EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0310

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobbiltà sostenibbli (2015/2005(INI))

ĠU C 316, 22.9.2017, p. 155–172 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 316/155


P8_TA(2015)0310

Implimentazzjoni tal-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobbiltà sostenibbli (2015/2005(INI))

(2017/C 316/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti”(COM(2011)0144),

wara li kkunsidra s-smigħ pubbliku intitolat “White Paper dwar it-Trasport: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobbiltà sostenibbli” li sar mill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu fis-17 ta’ Marzu 2015,

wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-22 ta' April 2015 intitolat “Pjan direzzjonali għal żona unika Ewropea ta' trasport – progress u sfidi”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar il-Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2010 dwar futur sostenibbli għat-trasport (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 bit-titolu Inżommu lill-Ewropa miexja – Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Frar 2003 dwar il-“White Paper” tal-Kummissjoni “Il-politika Ewropea tat-trasport għall-2010: il-ħin biex niddeċiedu” (4),

wara li kkunsidra l-“White Paper” tal-Kummissjoni “Il-politika Ewropea tat-trasport għall-2010: il-ħin biex niddeċiedu”(COM(2001)0370),

wara li kkunsidra l-Konferenza dwar il-Klima tal-COP 21 li jmiss li se ssir f'Diċembru 2015 f'Pariġi,

wara li kkunsidra l-Pakkett dwar l-Unjoni tal-Enerġija u l-Komunikazzjoni tiegħu bit-titolu “Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li Tħares 'il Quddiem” (COM(2015)0080),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014 dwar il-Qafas ta' Politika għall-Klima u l-Enerġija għall-2030;

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija għas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (COM(2015)0192),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi” (COM(2013)0913),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar is-sikurezza fit-toroq Ewropej 2011-2020 (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0246/2015),

A.

billi l-White Paper dwar it-Trasport stabbilixxiet aġenda għat-trasformazzjoni tas-sistema tat-trasport Ewropea u l-ħolqien ta’ Żona Unika Ewropea tat-Trasport;

B.

billi s-settur tat-trasport jirrappreżenta mutur tal-ekonomija tal-UE, li jimpjega madwar 10 miljun persuna u jammonta għal madwar 5 % tal-PGD, li għandu jibqa' fuq quddiem nett fil-ġenerazzjoni ta' tkabbir ekonomiku u ħolqien ta' xogħol ulterjuri, u jippromwovi l-kompetittività, l-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni territorjali;

C.

billi t-trasport huwa settur fejn l-Ewropa hija mexxejja dinjija, kemm fil-manifattura u fl-operazzjonijiet tat-trasport, u huwa kruċjali li t-trasport Ewropew ikompli jiżviluppa, jinvesti u jiġġedded b'mod sostenibbli, sabiex tinżamm it-tmexxija teknoloġika tagħha fil-livell dinji, tkompli tesporta l-istandards tagħha madwar id-dinja u żżomm il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fil-mezzi kollha tat-trasport f'ekonomija globali dejjem aktar karatterizzata mill-emerġenza ta' atturi ġodda potenti u mudelli ġodda ta' negozju;

D.

billi l-premessi tas-soċjetà tagħna qed jinbidlu bħala riżultat tad-diġitalizzazzjoni, l-urbanizzazzjoni, il-globalizzazzjoni u t-tibdil demografiku, u għandna bżonn bidla fil-paradigmi tal-politika tat-trasport eżistenti li jkunu jistgħu jiffaċċjaw l-isfidi tal-futur;

E.

billi t-trasport huwa fundamentali għall-moviment ħieles ta' persuni, oġġetti u servizzi, li fuqhom jissejjes is-Suq Uniku, u l-moviment liberu huwa kemm mutur b'saħħtu għall-integrazzjoni fi ħdan l-Unjoni kif ukoll fattur kruċjali fil-prestazzjoni tal-industrija Ewropea u l-kummerċ;

F.

billi t-trasport ikompli jkun dipendenti kważi b'mod sħiħ fuq il-fjuwils fossili u huwa l-uniku settur fejn l-emissjonijiet ta' gass serra kibru matul l-aħħar 25 sena, u mingħajr it-tnaqqis ekonomiku riċenti t-tkabbir seta' kien anki akbar;

G.

billi hemm ħtieġa urġenti li tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija u s-sostenibilità tas-sistema tat-trasport u titnaqqas id-dipendenza tagħha fuq iż-żejt u fuq ir-riżorsi tal-enerġija fossili b'mod kosteffiċjenti mingħajr ma tiġi sagrifikata l-kompetittività tagħha u mingħajr trażżin tal-mobilità, f'konformità mal-objettivi stabbiliti fil-White Paper;

H.

billi bijokarburanti sostenibbli avvanzati, b'mod partikolari dawk prodotti minn proċessar ta' skart u residwi konformi mal-ġerarkija tal-ġestjoni tal-iskart (6), jirrappreżentaw potenzjal mhux sfruttat għat-tnaqqis tad-dipendenza tas-sistema Ewropea tat-trasport fuq iż-żejt u biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gass serra mis-settur tat-trasport;

I.

billi huwa essenzjali li jiġi żgurat l-iżvilupp b'suċċess tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) fi ħdan il-perjodi ta' żmien maqbula, biex jorbtu b'mod effettiv in-netwerks tat-trasport tar-reġjuni kollha tal-UE, li jgħaqqdu reġjuni ġeografikament periferiċi maċ-ċentru tal-UE, u biex jelimina differenzi bejn il-livelli ta' żvilupp tal-infrastruttura u tal-manutenzjoni, b'mod partikolari bejn il-Lvant u l-Punent tal-Unjoni;

J.

billi l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport għandu impatt pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kummerċ, u huwa għaldaqstant meħtieġ li jiġu eliminati l-ostakli li jxekklu l-investiment privat fl-infrastruttura tat-trasport;

K.

billi l-infrastruttura tat-trasport ġeneralment tirrikjedi finanzjament fit-tul, u l-livelli ta' investiment naqsu f'dawn l-aħħar snin minħabba nuqqas ta' fiduċja fost dawk li jfasslu l-liġi, żviluppaturi ta' proġetti u s-settur finanzjarju;

L.

billi għal ħafna snin kien hemm nuqqas serju ta' investiment fl-infrastruttura tat-trasport pubbliku madwar l-UE, u billi faċilitajiet imtejba għal persuni bil-mixi, għall-anzjani u għall-passiġġieri b'mobilità mnaqqsa huma parti mill-għanijiet tal-Unjoni u jeħtieġu fondi addizzjonali;

M.

billi wieħed mill-objettivi ewlenin tal-White Paper għandu jkun li tagħmel lin-nies u d-drittijiet tagħhom bħala passiġġieri l-objettiv ċentrali tal-politika tat-trasport;

N.

billi l-innovazzjoni u sistemi tat-trasport intelliġenti għandhom jaqdu rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' suq modern, effiċjenti, sostenibbli u interoperabbli ta' sistema Ewropea tat-trasport li tkun aċċessibbli għal kulħadd;

O.

billi n-netwerks multimodali u l-integrazzjoni ta' mezzi differenti ta' trasport u servizzi huma potenzjalment ta' benefiċċju għat-titjib tal-konnessjonijiet u l-effiċjenza tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, u b'hekk jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u emissjonijiet oħrajn li huma ta' ħsara;

P.

billi l-ħolqien ta' Żona Unika Ewropea tat-Trasport ġenwina mhux se tkun possibbli mingħajr l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni tal-UE mill-Istati Membri u, fejn meħtieġ, is-simplifikazzjoni tal-qafas regolatorju eżistenti sabiex tiġi żgurata ċarezza ġuridika u infurzar imtejjeb;

Q.

billi jeħtieġ li jiġu eliminati l-ostakli residwi kollha, l-inkompatibilitajiet tekniċi u l-proċeduri amministrattivi ta' piż żejjed li jfixklu l-kisba ta' sistema tat-trasport integrata b'mod sħiħ, u jopponi kwalunkwe miżuri ġodda introdotti mill-Istati Membri li joħolqu ostakli għall-moviment ħieles ta' prodotti u servizzi;

R.

billi ftuħ tas-suq ulterjuri jeħtieġ li jimxi id f'id ma' impjiegi ta' kwalità u kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, livell għoli ta' servizzi u kompetizzjoni ġusta fl-Istati Membri kollha;

S.

billi l-aħħar rapport tal-Kummissjoni dwar is-Sikurezza fit-Toroq fl-Unjoni Ewropea (7) żvela li l-għadd ta' mwiet fit-toroq tal-Ewropa naqas b'1 % fl-2014, li hija figura ferm baxxa mill-waqgħa ta' 8 % reġistrata fl-2012 u għal darb'oħra fl-2013;

Implimentazzjoni u reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-White Paper

1.

Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex twettaq rieżami ta' nofs it-terminu tal-White Paper, bl-għan li tivvaluta l-progress miksub u tipproponi azzjonijiet ulterjuri biex tilħaq l-objettivi tagħha; jikkunsidra li, filwaqt li għadu kmieni wisq biex jiġi valutat bis-sħiħ l-impatt ta' numru ta' miżuri tal-politika meħuda mill-adozzjoni tal-White Paper, eżerċizzju ta' rendikont huwa meħtieġ biex tinkiseb ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali fl-implimentazzjoni tal-40 inizjattiva u l-131 punt ta' azzjoni elenkati fl-Anness tagħha;

2.

Itenni l-appoġġ tiegħu favur il-miri stabbiliti fil-White Paper u l-“Għaxar għanijiet għal sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti: parametri ta' referenza għall-ksib tal-mira ta' tnaqqis ta' 60 % tal-gassijiet serra”; jenfasizza li r-reviżjoni ta' nofs it-terminu għandha għall-inqas iżżomm il-livell ta' ambizzjoni tal-għanijiet stipulati fl-2011 u tipproponi miżuri u inizjattivi konkreti, realistiċi u bbażati fuq evidenza biex iżidu, iħaffu u jissimplifikaw l-isforzi biex jilħquhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta sa fejn il-lista ta' azzjonijiet imniżżlin fil-White Paper hija biżżejjed biex jinkisbu l-għanijiet ġenerali tagħha, u biex tipproponi miżuri leġiżlattivi addizzjonali;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet fil-White Paper f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-5 ta' Frar 2014 dwar il-qafas għall-politiki għall-klima u l-enerġija (8) għall-2030 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014 dwar il-qafas għall-Politika għall-Klima u l-Enerġija għall-2030, u tipproponi miżuri mmirati lejn tnaqqis ulterjuri ta' emissjonijiet mit-trasport, sabiex jgħinu lill-Istati Membri jilħqu b'mod ġenerali “mira vinkolanti tal-UE ta' tnaqqis domestiku ta' mill-inqas 40 % fl-emissjonijiet tal-gass serra sal-2030 meta mqabbla mal-1990” (“bit-tnaqqis fis-setturi li jaqgħu taħt l-ETS u s-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS li jammonta għal 43 % u 30 % sal-2030 meta mqabbla mal-2005, rispettivament”);

4.

