IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.1.2016
COM(2015) 686 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
Il-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2016
{SWD(2015) 301 final}
1.Introduzzjoni
L-istandardizzazzjoni Ewropea hija l-pedament tal-funzjonament tas-suq intern. L-effetti pożittivi tal-istandardizzazzjoni huma magħrufa sew kif ukoll rikonoxxuti. Din hija azzjoni ewlenija tal-Istrateġija tas-Suq Uniku u hija wkoll parti minn diversi inizjattivi ta’ politika oħra, inklużi l-Politika Industrijali u l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali.
Il-Kummissjoni stabbiliet il-viżjoni strateġika tagħha għall-istandardizzazzjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għall-istandards u stabbiliet il-qafas legali fir-Regolament dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea (minn issa 'l quddiem imsejjaħ "ir-Regolament"), li ilu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2013.
Waħda mill-innovazzjonijiet tar-Regolament hija l-obbligu għall-Kummissjoni li tadotta programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea, li jidentifika l-prijoritajiet strateġiċi għall-istandardizzazzjoni Ewropea li jirriflettu l-għanijiet tal-politika stabbiliti mill-Kummissjoni fl-ippjanar tagħha stess.
Il-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni (AUWP) huwa għodda maħsuba biex ittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni (ESS) billi tistabbilixxi l-viżjoni u l-pjanijiet tal-Kummissjoni għas-sena ta’ wara rigward l-istandardizzazzjoni. f'dan il-kuntest huma proposti azzjonijiet lill-atturi tal-ESS.
Kif enfasizzat fl-Istrateġija tas-Suq Uniku, l-istandardizzazzjoni hija kruċjali sabiex tkun ta’ sostenn effiċjenti għall-prijoritajiet tal-Kummissjoni b’mod partikolari biex: toħloq tkabbir għall-ekonomija tagħna u impjiegi għaċ-ċittadini tagħna, issaħħaħ is-suq diġitali konness, tifforma Unjoni tal-enerġija reżiljenti u ttejjeb aktar is-suq intern b’bażi industrijali msaħħa, bl-UE tkun attur globali aktar b’saħħtu u n-negozjatur ta’ ftehim ta’ kummerċ raġonevoli u bbilanċjat bejn l-UE u l-Istati Uniti.
Sabiex l-istandardizzazzjoni tappoġġa sewwa dawn il-prijoritajiet fis-snin li ġejjin, flimkien ma’ talbiet regolari għall-istabbiliment ta’ standards, il-Kummissjoni beħsiebha teżamina mill-ġdid is-sħubija tagħha mal-ESS biex tiżgura li din tissodisfa b’mod xieraq il-ħtiġijiet ta' involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha (l-industrija, l-SMEs, il-konsumaturi, l-organizzazzjonijiet ambjentali, il-ħaddiema...).
Fl-2015, il-Kummissjoni kkonkludiet għadd ta' attivitajiet importanti ta' valutazzjoni u evalwazzjoni fir-rigward tal-qafas ta' standardizzazzjoni. Għaldaqstant, l-AUWP għall-2016 jibda billi jagħti rendikont tar-riżultati tad-diversi attivitajiet u miżuri maħsuba biex itejbu l-implimentazzjoni tar-Regolament (it-Taqsima 2). Imbagħad jirrapporta dwar it-talbiet ta' standardizzazzjoni previsti għall-2016 filwaqt li jindika l-kontribuzzjoni tagħhom biex jintlaħqu l-prijoritajiet ta' politika tal-Kummissjoni (it-Taqsima 3): it-talbiet jinsabu elenkati fid-dettall fl-anness. Fl-aħħar nett, dan ikopri u jaġġorna l-kontenut ta' għadd ta' temi importanti li jirriżultaw mir-Regolament u li diġà huma preżenti f'AUWPs preċedenti bħalma huma l-inklużività, il-kooperazzjoni internazzjonali, l-IPR u l-kwistjonijiet finanzjarji, operattivi u relatati mar-riċerka. F'dawn l-oqsma, il-Kummissjoni tidentifika wkoll ċerti punti li dwarhom se jkun meħtieġ livell ogħla ta' involviment ta' membri oħra tal-komunità ta' standardizzazzjoni Ewropea.
