EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0291

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Settembru 2015 dwar Nisfruttaw il-potenzjal ta' riċerka u innovazzjoni fl-ekonomija blu biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi (2014/2240(INI))

ĠU C 316, 22.9.2017, p. 64–75 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 316/64


P8_TA(2015)0291

Nisfruttaw il-potenzjal ta' Riċerka u Innovazzjoni fl-Ekonomija Blu biex jinħolqu t-Tkabbir u l-Impjiegi

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Settembru 2015 dwar Nisfruttaw il-potenzjal ta' riċerka u innovazzjoni fl-ekonomija blu biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi (2014/2240(INI))

(2017/C 316/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2014 bit-titolu “L-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir” (COM(2014)0254),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Lulju 2014, li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu (1)

wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (2),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2010 bit-titolu “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni” (COM(2010)0546),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2007 dwar “Politika marittima integrata għall-Unjoni Ewropea” COM(2007)0575,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Limassol tat-8 ta' Ottubru 2012 dwar Aġenda dwar il-baħar u marittima għat-tkabbir u l-impjiegi,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2012 bit-titolu “It-Tkabbir Blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu” (COM(2012)0494),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Mejju 2013 dwar “Pjan ta’ Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-żona tal-Atlantiku. Il-provvediment ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” (COM(2013)0279),

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tad-29 ta' Awwissu 2012 bit-titolu “Għarfien dwar il-Baħar 2020: mill-immappjar ta’ qiegħ il-baħar għat-tbassir oċeaniku” (COM(2012)0473),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2013 dwar “Tkabbir blu: It-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli fis-setturi tal-baħar, tat-trasport marittimu u tat-turiżmu fl-UE” (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar l-għarfien dwar il-baħar 2020: “L-immappjar ta’ qiegħ il-baħar għall-promozzjoni ta’ sajd sostenibbli” (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu, tas-27 ta’ Frar 2014, dwar Azzjonijiet speċifiċi fil-Politika Komuni tas-Sajd għall-iżvilupp tar-rwol tan-nisa (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (6),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1292/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 294/2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (7),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1312/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT): il-kontribuzzjoni tal-EIT għal Ewropa iktar innovattiva (8),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, mogħtija fil-15 ta’ Ottubru 2014, dwar “L-innovazzjoni u l-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir” (9),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, mogħtija fit-3 ta' Diċembru 2014 dwar “L-innovazzjoni u l-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir” (10),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Frar 2014 dwar “Strateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Marittimu u Kostali” (COM(2014)0086),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Kompetittività tal-4 ta’ Diċembru 2014 bl-isem “It-tisħiħ tat-turiżmu permezz tal-promozzjoni tal-wirt kulturali, naturali u marittimu tal-Ewropa”,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adottata fil-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) li saret f’Rio de Janeiro, il-Brażil, mill-20 sat-22 ta’ Ġunju 2012,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0214/2015),

A.

billi l-kunċett tal-ekonomija blu jkopri firxa wiesgħa ta' setturi ekonomiċi marbuta mal-ibħra u l-oċeani, li jvarjaw bejn setturi tradizzjonali jew stabbiliti u dawk emerġenti, fosthom is-sajd, l-akkwalkultura, it-trasport tal-merkanzija fuq il-baħar u dak tal-passaġġi fuq l-ilma interni, il-portijiet u l-loġistika, it-turiżmu, in-navigazzjoni rikreattiva u tal-kruċieri, il-bini u t-tiswija tal-bastimenti, xogħlijiet marittimi u protezzjoni tal-kosta, il-prospettar u l-isfruttar tar-riżorsi minerali lil hinn mill-kosta, l-isfruttar tal-enerġija mir-riħ u mill-baħar lil hinn mill-kosta, u l-bijoteknoloġija;

B.

billi l-iżvilupp tal-ekonomija blu għandu jiffoka fuq attivitajiet ekonomiċi sostenibbli li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet attwali u tal-ġejjieni u li jiġġeneraw prosperità għas-soċjetà;

C.

billi l-iżvilupp tal-ekonomija blu jeħtieġ bażi b’saħħitha ta’ għarfien xjentifiku, peress li dan huwa l-punt ta’ tluq għar-riċerka u l-innovazzjoni, u billi s-setturi xjentifiċi u teknoloġiċi marbuta mal-ekonomija blu huma diversi ferm;

D.

billi l-protezzjoni u s-salvagwardja tal-ambjenti naturali tal-baħar huma fundamentali għaż-żamma, l-appoġġ u l-iżvilupp tal-ekonomija blu u, barra minn hekk, l-ekosistemi vijabbli tal-baħar huma prekundizzjoni għall-isfruttament tar-riżorsi tal-ibħra u l-oċeani; billi l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà għandhom ikunu l-pilastri ewlenin tal-ekonomija blu sabiex jiġu ġġenerati t-tkabbir u l-impjiegi;

E.

billi jeżisti nuqqas gravi ta’ data, informazzjoni u għarfien dwar l-ibħra u l-oċeani, ir-riżorsi u l-bijodiversità tagħhom, u l-mod kif dawn jinteraġixxu mal-attivitajiet tal-bniedem, u l-impatti ambjentali u kumulattivi ta’ dawn l-istess attivitajiet – indipendentement minn jekk hux qed iseħħu jew iridux jiġu żviluppati – u billi l-għarfien inadegwat jillimita l-użu sostenibbli tar-riżorsi kkonċernati, huwa ostakolu għall-innovazzjoni u jirrestrinġi l-potenzjal sħiħ tal-ibħra u l-oċeani, fil-kuntest ta’ popolazzjoni dinjija li qed tiżdied bir-riżultat li l-ibħra u l-oċeani tagħna se jintużaw dejjem iżjed għall-ikel, l-ispazju, l-enerġija u l-minerali u b’hekk jeħtieġu approċċ aktar sistematiku għall-użu sostenibbli tagħhom;

F.

billi l-ekosistemi tal-baħar huma żoni b’bijodiversità fraġli, sensittivi għall-attivitajiet tal-bniedem, u qed isir dejjem aktar importanti li tinkiseb u tiġi kondiviża informazzjoni preċiża dwar il-post u l-firxa ta’ tipi ta’ ħabitat biex jiġu ffaċilitati l-ġestjoni soda, l-iżvilupp u l-protezzjoni ta’ żoni sensittivi;

G.

billi l-ostakli għas-suċċess fl-innovazzjoni fl-ekonomija blu ma jinħolqux biss minħabba l-lakuni fl-għarfien xjentifiku, li l-universitajiet, in-negozji u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka qed jippruvaw jindirizzaw permezz ta’ riċerka ta’ livell għoli, iżda jinħolqu wkoll bl-ostakli għall-finanzjamenti minn riżorsi kemm pubbliċi kif ukoll privati;

H.

billi l-potenzjal għall-isfruttar tar-riżorsi tal-baħar biex jiġu żviluppati riżorsi tal-enerġija rinnovabbli sostenibbli jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-istrateġija tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE permezz tat-tnaqqis tad-dipendenza tal-Istati Membri fuq sorsi tal-enerġija mhux tal-UE;