Jenfasizza li l-mira tal-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass serra mit-trasport għandhom jiġu stabbiliti f'livell li jippermetti l-kisba tal-mira fuq perjodu twil ta' żmien tal-White Paper ta' tnaqqis ta' mill-inqas 60 % fl-emissjonijiet ta' gass serra mit-trasport sal-2050; f'dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strateġija komprensiva għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport;

Prinċipji ġenerali: bidla modali u komodalità

5.

Jenfasizza li l-politika tal-mobilità sostenibbli Ewropea għandha tibni fuq firxa wiesa' ta' għodod tal-politika biex tersaq lejn il-mezzi tat-trasport li jniġġsu l-inqas u l-aktar effiċjenti fl-enerġija b'mod kosteffiċjenti; jirrimarka li ċ-ċaqliq tal-bilanċ bejn il-mezzi tat-trasport mhux għan aħħari fih innifsu, iżda huwa neċessarju li jisseparaw il-mobilità mill-effetti avversi tagħha bħall-konġestjoni, it-tniġġis tal-arja, l-istorbju, l-inċidenti u t-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi li l-politika ta' bidla modali s'issa ma tatx riżultati sodisfaċenti; jenfasizza, għaldaqstant, li kull mezz ta' trasport għandu jittejjeb u jsir aktar favur l-ambjent, sikur u effiċjenti fl-użu tal-enerġija sabiex jintlaħaq livell għoli ta' mobilità u ta' ħarsien ambjentali;

6.

Jinnota li l-iżvilupp tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija huwa dipendenti ħafna fuq l-użu effettiv tal-mezzi differenti tat-trasport, u li l-politika Ewropea tat-trasport għaldaqstant għandha tkun ibbażata fuq il-komodalità effiċjenti, fejn l-użu tal-aktar mezzi ta' trasport sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija għandu jingħata prijorità meta jkun possibbli; jemmen li dan se jwassal għal riallokazzjoni ottimali bejn il-mezzi ta' trasport differenti, u se jipprovdi għal interoperabilità fi ħdan u bejn il-mezzi, jippromwovi trasport aktar sostenibbli u ktajjen loġistiċi u jtejjeb il-flussi tat-traffiku bla xkiel fil-mezzi u n-nodi;

Infrastruttura moderna u finanzjament intelliġenti

7.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tissottometti proposti biex tippjana l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-mezzi kollha tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri, permezz tal-applikazzjoni ta' metodoloġija tal-UE komuni, koerenti u trasparenti u filwaqt li tqis l-ispeċifiċità ta' kull mezz, inkluż analiżi koerenti ta' riperkussjonijiet li jkunu diġà ġew internalizzati sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja; jitlob miżuri konkreti biex jiżgura applikazzjoni aktar estiża tal-prinċipji ta' “l-utent iħallas” u ta' “min iniġġes iħallas”, inklużi linji gwida u l-aħjar prattiki, u biex kundizzjonijiet ekwi jkunu żgurati bejn il-mezzi tat-trasport, jitneħħew sussidji tat-taxxa dannużi għall-ambjent fejn xieraq, filwaqt li tinżamm il-kompetittività tar-reġjuni kollha tal-UE;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi qafas ġenerali għal skemi ta' tariffi stradali nazzjonali għall-karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief, li għandhom ikunu mhux diskriminatorji lejn residenti ta' pajjiżi terzi u tingħata prijorità lil tariffi bbażati fuq id-distanza; jistieden lill-Istati Membri biex jallokaw id-dħul minn tariffi għall-użu tal-infrastruttura għall-bini u l-manutenzjoni ta' infrastruttura tat-trasport sikura u l-mitigazzjoni ta' problemi ambjentali relatati mat-trasport;

9.

Jenfasizza li t-tlestija tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport jibqa' wieħed mill-prekundizzjonijiet għal sistema tat-trasport multimodali aktar sostenibbli, effiċjenti u mingħajr xkiel u għal distribuzzjoni aktar bilanċjata tal-merkanzija u tal-passiġġieri fost il-mezzi tat-trasport; jenfasizza li l-għażla ta' proġetti eliġibbli għal finanzjament tal-UE għandha tiffoka fuq id-disa' kurituri ewlenin tan-netwerk, it-tlestija tal-konnessjonijiet nieqsa, b'mod partikolari taqsimiet transkonfinali, l-eliminazzjoni ta' konġestjonijiet, it-titjib tal-infrastruttura eżistenti, soluzzjonijiet innovattivi tat-trasport, l-interoperabilità, u l-iżvilupp ta' terminals multimodali u nodi urbani; hija għandha wkoll tagħmel aktar enfasi fuq il-valur miżjud Ewropew, fuq l-iżvilupp ta' infrastruttura ta' konnettività ta' reġjuni periferiċi, gżejjer, reġjuni muntanjużi u reġjuni l-aktar imbiegħda, u fuq l-appoġġ għal proġetti li jgħaqqdu n-Netwerk ta' Trasport Trans-Ewropew ma' netwerks tal-infrastruttura ta' pajjiżi ġirien u kandidati;

10.

Iqis li l-finanzjament tal-UE għandu jirrifletti l-ħtiġijiet reali tal-investiment għat-tlestija tan-netwerk ewlieni TEN-T sal-2030, u li l-istrument tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u mezzi oħra ta' finanzjament għandhom jistimulaw l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport skont il-kriterji stabbiliti fil-linji gwida dwar it-TEN-T u l-CEF, li jagħti prijorità lil mezzi ta' trasport sostenibbli bħall-ferrovija, l-ilmijiet navigabbli interni u t-trasport marittimu fuq distanzi qosra; jenfasizza li proġetti kofinanzjati għandhom jirriflettu l-ħtieġa għal infrastruttura li tibbenefika lill-Unjoni f'termini ta' kompetittività u koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li tnaqqas l-impatt fuq l-ambjent, li tkun reżiljenti għall-impatt possibli tat-tibdil fil-klima u li tiggarantixxi s-saħħa u s-sikurezza tal-utenti;

11.

Jitlob żieda drastika fil-fondi allokati għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u għal aktar kompetenzi Ewropej fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-finanzjament ta' ppjanar u finanzjament tal-infrastruttura tat-trasport transnazzjonali;

12.

Jenfasizza li l-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq, li għandha impatt dirett fuq is-sikurezza tat-triq, tvarja b'mod sinifikanti madwar l-UE u li aktar minn 90 fil-mija ta' mwiet minħabba inċidenti tat-triq fl-Istati Membri jseħħu fit-toroq urbani u rurali; jenfasizza li finanzjament effiċjenti ta' din it-tip ta' infrastruttura għandu jiġi promoss permezz ta' politiki u strumenti differenti tal-UE, speċjalment fil-pajjiżi ta' koeżjoni; jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' manutenzjoni xierqa tal-infrastruttura eżistenti, inkluż in-netwerk tat-toroq sekondarji;

13.

Jenfasizza li l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI), propost mill-Kummissjoni bħala parti mill-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa ta' Juncker, għandu jagħti prijorità lit-trasport sostenibbli u lil proġetti ta' infrastruttura li huma ta' importanza vitali li jagħtu valur soċjetali, ekonomiku u ambjentali għoli, u għandu jimmira lejn proġetti li jippromwovu l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja, it-tkabbir fit-terminu twil, il-kompetittività, l-innovazzjoni u l-koeżjoni territorjali, inklużi proġetti urbani sostenibbli u proġetti ferrovjarji, skont l-objettivi tal-politika tat-trasport tal-UE u l-leġiżlazzjoni (Linji gwida TEN-T u CEF); f'dan il-kuntest, mezzi ġodda ta' finanzjament bħal sħubijiet pubbliċi privati u konċessjonijiet jistħoqqilhom aktar attenzjoni u applikazzjoni; jenfasizza li l-proċess għall-għażla ta' proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-EFSI għandu jkun trasparenti u jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti mis-settur pubbliku u privat;

14.

Iqis li l-EFSI għandu jiġi ffinanzjat bħala prijorità minn riżorsi mhux allokati fi ħdan il-baġit tal-UE u biss bħala l-aħħar għażla minn fondi mhux użati ta' programmi taħt l-intestatura 1A tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020; jenfasizza li l-finanzjament tal-fond ta' garanzija għandu jkun rieżaminat fil-qafas tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP tal-2016 u, abbażi tal-analiżi tal-prestazzjoni u rati ta' eżekuzzjoni tal-programmi differenti, l-għażliet alternattivi ta' finanzjament għandhom jiġu identifikati sabiex inaqqsu kemm jista' jkun ir-riallokazzjoni ta' fondi mill-intestatura 1A għall-perjodu 2016-2020; jenfasizza li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jesploraw ukoll modi biex jikkumpensaw, sa fejn l-aktar ikun possibbli għal riallokazzjonijiet mill-programmi tal-UE maqbula fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali bħala sors ta' finanzjament għall-EFSI fis-snin preċedenti għar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP;

15.

Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal strumenti finanzjarji innovattivi li jippermettu li l-infiq pubbliku jiġi ottimizzat permezz ta' mobilizzazzjoni aħjar ta' finanzjament privat, iżda jfakkar li bosta proġetti fis-settur tat-trasport ma jiġġenerawx biżżejjed dħul biex jibbażaw ruħhom esklużivament fuq dawn it-tipi ta' strument, u għalhekk jeħtieġu appoġġ f'forma ta' sussidji;

16.

