljanza tas-sessi ikunu responsabbli mill-monitoraġġ kostanti, fuq livell edukattiv, iżda wkoll li jimmonitorjaw u jevalwaw il-programmi, l-għanijiet ta' żvilupp u r-riżultati ta' tagħlim, il-kontenut, l-istrateġiji, il-materjali, il-valutazzjoni, il-programm ta’ kull suġġett kif ukoll u l-ippjanar;

    U.

    billi l-vjolenza fuq in-nisa hija l-ostaklu ewlieni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u tista' tiġi miġġielda permezz tal-edukazzjoni; billi mhux il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea rratifikaw il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u li jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tniedi u tiffinanzja proġetti favur l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

    V.

    billi l-vjolenza fl-iskejjel marbuta mal-ġeneru (SRGBV) tinkludi atti ta’ vjolenza sesswali, vjolenza fiżika u/jew psikoloġika kkawżata lit-tfal minħabba l-istereotipi bejn is-sessi u n-normi soċjali; billi l-SRGBV hija ostaklu ewlieni għall-aċċess, il-parteċipazzjoni u l-kisba;

    W.

    billi n-nisa u l-bniet b'diżabilitajiet u/jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali huma esposti għal diskriminazzjoni multipla; billi s-sitwazzjoni tal-bniet tista’ tittejjeb biss meta l-aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja huwa ugwali u mhux determinat jew imfixkel b’din id-diskriminazzjoni u huwa konformi bis-sħiħ mal-prinċipji tal-inklużjoni;

    X.

    billi jeżistu sproporzjonalitajiet sinifikanti fl-identifikazzjoni ta' bżonnijiet edukattivi speċjali (SEN); billi huwa universalment aktar probabbli li s-subien ikunu ġew identifikati bħala li għandhom ħtiġijiet speċjali, speċjalment diffikultajiet 'mhux normattivi' bħall-attenzjoni deficiency syndrome (ADS) jew disleksja, meta ġudizzju professjonali għandu rwol akbar fl-identifikazzjoni;

    Y.

    billi 17 % tal-adulti madwar id-dinja, żewġ terzi (493 miljun) fosthom nisa, ma jafux jaqraw jew jiktbu (3);

    Rakkomandazzjonijiet ġenerali

    1.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw u jtejbu l-miżuri biex japplikaw l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva, u biex jintegraw bis-sħiħ titjib fl-għarfien ta’ kwistjonijiet ta' ġeneru fit-taħriġ tal-għalliema, iżda wkoll kull kategorija ta’ professjonisti tal-iskola, pereżempju tobba tal-iskejjel, infermiera, psikologi, assistenti soċjali u għalliema, kif ukoll biex jiżguraw il-ħolqien ta’ mekkaniżmi tul is-sistema edukattiva kollha li jiffaċilitaw il-promozzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istituzzjonijiet edukattivi;

    2.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu d-demokratizzazzjoni tal-edukazzjoni u kondizzjonijiet oħra meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-edukazzjoni, kemm jekk ipprovduta permezz ta’ skejjel jew b’mezzi oħra ta’ tagħlim, tgħin biex iġġib l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs, jegħlbu inugwaljanzi ekonomiċi, soċjali u kulturali, jinkoraġġixxu l-iżvilupp personali u spirtu ta’ tolleranza, solidarjetà u responsabbiltà, u jiffaċilitaw il-progress soċjali u l-parteċipazzjoni demokratika fil-ħajja tal-komunità;

    3.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-għanijiet tas-sistemi edukattivi tagħhom jinkludu l-edukazzjoni b’rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet u opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel, u li l-prinċipji tal-kwalità tas-sistemi tagħhom jinkludu l-eliminazzjoni tal-ostakoli għal ugwaljanza effettiva bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll il-promozzjoni sħiħa tal-ugwaljanza bejniethom;

    4.