L-orjentazzjonijiet indikati fil-programm ta’ ħidma ma għandhomx impatt baġitarju li jeċċedi dak li huwa diġà previst għas-sena 2016.
2.L-implimentazzjoni tar-Regolament
2.1.L-Artikolu 24 tar-Regolament
L-Artikolu 24(3) tar-Regolament jistipula li sal-31 ta’ Diċembru 2015, u kull ħames snin wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tqis li l-Artikolu 24 tar-Regolament jipprevedi għadd ta’ rapporti li l-ESOs u l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-partijiet ikkonċernati li jirċievu finanzjament għandhom jissottomettu biex jiżguraw it-trasparenza u l-parteċipazzjoni akbar tas-settur tal-istandardizzazzjoni fil-kumplessità tiegħu.
Fuq il-bażi tar-rapport mitlub mill-Artikolu 24(3), il-Kummissjoni se tagħmel valutazzjoni ta’ miżuri ġodda potenzjali li jissimplifikaw il-finanzjament tal-istandardizzazzjoni Ewropea u li jnaqqsu l-piż amministrattiv għall-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni.
|
2.1.1.Ir-rieżami indipendenti tas-Sistema Ewropea ta' Standardizzazzjoni (ESS)
Barra minn hekk, l-azzjoni 29 tal-Komunikazzjoni għall-istandards, talbet lill-Kummissjoni twettaq "Rieżami Indipendenti tas-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni (ESS)", liema inkarigu ngħata lil konsulent indipendenti estern (Ernst & Young, E&Y). L-għan ġenerali tar-Rieżami Indipendenti huwa biex ikejjel u jeżamina jekk il-ħames għanijiet strateġiċi ta’ din il-Komunikazzjoni humiex qed jintlaħqu (il-veloċità tal-proċess, l-għodda għall-kompetittività, l-appoġġ għall-politiki tal-UE, l-inklużività tal-partijiet ikkonċernati soċjetali u l-impatt globali) biex tevalwa l-prestazzjoni tal-ESS u biex jiġu fformulati rakkomandazzjonijiet biex itejbu s-sistema attwali.
Ir-riżultati tar-Rieżami Indipendenti ġew diskussi pubblikament u żvelati: l-eżitu tad-diskussjonijiet se jitqies fir-rapport tal-Artikolu 24 tar-Regolament.
|
2.2.L-Inizjattiva konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni
L-Istrateġija tas-Suq Uniku tipprevedi għall-immodernizzar tas-sistema ta’ standardizzazzjoni li l-Kummissjoni se tipproponi u se tilħaq qbil dwar l-'Inizjattiva konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni" mas-settur Ewropew tal-istandardizzazzjoni. L-imsieħba pubbliċi u privati tal-inizjattiva konġunta se jieħdu impenn konġunt dwar x’riżultati jridu jiskbu, u dwar meta u kif għandhom jiksbuhom b'appoġġ għall-prijoritajiet tal-President tal-Kummissjoni Juncker. Il-Kummissjoni se tindirizza kwistjonijiet bħalma huma l-oqsma ta’ prijorità għall-iżvilupp standard (l-ICT, is-servizzi, l-enerġija, il-mobbiltà, eċċ.), il-modi innovattivi u kollaborattivi għall-istabbiliment tal-istandards, il-proċessi trasparenti u inklużivi biex jiġu adottati l-istandards, is-sostenn koerenti u b’saħħtu għas-settur pubbliku tul il-proċess kollu ta’ standardizzazzjoni, it-titjib tal-ġestjoni tal-għarfien tul il-proċess kollu ta’ standardizzazzjoni, l-istrateġija konġunta biex l-Ewropa ssir ċentru ta’ standardizzazzjoni globali u se tindirizza kwistjonijiet li jirriżultaw minn frammentazzjoni tas-suq fil-qasam tas-servizzi u tal-orjentazzjoni. Barra minn hekk, l-inizjattiva konġunta se torbot flimkien il-prijoritajiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni mal-proċess ta’ standardizzazzjoni biex tippermetti li l-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni jinbdew f'waqthom. L-inizjattiva konġunta għandha tiġi konkluża fl-ewwel nofs tal-2016.