Jenfasizza li t-tnedija u l-applikazzjoni rapidi ta' sistemi tat-trasport intelliġenti huma meħtieġa biex jippermettu użu aktar effiċjenti, sostenibbli u sikur tal-vetturi u tal-infrastruttura eżistenti u jipprovdu kapaċità addizzjonali mingħajr il-ħin, l-ispiża u t-teħid tal-art meħtieġa għall-kostruzzjoni ta' infrastruttura ġdida; jenfasizza l-importanza ta' użu effikaċi tal-frekwenzi u l-interoperabilità bejn is-sistemi tat-trasport intelliġenti sabiex isiru possibbli l-flussi tat-traffiku bla ostakli fil-mezzi u l-interkonnessjonijiet differenti; jitlob l-implimentazzjoni f'waqtha tal-fażijiet ta' tnedija u esplojtazzjoni tal-Programmi ta' Navigazzjoni Satellitari tal-UE, u l-iżvilupp effettiv tal-applikazzjonijiet tat-trasport fis-sistemi Galileo u EGNOS;

Trasport sostenibbli u mobilità urbana

17.

Jenfasizza li t-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija għandha tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-politika Ewropea tat-trasport; jiddikjara li hemm ħtieġa akuta li tittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi tas-sistema tat-trasport b'mod ġenerali, bil-ħsieb li jsir użu aktar effiċjenti mill-kapaċità eżistenti, li ttejjeb ir-rata ta' utilizzazzjoni tal-vetturi u tiżgura li l-finanzjament pubbliku huwa allokat fuq livell nazzjonali u tal-UE għal miżuri bl-aktar impatt għoli;

18.

Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-elettromobilità u sistemi tat-trasport pubbliku tal-elettriku, flimkien mal-introduzzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-settur tal-elettriku, li jagħtu prijorità lil elettrifikazzjoni ulterjuri tan-netwerk ferrovjarju u l-promozzjoni ta' tramvieri, karozzi tal-linja li jaħdmu bl-elettriku (trolleybuses), karozzi elettriċi, mezzi elettriċi b'żewġ/tlieta/erba'-roti, ir-roti elettriċi u dgħajjes żgħar tal-elettriku; jenfasizza l-potenzjal ta' tramvieri moderni tal-ajru (karozzi teleferiċi), bħala mezz tat-trasport irħis u faċli biex jinbena, biex tiġi estiża l-kapaċità tas-sistemi tat-trasport urban pubbliku;

19.

Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-introduzzjoni ta' fjuwils alternattivi u sistemi ta' propulsjoni, b'mod partikolari dawk li kumparata magħhom, l-Ewropa għandha vantaġġ teknoloġiku kbir, sabiex titnaqqas id-dipendenza tat-trasport fuq il-fjuwils fossili, ittejjeb il-kwalità tal-arja u tnaqqas l-emissjonijiet tal-gass serra; jiddeplora l-fatt li dawn it-teknoloġiji għadhom ma ġewx suffiċjentement imnedija, b'mod partikolari fit-trasport pubbliku;

20.

Jinnota li l-użu tat-trasport pubbliku fiż-żoni urbani mhux iddikjarat b'mod ċar fost l-għaxar għanijiet tal-White Paper; jemmen li l-għan il-ġdid għandu jkun li jirdoppja l-użu tat-trasport pubbliku fiż-żoni urbani sal-2030; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jipprovdu għal faċilitajiet u infrastrutturi li jiffaċilitaw il-mobilità bieb bieb bla periklu għal min juża t-trasport pubbliku, inklużi l-anzjani jew persuni b'diżabilità u ċiklisti li jużaw it-trasport pubbliku għal parti tar-rikba tagħhom; jissottolinja li biex jintlaħaq dan l-għan hemm bżonn ta' investiment xieraq, speċjalment sabiex tiġi żgurata manutenzjoni konsistenti u espansjoni tal-infrastruttura għat-trasport pubbliku; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex jipprovdu, finanzjament xieraq, fit-tul u affidabbli għall-proġetti ta' infrastruttura tat-trasport pubbliku urban;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tgħin lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u lill-partijiet ikkonċernati jutilizzaw l-opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE eżistenti u ġodda għat-trasport pubbliku u jiżviluppaw skemi innovattivi ta' sħubijiet pubbliċi-privati; jiġbed l-attenzjoni għal-lezzjonijiet li għandhom jittieħdu mir-Rapport Speċjali (Nru 1/2014) tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, bl-isem “L-effettività tal-proġetti għat-trasport urban pubbliku appoġġati mill-UE”, li vvaluta l-implimentazzjoni u l-effettività ta' proġetti ta' trasport urban pubbliku kofinanzjati mill-fondi strutturali tal-UE u sa liema punt dawn jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti u jilħqu l-objettivi tagħhom f'termini ta' utilizzazzjoni;

22.

Jenfasizza l-importanza ta' Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli (SUMPs) bħala għodda biex tgħin il-bliet jagħmlu użu aktar effiċjenti mill-infrastruttura tat-trasport u s-servizzi u jtejbu l-integrazzjoni ta' mezzi differenti ta' mobilità b'mod sostenibbli, biex b'hekk jingħata kontribut għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u tat-tniġġis akustiku, l-emissjonijiet tas-CO2, il-konġestjoni u l-inċidenti fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġa l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-SUMPs; jenfasizza li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għandhom jintużaw b'mod aktar sistematiku għall-bliet li żviluppaw pjan integrat ta' trasport lokali, bħal SUMP, u identifikaw l-azzjonijiet xierqa skont il-kriterji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-operaturi tat-trasport pubbliku u mal-awtoritajiet sabiex jipprovdu lill-utenti informazzjoni dwar il-vjaġġi permezz ta' mezzi differenti, inkluża informazzjoni dwar il-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabilità, u biex taqdi rwol akbar sabiex jiġu identifikati l-aħjar prattiki madwar l-UE u jiġu stabbiliti kundizzjonijiet għat-titjib tas-sistemi tat-trasport pubbliku urban; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħarsu l-obbligu għal sistemi ta' trasport urban li jgħaqqdu ċentri ta' bliet maż-żoni periferiċi tagħhom;

24.

Jenfasizza li ż-żoni urbani jeħtieġu ċertu livell ta' flessibilità biex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt il-liġi tal-UE b'rispett sħiħ tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u biex jiġi żgurat li soluzzjonijiet ta' mobilità huma adattati għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom;

25.

Jenfasizza li l-imġiba tal-utenti tat-trasport hija essenzjali għall-iżvilupp ta' sistema tat-trasport aktar sostenibbli; jitlob li jkun hemm inizjattivi li jimmotivaw u jippermettu lill-utenti, speċjalment liż-żgħażagħ, biex jużaw mezzi tat-trasport aktar sikuri u aktar sostenibbli (il-mixi, iċ-ċikliżmu, inkluż bike sharing u kiri tar-roti, it-trasport pubbliku, car sharing, car pooling), li għandhom ikunu imnedija f'infrastruttura sikura, u għall-ippjanar ta' vjaġġ u informazzjoni f'ħin reali li għandha tkun disponibbli sabiex tiffaċilita l-użu intermodali ta' mezzi differenti ta' trasport permezz ta' Sistemi tat-Trasport Intelliġenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika eżempji tal-aħjar prattika li jikkombinaw diversi mezzi ta' trasport bil-potenzjal li jiġu implimentati f'agglomerazzjonijiet urbani;

26.

Jenfasizza l-ħtieġa għal data aħjar tat-trasport nazzjonali u tal-UE dwar l-imġiba tal-utenti tat-trasport, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-mixi, iċ-ċikliżmu u x-xejriet ta' ivvjaġġar differenzjati skont il-ġeneru, li għandha tintuża mill-awtoritajiet lokali fid-definizzjoni tal-politiki ta' mobilità urbana tagħhom;

27.

Jenfasizza l-importanza li jittieħdu passi biex jiġu appoġġati programmi reġjonali għall-ħolqien u l-espansjoni ta' netwerks taċ-ċikliżmu f'bosta reġjuni Ewropej, sabiex iċ-ċittadini jitħeġġu jieħdu aktar responsabilità fi kwistjonijiet ambjentali, li kulħadd jingħata l-opportunità li juża r-roti, u li jitnaqqas it-tniġġis akustiku, il-konġestjoni u t-tniġġis urban;

28.

Jenfasizza l-importanza li jiġu analizzati l-effetti pożittivi fuq is-soċjetà ta' forom ġodda ta' mobilità appoġġati mill-mudell ta' Ekonomija Kollaborattiva, inkluż ride-sharing; iqis li huwa importanti li jkun hemm skambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri sabiex isir aġġustament regolatorju sabiex jittieħed kont ta' dawn il-pjattaformi innovattivi ta' mobilità bieb bieb;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja s-sitwazzjoni fi Stati Membri differenti fir-rigward tal-operat ta' kumpaniji tan-netwerk tat-trasport li jqabblu s-sewwieqa mal-passiġġieri (bl-aktar eżempju prominenti jkun l-Uber), u biex twettaq valutazzjoni tal-konsegwenzi legali, soċjali u ekonomiċi li jirriżultaw mill-operat ta' tali kumpaniji, akkumpanjata, jekk xieraq, minn miżuri jew rakkomandazzjonijiet rilevanti għall-iżvilupp ta' servizzi ġodda fl-Ewropa, filwaqt li jittieħed kont tas-servizzi eżistenti tat-taksi;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jipprovdu kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta bejn kumpaniji ta' trasport kondiviżi, taxksis tradizzjonali u kumpaniji tat-trasport bejn belt u oħra fir-rigward ta' konformità mal-leġiżlazzjoni tat-taxxa, is-sikurezza, l-obbligi tas-servizz pubbliku u l-kundizzjonijiet tal-impjieg;

31.

Jenfasizza li mezzi tat-trasport b'żewġ roti li jaħdmu b'mutur (muturi, skuters u ċiklomuturi) u, dejjem aktar, mezzi tat-trasport b'żewġ jew tliet roti li jaħdmu bl-elettriku, għandhom rwol importanti fil-mobilità sostenibbli, speċjalment f'żoni urbani fejn jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-problemi ta' konġestjoni u ta' parkeġġ kif ukoll jipprovdu soluzzjoni għal loġistika żgħira; jinsisti għaldaqstant li d-disinn speċifiku u l-benefiċċji afferenti ta' dawn il-vetturi għandhom jiġu meħuda inkonsiderazzjoni b'mod adegwat u jiġu riflessi fil-leġiżlazzjoni u fil-linji gwida tal-UE dwar it-trasport;

32.

Jitlob li jkun hemm użu aħjar tal-katina tal-provvista f'żoni urbani; il-vetturi tal-merkanzija urbana jikkontribwixxu b'mod sproporzjonat għat-tniġġis tal-arja u għat-tniġġis akustiku u jkollhom impatt negattiv fuq il-konġestjoni; il-loġistika urbana għandha trawwem it-titjib tat-trasport u l-introduzzjoni kosteffetiva ta' tipi ġodda ta' operazzjonijiet, teknoloġiji u mudelli ta' negozju; għażla aħjar ta' mezzi u vetturi tista' tiżgura li soluzzjoni tat-trasport titqabbel bl-aħjar mod mar-rekwiżiti speċifiċi tal-vjeġġ u l-belt in kwistjoni;

33.

