Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (2014/3018(RSP))

ĠU C 300, 18.8.2016, p. 21–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 300/21


P8_TA(2015)0010

Is-sitwazzjoni fil-Libja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (2014/3018(RSP))

(2016/C 300/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja, b'mod partikolari dik tal-15 ta’ Settembru 2011 (1), tat-22 ta’ Novembru 2012 (2) u tat-18 ta' Settembru 2014 (3),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Federica Mogherini dwar il-Libja, inklużi dawk tas-16 u t-30 ta’ Diċembru 2014 u tal-10 ta’ Jannar 2015,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-15 ta' Awwissu u tat-30 ta’ Awwissu 2014, tal-20 ta’ Ottubru 2014, tas-17 u tat-18 ta’ Novembru 2014, u tal-15 ta’ Diċembru 2014,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-11 ta' Jannar 2015 tal-gvernijiet ta' Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti dwar il-Libja,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1970, 1973 (2011) u 2174 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tas-27 ta' Awwissu 2014,

wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta' Settembru 2014, aġġornat fis-27 ta' Diċembru 2014, tal-Missjoni ta' Appoġġ fil-Libja tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSMIL) intitolat “Ħarsa ġenerali lejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali matul il-vjolenza li għaddejja bħalissa fil-Libja” (“Overview of violations of international human rights and humanitarian law during the ongoing violence in Libya”),

wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom tal-1977, u l-obbligu li l-partijiet involuti f'kunflitt armat għandhom biex jirrispettaw u jiżguraw ir-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali f'kull ċirkostanza,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 li permezz tagħha nħolqot il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya),

wara li kkunsidra l-Pakkett tal-PEV dwar il-Libja ta' Settembru 2014,

wara li kkunsidra s-Summit tas-Saħel li sar fil-Mawritanja fid-19 ta’ Diċembru 2014, li kien jinkludi mexxejja mill-Mawritanja, mill-Mali, min-Niġer, miċ-Ċad u mill-Burkina Faso,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta li ħarġet fit-22 ta’ Settembru 2014 minn 13-il pajjiż (4), li wiegħdet politika ta' non-interferenza fil-kwistjonijiet tal-Libja,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fi Frar 2011 il-Libjani niżlu fit-toroq biex jitolbu d-drittijiet politiċi tagħhom, u kellhom iħabbtu wiċċhom ma' repressjoni indiskriminata min-naħa tal-Istat li tat bidu għal disa' xhur ta' kunflitt ċivili u wasslet għat-tneħħija tar-reġim ta' Gaddafi;

B.

billi l-Libja organizzat it-tielet elezzjonijiet ġenerali demokratiċi u liberi tagħha f'Ġunju 2014 biex teleġġi Kamra tad-Deputati li tieħu post il-Kungress Nazzjonali Ġenerali elett f'Lulju 2012;

C.

billi minkejja l-elezzjonijiet parlamentari nazzjonali f'Ġunju 2014, l-aspirazzjonijiet li l-waqgħa tal-Kurunell Gaddafi ġabet magħha għall-poplu Libjan ġew imfixkla mill-firda politika u l-vjolenza f'dak li qed jinbidel fi gwerra ċivili aperta; billi fi Tripli u Tobruk ilhom joperaw għal diversi xhur gvernijiet u parlamenti rivali;

D.

billi il-Libja baqgħet involuta fi ġlied politiku intern li evolva fi ġlieda vjolenti għall-poter bejn żewġ sedi rivali ta’ gvern u diversi fazzjonijiet rivali ta' forzi nazzjonalisti, Islamisti, tribali u reġjonali li qed twassal għal aktar tbatija għall-popolazzjoni ċivili, imwiet, spostjar tal-massa u kriżi umanitarja dejjem aktar estensiva;

E.