    Jitlob li ssir promozzjoni ta’ approċċ olistiku għall-edukazzjoni formali u informali fl-iskejjel, u approċċ sensittiv lejn l-inklużjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-dinjità umana, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-iżvilupp ta’ awtostima u assertività, li jinkoraġġixxi teħid ta’ deċiżjonijiet awtonomu u infurmat għall-bniet u n-nisa, kemm fil-livell personali kif ukoll f’dak professjonali; Jirrikonoxxi li l-edukazzjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tikkomplementa l-edukazzjoni ċivika għall-valuri demokratiċi, u tkun integrata f’ambjent edukattiv sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi li jkun ibbażat fuq id-drittijiet, fejn il-bniet u s-subien jistgħu jitgħallmu dwar id-drittijiet tagħhom u l-esperjenza ta’ proċessi demokratiċi fl-iskejjel u f’ambjenti ta’ tagħlim informali billi, pereżempju, jieħdu sehem f’governanza demokratika tal-iskejjel tagħhom stess;

    5.

    Jistieden lil dawk li jfasslu l-politika edukattiva mill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw li l-impenji favur l-ugwaljanza bejn is-sessi jmorru lil hinn mid-dikjarazzjonijiet tal-prinċipji u intenzjonijiet politiċi, u jkunu riflessi f’żidiet kbar fl-isforzi u r-riżorsi investiti, filwaqt li jfakkar l-importanza primarja tal-edukazzjoni sabiex tiġi effettwata bidla kulturali;

    6.

    Jirrimarka li filwaqt li n-nisa jirrappreżentaw il-maġġoranza (60 %) ta’ gradwati ta’ edukazzjoni ogħla fl-UE, ir-rata tal-impjieg tagħhom u t-trajettorji ta' promozzjoni tagħhom ma jirriflettux il-potenzjal sħiħ tagħhom; jenfasizza li l-kisba ta’ tkabbir ekonomiku inklużiv u fit-tul tiddependi fuq li jitnaqqas id-distakk bejn dak li n-nisa jiksbu fl-edukazzjoni tagħhom u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, primarjament billi tingħeleb is-segregazzjoni orizzontali u vertikali;

    7.

    Jenfasizza li l-edukazzjoni hija għodda importanti li tgħin lin-nisa biex jipparteċipaw b’mod sħiħ fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku; jenfasizza li l-miżuri għat-tagħlim tul il-ħajja huma kruċjali biex jipprovdu lin-nisa bil-ħiliet li jippermettulhom jirritornaw fid-dinja tax-xogħol jew itejbu l-impjieg, id-dħul u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom;

    8.

    Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-investiment essenzjali fl-edukazzjoni sabiex kulħadd ikun jista’ jibbenefika minn edukazzjoni pubblika ta’ kwalità għolja mingħajr ħlas;

    9.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet edukattivi tagħhom jiggarantixxu l-istess dritt għall-edukazzjoni għan-nisa u l-irġiel, billi jinkorporaw b’mod attiv il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’miri u azzjonijiet edukattivi, u b’hekk jiġi evitat li jitfaċċjaw inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel minħabba l-imġiba u l-istereotipi soċjali sessisti assoċjati;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li din ir-rakkomandazzjoni tintbagħat lill-istituzzjonijiet politiċi responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki edukattivi fil-livelli ċentrali, reġjonali u lokali, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet tal-ġestjoni skolastika u l-awtoritajiet reġjonali u lokali;

    11.

    Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa r-rappreżentanza indaqs bejn is-sessi f’termini ta’ tmexxija u ġestjoni ta’ korpi responsabbli għas-sorveljanza u l-governanza ta’ stabbilimenti edukattivi, speċjalment fost il-maniġers u l-kapijiet tal-iskola u fejn hemm rappreżentanza bħal fis-suġġetti STEM, peress li dan ser jipprovdi mudelli għall-bniet;

    12.