Jenfasizza l-importanza tad-depożiti tal-loġistika li jinsabu fit-tarf ta' żoni urbani, li tippermetti li l-oġġetti jkunu trasportati lejn id-destinazzjoni tagħhom, b'mod koordinat, bl-użu tal-aktar mezzi tat-trasport effiċjenti fl-użu tal-enerġija;

It-tqegħid tan-nies fil-qalba tal-politika tat-trasport

34.

Jitlob, fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq, għal:

l-adozzjoni rapida tal-mira għall-2020 ta' tnaqqis ta' 40 % fin-numru ta' nies li jkorru serjament, akkumpanjat minn strateġija tal-UE kompleta; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu mingħajr dewmien id-data statistika rilevanti kollha sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tistabbilixxi din il-mira u l-istrateġija,

tisħiħ ta' azzjonijiet bl-għan li jitnaqqas in-numru ta' mwiet u korrimenti fit-toroq, b'attenzjoni partikolari għall-kawżi ewlenin, inkluż sewqan taħt l-influenza tal-alkoħol u d-drogi, veloċità eċċessiva, u n-nuqqas ta' użu taċ-ċinturin tas-sikurezza,

azzjoni biex tinkiseb il-mira tal-2020 għas-sikurezza fit-toroq ta' inqas minn 15 000 fatalità, permezz tal-introduzzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' sikurezza fit-triq kosteffikaċi fuq livell tal-UE u nazzjonali,

azzjonijiet biex jitnaqqsu l-inċidenti fost l-utenti vulnerabbli, b'mod partikolari l-utenti ta' vetturi b'żewġ roti, il-persuni mixjin fit-triq f'ambjenti urbani u sewwieqa anzjani,

miżuri dwar is-sikurezza fit-toroq fi ħdan il-Pakkett tat-Triq u r-rieżami ta' nofs it-terminu dwar il-Programm tal-Kummissjoni għas-Sikurezza fit-Toroq 2011-2020,

rieżami tad-Direttiva (UE) 2015/413 li tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni transkonfinali dwar il-kontravvenzjonijiet tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq, u l-isforzi biex tiġi estiża l-applikazzjoni tagħha fil-pajjiżi ġirien tal-UE,

l-estensjoni, fi ħdan ir-reviżjoni tad-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq, tal-erba' miżuri prinċipali għal partijiet oħra tan-netwerk tat-toroq, inklużi l-partijiet kollha tal-awtostradi u t-toroq rurali u urbani,

azzjonijiet biex jiġu prijoritizzati, kif issuġġerit mill-Pjan ta' Azzjoni u definit permezz tad-Direttiva Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (ITS) (2010/40/UE), fir-rigward ta' utenti vulnerabbli tat-triq,

rieżami tad-Direttiva dwar it-Taħriġ u l-Kwalifika ta' Sewwieqa Professjonali bl-għan li jiċċaraw id-dispożizzjonijiet tagħha, u l-promozzjoni u l-iżvilupp ta' skemi ta' taħriġ wara li tingħata l-liċenzja għall-utenti tal-vetturi kollha,

proposta sal-2016 biex tirrevedi r-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali ((KE) Nru 661/2009) u r-Regolament dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Mexjin ((KE) Nru 78/2009) sabiex tistabbilixxi regoli mandatorji għad-disinn tal-kabina u s-sikurezza, il-viżjoni diretta, il-prestazzjoni f'każ ta' ħabta u l-ħarsien ta' persuni mexjin, tipprijoritizza lill-utenti vulnerabbli tat-toroq għall-vetturi tqal tal-merkanzija (HGVs),

applikazzjoni akbar f'karozzi ġodda tal-passiġġieri u fil-vetturi kummerċjali ta' sistemi ta' sikurezza ta' assistenza għas-sewwieq bħal brejkjar awtomatizzat ta' emerġenza (AEA), twissija mill-bogħod, indikazzjoni ta' ħruġ mil-lejn (LDW), indikaturi tat-tekil tat-tajers, adattament tal-veloċità intelliġenti li jista' jingħeleb (ISA) u l-eCall, flimkien ma' sistemi tat-trasport intelliġenti u kooperattivi,

rieżami tat-tielet Direttiva tal-Liċenzja tas-Sewqan, sabiex tintroduċi:

taħriġ obbligatorju għas-sewwieqa tal-funzjonijiet ġodda tal-vetturi (sistemi ta' assistenza għas-sewwieq),

it-tieni fażi biex tinkiseb liċenzja tas-sewqan,

edukazzjoni dwar is-sikurezza fit-toroq tul il-ħajja,

test tal-idoneità tas-sewwieqa, u

test mediku-psikoloġiku għal dawk li jiksru r-regolamenti tat-traffiku fir-rigward, pereżempju, tal-alkoħol, id-drogi jew l-aggressjoni,

konċentrazzjoni ta' alkoħol fid-demm tal-UE armonizzata għal limitu ta' 0,0 għal sewwieqa ġodda matul l-ewwel sentejn u għal sewwieqa professjonali;

35.

Jenfasizza li għalkemm sar titjib sinifikanti fis-sikurezza tat-toroq matul dawn l-aħħar snin, id-differenzi bejn l-Istati Membri għadhom jippersistu u hemm bżonn ta' miżuri ulterjuri biex jinkiseb l-objettiv tal-Viżjoni Żero; jinnota li s-sikurezza fit-toroq timxi id f'id ma' aġir rispettuż tal-utenti kollha tat-toroq, u li l-edukazzjoni fil-familji u l-iskejjel għandu jkollha rwol akbar fil-ksib ta' dan l-objettiv;

36.

Jenfasizza l-ħtieġa għal tlestija tal-qafas leġiżlattiv stabbilit għad-drittijiet tal-passiġġieri b'miżuri li għandhom l-għan li jeliminaw il-lakuni possibbli kollha fil-leġiżlazzjoni, li jkopru passiġġieri fi vjaġġi multimodali u li jiżguraw kompetizzjoni intermodali ġusta, filwaqt li jqisu d-differenzi speċifiċi bejn il-mezzi tat-trasport, ir-responsabilità legali għal taqsimiet individwali tal-vjaġġ u l-interazzjoni bejn il-mezzi differenti; itenni t-talba tiegħu għall-Karta tad-Drittijiet tal-Passiġġieri li tistabbilixxi d-drittijiet fundamentali tal-passiġġieri applikabbli għall-mezzi kollha tat-trasport, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' kull mezz tat-trasport u li fihom taqsima separata dwar vjaġġi multimodali, sabiex tittejjeb il-viżibilità tar-regoli tal-UE u jiġi żgurat infurzar aħjar; jitlob li jkun hemm inizjattivi li jippromwovu u jagħmlu disponibbli għall-passiġġieri informazzjoni dwar servizzi tal-ivvjaġġar multimodali, tal-ippjanar u ħruġ ta' biljetti; jitlob ukoll, miżuri li jtejbu l-kwalità tat-trasport u li jiffaċilitaw l-aċċessibilità mingħajr ostakli għall-anzjani, għall-passiġġieri b'mobilità mnaqqsa u passiġġieri b'diżabilità u li tingħata aktar attenzjoni lill-bżonnijiet speċjali tal-passiġġieri, bħal dawk taċ-ċiklisti li jġorru r-roti tagħhom fuq il-ferroviji;

37.

Jistieden, b'rabta mad-dritt fundamentali ta' kull persuna għall-mobilità individwali, speċjalment persuni b'diżabilità u l-anzjani, għal aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp ta' sistemi ta' assistenza tas-sewwieq xierqa;

38.

Jinnota li t-titjib tad-disponibilità ta' broadband b'xejn jew irħis, netwerks ċellulari, Wi-Fi u servizzi diġitali oħra fuq it-trasport pubbliku u fl-istazzjonijiet ittejjeb il-mobilità personali;

39.

Jitlob Pjan Direzzjonali tal-UE bl-għan li jiġi stabbilit il-qafas għal sistema Ewropea tat-trasport multimodali tal-passiġġieri mingħajr xkiel; Dan il-Pjan Direzzjonali għandu jidentifika il-kurituri multimodali Ewropej tal-passiġġieri fil-qafas tan-netwerk TEN-T, jiġbru flimkien riżorsi pubbliċi u privati, jallinjaw inizjattivi eżistenti u jikkonċentraw l-appoġġ finanzjarju mill-UE;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-kwalità tax-xogħol fil-mezzi kollha tat-trasport, partikolarment fir-rigward tat-taħriġ, iċ-ċertifikazzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-iżvilupp tal-karriera, bil-ħsieb li jinħolqu impjiegi ta' kwalità, l-iżvilupp tal-ħiliet neċessarji u t-tisħiħ tal-kompetittività u l-mobilità tal-operaturi tat-trasport fl-UE; jenfasizza l-importanza ta' soluzzjoni għall-kwistjoni tal-fatturat tax-xogħol u ta' ħaddiema li qed jixjieħu fis-settur tat-trasport, u l-ħtieġa urġenti biex ix-xogħol fis-settur jingħamel/isir attraenti għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda;

41.

Jenfasizza l-importanza kruċjali li jkunu żgurati trattament ugwali u ġust, termini u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u ambjent tax-xogħol sikur għall-ħaddiema fil-qasam tat-trasport; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tippreżenta miżuri/inizjattivi konkreti u immedjati biex jindirizzaw l-aspetti soċjali tal-mezzi differenti tat-trasport, bl-għan li jippromwovu impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol ta' kwalità għolja għall-ħaddiema tat-trasport u li jiżguraw kompetizzjoni ġusta u mhux distorta bejn l-operaturi tat-trasport; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni soċjali tal-UE mill-Istati Membri fil-mezzi kollha tat-trasport;

42.