2.3.Il-Vademecum dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea
Fl-2015 il-Kummissjoni rrevediet il-Vademecumdwar l-istandardizzazzjoni Ewropea sabiex tallinja ruħha mar-riformi li ġabu magħhom ir-Regolament u l-Komunikazzjoni għall-istandards.
Il-Vademecum jistabbilixxi wkoll linji gwida għall-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni (ESOs) biex jiżgura livell xieraq ta’ trasparenza u inklużività matul l-eżekuzzjoni tat-talbiet tal-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni tistieden lill-ESOs biex iħarrġu lill-korpi tekniċi tagħhom fl-applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida ġodda biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni prattika ta’ dawn il-linji gwida b’mod partikolari waqt l-iżvilupp u r-rieżami tal-istandards armonizzati.
|
3.Il-Prijoritajiet Strateġiċi għall-Istandardizzazzjoni Ewropea
3.1.L-Istandardizzazzjoni tal-ICT
Il-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali (DSM) tas-6 ta’ Mejju 2015 tinkludi l-adozzjoni ta’ Pjan ta' Standards Prijoritarji fis-Settur tal-ICT sabiex tidentifika u tiddefinixxi l-prijoritajiet ewlenin għall-istandardizzazzjoni tal-ICT b’enfasi fuq it-teknoloġiji u l-oqsma li jitiqiesu bħala kruċjali għas-Suq Uniku Diġitali, inklużi l-istandards u l-interoperabbiltà settorjali essenzjali. Il-Pjan se jiġi adottat fl-ewwel nofs tal-2016.
Il-Pjan Prijoritarju tal-Istandards fis-Settur tal-ICT se jikkomplementa l-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-Unjoni.
Il-frammentazzjoni tas-suq mistennija tonqos permezz ta' azzjonijiet ta’ standardizzazzjoni f'waqthom fis-settur tal-ICT billi dawn iżidu l-interoperabbiltà ta’ prodotti, sistemi u servizzi, u għalhekk jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej ta’ kull daqs, inklużi l-SMEs.
L-ingranaġġ tas-suq uniku jista’ jiffaċilita l-aċċess għas-swieq globali billi jippromwovi fil-livell globali l-istandards żviluppati fil-livell Ewropew, kif muri bil-GSM, ix-Xandir Televiżiv Diġitali u oqsma oħra ta’ suċċess.
Kif indikat fil-Komunikazzjoni dwar id-DSM, jinħtieġ sforz akbar biex jiġi żgurat li r-riżultati tanġibbli tal-istandardizzazzjoni jżommu l-pass mal-bidliet fit-teknoloġija.
Il-pass li jmiss għall-istandardizzazzjoni tal-ICT se jkun li:
-
Jinstab mezz effiċjenti u effettiv biex jiġu identifikati s-setturi u t-teknoloġiji li huma kruċjali għad-DSM u
-
Jintgħażlu l-azzjonijiet ewlenin prijoritarji tal-istandardizzazzjoni tal-ICT li huma meħtieġa f’dawk is-setturi u t-teknoloġiji.
Sabiex jinkiseb dan, il-Kummissjoni qed taġixxi u nediet konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati.
Diversi strumenti diġà eżistenti se jappoġġaw dan l-approċċ. Il-Pjan Rikorrenti għall-Istandardizzazzjoni tal-ICT huwa programm ta’ ħidma li jiġi rranġat skont is-suġġett, filwaqt li jgħaqqad flimkien il-politiki tal-UE mal-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni. Dan huwa stabbilit b’kollaborazzjoni mal-Pjattaforma Ewropea bejn Diversi Partijiet Ikkonċernati, li tinkludi l-partijiet ikkonċernati tal-istandardizzazzjoni Ewropea u ta' dik dinjija, u tirrappreżenta sitwazzjoni komprensiva u preċiża tal-istandardizzazzjoni tal-ICT.
Il-Pjan Rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT huwa konsistenti ma’ dan il-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni u jiġi ppubblikat kull sena fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs.