    Jenfasizza li l-bniet li mhumiex permessi li jattendu l-iskola huma aktar esposti għal vjolenza domestika;

    13.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tibda malajr kemm jista’ jkun il-proċedura għall-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul; jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni, u jitlob ukoll lill-UE u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien għall-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni; jenfasizza r-rabtiet mill-qrib bejn l-istereotipi tas-sessi u l-ibbulijar, cyberbullying u l-vjolenza kontra n-nisa, u l-bżonn li jiġu miġġielda dawn minn età bikrija; jenfasizza li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul titlob lill-firmatarji biex jinkludu materjali tat-tagħlim dwar kwistjonijiet bħal rwoli tas-sessi li mhumiex stereotipi, ir-rispett reċiproku, is-soluzzjoni mhux vjolenti tal-kunflitti f’relazzjonijiet interpersonali, il-vjolenza sessista u d-dritt għall-integrità personali, adattat għal kapaċità li qed jevolvu tal-istudenti, f’kurrikuli formali u fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;

    14.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jinvestu b’mod konsistenti fl-informazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-kampanji edukattivi u biex jitjieb l-għoti ta’ gwida tal-karriera għall-bniet u s-subien, jiġu indirizzati l-perċezzjonijiet stereotipati tar-rwoli tas-sessi, kif ukoll l-istereotipi tas-sessi b’orjentazzjoni vokazzjonali u professjonali, b’mod partikolari fix-Xjenza u Teknoloġiji ġodda; ifakkar li dan inaqqas is-segregazzjoni bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol u jsaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa filwaqt li jippermettilhom li jibbenefikaw bis-sħiħ minn kapital uman rappreżentat minn tfajliet u nisa fl-UE u jippromwovu diskussjonijiet ta’ għażliet edukattivi u għall-karriera fl-iskejjel u fil-klassijiet;

    15.

    Ifakkar fir-rwol tat-timijiet edukattivi biex jgħinu u jikkonsultaw mal-familji f’dak li għandu x’jaqsam mal-karrieri skolastiċi tat-tfal bl-għan li jkunu stabbiliti f'direzzjoni li tixraq il-ħiliet, it-talenti u l-gosti tagħhom; jenfasizza li l-istadju li fih jingħataw pariri dwar il-karrieri skolastiċi huwa wieħed deċiżiv u huwa żmien meta l-isterjotipi tas-sessi jistgħu jkunu element importanti, li jistgħu jolqtu ħażin u b'mod dejjiemi l-kapaċità tal-bniet li jsegwu karriera professjonali li tiffaċilita l-iżvilupp u l-emanċipazzjoni personali tagħhom.

    16.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex torganizza, permezz tal-Istati Membri, programmi ta’ taħriġ speċifiċi ta’ sensibilizzazzjoni mmirati lejn bniet rigward il-parteċipazzjoni tagħhom f’edukazzjoni ogħla u l-possibilità ta’ korsijiet ta’ studju, b’opportunitajiet ta’ xogħol korrispondenti fuq il-bażi tal-ħiliet tagħhom, sabiex jitħeġġu jsegwu karrieri li tradizzjonalment huma ddominati mill-irġiel u biex tissaħħaħ l-awtostima tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ nisa; jenfasizza li l-edukazzjoni informali taqdi rwol ewlieni fil-bini ta’ fiduċja għall-bniet u n-nisa żgħażagħ;

    17.

    Jistieden lill-Istati Membri jużaw il-Fondi ESI biex jappoġġjaw programmi li jaħdmu b’mod attiv mal-ġenituri ta’ tfal minn dawk il-komunitajiet esklużi u li jinkoraġġixxu u jistimolaw attivitajiet sinifikanti barra l-ħinijiet tal-iskola u waqt il-vaganzi tal-iskola;

    18.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-promozzjoni ta’ netwerks pubbliċi ta’ creches, nurseries u s-sistema edukattiva ta’ qabel l-iskola, u servizzi ta’ rikreazzjoni pubblika għat-tfal;

    19.

    Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali għall-persuni b’diżabbiltajiet u/jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali (SEN), kif ukoll it-tnaqqis ta’ rati gћoljin ta' tluq mill-iskola tagħhom, u li jirrispettaw il-prinċipji ta’ edukazzjoni inklużiva, b’enfasi fuq il-parteċipazzjoni attiva ta’ dawn l-istudenti, u biex tittejjeb l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà u s-sistema edukattiva ġenerali fejn possibbli; jitlob titjib immedjat fit-taħriġ tal-għalliema għal dan l-għan u l-integrazzjoni ta’ perspettiva dwar il-ġeneru f’taħriġ bħal dan, kif ukoll l-identifikazzjoni ta’ diffikultajiet fit-tagħlim, inkluż l-iżvilupp ta’ għodod ta’ skrining sensittivi għall-ġeneru u jintegraw il-perspettiva tal-ġeneru speċifiċi sabiex jipprovdu programmi edukattivi tan-nisa u l-bniet kkonċernati b’opportunitajiet aħjar meta jfittxu impjieg, u li jagħtuhom is-setgħa biex tingħeleb id-diskriminazzjoni multipla;