Jenfasizza li jinħtieġu miżuri biex tingħata spinta qawwija lill-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tat-trasport, jitneħħew l-ostakli eżistenti, u jiżguraw trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa billi jiġu indirizzati n-nuqqasijiet eżistenti fir-rimunerazzjoni u fl-avvanz;

43.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposti dwar il-ftuħ tas-swieq tas-servizzi tat-trasport kollha jimxu id f'id ma' infurzar xieraq tal-leġiżlazzjoni soċjali tal-UE u, fejn meħtieġ, b'miżuri ta' appoġġ sabiex jiġu evitati d-differenzi bejn il-kundizzjonijiet soċjali fl-Istati Membri differenti; jenfasizza li l-ftuħ tas-swieq tat-trasport m'għandux iwassal għal dumping soċjali, servizzi ta' kwalità inferjuri, servizz pubbliku mnaqqas, piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, prattiki kummerċjali inġusti jew tgħawwiġ tal-kompetizzjoni ġusta; għandu, wkoll, itemm il-frammentazzjoni tas-suq intern u jevita l-ħolqien ta' monopolji jew il-ġirja lejn l-aktar livell baxx rigward il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport;

Sistema tat-trasport kompetittiva, effiċjenti, sikura, integrata u interoperabbli

44.

Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni hija vitali biex ittejjeb l-effiċjenza u l-produttività tas-settur tat-trasport; jenfasizza l-ħtieġa li jsir użu aħjar mill-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji diġitali, u biex tippromwovi servizzi tat-trasport ġodda, kif ukoll mudelli ta' negozju u distribuzzjoni ġodda, sabiex jitrawmu t-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi pprovdut qafas regolatorju li jippermetti proġetti pilota mmirati lejn it-tnedija ta' trasport awtomatizzat intelliġenti fl-Ewropa; jinnota f'dan ir-rigward l-irwol ewlieni tal-SMEs u n-negozji li jkunu għadhom jibdew fit-trawwim tal-innovazzjoni fis-settur tat-trasport;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tpoġġi l-approċċ integrat (l-interoperabilità, l-interkonnettività u l-intermodalità), inklużi sistemi tal-ICT, fil-qalba tar-rieżami tal-White Paper; ifakkar lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tgħaqqad l-avvanzi teknoloġiċi ma' bidla fl-imġiba sabiex tinkiseb bidla modali ambizzjuża, kif ukoll l-evitar tat-trasport permezz tal-loġistika ekoloġika, għodod xierqa tal-ġestjoni tal-mobilità u l-applikazzjoni tad-diġitalizzazzjoni;

46.

Jenfasizza li politika Ewropea dwar il-mobilità sostenibbli għandha tħares lejn sinerġiji bejn il-mezzi, kurituri u netwerks kollha tat-trasport, u tiffoka fuq il-ħtiġijiet ta' nodi ewlenin, żoni urbani, punti ta' interkonnettività, pjattaformi tat-trasbord u portijiet; il-mobilità għandha tiġi kkunsidrata bħala sistema aktar milli bħala kollezzjoni ta' mezzi individwali;

47.

Jitlob għal standardizzazzjoni ta' unitajiet ta' tagħbija intermodali, li jieħdu in kunsiderazzjoni l-unitajiet ta' tagħbija użati fit-trasport globali u d-dimensjonijiet tal-vetturi tat-trasport, u għal dispożizzjonijiet uniformi dwar tagħbija, sabiex jottimizzaw it-trasport multimodali u titjieb is-sikurezza;

48.

Jinsisti li għandhom jitnaqqsu l-ostakli burokratiċi għall-forom kollha ta' trasport; jitlob simplifikazzjoni u armonizzazzjoni akbar ta' dokumenti u proċeduri amministrattivi u doganali, li għandhom ikunu prattiċi, effiċjenti u fattibbli għall-partijiet kollha tul il-katina loġistika; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għall-istabbiliment ta' qafas elettroniku għat-trasport multimodali tal-merkanzija (trasport elettroniku tal-merkanzija), mingħajr l-użu ta' karti, bi flussi ta' informazzjoni bla xkiel tul il-katina loġistika sħiħa, b'kont meħud tal-għodod u s-sinerġiji eżistenti li jiffunzjonaw tajjeb, l-iżviluppi globali u l-aħjar prattiki;

49.

Jitlob l-introduzzjoni ta' għan ġdid, akkumpanjat mill-miżuri neċessarji, ta' trasferiment ta' 50 % tat-trasport ta' merkanzija perikoluża attwali fi ħdan l-UE lejn mezzi ta' trasport aktar sostenibbli bħat-trasport bil-ferrovija u l-passaġġi tal-ilma interni sal-2030 f'konformità sħiħa mad-Direttiva 2008/68/KE dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika r-regoli għat-trasport intermodali tal-oġġetti perikolużi biex tiġi żgurata l-interoperabilità bejn il-mezzi differenti;

51.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw il-potenzjal u jappoġġaw it-tnedija tat-trasport tal-merkanzija tat-tubu u loġistika ċikliċi/taċ-ċikliżmu? bħala kunċetti promettenti għal sistema tat-trasport sostenibbli;

52.

Jenfasizza r-rwol ewlieni tas-settur tat-trasport fl-iżvilupp tat-turiżmu, b'mod partikolari f'dawk ir-reġjuni tal-Unjoni li huma aktar remoti u li attwalment għandhom aċċess diffiċli ħafna;

53.

Jenfasizza li ċentri Ewropej jgħaqqdu l-Ewropa mal-bqija tad-dinja u li l-Ewropa teħtieġ iżżomm il-kollegament dirett tagħha mal-partijiet kollha tad-dinja, billi tipprovdi titjiriet diretti minn trasportaturi Ewropej miċ-ċentri tagħhom għal destinazzjonijiet internazzjonali u ż-żamma tal-impjiegi u t-tkabbir fis-settur Ewropew tal-avjazzjoni; jenfasizza li t-titjiriet fl-UE mhux biss jipprovdu l-mobilità fis-suq intern iżda wkoll għandhom rwol vitali bħala titjiriet li jwasslu lill-passiġġieri fl-ajruporti ċentrali (feeder) biex iżommu konnettività f'dawk l-ajruporti ċentrali tal-UE; il-politika tal-UE trid tiżgura netwerk li twassal lill-passiġġieri fl-ajruporti ċentrali li tkun effiċjenti u kompetittiva biex jissaħħu ċ-ċentri Ewropej billi jitnaqqsu l-ispejjeż globalment għal livelli kompetittivi u tiżgura kompetizzjoni ġusta ma' trasportaturi minn pajjiżi terzi; l-Istati Membri tal-UE għandhom bżonn ta' politika komuni u koerenti sabiex ma jitilfux aktar konnettività diretta bejn l-Ewropa, l-Asja u l-Afrika lejn ċentri fil-Golf u t-Turkija; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, timplimenta dawn l-għanijiet f'kull leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-avjazzjoni u tapplikahom f'negozjati ma' pajjiżi terzi;

54.

Jitlob li jkun hemm politika ta' riċerka u teknoloġija mtejba bl-għan ta' promozzjoni tal-innovazzjoni fis-settur tat-trasport; iqis li din il-politika, li għandha tkun akkumpanjata minn miżuri xierqa ta' finanzjament, għandha titfassal f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi ċ-ċittadini u r-rappreżentanti tal-utenti, sabiex jiġu mifhuma l-ħtiġijiet tas-settur u, għaldaqstant, tittejjeb l-allokazzjoni tal-finanzjament tal-UE, b'mod partikolari permezz tal-programm Orizzont 2020; huwa tal-fehma li għandha tingħata prijorità lill-proġetti b'valur miżjud Ewropew ċar li jimmiraw lejn id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport u l-promozzjoni ta' mezzi ta' trasport li huma effiċjenti fl-enerġija (inklużi l-mixi u l-użu tar-roti), tiżdied l-effiċjenza u t-trasparenza tal-katina tal-provvista, titjieb l-aċċessibilità, is-sikurezza u s-sigurtà tat-trasport, titjieb il-ġestjoni tat-traffiku u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi; huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll għal teknoloġiji li jfixklu l-qasam tat-trasport, pereżempju fil-forma ta' vetturi awtomatizzati jew ikkontrollati mill-bogħod bħal inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ u vetturi mingħajr sewwieqa;

55.

Jitlob l-istess livell ta' sforz fil-qasam tal-edukazzjoni biex jitħeġġeġ il-ħolqien ta' studji u proċessi ta' taħriġ ġodda u, b'mod partikolari fuq livelli professjonali u ogħla, jiffoka fuq ħiliet u professjonijiet ġodda li se joħorġu bħala riżultat ta' mobilità intelliġenti;

56.

Jenfasizza l-importanza tal-appoġġ ta' programmi ta' qafas tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni sabiex jinkisbu fjuwils aktar nodfa u grad għoli ta' avvanz teknoloġiku, pereżempju fir-rigward ta' bijokarburanti raffinati;

57.

Jitlob fi ħdan il-qafas tal-programm REFIT u matul il-valutazzjoni sussegwenti tal-leġiżlazzjoni Ewropea għal rieżami ġenerali ta' liċenzja tas-sewqan Ewropea u kundizzjonijiet ta' sikurezza u rekwiżiti ta' rappurtar relatati mat-trasport bil-ħsieb li jinkiseb tnaqqis sostanzjali fil-piżijiet amministrattivi;

58.

Jirrikonoxxi l-importanza ta' frekwenzi tar-radju mingħajr interferenza, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-infurzar tal-ħin tas-sewqan u l-perjodi ta' serħan tal-ħaddiema tat-trasport bit-triq u t-tnedija ta' sistemi ta' trasport intelliġenti; jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq, fejn meħtieġ, il-qafas regolatorju rilevanti;

Id-dimensjoni globali tat-trasport

59.

Jenfasizza li l-ħolqien ta' żona Ewropea tat-trasport hija prijorità importanti li tiddependi ħafna fuq l-aċċettazzjoni internazzjonali fil-qafas ta' ftehimiet negozjati globalment mal-imsieħba tal-kummerċ għall-mezzi kollha tat-trasport, b'mod partikolari f'konnessjoni mat-trasport bl-ajru u bil-baħar, u li l-UE għandu jkollha rwol dejjem aktar formattiv fl-entitajiet internazzjonali rilevanti;

60.

Huwa tal-fehma li l-UE għandha żżomm ir-rwol prinċipali tagħha fl-isforzi globali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Klima ta' Pariġi tal-2015 (COP21) billi tipprommwovi fil-livell globali d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport u l-iżvilupp ta' mezzi tat-trasport sostenibbli u għaldaqstant tikkontribwixxi biex tintlaħaq il-mira miftiehma internazzjonalment li t-tisħin globali jinżamm taħt iż-2 oC;

61.

