This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015IP0014
European Parliament resolution of 15 January 2015 on freedom of expression in Turkey: Recent arrests of journalists, media executives and systematic pressure against media (2014/3011(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2015 ta' dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: l-arresti reċenti ta’ ġurnalisti u ta' diriġenti tal-media u l-pressjoni sistematika fuq il-media (2014/3011(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2015 ta' dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: l-arresti reċenti ta’ ġurnalisti u ta' diriġenti tal-media u l-pressjoni sistematika fuq il-media (2014/3011(RSP))
ĠU C 300, 18.8.2016, p. 45–47
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
18.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 300/45 |
P8_TA(2015)0014
Libertà ta' espressjoni fit-Turkija: Arresti reċenti ta' ġurnalisti, diriġenti fis-settur tal-midja u pressjoni sistematika kontra l-midja
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2015 ta' dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: l-arresti reċenti ta’ ġurnalisti u ta' diriġenti tal-media u l-pressjoni sistematika fuq il-media (2014/3011(RSP))
(2016/C 300/09)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-16 ta' Diċembru 2014, |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Diċembru 2014 tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati ta' Tkabbir tal-14 ta’ Diċembru 2014, |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar it-Turkija tat-8 ta' Ottubru 2014, |
— |
wara li kkunsidra d-Dokument tal-Kummissjoni dwar Strateġija Indikattiva għat-Turkija (2014-2020) tas-26 ta' Awwissu 2014, |
— |
wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1996, b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu; |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi fl-14 ta' Diċembru 2014 il-pulizija Torka arrestat ġurnalisti u diriġenti tal-media, fosthom Ekrem Dumanlı, kap editur tal-gazzetta Zaman, u Hidayet Karaca, maniġer ġenerali tas-Samanyolu Broadcasting Group; billi mandat, maħruġ minn imħallef f’Istanbul, jiddikjara li kienu qed isirulhom investigazzjonijiet kriminali fuq akkużi li kienu ffurmaw organizzazzjoni li 'bi pressjoni, intimidazzjoni u theddid ippruvat taħtaf il-poter tal-istat' u li dan kienet għamlitu 'billi gidbet, ċaħħdet lil persuni mil-libertà tagħhom u ffalsifikat id-dokumenti'; |
B. |
billi għadd ta' persuni li sfaw arrestati f'Diċembru 2014 inħelsu; billi fid-19 ta’ Diċembru 2014 il-Qorti ta’ Istanbul ħabbret ir-rilaxx ta’ Ekrem Dumanlı, soġġett għal probation u għal projbizzjoni tal-ivvjaġġar sakemm tintemm investigazzjoni kriminali, iżda li Hidayet Karaca kienet se tibqa' fid-detenzjoni sa ma l-investigazzjoni tintemm; billi fil-31 ta’ Diċembru 2014 qorti ta’ Istanbul irrifjutat l-oġġezzjoni ta' prosekutur għar-rilaxx ta’ Ekrem Dumanlı u ta' seba’ persuni oħra; |
C. |
billi r-reazzjoni tal-gvern għall-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni f’Diċembru 2013 qajmet dubji serji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, u wriet intolleranza dejjem akbar rigward l-oppożizzjoni politika, il-protesti min-naħa tal-pubbliku u l-media kritika; |
D. |
billi t-Turkija diġà għandha numru kbir ta’ ġurnalisti fil-ħabs u ta' ġurnalisti li qed jistennew li jingħaddu proċess, u l-pressjoni kontra l-media kibret tul dawn l-aħħar snin, inkluż kontra sidien u eżekuttivi ta’ gruppi tal-media kif ukoll ta' pjattaformi online u tal-media soċjali; billi dikjarazzjonijiet intimidanti minn politiċi u proċedimenti istitwiti kontra ġurnalisti li esprimew kritika, flimkien mal-istruttura tas-sjieda tas-settur tal-media, kienu fatturi li wasslu biex ħafna sidien tal-media u ġurnalisti ħaddmu l-awtoċensura, u wkoll għat-tkeċċija ta' xi ġurnalisti; billi, l-aktar spiss, il-Gvern Tork lill-ġurnalisti jakkużahom taħt l-Att Kontra t-Terroriżmu (TMK) u taħt l-artikoli tal-Kodiċi Kriminali relatati ma’ 'organizzazzjonijiet terroristiċi'; |
E. |
billi fis-6 ta' Jannar 2015 il-pulizija arrestaw il-korrispondenta Netherlandiża Frederike Geerdink f'Diyarbakir, interrogawha u ħelsuha dakinhar stess, wara li involva ruħu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tan-Netherlands li nzerta kien qed iżur it-Turkija f'dak il-waqt, u billi fis-7 ta' Jannar 2015, ġurnalist Netherlandiż ieħor, Mehmet Ülger, ġie arrestat malli telaq mill-ajruport ta' Istanbul, ġie interrogat f'għassa tal-pulizija u nħeles aktar tard dakinhar; |
F. |
billi r-rispett tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-espressjoni, jinsabu fil-qalba tal-valuri tal-UE, li t-Turkija ħadet impenn formali favurihom bl-applikazzjoni tagħha għall-adeżjoni mal-UE u bin-negozjati relatati, kif ukoll bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa; |
G. |