    20.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw aċċess ugwali għall-edukazzjoni għall-bniet u s-subien, irrispettivament mill-età, is-sess, l-istatus soċjoekonomiku, l-isfond kulturali jew reliġjuż, u jenfasizza l-ħtieġa għal istituzzjonijiet Ewropej, nazzjonali u lokali biex jippromwovu programmi speċifiċi biex jintegraw komunitajiet marġinalizzati b’mod ġenerali fl-iskejjel kif ukoll, b’mod partikolari, bniet minn dawn il-komunitajiet, peress li ta’ spiss jaffaċċjaw diskriminazzjoni multipla, u l-minoranzi kollha fis-soċjetà Ewropea; Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-bniet ilestu l-edukazzjoni sekondarja tagħhom, u jenfasizza l-ħtieġa għal programmi ta’ assistenza finanzjarja għal familji żvantaġġati ekonomikament, sabiex jevitaw li dawn l-istudenti jitilqu kmieni mill-iskola, b’mod partikolari l-bniet;

    21.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex jipprovdu appoġġ attiv meħtieġ biex jiżguraw li n-nisa migranti u l-familji tagħhom ikunu jistgħu jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż ospitanti tagħhom permezz ta' servizzi ta' edukazzjoni pubblika bbażati lokalment u mingħajr ħlas;

    22.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi speċifiċi biex jiżguraw li l-bniet u n-nisa żgħażagħ Rom jibqgħu fl-edukazzjoni primarja, sekondarja u edukazzjoni ogħla, u wkoll jistabbilixxu miżuri speċjali għall-ommijiet adolexxenti u bniet li telqu mill-iskola kmieni, b’mod partikolari biex jappoġġaw l-edukazzjoni mhux interrotta, u jipprovdu taħriġ ibbażat fuq ix-xogħol; jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu dawn il-miżuri meta jikkoordinaw u jevalwaw l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom;

    23.

    Jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi miżuri dwar l-edukazzjoni tal-bniet u n-nisa fil-proġetti ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp;

    24.

    Jenfasizza l-importanza tal-iffukar b’mod partikolari fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fi ħdan il-kurrikuli u fl-istadji kollha tal-edukazzjoni;

    Programm skolastiku u taħriġ

    25.

    Jinsisti li għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-ugwaljanza bejn is-sessi, fl-aspetti kollha tagħha, fil-kurrikuli, l-għanijiet għall-iżvilupp u r-riżultati tat-tagħlim, is-suġġetti, il-pjanijiet skolastiċi, kif ukoll lill-ħtieġa li jiġi vvalutat ir-rwol tan-nisa fil-programmi skolastiċi fis-suġġetti differenti, bl-enfasizzar tar-rwol tagħhom fis-suġġetti mgħallma; iqis li l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni għandha tindirizza b’mod espliċitu l-prinċipju ta’ ugwaljanza u għandha tinkludi firxa ta’ kwistjonijiet, bħalma huma l-litteriżmu, l-ibbuljar, il-vjolenza, id-diskors ta’ mibegħda, id-drittijiet tal-bniedem u l-edukazzjoni ċivika;

    26.

    Jenfasizza li l-edukazzjoni trid tgħin biex il-bniet u s-subien jiżviluppaw f'individwi li huma konxji, ibbilanċjati, jirrispettaw lil ħaddieħor u huma kapaċi li juru l-empatija u r-rispett reċiproku, għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni, l-aggressjoni u l-bullying;

    27.

    Jenfasizza li l-iskejjel għandhom jgħinu biex jiġi żviluppat approċċ interkulturali għall-edukazzjoni, sabiex tiġi promossa t-trasparenza, ir-rispett reċiproku u d-djalogu interkulturali u interreliġjuż;

    28.