Jitlob approċċ aktar integrat bejn l-Istati Membri dwar il-possibilità li jiġi applikat il-prinċipju tar-reċiproċità fir-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi u għal eżami fi ħdan il-politika ta' finanzjament tal-UE, għat-trasport dwar jekk finanzjament addizzjonali minn pajjiżi terzi huwiex xieraq;

62.

Jenfasizza li l-esplojtazzjoni ta' riżorsi internazzjonali għall-iżvilupp ta' sistema tat-trasport tagħna (żejt, litju, metalli prezzjużi, bijokarburanti) għandha tirrispetta l-interessi leġittimi tal-persuni li jgħixu fiż-żoni minn fejn dawn ir-riżorsi huma nnegozjati u importati;

Integrazzjoni tal-mezzi kollha tat-trasport fi ħdan il-viżjoni ta' sistema tat-trasport aktar effiċjenti, sostenibbli, kompetittiva, aċċessibbli u faċli biex tintuża mill-utent u miċ-ċittadin

63.

Jitlob, fir-rigward tat-trasport bl-ajru:

l-indirizzar tal-isfidi ewlenin għall-kompetizzjoni fis-settur tal-ajru Ewropew ikkawżat mit-tnaqqis ta' konnettività diretta bejn l-Ewropa u l-bqija tad-dinja, kapaċità tal-ajruporti limitata fid-dawl ta' żieda futura fit-traffiku tal-ajru, u t-twessigħ tal-firxa tas-servizzi tal-ajru provduti minn kumpaniji li mhumiex tal-UE,

li ssir reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 868/2004 għas-salvagwardja tal-kompetizzjoni ġusta fir-relazzjonijiet esterni tal-avjazzjoni tal-UE u tisħiħ tal-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE, l-iżgurar tar-reċiproċità u l-eliminazzjoni ta' prattiki inġusti, inklużi sussidji li jfixklu s-suq,

Djalogu tal-Avjazzjoni mal-Istati tal-Golf u mat-Turkija bil-ħsieb li tiżdied it-trasparenza finanzjarja u tiġi salvagwardjata l-kompetizzjoni ġusta; l-inklużjoni tal-'klawsoli tal-kompetizzjoni ġusta' fil-ftehimiet tat-trasport tal-ajru, dispożizzjonijiet dettaljati fuq is-sussidji, prattiki u kompetizzjoni inġusti, u mezz effiċjenti ta' azzjoni fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ma' dawk id-dispożizzjonijiet,

it-tħaffif tal-proċess għall-konklużjoni, fejn meħtieġ, ta' ftehimiet ġodda dwar l-avjazzjoni ma' sħab kummerċjali ewlenin tal-UE bħall-pajjiżi ġirien, BRICs, pajjiżi tal-ASEAN u l-Messiku, inklużi dispożizzjonijiet għal aċċess imtejjeb għas-suq għas-servizzi tal-merkanzija bl-ajru,

rieżami tal-politiki fiskali u regolatorji tal-UE u tal-Istati Membri biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-avjazzjoni u tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta ma' linji tal-ajru minn pajjiżi terzi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tirrieżamina u telimina kwalunkwe dispożizzjonijiet unilaterali tal-UE li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaġixxu kif xieraq fir-rigward ta' dispożizzjonijiet nazzjonali simili,

tlestija tas-suq intern tal-avjazzjoni billi jitneħħew l-ostakli introdotti mill-Istati Membri għat-trasportaturi tal-UE li jixtiequ joperaw mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tagħhom lejn pajjiż terz permezz ta' Stat Membru ieħor,

żvilupp koerenti u effettiv ta' netwerk ta' ajruporti tal-UE, li għandu jinkludi, l-ewwel nett, l-ajruporti ewlenin ('hubs') u, it-tieni nett, netwerk moqdi tajjeb, vijabbli u appoġġat ta' ajruporti lokali, provinċjali u reġjonali, li huma essenzjali għat-tkabbir u l-iżvilupp tat-territorji kkonċernati, b'mod partikolari żoni mbiegħda u r-reġjuni l-aktar imbiegħda, li spiss huma aċċessibbli biss permezz tat-trasport bl-ajru; it-tfassil ta' qafas leġiżlattiv għall-iżvilupp u l-massimizzazzjoni tal-potenzjal mhux sfruttat ta' ajruporti reġjonali u ta' infrastruttura ġdida f'ajruporti ffullati,

approvazzjoni ta' proġetti finanzjati mill-UE li huma parti min-netwerk ewlieni TEN-T bħala prijorità,

tħejjija bir-reqqa u adozzjoni rapida ta' Pakkett tal-Avjazzjoni komprensiv, inkluż: qafas regolatorju ġdid dwar l-inġenji tal-ajru ċivili mingħajr ekwipaġġ li jiżgura s-sikurezza, is-sigurtà u d-drittijiet fundamentali filwaqt li jitrawwem il-potenzjal ekonomiku tal-inġenji tal-ajru ċivili mingħajr ekwipaġġ li joffri lin-negozji Ewropej, b'mod partikolari lill-SMEs u n-negozji l-ġodda; ir-reviżjoni tar-Regolament dwar l-EASA biex tikkjarifika r-rwol tagħha vis-à-vis l-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni u ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha biex tissorvelja s-sikurezza tal-avjazzjoni fl-Istati Membri kollha, inklużi reġjuni remoti, u l-promozzjoni ta' regoli u standards tal-UE globalment,

l-azzjonijiet kollha meħtieġa mill-Istati Membri biex jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, permezz tal-adozzjoni tal-pakkett SES2+, l-implimentazzjoni sħiħa u t-tħaddim ta' blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali (FABs) u t-tnedija tas-sistema futura ta' ġestjoni tat-traffiku bl-ajru (SESAR), sabiex isseħħ deframmentazzjoni tal-ispazju tal-ajru tal-UE bil-għan li jitnaqqas id-dewmien tat-titjiriet, tittejjeb is-sikurezza u jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport bl-ajru,

adozzjoni rapida mill-Kunsill tal-pożizzjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 u r-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, u r-Regolament (KE) Nru 95/93 dwar l-allokazzjoni ta' slots,

it-titjib tan-negozjati fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar l-iżvilupp ta' mekkaniżmu bbażat fuq is-suq globali li jindirizza l-emissjonijiet internazzjonali tal-avjazzjoni,

l-introduzzjoni ta' kriterji internazzjonali ta' sostenibilità tal-fjuwil tal-avjazzjoni rinnovabbli,

appoġġ għal riċerka u żvilupp fl-ajrunawtika permezz tal-programmi Orizzont 2020 u Clean Sky, sabiex jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda u aktar nodfa li jirriżultaw f'inġenji tal-ajru inqas storbjużi u aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil, għal promozzjoni ta' tipi ġodda ta' inġenji tal-ajru, bħal inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ, u biex jinħoloq tkabbir u impjiegi fl-industrija tal-avjazzjoni Ewropea,

rieżami bir-reqqa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-istrateġija u l-politiki tagħhom dwar is-sikurezza u s-sigurtà tal-avjazzjoni bil-ħsieb li jimxu gradwalment lejn approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-benefiċċju tal-passiġġieri,

it-titjib tal-prestazzjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni fl-UE kollha fil-qasam tal-manifattura tal-inġenji tal-ajru, it-taħriġ u l-liċenzjar tal-ekwipaġġ, l-operazzjonijiet ta' titjir, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru,

valutazzjoni tal-possibilità ta' miżuri ta' sikurezza meħtieġa biex jiġu evitati inċidenti tal-ajru bħal dak tat-Titjira 9525 tal-Germanwings fl-Alpi li seħħ f'Marzu 2015,

proposta tal-Kummissjoni inklużi miżuri biex tittejjeb is-sikurezza u r-regoli soċjali, partikolarment il-ħin ta' titjir u ta' mistrieħ, sabiex tiġi evitata l-għeja u tittejjeb il-kwalità tal-arja tal-kabina,

l-iżvilupp ta' sett koordinat ta' regoli li jirregolaw skejjel tat-titjir u r-reġistrazzjoni tas-sigħat ta' titjir għall-bdoti attivi fl-UE, filwaqt li jiġi żgurat kontroll aktar effettiv u l-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-industrija tal-linji tal-ajru,

skambju ta' data ġenerali tal-avjazzjoni mal-Eurostat mill-Istati Membri, b'mod partikolari dwar in-numru ta' ajruplani, bdoti u sigħat ta' titjir sabiex jittejbu r-regolamenti applikabbli, b'enfasi speċjali fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni,

djalogu soċjali kostruttiv bejn il-partijiet ikkonċernati fl-avjazzjoni sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda li jirriżultaw mill-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda li se jeħtieġu l-impjiegi fis-settur tal-avjazzjoni biex jadattaw kif meħtieġ,

miżuri kontra ż-żieda ta' prattiki ta' negozju soċjalment problematiċi bħal “bnadar ta' konvenjenza” u l-forom differenti tal-impjieg atipiċi u l-esternalizzazzjoni; reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 biex jiġi żgurat l-infurzar xieraq u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi għal-linji tal-ajru b'bażijiet operattivi fit-territorju tal-UE; definizzjoni riveduta tal-“post prinċipali tan-negozju” ta' kumpanija sabiex ikun rekwiżit li l-linji tal-ajru jevidenzjaw attivitajiet tal-avjazzjoni sostanzjali f'pajjiż; rakkomandazzjonijiet tal-EASA li jirrikjedu li mill-inqas 50 fil-mija tat-tekniċi tal-manutenzjoni jkunu impjegati direttament, li jkopri l-kategoriji kollha ta' persunal ta' fuq l-art, tal-bdoti u tal-ekwipaġġ tal-kabina;

64.