I.

billi l-iżvilupp tal-ekonomija blu jista’ jagħti spinta kemm lit-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku, kif ukoll lill-ħolqien tal-impjiegi, speċjalment għar-reġjuni kostali, ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi gżira, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet u d-differenzi speċifiċi u varji ta’ kull żona ġeografika;

J.

billi l-investiment ikbar fir-riċerka u l-innovazzjoni b’rabta mal-ibħra u l-oċeani jista’ jkun għodda utli biex jiġu appoġġjati l-għanijiet ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, filwaqt li jiġu indirizzati l-asimmetriji u d-differenzi li qed jikbru bejn l-Istati Membri, u tissaħħaħ ukoll il-pożizzjoni globali tal-UE fil-qasam tal-politika marittima u l-ekonomija blu (pereżempju permezz tal-esportazzjoni ta’ teknoloġija ambjentali), b’kunsiderazzjoni tal-importanza tal-impriżi żgħar u medji (SMEs) u n-negozji tal-familja għall-innovazzjoni u l-impjiegi;

K.

billi fl-attivitajiet tal-ekonomija blu għandhom jitqiesu livelli adegwati differenti ta’ kompetenza, b’mod speċifiku fill-livell internazzjonali, Ewropew u tal-Istati Membri; billi l-prijoritajiet settorjali għall-iżvilupp tal-ekonomija blu jistgħu jvarjaw bejn Stat Membru u ieħor, u jiddependu minn naħa fuq ir-rekord tal-iżvilupp rispettiv tas-setturi tradizzjonali jew stabbiliti u, min-naħa l-oħra, fuq ir-riżorsi eżistenti u l-iżvilupp potenzjali tas-setturi emerġenti f’kull Stat Membru;

L.

billi biex jittieħed vantaġġ mill-opportunitajiet ta’ innovazzjoni fl-ekonomija blu hemm bżonn ta’ forza tax-xogħol tas-sengħa, edukata u mħarrġa b’mod adegwat; billi attwalment jeżisti nuqqas ta’ ħiliet li għandu jiġi indirizzat;

M.

billi jeħtieġ li jiġi evitat li, bil-pretest li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija blu, jiġu applikati forom insostenibbli ta’ sfruttament tar-riżorsi u mudelli tat-tkabbir li diġà ntwera li mhumiex sostenibbli għall-ibħra u l-oċeani, u billi l-isfruttament tar-riżorsi tal-ibħra u l-oċeani għandu jsir strettament b’konformità mal-ħtieġa li jiġu żgurati l-ġestjoni u l-konservazzjoni xierqa ta’ dawn ir-riżorsi, bla ma jinbidlu l-bilanċi assoċjati mal-ekosistemi tal-baħar, u billi jiġu rrestawrati dawk degradati pereżempju permezz ta’ metodi innovattivi biex jiġi indirizzat it-tniġġis tal-baħar, b’mod partikolari l-volumi li qed jikbru ta’ skart tal-plastik, plastiglomerati u mikropartiċelli tal-plastik li jiddiżintegraw, u r-riċiklaġġ tal-iskart bla ma jinħlew ir-riżorsi;

N.

billi bosta għodod ta’ ġestjoni ambjentali kostali u tal-baħar qed jiġu appoġġjati bl-immappjar ta’ qiegħ il-baħar, inkluż l-ippjanar ta’ stħarriġ ta’ monitoraġġ bl-identifikazzjoni ta’ żoni li x ’aktarx jappoġġjaw ħabitat partikolari ta’ interess, jew bl-għoti ta’ informazzjoni bħala għajnuna fil-lokalizzazzjoni u l-ippjanar ta’ proġetti lil hinn mix-xtut, bħall-iżvilupp ta’ mollijiet u marini, xogħlijiet ta’ protezzjoni kostali, parkijiet eoliċi fuq il-baħar u reklamazzjoni tal-art, b’mod sostenibbli għall-ambjent;

O.

billi, skont l-Artikolu 190 tat-Trattat ta’ Lisbona u d-dikjarazzjoni ta’ Rio+20, il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-approċċ abbażi tal-ekosistema għandhom ikunu fil-qalba tal-ġestjoni ta’ kwalunkwe attività li jkollha impatt fuq l-ambjent tal-baħar;

P.

billi l-UE ilha tipproduċi sett ta’ programmi u linji gwida li jipprovdu qafas għal attivitajiet relatati mal-ekonomija blu u l-innovazzjoni; billi dak il-qafas għandu jiġi ġġudikat skont l-utilità prattika tiegħu fl-appoġġ tal-isforzi tal-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jiżviluppaw l-ekonomija blu;

Q.

billi l-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ ekonomija blu ġdida u sostenibbli għandhom ikunu inklużi fil-politika għall-iżvilupp tal-UE, fil-politika barranija u fil-politika tal-Unjoni għall-Mediterran u l-pajjiżi kostali Afrikani tal-Mediterran, l-istati gżira tal-Afrika tal-Lvant fl-Oċean Indjan, filwaqt li l-istati gżira li huma partijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) tal-AKP jeħtieġ li jiġu kkunsidrati bħala sħab fl-isforz biex titwaqqaf ekonomija blu sostenibbli;

R.

billi l-komunitajiet kostali u tal-gżejjer u l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma partijiet ikkonċernati indispensabbli fid-dibattitu dwar il-potenzjal tal-ekonomija blu u t-twettiq tiegħu;

S.

billi ż-żoni kostali għandhom karatteristiċi speċifiċi li jagħmluhom distinti u jiddeterminaw l-opportunitajiet tagħhom għall-iżvilupp fit-terminu medju u fit-tul;

T.

billi l-oċeani u l-ibħra Ewropej huma differenti ħafna u jvarjaw mill-profondità tal-Atlantiku lil hinn mill-Irlanda għall-profondità tal-Baħar l-Iswed lil hinn mir-Rumanija u mill-ibħra kesħin fl-Artiku għall-ilmijiet sħan tal-Mediterran;

U.

billi t-turiżmu jikkostitwixxi 5 % tal-PDG tal-UE, 12-il miljun impjieg u 2,2 miljun impriża; billi t-turiżmu kulturali jikkostitwixxi kważi 40 % tat-turiżmu pan-Ewropew; billi t-turiżmu tal-baħar u kostali jikkostitwixxi terz tal-attivitajiet turistiċi kollha fl-Ewropa, u jimpjega 3,2 miljun ħaddiem;

V.

billi bħalissa huwa stmat li bejn 3 % u 5 % tal-PDG tal-UE jiġi mis-settur marittimu ġenerali, li jimpjega madwar 5,6 miljun persuna u li jiġġenera EUR 495 biljun għall-ekonomija Ewropea;

W.

billi huwa stmat li bħalissa n-numru ta’ molekuli fil-baħar huwa ħafna ogħla min-numru ta’ molekuli fuq l-art, u li dawn jirrappreżentaw potenzjali inkredibbli għar-riċerka fl-oqsma tas-saħħa, tal-kożmetiċi u tal-bijoteknoloġija;

X.

billi l-politika marittima integrata hija importanti bħala lieva b’saħħitha għall-attivitajiet tal-ekonomija blu, fuq kollox meta jkun meħtieġ li jiġu indirizzati b’mod integrat l-isfidi kollha li qed jiffaċċjaw l-ibħra Ewropej illum;

Y.

billi fil-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) preċedenti, il-gruppi għall-iżvilupp tas-sajd urew li huma utli ħafna bħala għodda għall-ħolqien tal-impjiegi u l-ġid, il-koeżjoni soċjali u territorjali, kif ukoll fit-teħid tad-deċiżjonijiet u bħala protagonisti attivi fl-iżvilupp tagħhom stess;

1.

Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “L-Innovazzjoni fl-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir”; jinnota li l-komunikazzjoni għandha ambitu limitat u ma tkoprix is-setturi kollha li jikkostitwixxu l-ekonomija blu; jitlob lill-Kummissjoni tadotta approċċ integrat u iktar komprensiv li jkopri l-isfidi tal-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi fil-firxa varjata kollha ta’ setturi interkonnessi;

2.

Huwa tal-fehma li l-ekonomija blu għandha tiġi definiti f’termini speċifiċi u inklużivi li jkopru l-attivitajiet settorjali u intersettorjali kollha relatati mal-oċeani, l-ibħra, l-ekosistemi kostali, iż-żoni kostali u interni konnessi, inklużi forom ta’ appoġġ dirett u indirett; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza trażversali tal-innovazzjoni għal dawn l-attivitajiet kollha, kemm jekk ikunu tradizzjonali u kemm jekk ikunu emerġenti;

3.

Jippromwovi l-ħtieġa ta’ ppjanar strateġiku tal-attivitajiet fl-ekonomija blu, metodi diretti ta’ finanzjament, prijoritajiet fil-mira u pjan ta’ azzjoni sabiex dan is-settur jingħata spinta sal-2020, inklużi ideat speċifiċi dwar mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u investiment fl-infrastruttura;

4.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwettqu analiżi u kwantifikazzjoni tal-firxa tal-attivitajiet ekonomiċi eżistenti tal-ekonomija blu tagħhom u jitlob l-iżvilupp ta’ strateġija li għandha ġġib flimkien inizjattivi dwar is-setturi marittimi kollha; jitlob lill-Kummissjoni twettaq ċensiment tal-għadd kbir ta’ proġetti li hija ffinanzjat fil-passat li kienu relevanti għall-ekonomija blu, u tniedi studju komprensiv dwar l-importanza u l-valur tal-ekonomija blu;

5.

Jenfasizza li l-ibħra u l-oċeani diġà jinsabu taħt pressjoni antropika konsiderevoli u qed ibatu mill-konsegwenzi marbuta ma’ din il-pressjoni (tniġġis, tibdil fl-ambjent u l-klima, sfruttament żejjed tar-riżorsi, sajd żejjed, eċċ.), iżda madankollu l-ibħra u l-oċeani għad għandhom riżervi importanti ta’ ekosistemi li mhumiex aċċessibbli u għaldaqstant għadhom intatti; jemmen li l-ekonomija blu għandha għalhekk tqis il-protezzjoni, ir-restawr u ż-żamma tal-ekosistemi, il-bijodiversità, ir-reżiljenza u l-produttività tal-ibħra u l-oċeani, inklużi s-servizzi assoċjati mal-funzjonament tal-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar; jemmen li l-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-approċċ ekosistemiku għandhom ikunu fil-qalba tal-ekonomija blu;

6.

Jenfasizza r-rwol importanti tat-teknoloġiji l-ġodda fil-ġlieda kontra d-degradazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar u jenfasizza r-rabtiet bejn l-ekonomija blu u l-ekonomija ekoloġika, speċjalment fir-rigward ta’ metodi innovattivi biex jitnaddfu l-ibħra, inkluż ir-riċiklaġġ tal-plastik ta’ ħsara għall-ambjent b’mod kosteffikaċi;

7.

Jinnota li fehim aħjar tal-ibħra u l-oċeani, inklużi qiegħ il-baħar u l-ħajja fil-baħar, flimkien ma’ valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, se jippermettu li jiġu sfruttati b’mod sostenibbli r-riżorsi tal-baħar, filwaqt li jsaħħu l-bażi xjentifika li fuqha huma msejsa l-politiki marittimi varji tal-UE;

8.

Jitlob lill-Kummissjoni biex, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri (wara t-tlestija tal-analiżi xjentifika u ċ-ċensiment imsemmija hawn fuq), tkejjel il-bżonnijiet finanzjarji tal-ekonomija blu (fil-livelli settorjali, reġjonali, nazzjonali u tal-Ewropa) bl-għan li jinkiseb il-potenzjal tagħha ta’ tkabbir sostenibbli, żvilupp u ħolqien tal-impjiegi, b’enfasi partikolari fuq ir-reġjuni li huma dipendenti ħafna fuq is-sajd u b’konsiderazzjoni partikolari għan-negozji l-ġodda, l-SMEs u n-negozji tal-familja;

9.

Jenfasizza li l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu jirrikjedi investiment ikbar fl-għarfien u r-riċerka; jiddeplora l-impatt fuq terminu ta’ żmien qasir u fit-tul li t-tnaqqis fl-investiment pubbliku fir-R&Ż qed ikollu fuq il-programmi nazzjonali tar-riċerka; huwa tal-fehma li, sabiex jitjieb il-fehim tal-ambjent tal-baħar u l-potenzjal ekonomiku tiegħu, l-UE u l-Istati Membri għandhom jipprovdu finanzjament sostanzjali, skont arranġamenti li jaħsbu għall-kontinwità u l-prevedibbiltà fuq medda twila taż-żmien, bla ma jipperikolaw il-finanzjament ta’ programmi diġà eżistenti u li qed jitwettqu;

10.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi l-kompilazzjoni ta’ data xjentifika perjodika u aġġornata dwar l-istatus tal-popolazzjonijiet tal-baħar fi ħdan l-ilmijiet tal-UE u barra minnhom, b’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra; itenni n-natura multidixxiplinarja tar-riċerka tal-baħar u dik marittima u jenfasizza l-importanza ta’ appoġġ għal sforz trażversali li jolqot id-diversi setturi u dixxiplini tar-riċerka tal-baħar u dik marittima;

11.

Iħeġġeġ sabiex jiġu stipulati objettivi u skadenzi ċari bl-għan li d-data – irrispettivament minn jekk tkun relatata ma' qiegħ il-baħar u l-kolonna tal-ilma jew ir-riżorsi ħajjin – tkun trasparenti, iktar aċċessibbli u kompletament interoperabbli u armonizzata; jitlob li tingħata informazzjoni dwar l-ibħra u l-oċeani lill-pubbliku, bl-għan li titrawwem l-innovazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-fondi ma jinħlewx u li l-proġetti ma jkunux iddupplikati; jemmen li l-investiment fi proġetti ta’ akkwiżizzjoni ta’ data jikkontribwixxi wkoll għall-produttività u għal żieda fl-innovazzjoni;

12.