billi ż-żewġ naħat huma rrapurtati li wettqu sensiela wiesgħa ta' ksur u abbużi skont id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-UNSMIL tikkalkula li tal-inqas 400 000 Libjan ġew spostati internament mill-aħħar mewġa ta' ġlied filwaqt li 150 000 oħra, fosthom ħafna ħaddiema migranti, telqu mill-pajjiż; billi ħaddiema umanitarji u diplomatiċi barranin, fosthom il-persunal tal-UE u tal-UNSMIL, ġew evakwati mil-Libja; billi l-influss massiċċ ta' rifuġjati Libjani fit-Tuneżija qed jitfa' pressjoni sinifikanti fuq il-kapaċitajiet u l-istabilità ta' dan il-pajjiż ġar tagħha; billi huwa stmat li hemm aktar minn miljun Libjan li diġà qed jgħixu fit-Tuneżija;

F.

billi fit-23 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, Zeid Raas al-Hussein, qal li l-bumbardament indiskriminat taċ-ċivili fil-Libja se jwassal għal prosekuzzjoni ta' delitti tal-gwerra;

G.

billi l-Mibgħut Speċjali tan-NU Bernadino León fittex attivament li jagħmilha ta' medjatur fit-taħdidiet bejn il-fazzjonijiet rivali u fit-tnedija ta' djalogu nazzjonali lejn proċess ta' rikonċiljazzjoni u l-formazzjoni ta' gvern ta' unità nazzjonali; billi l-ewwel ċiklu tat-taħdidiet seħħ f'Ghadames fid-29 ta’ Settembru 2014 u kompla fi Tripli fil-11 ta’ Ottubru 2014, filwaqt li ċiklu ieħor, inizjalment skedat għall-5 ta’ Jannar 2015, ġie pospost minħabba nuqqas ta’ qbil fuq iż-żewġ naħat; billi UNSMIL ħabbret li l-partijiet Libjani issa qablu li jorganizzaw ċiklu ġdid ta’ taħdidiet f’Ġinevra, aktarx fl-14 ta’ Jannar 2015; billi ż-żewġ kampijiet s’issa wrew li ma tantx kienu lesti jew ma setgħux jinvolvu ruħhom f’kompromess;

H.

billi l-Mibgħuta tan-NU għar-reġjun tas-Saħel, Hiroute Guebre Sellassie, wissiet lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li l-kriżi Libjana tista’ tiddestabilizza r-reġjun kollu fil-futur qrib, u ddikjarat ukoll li netwerks terroristiċi u kriminali fil-Libja kienu qegħdin jiżviluppaw rabtiet eqreb mal-Mali u n-Niġerja ta’ fuq, bin-negozjar tal-bejgħ tal-armi u t-traffikar tad-drogi fost kummerċ illegali ieħor;

I.

billi l-unità tal-istat Libjan hija mhedda u hemm riskju veru ta' separazzjoni f'tal-anqas tliet reġjuni (Fezzan, Cyrenaika u Tripolitania) jekk ma tinstabx soluzzjoni ta' kompromess u jekk ma jinbediex proċess ta' rikonċiljazzjoni;

J.

billi l-ġlied reċenti ffaċilita bil-kbir it-tixrid u l-insedjar ta' gruppi terroristiċi bħall-ISIS fil-pajjiż; billi, jekk ma jiġix indirizzat, dan jista’ jirrappreżenta theddida ewlenija għas-sigurtà tar-reġjun u tal-UE; billi l-fergħa tal-Lvant tal-Libja tal-IS qalet fit-8 ta’ Jannar 2015 li kienet wettqet eżekuzzjoni ta' riporter Sofiene Chourabi u ta' operatur tal-kamera Nadhir Ktari;

K.

billi nhar l-4 ta’ Jannar 2015 ajruplani tal-gwerra mill-forzi leali lejn il-gvern rikonoxxut internazzjonalment ibbumbardjaw tanker taż-żejt taħt operat Grieg fiż-żona militari tal-port ta’ Derna, u dan wassal biex inqatlu żewġ persuni tal-ekwipaġġ, Grieg u Rumen, u biex indarbu tnejn oħra; billi l-port hu kkontrollat minn militanti Iżlamisti u ġie attakkat diversi drabi matul is-sena li għaddiet;

L.