3.2.L-Istandardizzazzjoni tas-Servizzi
Għall-kuntrarju tal-oġġetti u tal-ICT, l-iżvilupp tal-istandards tas-servizzi ġie limitat b’mod partikolari fil-livell tal-UE. Bħala riżultat, l-istandards tas-servizzi jirrappreżentaw biss 2 % tal-istandards Ewropej kollha.
Madankollu, hemm potenzjal għal użu akbar tal-istandards Ewropej tas-servizzi. L-istandards tas-servizzi volontarji jistgħu jgħinu sabiex jiġi żviluppat il-potenzjal mhux sfruttat tas-settur tas-servizzi għall-ekonomija tal-UE billi jtejbu l-prestazzjoni u l-kwalità tas-servizzi, jiżguraw l-interoperabbiltà u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi.
L-importanza tal-istandards tas-servizzi Ewropej x’aktarx li tiżdied fis-snin li ġejjin hekk kif il-linja bejn l-oġġetti u s-servizzi qed issir anqas ċara (l-orjentazzjoni). F’każijiet bħal dawn, ir-restrizzjoni għall-għoti kemm tal-oġġett kif ukoll tas-servizz fil-prattika ssir restrizzjoni għall-bejgħ totali. Sabiex tiġi evitata din ir-restrizzjoni, l-istandards Ewropej tas-servizzi jistgħu jkunu meħtieġa biex jikkumplementaw l-istandards tal-oġġetti.
Barra minn hekk, billi l-għadd globali tal-istandards tas-servizzi nazzjonali qed jiżdied u r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni obbligatorji jvarjaw bejn il-pajjiżi, il-fornituri tas-servizzi Ewropej qed iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli li dejjem qed jikbru. L-użu akbar tal-istandards tas-servizzi Ewropej jista' jgħin lill-kumpaniji joperaw f’suq barrani f’każijiet fejn iċ-ċertifikati nazzjonali huma meħtieġa fi ħdan il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni jew ta’ liċenzjar.
Madankollu, l-iżvilupp ta’ standards tas-servizzi qed jiffaċċja xi sfidi, bħalma huma li tiġi żgurata l-adegwatezza tar-rappreżentanza u tax-xiri sfurzat tal-partijiet interessati bħall-SMEs, l-atturi soċjali u soċjetali.
Barra minn hekk, il-ħtiġijiet tas-setturi tas-servizzi jvarjaw ħafna u l-kejl tal-prestazzjoni tas-servizzi huwa differenti minn dak tal-oġġetti.
B’differenza għall-oġġetti, il-leġiżlazzjoni tal-UE għas-servizzi rarament tkun speċifika għas-settur u ma tirreferix fuq bażi regolari għall-istandards bħala għodod biex tinkiseb il-preżunzjoni tal-konformità. L-istandards tas-servizzi għandhom jibqgħu purament volontarji u bbażati fuq id-domanda tas-suq, u kif hemm iddikjarat fl-istrateġija tas-Suq Uniku, il-Kummissjoni se tipprovdi gwida dwar kwistjonijiet marbuta mal-istandards tas-servizzi, biex b’hekk titqajjem kuxjenza dwar l-ispeċifiċitajiet tal-istandards tas-servizzi u jiġu identifikati l-modi għall-appoġġ tal-użu tagħhom. L-approċċ stabbilit f’din il-gwida se jintuża wkoll għall-AUWPs fis-snin li ġejjin.
3.3.L-oqsma prijoritarji strateġiċi għall-2016
Il-Kummissjoni identifikat il-prijoritajiet strateġiċi tagħha għall-istandardizzazzjoni Ewropea fl-oqsma li jidhru hawn taħt fejn beħsiebha titlob lill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni biex jiżviluppaw l-istandards. L-oqsma huma marbuta direttament mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni li ġejjin: Suq Uniku Diġitali Konness; Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti li jkollha Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li Tħares 'il Quddiem; Suq Intern Aktar Profond u Aktar Ġust b'Bażi Industrijali Msaħħa.