Jitlob li r-riżultati tar-riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi jitqiegħdu fid-dominju pubbliku għal użu mhux kummerċjali (filwaqt li tiġi ssalvagwardjata d-data ta’ importanza strateġika għall-Istati Membri), u li dak il-prinċipju jkun japplika b’mod vinkolanti fuq is-sħab li jipparteċipaw fil-programmi ta’ riċerka tal-UE; jitlob li jingħata aċċess miftuħ għad-data li tappoġġja r-riżultati ta’ tali riċerka; jitlob inizjattiva tal-UE li tinkoraġġixxi lill-kumpaniji privati fis-settur marittimu biex jikkondividu data li ma tkunx ekonomikament sensittiva għal skopijiet ta’ riċerka u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi pjattaforma ta’ informazzjoni tar-riċerka Orizzont 2020 malajr kemm jista’ jkun;

13.

Jitlob li l-proġett Netwerk Ewropew ta’ Osservazzjoni u Data Marittima (EMODnet) jinkludi b’mod espliċitu l-istħarriġ tad-data dwar l-impatti kumulattivi, l-iskart tal-baħar, l-istorbju tal-baħar u interferenti endokrinali li jistgħu jiġu dissolti, fit-taqsima tiegħu dwar l-impatt tal-bniedem;

14.

Jirrifjuta t-tnaqqis fil-baġit tal-programm qafas ta’ riċerka Orizzont 2020 propost mill-Kummissjoni;

15.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet regolari tal-implimentazzjoni tal-programm Orizzont 2020 fl-oqsma relatati mal-ekonomija blu u tippubblika r-riżultati; jappoġġja t-twaqqif ta’ sħubija speċifika għall-industrija marittima skont il-qafas tal-programm Orizzont 2020 u jitlob li tiġi inkluża fil-programm ta’ ħidma Orizzont 2020 għall-2016 u l-2017; iqis li għandhom isiru aktar sforzi biex titjieb ir-rabta bejn ir-riċerka u l-industrija fl-iżvilupp tal-prodotti u l-proċessi ġodda, it-tkabbir u l-impjiegi;

16.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali għandhom rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-ekonomija blu u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja u tinkoraġġixxi l-forom kollha ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali (sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet f’dan il-qasam), bħall-inizjattivi ta’ programmazzjoni konġunta, filwaqt li jiġu involuti wkoll ir-raggruppamenti marittimi, is-settur tas-sajd u l-komunitajiet lokali; jenfasizza r-rwol tal-istrateġiji makroreġjonali bħala mezz biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni u jiġu sfruttati l-opportunitajiet konġunti (eż. l-Istrateġija għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku) u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jibnu fuq il-proġetti ta’ riċerka reġjonali ta’ suċċess (eż. BONUS);

17.

Jitlob li l-kooperazzjoni u s-sħubiji bejn l-Istati Membri jikkontribwixxu għall-immirar b’mod aktar effettiv tal-finanzjament disponibbli permezz ta’ strumenti tal-UE u nazzjonali; jenfasizza li, meta jkunu qed jiġu ffukati l-prijoritajiet, għandhom jitqiesu l-impatt dirett tal-fondi u l-kontribut dirett għall-ekonomija blu;

18.

Jenfasizza l-interess tal-Istati Membri li jespandu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-ekonomija blu bħala spazju addizzjonali ta’ kooperazzjoni; iħeġġeġ forom ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE (eż. l-Unjoni għall-Mediterran, l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed) u jitlob lill-Kummissjoni tinkludi l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ ekonomija blu sostenibbli bħala objettiv tal-politika għall-iżvilupp tal-UE;

19.

Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet regolatorji u legali favorevoli għal investiment fl-enerġija rinnovabbli fl-ekonomija blu, u biex tippreżenta qafas ċar u stabbli ta’ appoġġ għar-riċerka, in-negozji u l-gvernijiet li jippermetti żieda fl-investiment fi proġetti innovattivi għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli;

20.

Jenfasizza li l-oċeani u l-ibħra Ewropej huma varjati ħafna u li għalhekk huwa essenzjali li l-Kummissjoni ma tadottax approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi promoss approċċ integrat għal setturi differenti tal-ekonomija blu, ibbażat fuq prinċipji komuni bħalma huma s-sostenibbiltà, filwaqt li jiġu rikonoxxuti u rrispettati l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet tar-reġjuni differenti u l-prijoritajiet tal-Istati Membri differenti, u jiġu appoġġjati fl-iżvilupp ta’ dawn il-prijoritajiet;

21.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-aġenziji tagħha biex jappoġġjaw lill-Istati Membri fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali u reġjonali għall-iżvilupp tal-ekonomija marittima;

22.

Jiġbed l-attenzjoni għall-iżvilupp negattiv u d-deterjorament ċar ta’ wħud mis-setturi l-iktar tradizzjonali tal-ekonomija blu (bħas-sajd u l-bini u t-tiswija tal-bastimenti), speċjalment f'żoni fejn kellhom rwol ta' attivitajiet ta’ ankra awtentiċi, saħħew l-attivitajiet ekonomiċi upstream jew downstream, ħolqu l-impjiegi u ppromwovew l-iżvilupp; iqis li kwalunkwe strateġija tal-UE dwar l-ekonomija blu m’għandhiex tinsa dawn l-attivitajiet u r-reġjuni, u għandha tenfasizza l-potenzjal tal-innovazzjoni u tieħu vantaġġ mill-għarfien espert Ewropew fit-treġġigħ lura ta’ dan in-nuqqas (eż. modifiki iktar 'il quddiem tal-bastimenti);

23.

Jenfasizza l-importanza tar-riċerka tal-baħar u dik marittima u ta’ kooperazzjoni aktar b’saħħitha dwar dawn is-setturi fost ir-riċerkaturi, fost l-Istati Membri u fost ir-reġjuni sabiex jingħeleb id-distakk eżistenti bejn l-Istati Membri u l-konċentrazzjoni ġeografika f’ċerti żoni u sabiex tingħata spinta lill-kompetittività taż-żoni kostali u lill-ħolqien ta’ impjiegi lokali sostenibbli u ta’ kwalità;

24.