billi nhar it-3 ta' Jannar 2015, fi stqarrija uffiċjali tal-gvern, ġie ddikjarat li l-milizja tal-Istat Iżlamiku qatlet 14-il suldat tal-armata Libjana u li l-gvern apella lill-komunità internazzjonali biex tneħħi l-embargo tal-armi fuq il-pajjiż sabiex ikun jista' jiġġieled kontra din il-milizja, li hu jikkwalifika bħala terroristi;

M.

billi l-ISIS qed tħarreġ lill-kumbattenti fil-Libja u qed tistabbilixxi fergħa fil-parti tal-Lvant tal-pajjiż; billi nhar it-30 ta' Diċembru 2014 terroristi splodew karozza bomba f'Tobruk, indirizzata kontra sessjoni tal-Kamra tad-Deputati; billi ġie rappurtat li ġew stabbiliti ċentri loġistiċi fil-periferija tan-Nofsinhar tal-Libja minn elementi tal-Al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku; billi, skont stqarrija uffiċjali tal-gvern, fit-3 ta' Jannar 2015 il-milizzji tal-Istat Iżlamiku qatlu 14-il suldat tal-armata Libjana;

N.

billi nhar it-28 ta’ Diċembru 2014 il-kmandant tal-milizja, il-Ġeneral Heftar, mexxa attakki mill-ajru kontra Misrata, fortizza tal-grupp ta' milizzji Iżlamist 'Żerniq il-Libja', f’dik li hija meqjusa bħala l-vendetta għall-attakki tal-milizzji Iżlamisti tal-25 ta’ Diċembru 2014 fuq l-akbar terminal taż-żejt tal-Libja f'Sidra u fuq is-suldati tal-armata Libjana f’Sirte, fejn inqatlu 22 minnhom;

O.

billi nħatfu 20 Nisrani Koptu Eġizzjan minn militanti tal-grupp Ansar al-Sharia f’Sirte, taħt il-kontroll tal-milizja, f'dak li hu l-aħħar attakk minn numru dejjem jiżdied ta’ attakki fuq Insara u minoranzi reliġjużi oħra fil-Libja; billi żdiedu b'rata kontinwa d-detenzjonijiet, il-ħtif, it-tortura u l-eżekuzzjonijiet ta’ min ikun issuspettat li jkun kumbattent fuq in-naħat kollha;

P.

billi mijiet ta' migranti u rifuġjati, li qed jaħarbu mill-vjolenza fil-Libja, qed ikunu rappurtati mejta filwaqt li qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa, li jwassal għal kriżi ewlenija ta' rifuġjati fl-Italja u f'Malta; billi l-Libja hi punt ta' tluq primarju għal migranti li qed jippruvaw jilħqu l-Ewropa;

Q.

billi fis-6 ta’ Novembru 2014 il-Qorti Suprema Libjana qatgħet is-sentenza li l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Ġunju li stabbilixxew il-Kamra tad-Deputati bbażata f'Tobruk li hi rikonoxxuta internazzjonalment ma kinux leġittimi;

R.

billi l-Kamra tad-Deputati rrifjutat din id-deċiżjoni, waqt li qalet li din id-deċiżjoni toħroġ mil-limiti tal-mandat tal-qorti, li saret taħt pressjoni mill-milizzji Iżlamisti fi Tripli u li l-Kamra tad-Deputati u l-gvern se jibqgħu jiffunzjonaw;

S.

billi r-Riżoluzzjoni 2174 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tawtorizza l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar ta' assi fil-konfront ta' “l-individwi u l-entitajiet li l-Kumitat ikun stabbilixxa li huma involuti fi jew qed jipprovdu appoġġ għal atti oħra li jheddu l-paċi, l-istabilità jew is-sigurtà tal-Libja, jew li jxekklu jew jippreġudikaw it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tagħha”;

T.

billi element kruċjali tal-kunflitt jikkonċerna l-kontroll u l-amministrazzjoni tal-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt; billi ż-żewġ naħat fil-kunflitt ħatru ministri tagħhom taż-żejt fi sforz biex jidderieġu d-dħul miż-żejt lin-naħa tagħhom; billi ż-żejt jirrappreżenta 95 % tad-dħul tal-Istat tal-Libja u 65 % tal-PDG tal-pajjiż; billi l-Libja għandha l-akbar riżervi taż-żejt fl-Afrika u l-ħames l-akbar fid-dinja;

1.