Fis-Suq Uniku Diġitali Konness, l-azzjonijiet proposti għandhom l-għan li jsaħħu l-użu ta’ teknoloġiji diġitali u servizzi onlajn li jkopru setturi differenti tal-ekonomija u tas-settur pubbliku:
is-sistemi tal-informazzjoni għat-trasport bil-għan li jiffaċilitaw il-fluss, l-aċċess u l-użu tal-informazzjoni fit-trasport, sabiex itejbu l-effiċjenza u jnaqqsu l-ispejjeż tal-operazzjonijiet tat-trasport
Ambjent Komuni għall-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni għas-sorveljanza tad-dominju marittimu tal-UE bil-għan li jitjieb l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali involuti fis-sorveljanza marittima, inkluż id-difiża
skemi ta’ tikkettar u mmarkar xierqa għall-kummerċ elettroniku
ċarġer għall-mowbajls u apparat ieħor portabbli
is-saħħa elettronika biex jiġu appoġġati d-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transfruntiera
Servizz tal-kejl tal-ħin ta’ GALILEO u servizz tal-link tar-ritorn ta' tfittxija u salvataġġ ta' GALILEO: b'mod li l-komponenti tar-riċevitur tal-utent ikunu jistgħu jiksbu prodotti li jkejlu l-ħin preċiż.
awtentikazzjoni tal-post minn Galileo
aċċessibbiltà tas-siti web tal-entitajiet tas-settur pubbliku
aċċess għad-dejta integrata fil-vettura
Billi jikkonċernaw lill-Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika għat-Tibdil fil-Klima li Tħares 'il Quddiem, l-azzjonijiet proposti għandhom l-għan li jikkombinaw l-infrastrutturi tagħna, jiddeversifikaw ir-riżorsi tal-enerġija tagħna, inaqqsu l-konsum tal-enerġija u jippromwovu t-teknoloġiji favur il-klima:
jippermettu użu aktar estensiv ta’ teknoloġiji alternattivi li ma jagħmlux ħsara lill-klima
L-infrastruttura ekoloġika li timmira li tappoġġa l-akkwist pubbliku u tistimola b'mod ġenerali s-suq f'dan is-settur
L-ekodisinn fuq il-vitien, il-prodotti tax-xawer, it-televixins, l-elettrodomestiċi intelliġenti, l-għodod tal-magni, it-tagħmir tal-welding u t-tikkettar enerġetiku
it-tnedija tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi u s-simplifikazzjoni tal-informazzjoni lill-utenti dwar il-kompatibbiltà tal-vetturi tagħhom bil-fjuwils jew bil-punti ta’ rikarika tal-elettriku
il-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-merkurju u tal-formaldeid
Bl-appoġġ tas-Suq Intern Aktar Profond u Aktar Ġust b’Bażi Industrijali Msaħħa, il-Kummissjoni tipproponi għadd ta’ azzjonijiet li jżidu r-rekwiżiti tas-sikurezza u tal-interoperabbiltà li huma meħtieġa biex jitlesta s-suq intern tal-prodotti sa miż-żamma ta' bażi industrijali ta’ prestazzjoni għolja fl-Ewropa:
l-imballaġġ tal-plastik kompostabbli fid-djar
it-teknika ta’ mmudellar tista' tintuża għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja
il-metodoloġija għall-identifikazzjoni tas-sors u għall-kwantifikazzjoni tat-tniġġis tal-arja
it-titjib tas-sigurtà u l-konformità ta’ radju ddefinit minn softwer
tagħmir personali protettiv (ilbies protettiv)
l-installazzjonijiet tal-funikular
l-apparati li jaħarqu fjuwils gassużi
il-prodotti tal-konsumatur koperti mid-Direttiva tas-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti (eż. ix-xemgħat, il-barbikjus, iż-żraben tat-tfal, il-pushchairs).
l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ ġestjoni ta’ każijiet responsabbli biex jappoġġa l-każijiet ta’ soluzzjoni (alternattiva) għat-tilwim barra mill-qorti
dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel
il-prodotti għall-kostruzzjoni u l-introduzzjoni ta' livelli/klassijiet ta’ prestazzjoni għall-prodotti għall-kostruzzjoni
l-interoperabbiltà tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ferroviji
4.L-inklużività
F’dawn l-aħħar sentejn, sar sforz akbar biex l-SMEs u l-partijiet ikkonċernati soċjetali u soċjali jitħallew jieħdu sehem b’mod effettiv fl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni. F'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati Ewropej
, wara li saru sejħiet miftuħa għall-proposti, il-Kummissjoni fformalizzat is-sħubiji mal-organizzazzjonijiet tal-Anness III (SBS, ANEC, ECOS u ETUC, li jirrappreżentaw rispettivament lill-SMEs, lill-konsumaturi, lill-ħaddiema u l-interessi ambjentali fl-istandardizzazzjoni), filwaqt li kisbet koerenza u stabbiltà f'termini ta' finanzjament u ġestjoni, kif ukoll il-kontinwità tar-rappreżentazzjoni tal-interessi tal-partijiet ikkonċernati fl-erba' oqsma identifikati mir-Regolament.
