EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0584

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-progress fl-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi 2013-2020 u l-Pjan ta’ Azzjoni 2013-2016 dwar id-Drogi

COM/2015/0584 final

Brussell, 27.11.2015

COM(2015) 584 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-progress fl-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi 2013-2020 u l-Pjan ta’ Azzjoni 2013-2016 dwar id-Drogi

{SWD(2015) 257 final}


1.Introduzzjoni u Kuntest

Id-drogi illeċiti huma problema soċjali kumplessa, li għandha impatt fuq l-ħajja ta’ miljuni ta’ nies. Filwaqt li l-konsum ta’ drogi bħall-eroina u l-kokaina naqas f’dawn l-aħħar snin, sustanzi ġodda psikoattivi qed isiru dejjem aktar aċċessibbli fis-suq miftuħ u / jew onlajn, bir-riżultat li qed joħolqu theddid serju għas-saħħa.

Il-prezz uman u soċjali tad-dipendenza fuq id-drogi huwa għoli ħafna. Dawn jiġġeneraw spejjeż għas-saħħa pubblika (dwar il-prevenzjoni u t-trattament tad-droga, il-kura tas-saħħa u l-kura fl-isptar), is-sikurezza pubblika, l-ambjent u l-produttività tax-xogħol.

Talanqas 78,9 miljun Ewropew qalu li użaw il-kannabis mill-inqas darba f’ħajjithom, filwaqt li 15,6-il miljun u 12-il miljun persuna esperimentaw bil-kokaina u l-amfetamini rispettivament. Barra minn hekk, 1,3 miljun adult għandhom użu problematiku bl-oppjojdi u 3,4 % tal-imwiet kollha tal-Ewropej bejn il-15 u d-39 huma minn doża eċċessiva tad-droga. Skont l-aħħar stimi, fl-2010 mietu 1 700 persuna bl-HIV / AIDS fl-UE minħabba l-użu tad-drogi 1 . Fl-2013, ġew rappurtati fl-UE 1 446 każ ġdid tal-HIV attribwibbli għall-użu ta’ drogi b'injezzjoni 2 . Fl-2014 instabu 101 sustanza psikoattiva ġdida, 22 % aktar mill-2013.

L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà 3 tirrikonoxxi l-valutazzjoni tal-Europol li s-suq għad-drogi illeċiti huwa l-aktar suq kriminali dinamiku. It-traffikar tad-droga u l-produzzjoni tad-droga jibqgħu fost l-aktar attivitajiet kriminali li jiġġeneraw profitt għall-gruppi tal-kriminalità organizzata attivi fl-UE. Il-valur tas-suq Ewropew tal-opjati ġie stmat għal madwar EUR 12-il biljun 4 , filwaqt li l-użu stmat tal-kannabis, l-iktar droga popolari fl-UE, jammonta għal 2 000 tunnellata metrika. Il-kokaina hija t-tieni droga l-aktar użata fl-UE: fl-2013 l-Istati Membri tal-UE kkonfiskaw iktar minn 61 tunnellata metrika minn din id-droga 5 . Barra minn hekk, f'dawn l-aħħar sentejn l-internet ħareġ bħala suq online għad-drogi 6 .

Fl-2013, iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) tejjeb ir-rappurtar tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-droga fl-Ewropa. Barra minn hekk, fl-2013, l-EMCDDA u l-Europol ħarġu l-ewwel rapport dwar is-swieq tad-droga tal-UE b'talba tal-Kummissjoni Ewropea. Iż-żewġ aġenziji tal-UE li se jippubblikaw it-tieni edizzjoni kmieni fl-2016.

Id-drogi huma problema globali. Huwa stmat li total ta’ 264 miljun persuna bejn l-età ta’ 15 u 64 użaw xi droga illeċita fl-2013. Madwar 27 miljun persuna jbatu minn mard relatat mal-użu tad-droga u d-dipendenza fuq id-droga. Kważi nofshom (12,19 miljun) injettaw id-drogi, u huwa stmat li madwar 1,65 miljun ta’ dawk li jinjettaw id-drogi kellhom l-HIV fl-2013 7 .