Jikkundanna bil-qawwa ż-żieda qawwija ta’ vjolenza fil-Libja, partikolarment immirata fuq iċ-ċivili, li tipperikola b’mod serju l-prospetti futuri għal soluzzjoni paċifika; jappoġġa bil-qawwa t-taħdidiet negozjati min-NU f’Ġinevra u jappella lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jaċċettaw il-waqfien immedjat ta' operazzjonijiet militari propost mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU, Bernardino León, sabiex jinħoloq ambjent favorevoli;

2.

Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-vjolenza biex jimpenjaw ruħhom f'waqfien mill-ġlied mhux kundizzjonali, biex ma jwettqux azzjonijiet li joħolqu iktar diviżjonijiet u polarizzazzjoni, biex jiddikjaraw pubblikament li mhumiex se jittolleraw tali azzjonijiet u biex jimpenjaw ruħhom mingħajr prekundizzjoni bl-isforzi tar-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, Bernardino León, bl-għan li l-gruppi rivali joqorbu lejn xulxin fi djalogu politiku nazzjonali inklużiv; jinsisti li tingħata attenzjoni lill-involviment tan-nisa u tal-minoranzi f'dan il-proċess; ifakkar li m'hemm l-ebda soluzzjoni militari għal dan il-kunflitt;

3.

Itenni l-appoġġ b'saħħtu u sħiħ tiegħu għall-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja; ifaħħar l-isforzi bla waqfien tar-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, Bernardino León, biex jiġi negozjat dan id-djalogu politiku; jilqa' l-fatt li hemm skedat ċiklu ġdid ta' djalogu politiku li se jsir f'Ġinevra fil-jiem li ġejjin;

4.

Jistieden lill-UE tappoġġa dawn l-isforzi billi hija wkoll timponi minnufih sanzjonijiet immirati, fosthom l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar, fil-konfront ta' dawk responsabbli mill-vjolenza bl-armi u l-ksur u l-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem u li qed jibbojkottjaw in-negozjati sponsorjati min-NU;

5.

Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Kamra tad-Deputati f'Tobruk bħala l-uniku korp leġittimu li ħareġ mill-elezzjonijiet ta' Ġunju 2014; itenni l-appell tiegħu lill-Kamra tad-Deputati eletta u lill-gvern uffiċjali biex iwettqu l-kompiti tagħhom abbażi tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, fi spirtu ta' inklużività, fl-interess tal-pajjiż u bil-għan li jħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini Libjani kollha, inklużi l-minoranzi reliġjużi u etniċi;

6.

Jinsab imħasseb serjament mill-preżenza dejjem tiżdied tal-gruppi terroristiċi marbutin mal-Al-Qaeda, il-milizzji tal-Istat Iżlamiku u l-organizzazzjonijiet u l-movimenti estremisti l-oħrajn fil-Libja; jemmen li r-reġjun qiegħed fir-riskju li jispiċċa f’kaos qerriedi simili għal dak li qed jiġri fis-Sirja u fl-Iraq; jemmen li dawn il-gruppi jirrappreżentaw theddida ewlenija għall-istabilità u s-sigurtà tar-reġjun kollu, u anke għas-sigurtà tal-Ewropa; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jintużaw il-mezzi kollha biex jiġi miġġieled, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali, inklużi d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju, it-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi;

7.

Jappella lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex ikomplu jappoġġaw l-isforzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu b'rispett dovut lejn id-dritt internazzjonali u jwaqqfuh milli jkompli jinfirex aktar u milli jistabbilixxi bażijiet ġodda fil-Libja;

8.