Kif juri r-rieżami indipendenti, għad hemm sfidi li jridu jiġu indirizzati, sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni xierqa għall-organizzazzjonijiet tal-Anness III. L-ewwel nett, għad hemm nuqqas ta’ kuxjenza u għarfien dwar l-organizzazzjonijiet tal-Anness III u r-rwol tagħhom fis-Sistema Ewropea ta' Standardizzazzjoni. It-tieni, l-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati għadhom qed jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jaċċessaw dokumenti rilevanti, meħtieġa biex iwettqu x-xogħol tekniku. It-tielet, l-interazzjoni mal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni mhijiex dejjem biżżejjed biex jiżguaw li dawn jingħataw appoġġ utli. Ir-raba’, l-organizzazzjonijiet tal-Anness III għadhom qed isibu diffikultajiet biex jittrattaw proċeduri ta’ ħidma differenti tal-gruppi ta’ ħidma differenti, li ta’ spiss iżid il-piż amministrattiv mhux meħtieġ għall-ħidma teknika.
Fl-2016, il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib il-progress ulterjuri fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament u fiż-żieda tal-inklużività tas-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni.
Il-Kummissjoni tistieden lill-ESOs, lill-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni u lill-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati tal-Anness III biex jieħdu azzjonijiet sabiex jindirizzaw l-isfidi identifikati hawn fuq u jintensifikaw aktar il-kooperazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistieden lill-ESOs biex ikomplu jsaħħu l-isforzi tagħhom u biex jiffaċilitaw il-ħidma tal-organizzazzjonijiet tal-Anness III billi jadattaw il-proċeduri u r-regoli interni, kif hu rrakkomandat b’mod partikolari mir-rieżami indipendenti, b’attenzjoni speċifika għall-ħidma li twettqet fil-livell internazzjonali.
|
5.Il-kooperazzjoni internazzjonali
Il-Kummissjoni tistieden lill-ESOs biex jissoktaw bil-promozzjoni konġunta ta’ standards internazzjonali u Ewropej f’dawk ir-reġjuni tad-dinja fejn l-industrija Ewropea tista’ tibbenefika minn relazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni msaħħa u minn aċċess aktar faċli għas-suq.
|
Sabiex tinkiseb aċċettazzjoni aħjar tal-inizjattivi Ewropej fil-livell internazzjonali, l-ESS għandu jirnexxilha tesprimi ruħha b’vuċi waħda fil-korpi adegwati.
Fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, il-Kummissjoni se tkompli d-djalogi politiċi eżistenti varji, l-azzjonijiet ta' viżibbiltà u sensibilizzazzjoni (l-espert issekondat Ewropew fil-qasam tal-istandardizzazzjoni fl-Indja, SESEI, l-esperti ssekondati Ewropej fil-qasam tal-istandardizzazzjoni fiċ-Ċina, SESEC, jew il-pjattaforma ta' informazzjoni dwar l-istandardizzazzjoni taċ-Ċina u l-Ewropa CESIP) li għalihom l-appoġġ tal-ESOs huwa fundamentali (ara l-għotjiet operattivi annwali).
Il-punt ta’ riferiment għall-ħidma konġunta huwa l-kooperazzjoni attwali u l-iskambju tal-informazzjoni vis-à-vis l-Istati Uniti.
Il-Kummissjoni, li teknikament diġà qed tikkontribwixxi għal xi ħidma ta’ standardizzazzjoni internazzjonali, hi mistennija li tkun involuta aktar fl-istandardizzazzjoni Ewropea u internazzjonali, sabiex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tal-istatus formali eżistenti tagħha ta' osservatur, sabiex twettaq aħjar l-impenn tagħha lejn il-primat tal-istandards internazzjonali.