Jitlob, fir-rigward tat-trasport bit-triq, għal:

oqfsa effikaċi ta' politika nazzjonali mmirati lejn l-iżvilupp tas-suq fir-rigward tal-użu ta' vetturi elettriċi u fjuwils alternattivi (l-elettriku, l-idroġenu, il-gass naturali (gass naturali kkompressat (CNG) u gass naturali likwifikat (LNG), il-gass likwifikat miż-żejt (LPG), il-fjuwils sintetiċi u paraffiniċi, u bijokarburanti sostenibbli, speċjalment dawk prodotti mill-ipproċessar ta' skart u residwi, inkluż l-etanol abbażi tal-melassa), u t-tnedija rapida ta' infrastruttura meħtieġa ta' riforniment ta' karburnat/irriċarġjar; l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn proġetti eżistenti fl-Istati Membri differenti fir-rigward tas-suq għal fjuwils alternattivi u d-distribuzzjoni fil-bliet; Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-implimentazzjoni tal-istrateġija deskritta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Enerġija nadifa għat-trasport: strateġija Ewropea għall-fjuwils alternattivi” sabiex jinkiseb l-usa' użu possibbli ta' fjuwils alternattivi għat-trasport, u biex tippromwovi mobilità elettrika sostenibbli madwar l-Unjoni kollha,

żieda globali ta' 40 % sal-2020, meta mqabbla maċ-ċifri tal-2010, fin-numru ta' postijiet sikuri għall-ipparkjar ta' vetturi heavy-duty fin-netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew (TERN) u jkun hemm titjib fil-kwalità u fl-istandards tal-iġjene tagħhom,

inizjattivi biex jiżguraw l-interoperabilità ta' sistemi tal-pedaġġ tat-toroq elettroniċi,

evalwazzjoni mill-Kummissjoni tad-diversi skemi ta' nollijiet tat-toroq għall-karozzi u l-kompatibilità tagħhom mat-Trattati tal-UE, b'mod partikolari l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni abbażi tar-residenza,

l-approvazzjoni bħala prijorità ta' proġetti ta' infrastruttura finanzjati mill-UE li tikkompleta n-netwerk tat-toroq li hija parti min-netwerk ewlieni tat-TEN-T,

pjan direzzjonali tal-UE biex iċ-ċikliżmu jiġi inkluż fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016,

proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi limiti obbligatorji fuq il-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vannijiet ġodda għall-perjodu lil hinn mill-2020, li żżomm trajettorja fit-tul ċara ta' tnaqqis fl-emissjonijiet,

it-tlestija fil-ħin ta' għodda ta' simulazzjoni li tkejjel b'mod preċiż, affidabbli u kosteffikaċi l-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tas- CO2 ta' vetturi heavy-duty (trakkijiet, xarabanks u kowċis), li għandha tiġi segwita, jekk dan ikun xieraq, minn proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi limiti obbligatorji fuq il-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi heavy-duty li jkunu għadhom kif ġew irreġistrati, kif diġà huwa l-każ għall-karozzi u l-vannijiet; miżuri ulterjuri biex jinċentivaw l-introduzzjoni fis-suq tal-aktar vetturi effiċjenti u jippromwovu l-aħjar prattiki biex jitnaqqas il-konsum tal-fjuwil,

miżuri li jżidu l-effiċjenza tal-fjuwil, u jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi heavy-duty, inkluż użu ulterjuri ta' taħriġ f'sewqan ekoloġiku, loġistika tat-trasport imtejba u infrastruttura intelliġenti, u użu akbar ta' fjuwils alternattivi,

ċiklu rivedut tal-ittestjar, b'rekwiżiti tal-ittestjar għall-konformità aktar robusti għall-kejl tas-CO2 u tal-emissjonijiet minn vetturi ta' sustanzi li jniġġsu, li jissostitwixxi ċ-“Ċiklu Ġdid tas-Sewqan Ewropew” attwalment użat, li jiżgura li l-emissjonijiet u l-konsum tal-fjuwil tal-vetturi huma mkejla permezz ta' proċedura ta' ttestjar li tirrifletti l-kundizzjonijiet reali tas-sewqan,

biex il-Kummissjoni tibda taħdem mingħajr dewmien żejjed dwar ir-rieżami tad-Direttiva (UE) 2015/719 dwar piżijiet u dimensjonijiet massimi awtorizzati, b'tali mod li, sa mhux aktar tard mill-2020, rapport ikun jista' jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jqis ukoll karatteristiċi speċifiċi ta' ċerti setturi tas-suq bħalma huma trasportaturi speċjalizzati tal-karozzi użati fi ħdan is-settur ta' loġistika tal-vetturi rfinuti,

l-adozzjoni ta' kodiċi soċjali għall-ħaddiema mobbli tat-trasport bit-triq, u l-indirizzar ukoll tal-problemi tal-impjieg indipendenti moħbi, biex titqies aħjar in-natura partikolari ta' ħaddiema fit-trasport internazzjonali bit-triq u tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta,

infurzar aħjar, evalwazzjoni u, jekk meħtieġ, kjarifika jew rieżami ta' regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009),

miżuri biex jiżguraw il-konformità ta' dispożizzjonijiet nazzjonali mal-liġi tal-UE fil-qasam tat-trasport transkonfinali,

il-kunsiderazzjoni tal-ħolqien ta' Aġenzija Ewropea għat-Trasport bit-Triq biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tippromwovi l-istandardizzazzjoni fl-Istati Membri kollha,

miżuri biex tkun żgurata ċ-ċarezza ġuridika u implimentazzjoni aħjar ta' regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet soċjali u tal-benessri, il-pagi u r-responsabilità soċjali, sabiex jiġu garantiti standards soċjali għoljin fit-trasport tal-merkanzija bit-triq fl-UE kollha; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri kontra prattiki illegali li jwasslu għal kompetizzjoni inġusta u dumping soċjali; it-trasport tal-merkanzija bit-triq għandu jitqies bħala settur speċifiku, minħabba l-mobilità għolja tal-ħaddiema tiegħu u l-ħtieġa tas-sewwieqa li jgħaddu l-perjodi ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa f'darhom,

l-aġġustament tal-applikazzjoni tal-prinċipji tas-suq intern li effettivament jisseparaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi mil-libertà tal-istabbiliment, bl-għan li jiġi żgurat li attivitajiet minn impriża fi Stat Membru li mhix stabbilita fih ikunu strettament temporanji;

65.

Jitlob, fir-rigward tat-trasport bil-ferrovija, għal:

tlestija taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea permezz tal-adozzjoni rapida tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju, l-iżgurar ta' twessiegħ bilanċjat tas-suq domestiku tal-passiġġieri ferrovjarji, l-indipendenza tal-maniġers tal-infrastruttura, permezz ta' sejħiet għal offerti kompetittivi għal kuntratti ta' servizz pubbliku, l-ogħla livell ta' sikurezza ferrovjarja u interoperabilità, u riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti għall-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea sabiex jiġi żgurat li tkun kompletament operattiva u tkun f'pożizzjoni li twettaq il-missjoni tagħha bħala punt uniku ta' servizz għall-awtorizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza tal-vetturi; ir-Raba' Pakkett Ferrovjarju għandu jiżgura livell għoli ta' kwalità u effiċjenza tas-servizzi ferrovjarji, iħares l-ekwilibriju ekonomiku tal-obbligi tas-servizz pubbliku u jippromwovi standards għoljin għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-koeżjoni territorjali; l-adozzjoni tiegħu għandha tkun segwita minn traspożizzjoni u implimentazzjoni rapidi mill-Istati Membri,

l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' strateġija ferrovjarja tipproponi miżuri ġodda biex jintlaħqu l-miri ta' tibdil minn mezz ta' trasport għal ieħor għall-2030 u l-2050 kif stabbilit fl-“għaxar għanijiet għal sistema tat-trasport kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi” tal-White Paper,

finanzjament solidu, suffiċjenti, trasparenti u prevedibbli fit-tul, b'regoli u proċeduri simplifikati għal aċċess għal finanzjament tal-UE, sabiex tittejjeb il-kwalità u l-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali u transkonfinali, li tingħata prijorità liż-żamma u t-titjib tal-infrastruttura eżistenti, u li tippermetti l-għoti ta' servizzi affidabbli, sikuri, aċċessibbli u sostenibbli minn operaturi ferrovjarji tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri,

analiżi dettaljata tar-raġunijiet li għalihom iż-żona ferrovjarja Ewropea hija karatterizzata minn għadd kbir ta' konnessjonijiet neqsin bejn il-fruntieri tal-Istati Membri; jitlob li jittieħdu miżuri u inċentivi mill-Kummissjoni biex tingħata ħajja ġdida bħala kwistjoni tal-akbar urġenza għal konnessjonijiet transkonfinali ferrovjarji lokali, reġjonali u nazzjonali li kienu ġew żarmati jew abbandunati matul it-Tieni Gwerra Dinjija u l-perjodu ta' wara l-gwerra, minkejja l-interess ekonomiku jew l-utilità tagħhom lill-pubbliku, kif ukoll tal-bini urġenti ta' dawk li ġew ippjanati iżda ma tlestewx, sabiex jitneħħew l-ostakli eżistenti u l-kollegamenti nieqsa f'reġjuni transkonfinali; tiġdid u manutenzjoni ta' linji ferrovjarji sekondarji li jwasslu għal netwerks ewlenin nazzjonali u kurituri Ewropej; inizjattivi biex jinsabu funzjonijiet ġodda, għal netwerks mhux użati bħal tat-trasport ta' merkanzija jew dawk li jipprovdu servizzi ġodda għat-turisti,

titqies prijorità l-approvazzjoni ta' proġetti ta' infrastruttura finanzjati mill-UE li jikkompletaw in-netwerk ferrovjarju li huwa parti min-netwerk ewlieni TEN-T u l-proġetti approvati taħt is-CEF,

jitwessa' r-rwol tal-Kummissjoni sabiex tikseb tlestija effettiva u rapida tal-kurituri ferrovjarji tat-TEN-T, li kienu ppjanati iżda posposti mill-Istati Membri minkejja l-utilità tagħhom f'termini soċjali u ekonomiċi,

studju ta' ġbir ta' informazzjoni dwar benefiċċji soċjali, ekonomiċi u ambjentali ta' appoġġ kontinwu għal servizzi ferrovjarji nazzjonali u internazzjonali ta' matul il-lejl, u, fejn xieraq, tiġdid ta' dawn is-servizzi, kif ukoll ta' servizzi transkonfinali interurbani, pereżempju fil-kuntest ta' obbligi ta' servizz pubbliku u proċeduri tal-offerti,

l-azzjonijiet kollha meħtieġa mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-partijiet interessati għall-implimentazzjoni tal-Impriża Konġunta Shift2Rail, sabiex titħaffef l-integrazzjoni ta' teknoloġiji avvanzati f'soluzzjonijiet ta' prodotti ferrovjarji innovativi, it-trasport ferrovjarju jsir iżjed attraenti u jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-industrija ferrovjarja Ewropea,

azzjonijiet immirati lejn netwerk ferrovjarju Ewropew ġenwinament interoperabbli, tnaqqis ta' ostakli tekniċi persistenti, il-promozzjoni ta' soluzzjonijiet tekniċi li jippermettu li l-ferroviji jużaw binarji ta' wisa' differenti, u li jiġi żgurat li r-restrizzjonijiet differenti għall-għoli fl-UE ma jikkostitwixxux ostaklu addizzjonali,

it-tnedija tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) fuq il-kurituri kollha tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T bħala prijorità, inkluż it-tagħmir korrispondenti abbord il-lokomotivi,

l-implimentazzjoni rapida tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 rigward l-istabbiliment ta' kurituri ferrovjarji internazzjonali għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva, u l-iżvilupp jew it-titjib ta' One-Stop Shops (OSS) għall-koordinazzjoni ta' dawn il-kurituri,

it-tnaqqis ta' storbju tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija billi l-vaguni tal-merkanzija jiġu modifikati u tittejjeb l-infrastruttura ferrovjarja permezz ta' finanzjament pubbliku mmirat; preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta' proposta li tipprovdi għal projbizzjoni fl-UE kollha ta' vaguni merkantili eċċessivament storbjużi sal-2020,

l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' ħruġ ta' biljetti integrati fit-trasport ferrovjarju nazzjonali u internazzjonali, u l-eliminazzjoni ta' tariffi żejda applikabbli għall-ferroviji tal-passiġġieri li jivvjaġġaw b'mod transkonfinali,

it-tneħħija tal-ostakli li jipprevjenu li l-industrija ferrovjarja Ewropea (manifatturi ta' vetturi ferrovjarji, infrastruttura ferrovjarja u s-sistemi tas-sinjalazzjoni) milli tagħmel offerti għal kuntratti pubbliċi f'pajjiżi li mhumiex fl-UE;

66.