Jissottolinja l-impatt destabbilizzanti li l-kunflitt Libjan qed ikollu fuq pajjiżi oħra fir-reġjun tas-Saħel kif ukoll fuq is-sigurtà Ewropea; jistieden lill-pajjiżi ġirien u atturi reġjonali, speċjalment l-Eġittu, il-Qatar, l-Arabja Sawdija, it-Turkija u l-UAE, biex iżommu lura minn azzjonijiet li jistgħu jżidu diviżjonijiet attwali u jimminaw transizzjoni demokratika tal-Libja, u sabiex jappoġġaw bis-sħiħ il-proċess Ghadames immexxi min-NU; ifakkar li dawk li attivament qed joħolqu ostakli għal soluzzjoni politika kunsenswali qed jiksru r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-Libja u jridu jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom;

9.

Jilqa' d-dikjarazzjonijiet reċenti mill-Unjoni Afrikana fit-3 ta' Diċembru 2014 u mil-Lega tal-Istati Għarab fil-5 ta' Jannar 2015 u l-impenn pubbliku tagħhom biex jappoġġaw il-proċess immexxi min-NU;

10.

Jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni komuni u kkoordinata mit-28 Stat Membru taħt is-superviżjoni tar-Rappreżentant Għoli; jappella lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jikkoordinaw l-azzjoni tal-Istati Membri u jikkonċentraw l-appoġġ tagħhom fuq il-bini tal-istat u l-bini tal-istituzzjonijiet u biex, flimkien mal-Istati Membri, in-NU, in-NATO u s-sħab reġjonali, jgħinu fil-ħolqien ta' forzi tas-sigurtà effikaċi u taħt kmand u kontroll nazzjonali (forzi armati u forzi tal-pulizija) li jistgħu jiżguraw il-paċi u l-ordni fil-pajjiż, kif ukoll jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-bidu ta' ftehim ta' waqfien mill-ġlied u jfasslu mekkaniżmu għall-monitoraġġ tiegħu; jisħaq fuq il-fatt li l-UE jmissha tagħti prijorità lill-assistenza għar-rifoma tas-sistema ġudizzjarja Libjana, kif ukoll setturi kruċjali oħrajn għall-governanza demokratika;

11.

Ifakkar fl-impenn qawwi tal-UE għall-unità u l-integrità territorjali tal-Libja u l-ħtieġa li tiġi evitata l-firxa tat-terroriżmu; ifakkar fir-Riżoluzzjoni KSNU 2174, adottata nhar is-27 ta' Awwissu 2014, li twessa' s-sanzjonijiet internazzjonali eżistenti fuq il-Libja biex jinkludu r-responsabbiltà kriminali ta' min jappoġġa jew ikun involut f'atti li “jheddu l-paċi, l-istabilità jew is-sigurtà tal-Libja, jew li jxekklu jew jippreġudikaw it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tagħha”; jistieden lill-UE tikkunsidra aktar azzjonijiet, inklużi miżuri restrittivi;

12.

Jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata r-responsabbiltà għall-każijiet kollha ta' ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju; jinnota d-dikjarazzjoni minn UNSMIL li ħafna każijiet ta' ksur u abbuż kommessi fil-Libja jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-QKI, u jitlob biex din tal-aħħar tingħata r-riżorsi politiċi, loġistiċi u finanzjarji adegwati sabiex tkun tista' tinvestiga dawn ir-reati; jemmen li t-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' responsabbiltà internazzjonali jistgħu jiddisswadu lill-milizzji milli jwettqu aktar abbużi u ksur, u jitlob li jiġi kkunsidrat l-istabbiliment ta’ Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU jew mekkaniżmu simili biex tinvestiga l-ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju;

13.

Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Libjan; jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tgħin lill-poplu Libjan jissodisfa l-ambizzjoni tiegħu li jistabbilixxi Stat demokratiku, stabbli u prosperu, f'konformità mal-impenji stabbiliti fil-politiki tal-viċinat tagħha għan-Nofsinhar tal-Mediterran; jappella għat-tkomplija tal-għajnuna umanitarja, finanzjarja u politika mill-UE u l-komunità internazzjonali biex jindirizzaw is-sitwazzjoni umanitarja fil-Libja, il-qagħda ta’ min jiġi spostat internament u tar-rifuġjati u dik taċ-ċivili li qed jaffaċċjaw taqlib fl-aċċess għas-servizzi bażiċi;

14.