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-programmi komprensivi tagħhom dwar l-edukazzjoni sesswali u relazzjoni, inkluż it-tagħlim ta’ programmi edukattivi tal-bniet u s-subien dwar relazzjonijiet ibbażati fuq il-kunsens, ir-rispett u r-reċiproċità, kif ukoll attivitajiet ta’ sport u ħin liberu, fejn l-istereotipi u l-istennijiet bbażati fuq is-sess jistgħu jaffettwaw l-awtostima tagħhom, is-saħħa, l-akkwist ta’ ħiliet, l-iżvilupp intellettwali, l-integrazzjoni soċjali u l-bini ta' identità tal-bniet u s-subien;

    29.

    Jirrikonoxxi li edukazzjoni sensittiva, adattata skont l-età u xjentifikament preċiża dwar is-sess u r-relazzjonijiet hija għodda essenzjali tal-kapaċità għall-għoti tas-setgħa lill-bniet u s-subien, biex tgħinhom jagħmlu għażliet infurmati sew u li tikkontribwixxi għal firxa aktar wiesgħa ta’ prijoritajiet ta’ saħħa pubblika bħat-tnaqqis fit-tqala mhux ippjanata, it-tnaqqis fl-imwiet tal-ommijiet u tat-trabi, il-prevenzjoni u t-trattament bikri ta' infezzjonijiet trażmessi sesswalment, u biex jitnaqqas id-distakk fl-inugwaljanza fil-qasam tas-saħħa; Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkunsidraw li jagħmlu edukazzjoni sesswali u relazzjonali komprensiva adattata skont l-età obbligatorja fil-kurrikuli tal-iskejjel għall-istudenti kollha fl-iskejjel primarji u sekondarji, u jenfasizza l-importanza ta’ taħriġ tal-għalliema b’enfasi speċjali fuq il-bniet u n-nisa kif ukoll fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi;

    30.

    Jappella għall-implimentazzjoni ta’ edukazzjoni dwar is-sess u r-relazzjonijiet fil-kurrikuli fi programmi mmirati li jagħtu s-setgħa lill-bniet permezz tal-promozzjoni ta’ għarfien u ta’ ġisimhom, filwaqt li jitlob li s-suġġetti l-oħra kollha tal-kurrikulu jżommu l-koerenza ma’ dawn il-prinċipji;

    31.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru f’xenarji edukattivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-inklużjoni ta’ informazzjoni oġġettiva dwar kwistjonijiet LGBTI fil-kurrikuli tal-iskejjel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiffaċilita t-tagħlim bejn il-pari fost l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-ibbuljar u l-fastidju omofobiku u transfobiku;

    32.

    Iħeġġeġ lill-bniet u s-subien fil-proċess edukattiv biex juru interess ugwali fis-suġġetti kollha, lil hinn mill-istereotipi bejn is-sessi, b’mod partikolari fir-rigward tas-suġġetti xjentifiċi u tekniċi, inkluż tagħlim tas-subien dwar attivitajiet meqjusa bħala femminili, f’oqsma bħalma huma x-xogħol domestiku u tal-kura, filwaqt li tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni ugwali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet kollettivi u t-tmexxija tal-iskejjel, kif ukoll attivitajiet extrakurrikulari; jistieden lil dawk kollha involuti biex jiżguraw li l-finanzjament għal dawn l-attivitajiet effettivi jkun protett;

    33.

    Jinnota l-ħtieġa għal miżuri biex jinkoraġġixxu l-promozzjoni speċifika tan-nisa fl-oqsma tal-kultura u l-produzzjoni u t-tixrid ta’ xogħlijiet artistiċi u intellettwali, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni mifruxa u strutturali esperjenzati min-nisa f’din l-isfera, il-promozzjoni ta’ rappreżentanza bbilanċjata ta’ nisa u rġiel f’attivitajiet artistiċi u kulturali pubbliċi, u li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju u jkun hemm azzjonijiet pożittivi biex jikkoreġu sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza f’dawn l-oqsma;

    34.