F’April 2016, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ser torganizza Sessjoni Speċjali (UNGASS) dwar id-drogi li se tara kif ittejjeb il-politiki globali tad-droga filwaqt li ssaħħaħ l-aspetti tas-saħħa pubblika u tad-drittijiet tal-bniedem bħala parti mill-Konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drogi 8 . Din se tkun punt ta' bidla kbira għall-komunità internazzjonali biex jiġi ddeterminat il-futur tal-politika dwar id-drogi. Il-vuċi tal-UE f’dan il-kuntest għandha piż.

L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi 2013-2020 9 u l-Pjan ta’ Azzjoni 2013-2016 dwar id-Drogi 10 jistabbilixxu l-qafas politiku tal-UE u l-prijoritajiet għall-politika dwar id-drogi. L-istrateġija tipprovdi qafas uniku u bbażat fuq l-evidenza għall-ġlieda kontra d-drogi ġewwa u barra l-UE. Hija għandha l-għan li tikkontribwixxi biex jonqsu kemm tad-domanda kif ukoll il-provvista tad-droga fl-UE, u biex jonqsu r-riskji u d-danni soċjali u għas-saħħa kkawżati mid-drogi. L-Istrateġija għandha tliet temi trasversali: (a) il-koordinazzjoni, (b) il-kooperazzjoni internazzjonali u (c) ir-riċerka, l-informazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.

Dan ir-rapport jippreżenta l-progress ewlieni li l-UE kisbet fl-2013 u fl-2014 fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tagħha għall-2013-2020 u Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drogi 2013-2016. Ir-riżultati dettaljati huma ppreżentati fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li huwa anness.

2.Metodu

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi jidentifika min hu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tiegħu u jistabbilixxi dati ta’ skadenza għal kull waħda minnhom. Dan ir-rieżami, li tkopri l-2013 u l-2014, huwa bbażat fuq kontribuzzjonijiet mill-EMCDDA, il-Europol, il-Eurojust (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali) u s-CEPOL (il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija). Kontribuzzjonijiet waslu wkoll mingħand is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Presidenza tal-Kunsill 11 . Il-Kummissjoni wettqet ukoll stħarriġ fost il-pajjiżi tal-UE 12 u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li għandhom interess fil-politika dwar id-drogi 13 . Dan ir-rapport jiffoka fuq il-prestazzjoni tal-istrateġija tal-UE dwar id-Drogi u l-Pjan ta’ Azzjoni.

3.Tnaqqis tad-domanda għad-drogi

Prevenzjoni

Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2014 dwar iż-żgħażagħ u d-drogi 14 , l-esperimentazzjoni bid-droga spiss tibda matul is-snin skolastiċi: huwa stmat li wieħed minn kull erba’ żgħażagħ bejn il-15 u s-16-il-sena użaw xi droga illeċita 15 . Is-sensibilizzazzjoni u l-konsulenza jibqgħu l-attivitajiet l-aktar komuni ta’ prevenzjoni użati biex jilħqu żgħażagħ li huma kkunsidrati fir-riskju ta’ abbuż ta' sustanzi, bħal studenti tal-iskola bi problemi akkademiċi u soċjali 16 . Fl-2013, anqas minn nofs il-pajjiżi tal-UE rrapportaw lill-EMCDDA li fl-iskejjel kienu implimentataw għal kollox il-politiki dwar id-drogi. Madankollu, kampanji ta’ informazzjoni ġenerali fl-iskejjel dwar l-abbuż tad-droga huma rrapportati li huma disponibbli b’mod wiesa’ fl-UE 17 . Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE irrapportaw li kellhom programmi speċifiċi u / jew miżuri mmirati biex jittardjaw tal-ewwel użu ta’ drogi illeċiti fil-perjodu 2013-2014. 