Jistieden lill-partijiet kollha fil-Libja biex jiggarantixxu s-sigurtà u l-libertà tal-Kristjani u gruppi oħra ta' minoranza reliġjużi li qed jiffaċċjaw żieda ta' diskriminazzjoni u persekuzzjoni u jsibu ruħhom f'attakki minn diversi inħawi fl-istess ħin; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiżguraw li ftehimiet bilaterali futuri jinkludu mekkaniżmi ta' monitoraġġ effettivi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-minoranzi reliġjużi;

15.

Jinsisti fuq iż-żamma tan-newtralità tal-istituzzjonijiet Libjani ewlenin, b’mod partikolari l-Bank Ċentrali, il-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt u l-fond tal-ġid sovran, li huma awtorizzati min-NU biex jirċievu dħul miż-żejt minn barra l-pajjiż;

16.

Ifaħħar l-ospitalità li t-Tuneżija tat lil madwar 1,5 miljun ċittadin Libjan li bħalissa qegħdin fit-Tuneżija li qed jaħarbu mill-vjolenza; jitlob lill-UE tipprovdi appoġġ finanzjarju u loġistiku lill-Gvern Tuneżin għal dan il-għan;

17.

Jitlob lill-kumpaniji internazzjonali, qabel ma jikkonkludu xi tranżazzjoni li tinvolvi ż-żejt Libjan, li jappartjeni lill-poplu Libjan, biex jiżguraw li tranżazzjonijiet bħal dawn ma jiffinanzjawx, direttament jew indirettament, il-milizzji involuti fil-kunflitt; jitlob lill-kumpaniji internazzjonali involuti fil-Libja, għal darb’oħra, biex jiżvelaw in-negozji finanzjarji tagħhom fis-settur tal-enerġija;

18.

Jibqa’ mħasseb dwar il-proliferazzjoni ta’ armi, munizzjon, splussivi u l-kuntrabandu tal-armi, li joħloq riskju għall-popolazzjoni u għall-istabilità tal-Libja u tar-reġjun;

19.

Itenni t-talba tiegħu lir-Rappreżentant Għoli biex jirrevedi l-mandat tal-Missjoni tal-Fruntiera tal-Unjoni Ewropea (EUBAM) fil-Libja, li attwalment tinsab wieqfa u stazzjonata fit-Tuneżija, sabiex titqies is-sitwazzjoni fil-pajjiż li nbidlet b’mod drammatiku, u bil-għan li titfassal missjoni tal-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) kkoordinata tajjeb biex topera f’koordinazzjoni man-NU u mal-imsieħba reġjonali fil-każ li tinstab soluzzjoni politika; huwa tal-fehma li din il-missjoni tal-PSDK għandu jkollha l-għan li tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ soluzzjoni politika, għandha tagħti prijorità lir-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR) u d-diżarm, id-demobilizzazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid (DDR) u għandha wkoll twieġeb għal bżonnijiet urġenti oħra ta’ governanza; barra minn hekk, jesprimi l-fehma li f’sitwazzjoni ta’ gwerra twila fil-Libja u fil-każ li jiżdiedu l-instabilità u t-theddid serju għas-sigurtà Ewropea, il-missjoni tal-PSDK għandha tkun disposta li tipparteċipa f'azzjoni b'mandat u kkoordinazzjoni tal-UNSC sabiex tistabbilizza l-Libja;

20.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għad-destin tal-migranti, tal-applikanti għall-ażil u tar-rifuġjati fil-Libja minħabba li s-sitwazzjoni diġà prekarja tagħhom qed tkompli teħżien; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex effettivament jgħinu lill-Italja fl-isforzi ta' min ifaħħar biex tindirizza l-flussi li qed jiżdiedu ta' migranti u rifuġjati mill-Afrika ta' Fuq, partikolarment mil-Libja;

21.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern Libjan u lill-Kamra tad-Deputati Libjana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lil-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana.


(1)  ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 114.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2012)0465.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2014)0028.

(4)  L-Alġerija, l-Eġittu, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, is-Saudi Arabia, Spanja, it-Tuneżija, it-Turkija, l-Emirati Għarab Magħquda, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tal-Amerika, kif ukoll l-UE u n-NU.


Top