Jitlob, fir-rigward tat-trasport marittimu:

miżuri biex jiffaċilitaw il-formalitajiet għall-vapuri li joperaw bejn portijiet tal-UE bl-għan li tiġi stabbilita bażi reali ta' Spazju tat-Trasport Marittimu Ewropew mingħajr Ostakli (“Blue Belt”),

koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet marittimi u doganali fil-livelli kollha biex jissimplifikaw il-flussi ta' informazzjoni u jillimitaw piżijiet amministrattivi u formalitajiet tad-dwana mhux meħtieġa,

miżuri biex jiġi żviluppat il-potenzjal ta' awtostradi tal-baħar bħala parti min-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport,

miżuri addizzjonali biex jinżamm u jiġi żviluppat ulterjorment trasport bil-baħar ta' kwalità, attraenti, sikur u sostenibbli u biex jiġu żgurati swieq marittimi miftuħin u aċċess għal tagħbijiet ta' merkanzija mingħajr restrizzjonijiet,

miżuri għall-appoġġ u l-koordinazzjoni tal-adattament ta' port gateways u sistemi loġistiċi għal bastimenti akbar u għall-promozzjoni ta' konnessjonijiet aħjar tal-portijiet, b'mod partikolari bil-ferrovija u bil-passaġġi tal-ilma interni; l-iffaċilitar ta' investimenti fil-portijiet permezz tal-mobilizzazzjoni ta' sorsi varji ta' finanzjament tal-UE sabiex tiżdied il-kapaċità ta' portijiet tal-UE, titjieb l-infrastruttura eżistenti, jiġu żviluppati terminals multimodali u l-promozzjoni tal-ħolqien ta' portijiet intelliġenti li jużaw sistemi tat-trasport intelliġenti, u bliet portwali intelliġenti; miżuri li jtejbu l-infrastruttura tal-portijiet marittimi, b'mod partikolari fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed, sabiex jittrasferixxu l-merkanzija mit-triq għall-baħar f'dawk l-oqsma,

assigurazzjoni li portijiet marittimi tan-netwerk ewlieni għandhom ikunu konnessi mal-infrastruttura tat-trasport bil-ferrovija u dak bit-triq u, fejn possibbli, mal-passaġġi tal-ilma intern tal-infrastruttura tat-trasport tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport sal-2030, ħlief meta tali konnessjoni tiġi ostakolata minn restrizzjonijiet fiżiċi,

aktar ċarezza u koerenza dwar l-applikazzjoni ta' regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-portijiet sabiex jinħoloq ambjent pragmatiku, prevedibbli u stabbli li jippermetti strateġiji ta' investiment portwali li jnaqqas il-piżijiet amministrattivi u jnaqqas l-iskadenzi proċedurali,

avvanz mal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi qafas dwar l-aċċess għas-suq tas-servizzi portwali u t-trasparenza finanzjarja tal-portijiet, sabiex tiġi mmodernizzata u titjieb il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi tal-port, tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jinħolqu kundizzjonijiet ta' qafas biex jiġi attirat l-investimenti fil-portijiet,

l-istabbiliment ta' mira vinkolanti globali fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) biex jintlaħaq l-għan tal-White Paper ta' tnaqqis ta' mill-inqas 40 % tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-fjuwils tal-bunkers marittimi sal-2050, biex tiġi appoġġata permezz ta' mira tal-UE għall-2030; it-titjib tan-negozjati fi ħdan l-IMO dwar l-iżvilupp ta' mekkaniżmu globali bbażat fuq is-suq li jindirizza l-emissjonijiet marittimi internazzjonali, bħal mekkaniżmu tal-ipprezzar tal-emissjonijiet; fil-każ li jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar sistema globali ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika (MRV) għall-emissjonijiet ta' gass serra jew dwar miżuri globali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gass serra mit-trasport marittimu, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dan ir-Regolament (UE) 2015/757 u għandha, jekk xieraq, tipproponi emendi għal dan ir-Regolament sabiex tiżgura l-allinjament ma' dak il-ftehim internazzjonali,

kunsiderazzjoni tal-estensjoni tal-limiti tal-kubrit għall-fjuwils tal-baħar applikabbli għal Żoni tal-Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Ossidi tal-Kubrit (SECAs), u regoli rilevanti tal-IMO, għall-ispazju marittimu Ewropew kollu,

promozzjoni ta' teknoloġiji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-miżuri għall-effiċjenza tal-enerġija permezz ta' inċentivi finanzjarji u miżuri ta' appoġġ immirati, b'enfasi partikolari fuq l-użu ta' fjuwils alternattivi, kif ukoll il-promozzjoni ta' miżuri slow-steaming, li huma rrappurtati li għandhom potenzjal kbir biex jitnaqqsu l-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet ta' gass serra,

azzjonijiet li jappoġġjaw it-tnedija ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fil-portijiet marittimi u ta' ilmijiet interni, inkluż il-provvista ta' faċilitajiet ta' riforniment tal-LNG u l-elettriku mill-art,

proposta leġiżlattiva għall-immodernizzar tal-leġiżlazzjoni tas-sikurezza tal-passiġġieri fuq il-bastimenti; implimentazzjoni aħjar u, jekk ikun xieraq, ir-rieżami tat-Tielet Pakkett ta' Sikurezza Marittima sabiex issaħħaħ il-prevenzjoni tal-inċidenti fuq il-baħar u l-ġestjoni tal-konsegwenzi tagħhom,

proposta leġiżlattiva bl-għan li jiġi ċċarat ir-reġim ta' responsabilità u ta' kumpens minħabba l-fenomenu dejjem jikber ta' kontejners li jintilfu fuq il-baħar, ibbażat fuq sistema li tippermetti l-identifikazzjoni tas-sidien ta' kontejners bħal dawn;

67.

Jitlob, fir-rigward tal-passaġġi tal-ilma interni:

l-istabbiliment ta' qafas xieraq biex jiġi ottimizzat is-suq intern għat-trasport fil-passaġġi tal-ilma interni u t-tneħħija tal-ostakli li jipprevjenu li jintuża aktar,

implimentazzjoni sħiħa tal-programm ta' azzjoni Naiades II, b'attenzjoni speċjali għall-infrastruttura, it-tnedija u l-innovazzjoni ta' servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar; valutazzjoni tal-programm sal-2017, u, jekk meħtieġ, adattament tal-miżuri proposti biex jiżgura li l-objettivi tal-programm jiġu milħuqa,

approvazzjoni ta' proġetti finanzjati mill-UE rigward passaġġi tal-ilma interni li huma parti min-netwerk ewlieni TEN-T,

titjib u manutenzjoni xierqa matul is-sena kollha, u l-eliminazzjoni ta' konġestjoni f'passaġġi tal-ilma interni li huma parti mill-kurituri tan-netwerk ewlieni TEN-T sal-2025, f'konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, sabiex jiġu salvagwardjati l-livelli ta' servizz adegwat,

appoġġ akbar mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fit-trasport permezz ta' passaġġi tal-ilma interni taħt l-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-użu ta' fjuwils alternattivi u adattament tekniku u ambjentali tal-flotta sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra,

l-integrazzjoni tat-trasport permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni fit-trasport u l-loġistika multimodali, kif ukoll fi pjanijiet u politiki ta' mobilità urbana sostenibbli fil-bliet Ewropej li minnhom jgħaddu passaġġi tal-ilma, u t-titjib tar-rwol ta' portijiet interni fid-distribuzzjoni ta' merkanzija fil-bliet,

rieżami rapidu tad-Direttiva 2005/44/KE dwar is-Servizzi Armonizzati ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS), li jiżgura tnedija sħiħa tar-RIS sal-2020 u konnessjoni għal sistemi tat-trasport intelliġenti kooperattivi oħrajn,

konverġenza, fejn xieraq, tal-governanza u s-sistemi regolatorji fuq ir-Renu u d-Danubju li tiżviluppa sistema tat-trasport effiċjenti, multimodali u sostenibbli fuq passaġġi tal-ilma interni ewlenin tal-Ewropa,

involviment tal-Kummissjoni fl-allokazzjoni ta' fondi tal-UE u l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni ta' proġetti inkluża fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju,

proposta leġiżlattiva dwar ir-rikonoxximent u l-modernizzazzjoni ta' kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni fl-ilmijiet interni u l-kunsiderazzjoni tal-miżuri li jattiraw liż-żgħażagħ lejn dan is-settur;

o

o o

68.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-proposti li jinsabu f'din ir-riżoluzzjoni fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-White Paper u f'inizjattivi futuri fil-qasam tat-trasport;

69.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex timmonitorja l-progress sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-White Paper, u biex tirrapporta annwalment dwar l-implimentazzjoni tagħha;

70.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 72.

(2)  ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 13.

(3)  ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 556.

(4)  ĠU C 43 E, 19.2.2004, p. 250.

(5)  ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 54.

(6)  Kif definit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi.

(7)  Is-sikurezza fit-toroq fl-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, Marzu 2015.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2014)0094.


Top