Jemmen li n-nuqqas ta’ professjonisti kkwalifikati fid-dixxiplini differenti u fis-setturi differenti ta’ attività – fosthom riċerkaturi, inġiniera, tekniċi u ħaddiema – huwa ostaklu kbir li jista’ jxekkel it-twettiq sħiħ tal-potenzjal tal-ekonomija blu; huwa tal-fehma li dan in-nuqqas huwa marbut sew kemm mad-diżinvolviment u d-diżinvestiment li qed jiżdiedu min-naħa tal-Istati Membri fl-oqsma tax-xjenza u l-edukazzjoni, kif ukoll man-nuqqas ta’ valorizzazzjoni tal-professjonisti eżistenti, speċjalment f’dawk l-Istati Membri li sofrew l-iktar minħabba l-kriżi ekonomika, u għalhekk jitlob li dawn iż-żewġ xejriet jitreġġgħu lura bla dewmien; iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali biex jinvestu f’dimensjoni soċjali ambizzjuża ta’ tkabbir blu u litteriżmu marittimu sabiex jiġu promossi t-taħriġ u l-aċċess taż-żgħażagħ għal professjonijiet marittimi; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw kemm l-edukazzjoni għolja kif ukoll il-programmi ta’ taħriġ professjonali u kontinwu, u jiżguraw li dawn il-programmi jinkorporaw perspettivi tal-ekonomija blu;

25.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali, lill-istituzzjonijiet edukattivi u lill-industrija biex jikkoordinaw, joħolqu sinerġiji u jidentifikaw kwistjonijiet ta’ riċerka trażversali fil-qasam tal-ekonomija blu, sabiex jiġu promossi t-taħriġ u l-aċċess taż-żgħażagħ għall-professjonijiet relatati;

26.

Iqis li l-iżvilupp xieraq tal-ekonomija blu jeħtieġ id-dinjità tal-professjonijiet assoċjati magħha u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità bid-drittijiet, fosthom id-drittijiet ta’ saħħa u sikurezza għall-ħaddiema marittimi, u sensibilizzazzjoni dwar dawn id-drittijiet sabiex jiġi żgurat li s-settur jibqa’ attraenti; barra minn hekk, iqis li, peress li l-ekonomija blu kienet u għadha tradizzjonalment ddominata sew mill-irġiel, issa huwa opportun li l-UE tirrikonoxxi li dan huwa ż-żmien ideali biex in-nisa jiġu mħajra jipparteċipaw f’dan il-qasam ekonomiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkorporaw il-perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-istadji kollha tal-iżvilupp tal-ekonomija blu u jrawmu u jżidu l-parteċipazzjoni effettiva tan-nisa fiha;

27.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippromwovi d-drittijiet tal-ħaddiema u tiggarantixxi kundizzjonijiet ta’ xogħol sikuri fis-setturi kollha fi ħdan l-ekonomija blu, kemm jekk diġà stabbiliti u kemm jekk emerġenti;

28.

Jitlob lill-Kummissjoni tiġbor u tanalizza data marbuta mal-karrieri marittimi fil-livelli kollha (mil-liġi għall-inġinerija u l-ġestjoni ambjentali, minn strutturi tal-għaddasa għal baħħara u tekniċi marittimi) u biex tuża din id-data ħalli tesplora l-opportunitajiet ta’ impjiegi f’livelli differenti – dawk tradizzjonali, dawk emerġenti u dawk kompletament ġodda li jistgħu jinħolqu;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni tispeċifika l-fondi Ewropej disponibbli kollha għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-ekonomija blu u tiġborhom taħt pjattaforma unika aċċessibbli għaċ-ċittadini; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tiddedika finanjament għall-innovazzjoni u t-tkabbir blu sabiex jiġu ffinanzjati r-riċerka fundamentali, ir-R&Ż, it-taħriġ, il-ħolqien ta’ impjiegi, il-ħolqien tan-negozju, l-SMEs, l-intrapriżi soċjali, il-kooperattivi, l-edukazzjoni u l-apprendistati, it-tnaqqis tal-faqar kostali, l-iżvilupp tal-bijoteknoloġija, il-links tat-trasport, l-interkonnettività tal-enerġija, il-kostruzzjoni u t-tiswija tal-bastimenti, l-aċċess kostali għall-broadband, il-protezzjoni ambjentali u l-bejgħ ta’ prodotti, servizzi u proċessi innovattivi;

30.

Jemmen li l-investiment fl-ekonomija blu għandu jiffoka, fost l-oħrajn, fuq l-“ekoinnovazzjoni” li ma tiddependix fuq riżorsi finiti, l-effiċjenza fir-riżorsi, l-ekonomija ċirkolari, il-konservazzjoni tan-natura, il-protezzjoni kostali u tal-baħar, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, u l-użu sostenibbli tar-riżorsi (filwaqt li jiġi żgurat li r-rati ta’ użu ta’ dawn ir-riżorsi ma jaqbżux, fuq żmien fit-tul, ir-rati ta’ riġenerazzjoni naturali tagħhom); iħeġġeġ lill-Kummissjoni bix tinkorpora dawn il-prinċipji fil-programmi ta’ appoġġ attwali u futuri;

31.

Jitlob li jiġi stabbilit qafas finanzjarju xieraq sabiex jiġu stimulati l-innovazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu u l-ħolqien tal-impjiegi, li jgħaqqad, jikkoordina u jiffaċilita l-aċċess għall-istrumenti finanzjarji disponibbli il-finanzjament strutturali u ta’ investiment (il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), u l-Fond ta’ Koeżjoni), il-programmi qafas ta’ riċerka, il-ħolqien possibbli ta’ komunità ta’ konoxxenza u innovazzjoni (KKI) futura iffokata fuq l-ekonomija blu, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), eċċ.; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-istrumenti jkunu mmirati aħjar għall-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati individwali – l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-awtoritajiet lokali, in-negożji, speċjalment l-SMEs, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, eċċ. – u li l-opportunitajiet eżistenti jiġu ppubbliċizzati b’mod wiesa’;

32.

Jiddispjaċih profondament dwar id-dewmien fl-ipprogrammar b’rabta mal-FEMS f'ċerti Stati Membri;

33.

Iqis li l-investiment pubbliku, speċjalment f’xi Stati Membri, għandu rwol deċiżiv fil-promozzjoni tal-iżvilupp u l-isfruttament sħiħ tal-potenzjal tal-ekonomija blu, filwaqt li ma jintnesiex ir-rwol tal-investiment privat; jenfasizza li l-investiment fl-ekonomija blu jeħtieġ taħlita ta’ ffukar ta’ proġetti, minn proġetti infrastrutturali kbar għal investimenti differenti fuq skala żgħira fl-SMEs, li jeħtieġu assistenza addizzjonali fl-aċċess għall-finanzjament;

34.

Jenfasizza li l-industriji fuq l-art li jappoġġjaw l-ekonomija blu offshore jikkostitwixxu l-konnessjoni ta’ importanza vitali biex jiġi żgurat li l-innovazzjoni fil-baħar ittejjeb il-ħajja ta’ dawk kollha fl-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar appoġġ lil dawn l-industriji fuq l-art;

35.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex jippromwovu strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, bl-għan li jinħolqu u jiġu sfruttati ktajjen tal-valur relatati mal-attivitajiet multipli u varjati tal-ekonomija blu; iqis li l-iżvilupp ta' “raggruppamenti” jew “superraggruppamenti” jimplika li l-Istati Membri għandu jkollhom rwol attiv fit-trawwim ta’ sinerġiji settorjali u transsettorjali; iqis li l-istrateġiji għar-riċerka marittima u l-iżvilupp teknoloġiku jistgħu jiġu introdotti inizjalment bħala strateġiji pilota u, għaldaqstant, iservu ta’ eżempju tal-aħjar prattika għall-ekonomija blu iktar wiesgħa;

36.