6.L-IPR u t-temi ta’ riċerka
6.1.L-IPR fl-istandardizzazzjoni
L-IPR u l-istandardizzazzjoni huma interrelatati mill-qrib, minkejja li huma fundamentalment differenti. Il-politiki dwar is-sjieda, il-privattivi, id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (IPR) għandhom rwol dejjem aktar sinifikanti fl-istandardizzazzjoni. Dan huwa evidenti fil-qasam tal-ICT, iżda jista' jaffettwa setturi oħra billi dawn ikunu affettwati minn modalitajiet ta’ interoperabbiltà. F’dan il-kuntest, il-privattivi b’mod partikolari se jkollhom rwol dejjem akbar fl-oqsma kollha fejn is-soluzzjonijiet tal-għotjiet ta' privattivi se jżidu valur sostanzjali għall-istandards.
Fil-Kawża C-170/13, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea (ECJ) prinċipalment tispeċifika proċess, bil-passi obbligatorji għal kull naħa (id-detentur tal-privattiva u l-implimentatur) sabiex titressaq jew tiġi evitata ordni ta' waqfien.
Id-detentur tal-privattiva essenzjali standard (SEP) irid (qabel ma jressaq ordni ta' waqfien):
-
l-ewwel, iwissi lill-allegat kontraventur dwar il-ksur ikkontestat billi jiddeżinja dik il-privattiva u jispeċifika l-mod li bih tkun ġiet miksura, u,
-
it-tieni, wara li l-allegat kontraventur ikun esprima r-rieda tiegħu li jikkonkludi ftehim ta’ liċenzjar skont termini “ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji" (FRAND), jippreżenta lil dak il-kontraventur b'offerta speċifika u bil-miktub għal liċenzja skont termini bħal dawn, u jispeċifika, b’mod partikolari, ir-royalty u l-mod li bih trid tiġi kkalkulata.
B’reazzjoni għall-offerta tad-detentur tal-SEP skont it-termini FRAND, sabiex jirnexxilha titressaq difiża antitrust kontra l-ordni ta' waqfien, l-allegat kontraventur irid iwieġeb b'diliġenza għal dik l-offerta, skont il-prattiki kummerċjali rikonoxxuti fil-qasam u in bona fide, billi din hija kwistjoni li trid tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ fatturi oġġettivi u li timplika, b’mod partikolari, li ma jkun hemm l-ebda manuvra ta' dewmien. Jekk l-allegat kontraventur ma jaċċettax l-offerta li saret, dan għandu jippreżenta lill-propjetarju tal-(SEP) inkwistjoni, minnufih u bil-miktub, kontrofferta speċifika li tikkorrispondi għat-termini FRAND.
Barra minn hekk, meta l-allegat kontraventur qed juża t-teknika tal-SEP qabel ma jkun ġie konkluż ftehim ta’ liċenzjar, hija r-responsabbiltà tal-allegat kontraventur, mill-mument li fih tiġi miċħuda l-kontrofferta tiegħu, li jipprovdi garanzija xierqa, skont il-prattiki kummerċjali rikonoxxuti fil-qasam, pereżempju billi jipprovdi garanzija bankarja jew billi jqiegħed l-ammonti meħtieġa fuq depożitu. Il-kalkolu ta’ dik il-garanzija jrid jinkludi, inter alia, l-għadd ta’ dawn l-aħħar atti ta’ użu tal-SEP, u l-allegat kontraventur irid ikun kapaċi jagħti rendikont fir-rigward ta’ dawk l-atti ta’ użu.
Barra minn hekk, fejn ma jintlaħaq l-ebda ftehim dwar id-dettalji tat-termini FRAND wara l-kontrofferta mill-allegat kontraventur, il-Partijiet jistgħu, bi ftehim komuni, jitolbu li l-ammont tar-royalty jiġi ddeterminat minn parti terza indipendenti, b'deċiżjoni mingħajr dewmien.