    Jitlob għall-iżvilupp ta’ aċċess ugwali għal, l-użu ta’, u l-edukazzjoni dwar it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni għall-bniet u s-subien minn edukazzjoni ta’ qabel l-iskola ‘l fuq, b’attenzjoni speċjali għat-tfal u ż-żgħażagħ minn żoni rurali, komunitajiet marġinalizzati, u dawk bi bżonnijiet speċjali, sabiex jittejjeb il-litteriżmu diġitali, jinxterdu strumenti tal-politika edukattiva effettiva u jitjieb it-taħriġ tal-għalliema sabiex jiżdied l-għadd ta’ studenti u gradwati nisa fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika; f’dan il-kuntest, jilqa’ l-inizjattivi u programmi kollha li jimmiraw biex il-bniet jiġu attratti lejn dawk l-oqsma ta’ studju u karrieri korrispondenti fir-riċerka;

    35.

    Jenfasizza l-importanza li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri edukattivi bil-għan li jiġu rikonoxxuti, u li n-nies jiġu mgħallma dwar ir-rwol tan-nisa fl-istorja, ix-xjenza, il-politika, il-letteratura, l-arti, l-edukazzjoni, eċċ;

    36.

    Jitlob li jsir kull sforz biex jiġi żgurat li l-impjiegi fil-qasam tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni primarja u l-kura huwa promoss bħala impjieg ta’ valur kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel;

    37.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw jew isaħħu r-regolamenti nazzjonali bil-ħsieb li jilqgħu kontra influwenza negattiva ta' rwoli tas-sessi sterjotipati, li ġejjin minn valuri mgħoddija permezz tal-midja u r-reklamar, u li ta' spiss wisq jimminaw il-ħidma tal-iskejjel fuq dawn is-suġġetti;

    38.

    jappella għall-istabbiliment ta’ attivitajiet kumplimentari li jsaħħu l-programm uffiċjali fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-taħriġ intraprenditorjali kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ programmi edukattivi informali għall-edukazzjoni fuq is-sessi fil-komunitajiet permezz tal-awtoritajiet lokali;

    39.

    Jitlob li jingħata impetu mġedded biex tiġi akkreditata l-edukazzjoni informali bħala ċertifikat ta’ kompetenza, kif ukoll biex jiġi provdut ċertifikat ta' standard għoli ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol f’dak li għandu x’jaqsam ma’ edukazzjoni vokazzjonali, peress li dan jgħin lill-bniet u lin-nisa biex isibu impjiegi aħjar kif ukoll biex jidħlu fis-suq tax-xogħol jew jintegraw mill-ġdid fih, filwaqt li jiżgura li n-nisa jitqiesu ekwivalenti għall-irġiel f'termini ta' dinjità u kompetenza;

    40.

    Jitlob lill-awturi u l-edituri tal-materjal edukattiv biex isiru konxji tal-ħtieġa li l-ugwaljanza tas-sessi ssir kriterju għall-produzzjoni ta’ dawn il-materjali, u jirrakkomanda l-użu ta’ timijiet ta’ għalliema u studenti fl-iżvilupp tal-materjal edukattiv dwar l-ugwaljanza tas-sessi, u biex jintalab parir minn esperti fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tagħlim rispettuż tal-perspettiva tal-ġeneru;

    41.

    Jitlob lill-Istati Membri jħejju u jxerrdu linji gwida għall-iskejjel, in-nies li jfasslu l-politiki edukattivi, l-għalliema u l-persuni responsabbli għall-istabbiliment tal-programmi skolastiċi biex jiġu inklużi l-perspettiva tas-sessi u l-ugwaljanza tas-sessi, u li tiġi żgurata il-qirda tal-istereotipi u l-preġudizzji sessisti li jistgħu jinsabu fil-kotba edukattivi u fil-materjal edukattiv, kemm fil-kontenut kif ukoll fil-lingwa jew fl-istampi, jiġu inkoraġġiti jiġġieldu kontra s-sessiżmu fil-letteratura, iċ-ċinema, il-mużika, il-logħob, midja, reklamar u oqsma oħra li jitgħu jikkontribwixxu radikalment biex jibdlu l-attitudnijiet, l-imġiba u l-identità tal-bniet u s-subien;

    42.