Iqis li l-implimentazzjoni tal-istrateġiji, il-pjanijiet u l-programmi, kif ukoll ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika, tista’ tipprovdi qafas politiku u istituzzjonali li jkun aktar favorevoli għall-iżvilupp tal-ekonomija blu fl-Istati Membri differenti; jenfasizza li dawn l-istrateġiji, il-pjanijiet u l-programmi, flimkien ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika, għandhom jikkontribwixxu għal interazzjoni armonjuża u sostenibbli bejn l-attivitajiet tal-bniedem u l-ambjent tal-baħar u kostali; jenfasizza l-importanza tal-ippjanar spazjali marittimu għall-iżvilupp sostenibbli u kkoordinat tal-attivitajiet marittimi filwaqt li, b’mod ekwu, jitqiesu l-interessi tas-setturi kkonċernati kollha kif ukoll l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar u l-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali; ifakkar fid-Direttiva dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu, id-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija tal-Baħar u l-Politika Marittima Integrata fil-livell tal-UE u f’dak tal-baċiri tal-baħar;

37.

Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-kumpaniji statali pubbliċi jew b’maġġoranza pubblika f’oqsma bħat-trasport tal-merkanzija fuq il-baħar, il-ġestjoni tal-portijiet, l-industrija tat-trasport fuq il-baħar u x-xogħlijiet marittimi u ta’ difiża kostali; jirrifjuta l-viżjoni li għandha t-tendenza tiffoka biss fuq is-settur privat u jemmen li t-tisħiħ u l-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku jistgħu jkunu forza motriċi importanti għall-promozzjoni tal-ekonomija blu;

38.

Jemmen li sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu għandu jkun hemm integrazzjoni u koordinazzjoni aħjar tal-isforzi u l-kompetenzi fil-livell tal-UE, b’azzjonijiet ta’ koeżjoni u koerenza; jitlob li jinġabru flimkien l-aġenziji rilevanti u l-kompetenzi mxerrda li diġà jeżistu taħt aġenzija eżistenti b’kompetenzi marittimi, bħala mezz biex jissaħħu l-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-appoġġ lill-Istati Membri fl-iżvilupp u l-użu sħiħ tal-potenzjal tal-ekonomija blu;

39.

Iqis li l-komunitajiet ta' max-xtut u tal-gżejjer għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-fażijiet kollha tal-iżvilupp tal-ekonomija blu, u li dan huwa kundizzjoni essenzjali għat-twettiq tal-potenzjal ta’ din l-ekonomija f'termini ta’ innovazzjoni, ta’ impjiegi, ta’ prosperità u ta’ żvilupp sostenibbli; jirrikonoxxi l-potenzjal u l-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet innovattivi rigward l-espansjoni tal-bliet fuq il-baħar;

40.

Jirrikonoxxi d-diversità u l-partikolarità tal-komunitajiet kostali u tal-gżejjer u jitlob l-adozzjoni ta’ miżuri straordinarji sabiex jiġi promoss b’mod effiċjenti l-iżvilupp tal-ekonomija blu f’dawn iż-żoni permezz tat-tneħħija tal-ostakli għall-investiment u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet favorevoli għat-tkabbir;

Approċċi bbażati fuq is-settur

41.

Jitlob appoġġ iktar attiv għall-modernizzazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd u l-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd, bl-għan li jinħoloq valur miżjud ogħla, ikun hemm enfasi fuq is-sajd fuq skala żgħira, u tiżdied is-selettività tal-irkaptu tas-sajd, minbarra li jiġu pprovduti modi iktar effikaċi għall-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux regolat u mhux rappurtat; ifakkar li l-immappjar u l-klassifikazzjoni tal-ħabitats tar-riżorsi huma essenzjali għat-twaqqif ta’ settur tas-sajd vijabbli, sostenibbli u ġestit tajjeb; huwa tal-fehma li d-data xjentifika dwar is-sajd li tifforma l-bażi tad-deċiżjonijiet politiċi għandha ssir magħrufa lill-pubbliku fis-sħuħija tagħha;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri neċessarji biex issaħħaħ ir-rwol tal-gruppi għall-iżvilupp tas-sajd skont il-PKS il-ġdida, filwaqt li tipprovdihom b’iktar riżorsi sabiex ikunu jistgħu jkomplu u jiżviluppaw ir-rwol tagħhom u jippromwovu din il-kooperazzjoni interterritorjali;

43.

Huwa favur il-ħtieġa li jiġu identifikati u promossi l-attrazzjonijiet naturali u kulturali; jenfasizza r-rwol taż-żoni “no-go” bħala għajnuna biex iż-żoni verġni jkampaw u ż-żoni ta’ qiegħ il-baħar sfruttati żżejjed jirriġeneraw, u b’hekk jikkontribwixxi lejn is-sostenibbiltà futura tal-ibħra tagħna;

44.

Hu tal-opinjoni li l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea jirrikjedi appoġġ iktar b’saħħtu għar-riċerka xjentifika u l-iżvilupp teknoloġiku b’rabta mat-trobbija ta’ speċijiet ġodda, speċjalment speċijiet indiġeni, filwaqt li jiġi żgurat il-forniment sostenibbli tal-għalf, jiġu minimizzati l-impatti tal-bijodiversità u jitnaqqas l-impatt tal-użu ta’ kimiċi u mediċini, kif ukoll fil-qasam tal-iżvilupp ta’ prodotti ġodda jew imtejba b’mod sinifikanti, biex jiġi żgurat li jkun hemm diversifikazzjoni tal-produzzjoni u tal-provvista tal-ikel u biex tittejjeb il-kwalità tagħhom, filwaqt li jiżdied il-livell tas-sikurezza ambjentali; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għarfien preċiż dwar il-batimetrija u l-kompożizzjoni ta’ qiegħ il-baħar huwa essenzjali fl-għażla tas-siti l-iktar adegwati għall-espansjoni tal-industrija tal-akkwakultura lokali, fl-istima tal-kapaċità ta’ ġarr tagħhom, u fl-immudellar tat-tniġġis li jirriżulta mill-attivitajiet tal-akkwakultura;

45.

Huwa favur l-integrazzjoni tal-kriterji ambjentali u ta’ sostenibbiltà usa’ fl-istandards ta’ produzzjoni u tikkettar, biex il-produtturi responsabbli jiġu ppremjati u biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati aħjar hekk kif dan is-settur jespandi; jitlob regolamentazzjoni xierqa marbuta mal-akkwakultura u miżuri biex itaffu l-alterazzjoni tal-kwalità tal-ilma; jitlob li jingħata appoġġ għat-tranżizzjoni mill-metodi ta’ produzzjoni konvenzjonali tal-akkwakultura għall-akkwakultura organika;

46.