Fl-aħħar nett, l-allegat kontraventur ma jistax jiġi kkritikat la għaliex ikkontesta, b’mod parallel in-negozjati dwar l-għoti tal-liċenzji, il-validità ta’ dawn il-privattivi u/jew in-natura essenzjali ta’ dawk il-privattivi għall-istandard li fih huma inklużi u/jew l-użu reali tagħhom, u lanqas għaliex irriżerva d-dritt li jagħmel dan fil-futur.
Hemm fehim komuni li ż-żieda fit-trasparenza u fil-kwalità tad-dikjarazzjonijiet tal-privattivi se ttejjeb il-qafas attwali.
L-ESOs għandhom ikomplu jtejbu l-politiki tal-IPR tagħhom u jiksbu bilanċ ġust bejn l-interessi tal-proprjetarji tat-teknoloġija u dawk tal-utenti tat-teknoloġija.
|
Il-bidliet potenzjali fil-qafas tal-IPR jeħtieġ li jiġu studjati bir-reqqa u ttestjati b’mod estensiv mal-partijiet ikkonċernati kollha.
6.2.Orizzont 2020 – Ir-Riċerka u l-Innovazzjoni
L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ aġendi tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż permezz tal-istandardizzazzjoni, huma essenzjali għall-indirizzar tal-kompetittività. Orizzont 2020 se jagħti appoġġ qawwi lill-adozzjoni tal-innovazzjoni mis-suq, b’mod partikolari appoġġ għall-istandardizzazzjoni permezz tar-riċerka u billi tiddaħħal ix-xjenza fl-istandards. L-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni huma mezz essenzjali għall-adozzjoni mis-suq tar-riżultati tar-riċerka u għat-tixrid tal-innovazzjonijiet inklużi r-riżultati tar-riċerka mill-parti EURATOM tal-Orizzont 2020.
L-ESOs għandhom iħeġġu u jiffaċilitaw ir-rappreżentanza xierqa, fil-livell tekniku, fl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni tal-entitajiet legali li jipparteċipaw fi proġett li huwa relatat ma’ dak il-qasam u li huwa ffinanzjat mill-Unjoni fi ħdan programm ta’ qafas pluriennali għall-attivitajiet fil-qasam tar-riċerka, tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp teknoloġiku.
|
7.Il-qafas operattiv u finanzjarju
7.1.Il-metodoloġija ġdida għall-għotjiet operattivi
Il-Kummissjoni żviluppat metodoloġija biex il-baġit jinqasam bejn l-għotjiet operattivi u l-għotjiet għal azzjoni. It-tqassim tal-baġit annwali għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-għotjiet operattivi lil kull organizzazzjoni Ewropea għall-istandardizzazzjoni huwa kif ġej:
għall-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) massimu ta’ 53,64 % tal-baġit annwali għal għotjiet operattivi;
għall-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) massimu ta’ 9,23 % tal-baġit annwali għal għotjiet operattivi u;
għall-Kumitat Ewropew għall-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) massimu ta’ 37,13 % tal-baġit annwali għal għotjiet operattivi.
7.2.Il-valutazzjoni tal-konformità tal-istandards mal-leġiżlazzjoni u mal-politiki tal-Unjoni
Il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tarmonizza l-kompiti u ssaħħaħ l-indipendenza tal-esperti impjegati biex jivvalutaw il-konformità tar-riżultati mitluba mat-talbiet tal-Kummissjoni (bħal “Konsulenti tal-Approċċ il-Ġdid” li bħalissa huma ġestiti minn CEN u CENELEC) sabiex tipprevedi d-disponibbiltà kontinwa u fit-tul ta' servizz ta’ valutazzjoni bħal dan. Se jiġu ttestjati diversi xenarji sabiex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet għall-ġestjoni ta’ tali servizz fuq il-bażi tal-ħtiġijiet reali, inkluża medjazzjoni ad hoc informali.
7.3.Il-mandati pendenti
Il-Kummissjoni se teżamina liema mill-mandati li nħarġu qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, għadhom validi.
Il-Kummissjoni tistieden lill-ESOs biex jirrapportaw dwar il-ħidma kontinwa skont il-mandati maħruġa qabel l-infurzar tar-Regolament. Il-Kummissjoni se tiddeċiedi liema minn dawn il-mandati għandhom jinżammu.
|