    Jagħraf li l-għalliema għandhom rwol ewlieni fl-iffurmar ta' identitajiet edukattivi u għandhom impatt sinifikanti fuq l-aspetti ta' imġieba skont is-sessi fl-iskola; ifakkar li għad fadal ħafna xi jsir biex l-għalliema jingħataw is-setgħa fir-rigward ta' kif l-iktar jistgħu jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi; jinsisti għalhekk fuq il-bżonn li jiġi żgurat taħriġ komprensiv inizjali u kostanti dwar l-ugwaljanza għall-għalliema fil-livelli kollha tal-edukazzjoni formali u informali, inkluż tagħlim bejn il-pari u kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet esterni u aġenziji, biex ikabbru l-għarfien dwar l-impatt tar-rwoli u tal-isterjotipi tas-sessi fuq il-fiduċja tal-istudenti fihom infushom u l-għażliet tas-suġġetti tagħhom matul l-istudji tagħhom; jenfasizza li l-bniet għandu jkollhom mudelli pożittivi femminili u maskili fl-iskejjel u l-universitajiet sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw u jagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal tagħhom stess mingħajr biża’ ta’ diskriminazzjoni jew ambigwità għal raġunijiet ta' ġeneru;

    43.

    Jenfasizza l-bżonn li jiġu integrati l-istudju u l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kemm f'taħriġ inizjali kif ukoll f'dak kontinwu tal-għalliema, bil-għan li jitneħħew l-ostakoli biex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tal-istudenti, irrispettivament mill-ġeneru;

    44.

    Jemmen bis-saħħa fil-potenzjal ta’ trasformazzjoni tal-edukazzjoni favur l-ugwaljanza bejn is-sessi; Jirrikonoxxi li programmi ta’ edukazzjoni formali u informali għandhom jindirizzaw u jiġġieldu kontra l-vjolenza sessista, id-diskriminazzjoni bejn is-sessi, il-fastidju, l-omofobija u t-transfobija fil-forom kollha tagħhom, inklużi forom ta’ cyberbullying, jew fastidju online; jirrikonoxxi li l-edukazzjoni għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u kontra l-vjolenza sessista tiddependi minn ambjent fl-iskejjel li jkun sigur u ħieles mill-vjolenza;

    45.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu organizzati inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni, ta’ taħriġ u ta’ integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi għall-partijiet interessati kollha fil-politika edukattiva u wkoll għall-ġenituri u għal min iħaddem;

    46.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu approċċ interġenerazzjonali għall-edukazzjoni, u jiżguraw aċċess ugwali għal edukazzjoni formali u informali billi jintegraw il-provvista ta’ kura tat-tfal bi prezz raġonevoli u ta’ kwalità fis-sistemi edukattivi tagħhom, kif ukoll kura għall-anzjani u dipendenti oħra; jistieden lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom f’inizjattivi li jnaqqsu l-ispejjeż diretti u indiretti edukattivi u biex tiżdied il-kapaċità ta’ crèches u nurseries kollha, inkluż fil-qasam tal-edukazzjoni preskolari, l-iskejjel u netwerks ta’ wara l-iskola, bir-rispett dovut tal-prinċipji ta’ inklużjoni għal tfal li jgħixu fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar; jenfasizza l-importanza ta’ dan sabiex jgħin lin-nisa u l-irġiel kollha, inklużi l-ġenituri waħedhom, il-bilanċ tal-ħajja tal-familja max-xogħol u jiggarantixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ filwaqt li sussegwentement jinħolqu mudelli għall-għoti ta' setgħa lill-bniet;

    47.

    Jenfasizza li kwalunkwe strateġija li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta’ setgħa lil bniet u nisa għandha tinvolvi b’mod attiv lis-subien u lill-irġiel;

    48.

    Jenfasizza l-importanza tal-awtoritajiet pubbliċi li jippromwovu korsijiet u riċerka dwar is-sinifikat u l-portata tal-ugwaljanza bejn is-sessi, bħala parti minn edukazzjoni terzjarja, b’mod partikolari billi jiġu inklużi fis-sillabi suġġetti relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi, jiġu introdotti korsijiet post-lawrja speċjalizzati u t-tkomplija ta’ studji u riċerka fil-qasam;

    49.

    Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jagħmlu progress dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki professjonali maħruġa fi Stati Membri differenti, u biex jikkoordinaw u jarmonizzaw ir-regoli nazzjonali dwar l-aċċess għal professjonijiet varji, sabiex nisa migranti minn ġewwa jew minn barra l-Unjoni jkunu jistgħu jsibu impjieg xieraq għat-taħriġ u l-kwalifiki tagħhom;

    Investimenti, monitoraġġ u evalwazzjoni

    50.

    jenfasizza li l-aġenziji indipendenti jridu jimmonitorjaw u jevalwaw il-progress li jirriżulta mill-adozzjoni tal-politiki ta’ ugwaljanza bejn is-sessi fl-istabbilimenti edukattivi, kif ukoll il-ħtieġa għal komunikazzjoni kontinwa mal-awtoritajiet kompetenti dwar il-miżuri kollha meħuda u l-progress li jkun sar f’dan il-qasam, u li l-perspettiva tal-ġeneru għandha ssir malajr element ta’ evalwazzjoni interna u esterna tal-istabbilimenti edukattivi;

    51.

    Jenfasizza r-rwol importanti ta’ kooperazzjoni fost il-korpi amministrattivi differenti ta’ edukazzjoni u ta' skambji ta’ prattika tajba f’termini ta’ żvilupp ta’ proġetti u programmi biex tiġi promossa sensibilizzazzjoni dwar il-prinċipji ta’ ko-edukazzjoni u ugwaljanza sinifikanti bejn in-nisa u l-irġiel, u t-tqassim tagħhom fost il-membri tal-komunità edukattiva;

    52.

    Jistieden lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) biex ikompli l-ħidma tiegħu dwar it-tqegħid flimkien ta' data diżaggregata komparabbli skont il-ġeneru u tabelli ta’ valutazzjoni fl-oqsma kollha ta’ politika, inkluż fil-qasam tal-edukazzjoni, u jtenni l-importanza li jitwettqu studji dwar l-impatt ta’ politiki edukattivi biex jindirizzaw l-inugwaljanzi bejn is-sessi, li jiġu pprovduti strumenti kwalitattivi u kwantitattivi għall-valutazzjoni ta’ dan l-impatt, u wara strateġija baġitarja bbażata fuq is-sessi sabiex tiġi promossa kemm l-aċċess u d-dritt għal riżorsi edukattivi;

    53.

    Jirrikonoxxi li huwa ta’ importanza fundamentali li jiġi valutat l-impatt ta’ leġiżlazzjoni futura dwar l-edukazzjoni fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u, fejn meħtieġ, li jiġu riveduti liġijiet eżistenti f’konformità ma’ dan il-prinċipju;

    54.

    Jenfasizza li l-monitoraġġ tal-proċess tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-ugwaljanza tas-sessi u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom għandhom jiġu żgurati miċ-ċentri ta’ riċerka edukattiva f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ esperti fil-kwistjonijiet tas-sessi, l-organizzazzjonijiet maħluqa mill-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet lokali; Jitlob li jkun hemm ġbir ta' data diżaggregata skont is-sessi kwantitattiva u kwalitattiva mill-Istati Membri u l-Kummissjoni;

    55.

    Jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ Premju Ewropew annwali għall-ugwaljanza tas-sessi għall-istabbilimenti edukattivi li kellhom suċċess fl-ilħiq ta' dan l-objettiv u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-istess fil-livell nazzjonali;

    56.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jitfasslu pjanijiet ta’ azzjoni u jiġu allokati riżorsi għall-implimentazzjoni ta’ proġetti edukattivi speċifiċi kif ukoll strutturi edukattivi sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru, jirrakkomanda l-użu ta’ strumenti Ewropej disponibbli għal dan l-għan, jiġifieri l-pjan ta’ investiment, il-programm Orizzont 2020, u l-fondi strutturali tal-UE, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew;

    o

    o o

    57.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.


    (1)  Testi adottati, P7_TA(2013)0074.

    (2)  Testi adottati, P8_TA(2015)0050.

    (3)  https://europa.eu/eyd2015/en/eu-european-parliament/posts/every-girl-and-woman-has-right-education


    Top