Jemmen li, għal raġunijiet relatati mal-konsum tal-enerġija u l-faċilità teknika tal-konverżjoni f’gass likwifikat miż-żejt (LPG), it-trasport tal-merkanzija fuq il-baħar u x-xmajjar, apparagun ta’ modi oħrajn ta’ trasport tal-merkanzija, qed ikompli jieħu importanza deċiżiva; jitlob li r-riżorsi jiġu kkanalizzati lejn l-appoġġ tal-innovazzjoni f'dan is-settur, bl-għan li tittejjeb l-effiċjenza enerġetika, ssir diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija primarja u jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ sustanzi noċivi;

47.

Itenni l-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata fir-rigward tat-trasport marittimu f’termini ta’ titjib tal-effiċjenza u t-tħaffif tad-dekarbonizzazzjoni tas-settur, u li l-iżvilupp u l-użu tal-gass naturali likwifikat (LNG), bħala fjuwil tranżitorju aktar nadif, għandu jiġi mħeġġeġ għal dan is-settur;

48.

Jenfasizza l-importanza strateġika tal-bini u t-tiswija tal-bastimenti u r-rabtiet tagħhom ma' setturi oħrajn – bħall-industrija tal-azzar, it-trasport tal-merkanzija fuq il-baħar, is-sajd u t-turiżmu tal-kruċieri; iqis li l-impenn favur l-innovazzjoni teknoloġika u livell għoli ta’ speċjalizzazzjoni, li jistgħu jwasslu għal żieda fil-valur miżjud, jista’ joħloq kuntesti inqas esposti għall-kompetittività internazzjonali, peress li jaspira biex tinqaleb it-tendenza ta' tnaqqis fir-ritmu li għaddej minnu s-settur; hu tal-fehma li għandu jingħata appoġġ speċifiku għall-qawmien mill-ġdid u l-modernizzazzjoni tal-industriji Ewropej tal-bini tal-bastimenti u tal-azzar speċjali, fid-diversi forom tagħhom;

49.

Jitlob lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid u b’mod sħiħ il-politika tagħha lejn l-industrija Ewropea tal-bini tal-vapuri u japprova bil-qawwa l-għajnuna speċjali maħsuba għall-bidu mill-ġdid u l-modernizzazzjoni tal-bini tal-bastimenti fl-Ewropa;

50.

Jemmen li għandu jkun hemm aktar enfasi fuq ir-rwol tal-baħar fit-turiżmu u fuq is-sostenibbiltà tiegħu; jinnota li t-turiżmu marittimu u kostali Ewropew qed iħabbat wiċċu ma’ kompetizzjoni minn pajjiżi terzi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-UE għandha tisfrutta r-rikkezzi kulturali tagħha biex toffri servizzi ta’ turiżmu marittimu u kostali sostenibbli u ta’ kwalità għolja; iqis li l-patrimonju kulturali u t-turiżmu marittimu u kostali jista’ jkollhom rwol distintiv fl-attrazzjoni ta’ aktar konsumaturi u negozji bid-diversifikazzjoni tal-offerta turistika; jenfasizza l-kontribut pożittiv tal-patrimonju kulturali, it-turiżmu marittimu u kostali għall-għanijiet tal-Ewropa ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli u ħolqien ta’ impjiegi; jitlob aktar appoġġ għall-SMEs, li jikkostitwixxu l-maġġoranza l-kbira tas-settur tal-akkwaturiżmu, sabiex jiġi żgurat li l-impjiegi eżistenti u dawk ġodda jkunu sostenibbli, ta’ kwalità għolja, u jdumu tul is-sena kollha;

51.

Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta’ forom ta’ turiżmu sostenibbli mill-perspettiva soċjali, ekonomika u ambjentali li jistgħu jikkostitwixxu sors sinifikanti ta’ valur miżjud għaż-żoni marittimi;

52.

Jemmen li huwa ta’ importanza imperattiva li l-patrimonju kulturali ta’ taħt l-ilma jingħata l-importanza dovuta fi ħdan l-ekonomija blu, b’mod partikolari peress li l-patrimonju kulturali ta’ taħt l-ilma jista’ jgħallem lis-soċjetajiet tal-lum dwar l-esplojtazzjoni tal-passat tal-baħar, dwar ir-reazzjonijiet tal-bnedmin għat-tibdil fil-klima u ż-żieda fil-livell tal-baħar fost oħrajn, u barra dan billi l-patrimonju kulturali ta’ taħt l-ilma huwa riżorsa għat-turiżmu;

53.

Jenfasizza l-fatt li filwaqt li l-UE għadha mexxejja globali fl-ekonomija blu, il-kompetizzjoni internazzjonali f’dan is-settur hija qawwija u huwa biss ambjent b'kundizzjonijiet ekwi globali li jista’ jkompli jiżgura tkabbir sostenibbli u ħolqien ta' impjiegi Ewropej f’dan is-settur kumpless;

54.

Huwa tal-fehma li l-istudji dwar id-degradazzjoni tas-sistemi kostali (tniġġis u telf tal-bijodiversità), ir-reżiljenza u r-restawr tal-ekosistema, l-erożjoni kostali, il-mitigazzjoni tal-kawżi tiegħu u xogħlijiet marittimi biex tiġi protetta l-kosta (inklużi soluzzjonijiet b’bażi naturali bħall-Infrastrutturi Ekoloġiċi) huma oqsma kruċjali għall-ekonomija blu li qed isiru aktar importanti fid-dawl tat-tibdil fil-klima; jappella għat-tisħiħ tal-għajnuna tal-UE għal dawn iż-żoni u flessibbiltà għal żoni bi profil kostali distint u b’okkorrenzi ripetuti ta’ diżastri minħabba l-erożjoni kostali;

55.

Jinnota li l-enerġija mill-ibħra u l-oċeani għandha potenzjal kbir f'termini tal-użu tar-riżorsi domestiċi, id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, u l-kontribuzzjoni għall-objettivi tal-klima u l-enerġija; jenfasizza li l-enerġiji rinnovabbli tal-baħar huma settur industrijali għall-ġejjieni u jiġbed l-attenzjoni, f’dan ir-rigward, għall-importanza tal-iżvilupp ta’ sorsi innovattivi ta’ enerġija nadifa u enerġija “blu”, bħall-enerġija mill-fluss tal-marea, l-enerġija mill-mewġ u l-enerġija ożmotika, kif imsemmi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Jannar 2014 dwar l-enerġija blu; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sistemi ta' distribuzzjoni fil-baħar bejn l-Istati Membri huma ta’ importanza kbira; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi kkunsidrat u jsir iktar studju dwar il-potenzjal tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju (CCS);

56.