billi l-UE u l-Istati Membri tagħha kkritikaw bil-qawwa l-arresti li saru fl-14 ta’ Diċembru 2014, u qalu li l-arresti huma 'inkompatibbli mal-valuri Ewropej' u 'inkompatibbli mal-libertà tal-media'; billi l-President Erdogan irrifjuta bil-qawwa l-kritika mill-UE; |
1. |
Jikkundanna r-raids tal-pulizija ta' dan l-aħħar u d-detenzjoni ta’ għadd ta’ ġurnalisti u rappreżentanti tal-media fit-Turkija fl-14 ta' Diċembru 2014; jenfasizza li dawn l-azzjonijiet iqajmu dubji rigward ir-rispett tal-istat tad-dritt u tal-libertà tal-media, libertà li hija prinċipju ċentrali tad-demokrazija; |
2. |
Ifakkar li stampa ħielsa u pluralista hija komponent essenzjali ta’ kwalunkwe demokrazija, bħalma huma wkoll il-proċessi regolari, il-preżunzjoni tal-innoċenza u l-indipendenza ġudizzjarja; jisħaq fuq il-ħtieġa, għalhekk, li fir-rigward ta' dan l-aħħar ċiklu ta’ arresti, fil-każijiet kollha (i) tingħata informazzjoni abbundanti u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet kontra l-akkużati, (ii) l-akkużati jingħataw aċċess sħiħ għall-evidenza inkriminatorja flimkien ma' drittijiet sħaħ ta’ difiża, u (iii) jiġi żgurat li l-każijiet jitmexxew sewwa b'tali mod li jistabbilixxu l-veraċità tal-akkużi bla dewmien u lil hinn minn kull dubju raġjonevoli; ifakkar lill-awtoritajiet tat-Turkija li jeħtiġilhom jimxu bl-akbar attenzjoni meta jkunu qed jittrattaw mal-media u mal-ġurnalisti, peress li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media jibqgħu ċentrali għall-funzjonament ta’ soċjetà demokratika u miftuħa; |
3. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-gvern sejjer lura mill-impenji tiegħu rigward riformi demokratiċi, u b’mod partikolari li t-tolleranza tal-gvern rigward protesti mill-pubbliku u rigward il-media kritika qiegħda tonqos; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-arresti tal-14 ta' Diċembru 2014 jikkonformaw ma' skema deplorevoli ta' aktar pressjoni u restrizzjonijiet fuq il-mezzi tal-istampa u tal-media, inkluż fuq il-media soċjali u fora fuq l-internet; jinnota li projbizzjonijiet tas-siti tal-internet għandhom portata sproporzjonata fit-Turkija; jiddeplora l-għadd ta’ ġurnalisti li qed jinżammu f'detenzjoni qabel is-smigħ tal-kawża tagħhom, b'tali mod li effettivament qed jiġu kkastigati, u jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji tat-Turkija biex jirrieżaminaw u jindirizzaw dawn il-każijiet mill-aktar fis possibbli; |
4. |
Iħeġġeġ lit-Turkija biex taħdem fuq ir-riformi li għandhom jipprevedu kontrolli u ekwilibriji li jiggarantixxu bis-sħiħ il-libertà, inklużi l-libertà tal-ħsieb, tal-espressjoni u tal-media, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; |
5. |
Jissottolinja l-importanza li għandhom il-libertà tal-istampa u r-rispett tal-valuri demokratiċi għall-proċess ta' tkabbir tal-UE; jenfasizza li għadd ta’ dispożizzjonijiet tal-qafas ġuridiku tat-Turkija u l-interpretazzjoni tagħhom minn membri tal-ġudikatura għadhom ixekklu l-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà tal-media; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-media jinsabu fil-qalba tal-valuri Ewropej, u li stampa indipendenti hija kruċjali għal soċjetà demokratika, għax tati lok li ċ-ċittadini jieħdu sehem attiv fil-proċessi kollettivi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq bażi informata, u għaldaqstant issaħħaħ id-demokrazija; iħeġġeġ lill-Gvern tat-Turkija, f'dan ir-rigward, biex jindirizza l-libertà tal-media bħala kwistjoni prijoritarja u jipprovdi qafas ġuridiku adegwat li jiggarantixxi l-pluraliżmu bi qbil mal-istandards internazzjonali; jitlob ukoll li l-pressjoni u l-intimidazzjoni kontra l-mezzi tal-espressjoni tal-kritika u l-ġurnalisti jintemmu; |
6. |
Jinnota li l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Prevenzjoni ta’ Vjolazzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ma jipprevedix reviżjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tal-Liġi kontra t-Terroriżmu jew tal-Kodiċi Kriminali, li intużaw biex jillimitaw il-libertà tal-espressjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir riforma ta’ dawn il-liġijiet bħala kwistjoni ta’ prijorità; |
7. |
Jenfasizza li, kif ġie konkluż mill-Kunsill fis-16 ta' Diċembru 2014, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) għall-perjodu 2014-2020 jipprevedi l-introduzzjoni ta’ aktar koerenza bejn l-assistenza finanzjarja u l-progress globali li jsir fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni, inkluż ir-rispett sħiħ tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali; |
8. |
Jitlob li l-media indipendenti tingħata aktar attenzjoni fi ħdan il-qafas tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni; jissottolinja f'dan ir-rigward, barra minn hekk, l-importanza li jingħataw sostenn ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għaliex biss soċjetà ċivili trasparenti u li taħdem sewwa tista' tibni l-fiduċja u l-kunfidenza fost il-komponenti differenti ta' soċjetà ħajja u demokratika; |
9. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija. |