Jenfasizza li l-esplorazzjoni u l-isfruttament tar-riżorsi tal-enerġija tal-ibħra u l-oċeani għandhom iqisu l-ħtiġijiet tat-trasferiment tat-teknoloġiji, partikolarment fir-rigward tat-taħriġ ta’ ħaddiema tas-sengħa u bi kwalifiki għoljin, u jissodisfaw ukoll kriterji stretti ta’ sostenibilità ambjentali; jinnota l-potenzjal ta’ effett multiplikatur ta' dawn l-attivitajiet f'termini ta' impjiegi u tal-attivitajiet relatati, kemm upstream kif ukoll downstream;

57.

Jenfasizza r-rwol importanti tat-teknoloġiji l-ġodda, pereżempju fil-ġlieda kontra d-degradazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar, jew fil-ġbir u l-ħżin tal-emissjonijiet tal-karbonju; jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza wkoll kif it-teknoloġija u l-infrastruttura ta’ akkumpanjament tagħha għat-trasport tas-CO2 mingħajr periklu u b’mod kosteffikaċi jistgħu jiġu applikati b’mod ekonomikament vijabbli;

58.

Jinnota li l-aħjar l-post għall-ġeneraturi tal-enerġija li jużaw l-enerġija blu, bħall-enerġija mir-riħ, mill-mewġ jew dik solari, il-kurrenti tal-oċeani, l-enerġija ożmotika u l-konverżjoni tal-enerġija termali, tista’ tiddependi fuq għadd ta’ fatturi, inklużi l-fond tal-ilma, il-kundizzjonijiet ta’ qiegħ il-baħar, il-karatteristiċi oċeanografiċi u d-distanza mill-kosta; jemmen, għalhekk, li l-armonizzazzjoni tad-data miġbura fil-programmi nazzjonali differenti dwar il-batimetrija, il-karatteristiċi ta’ qiegħ il-baħar jew il-profili vertikali tal-oċeani tista’ tgħin fl-għażla tas-sit u l-politiki ta’ liċenzjar għal żviluppi fl-enerġija rinnovabbli; jisħaq ukoll li tinħtieġ riċerka ulterjuri f’soluzzjonijiet ta’ enerġija tal-baħar sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta’ teknoloġija tal-enerġija affordabbli, kosteffikaċi u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

59.

Iqis li l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni fil-blata kontinentali jirrikjedu l-involviment kostanti tal-Istat, b’mod partikolari f'termini ta’ informazzjoni, identifikazzjoni ta’ żoni fejn l-estrazzjoni hija pprojbiti, valutazzjoni tal-impatt ambjentali, analiżi u minimizzazzjoni tar-riskji, u l-eżerċizzju tas-sovranità; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi u taġġorna lista mhux eżawrjenti ta’ attivitajiet marittimi (pereżempju l-produzzjoni ta’ enerġija lil hinn mix-xtut, l-estrazzjoni fil-baħar miftuħ, l-esplojtazzjoni tar-ramel u ż-żrar fil-baħar, eċċ.) li jeħtieġu valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u soċjoekonomiku minn qabel; jitlob li tingħata attenzjoni fir-rigward tal-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-minerali bħala għażla alternattiva għall-estrazzjoni fil-baħar miftuħ u l-potenzjal offrut minn dawn l-attivitajiet għall-inkorporazzjoni tal-għarfien xjentifiku u l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija;

60.

Huwa favur involviment ikkoordinat u b’saħħtu tal-UE fl-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar biex jiġi żgurat qafas regolatorju ambjentali effikaċi u prekawzjonarju għall-prevenzjoni tal-impatti negattivi tal-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tal-estrazzjoni fil-baħar miftuħ, inklużi ż-Żoni ta’ Interess Ambjentali Partikolari, kif ukoll l-impatti soċjetali tal-estrazzjoni fil-baħar miftuħ u l-bijoprospettar fuq il-komunitajiet lokali, u biex tiġi ggarantita t-trasparenza sħiħa tad-data;

61.

Iqis li l-bijoteknoloġija relatata mal-ibħra u l-oċeani hija settur ferm diversifikat li, b'mod ġenerali, għandu potenzjal enormi f’dak li jirrigwarda l-ħolqien u l-applikazzjoni ta' għarfien ġdid u l-ħolqien ta' prodotti u proċessi ġodda b'valur miżjud għoli (materjali, ikel, komposti farmaċewtiċi ġodda, eċċ.); jiġbed l-attenzjoni għall-ħtiġijiet ta' edukazzjoni u taħriġ relatati ma' dan is-settur, li jirrikjedu responsabilizzazzjoni sħiħa mill-Istati Membri, f’assoċjazzjoni mas-settur privat, kif ukoll kooperazzjoni internazzjonali fuq skala komprensiva simili;

62.

Jenfasizza l-importanza tad-djalogu soċjali u jqis li s-sħab soċjali kollha involuti fl-ekonomija blu għandhom ikunu rappreżentati; jenfasizza l-importanza tal-konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar l-iżvilupp tal-ekonomija blu inġenerali, inklużi l-konsultazzjonijiet kemm mas-soċjetà ċivili kif ukoll mal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

63.

Jappoġġja bil-qawwi l-inizjattiva tal-Kummissjoni inkluża fil-komunikazzjoni tagħha għall-promozzjoni ta’ Alleanza ta’ Ħiliet u Ċentru ta’ Innovazzjoni tal-Għarfien dwar l-Ekonomija Blu;

64.

Jemmen li għandu jitnieda pakkett “Erika IV” għas-sikurezza marittima biex jiġu evitati diżastri marittimi kbar ulterjuri; iqis li dan il-pakkett għandu jirrikonoxxi l-ħsara ekoloġika għall-ilmijiet tal-baħar fil-leġiżlazzjoni Ewropea;

65.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili dwar l-importanza tal-baħar bħala riżorsa ekonomika, kulturali u soċjali u r-rwol tar-riċerka u d-djalogu fil-kisba ta’ sostenibbiltà integrata bejn il-partijiet ikkonċernati u ċ-ċittadini;

66.

Iqis li l-ibħra u l-kosti huma riżorsi ta’ valur li għandhom jiffurmaw wieħed mill-pilastri tal-politika ta’ rinaxximent industrijali tal-UE; jinnota li għandhom jittieħdu passi lejn ir-rivitalizzazzjoni tal-industrija blu filwaqt li jiġu appoġġjati l-koeżjoni tal-ekonomija Ewropea u l-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari f’dawk ir-reġjuni fejn dan il-potenzjal ġie marġinalizzat b’riżultat tal-proċessi ta’ globalizzazzjoni;

67.

Huwa tal-fehma li l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki jista' jikkontribwixxi għall-iżvilupp rapidu u sostenibbli tas-settur;

o

o o

68.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri.


(1)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 135.

(2)  ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2013)0300.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2013)0438.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2014)0178.

(6)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.

(7)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 174.

(8)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 892.

(9)  ĠU C 12, 15.1.2015, p. 93.

(10)  ĠU C 19, 21.1.2015, p. 24.


Top