Eżempju

Il-Grupp Mondorf, grupp kollaborattiv fosthom il-Lussemburgu u r-reġjuni fil-konfini tagħha minn Franza, il-Ġermanja u l-Belġju, organizza attivitajiet ta’ prevenzjoni billi għaqqad approċċ iċċentrat mhux fuq id-droga ma' komponenti interkulturali u qed jorganizza attivitajiet ta’ divertiment għaż-żgħażagħ ibbażati fuq il-kunċett ta’ “pedagoġija tal-avventura”. L-għan ewlieni tal-attivitajiet huwa li jipprovdu l-opportunità biex iż-żgħażagħ jagħmlu esperjenza tad-dinamika tal-grupp, il-ġestjoni tal-kunflitti, il-valutazzjoni tal-limiti u tar-riskji kif ukoll tas-sens ta’ solidarjetà fi grupp ta’ persuni li huma soċjalment u kulturalment differenti.

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, fosthom is-soċjetà ċivili, irrappurtaw li organizzaw inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji u l-konsegwenzi tal-użu ta’ drogi illeċiti u sustanzi psikoattivi ġodda oħra.

Il-pajjiżi kollha tal-UE rrapportaw li kienu implimentaw miżuri ta’ prevenzjoni. Ħafna Stati Membri tal-UE jorganizzaw programmi ta’ prevenzjoni universali u ftit minnhom jirrapportaw li jimplimentaw programmi ta’ prevenzjoni selettivi 18 u indikati 19 . Nofs l-Istati Membri tal-UE rrapportaw li organizzaw kampanji kontra d-drogi f’ambjenti rikreattivi bħal festivals tal-mużika, festi, u postijiet ta' divertiment bil-lejl u clubs. Il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE ddikjaraw li d-disponibbiltà ta’ tali miżuri tjiebet jew baqgħet stabbli fl-2013 u l-2014. Xi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili madankollu, indikaw tnaqqis fl-infiq pubbliku f’dan il-qasam minħabba limitazzjonijiet baġitarji.

L-użu ħażin ta’ u d-dipendenza fuq mediċini bir-riċetta

L-użu ħażin u d-dipendenza fuq il-mediċini bir-riċetta fl-UE jeħtieġlu aktar xogħol u analiżi. Il-benżodiażepini 20 huma ta’ sikwit użati ħażin minn dawk li jużaw l-oppjojdi b'riskju għoli u huma assoċjati mal-morbożità u l-mortalità f’dan il-grupp 21 . Huwa maħsub li l-oppjojdi analġeżiċi u anestetiċi 22 , mediċini preskritti primarjament għall-effetti psikoattivi tagħhom u bħala mediċina ta' sostituzzjoni għat-trattament tad-dipendenza, x’aktarx jiġu użati ħażin. Madankollu, ftit li xejn hemm dejta disponibbli fil-pajjiżi tal-UE biex tinkiseb stima sħiħa tal-użu ħażin, li qed iseħħ f’diversi kuntesti, fl-UE kollha. Għalhekk, l-iskala tal-problema u r-rispons fl-UE jeħtieġ li jiġu rfinuti aktar sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-ġejjieni.

Trattament

Fl-2013 u l-2014 servizzi ta' trattament integrat 23 b’kopertura tajba kienu disponibbli fl-Istati Membri kollha tal-UE. Nofs il-pajjiżi tal-UE kkunsidraw li ma kien hemm l-ebda bidla maġġuri fid-disponibbiltà tas-servizzi ta’ trattament fl-2013-2014 f’pajjiżhom; il-maġġoranza tal-kumplament tal-pajjiżi tal-UE kkunsidraw li din id-disponibbiltà żdiedet. Min-naħa l-oħra, xi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jsostnu li d-disponibbiltà ta’ servizzi ta’ trattament naqset minħabba tnaqqis fil-baġit.

Fl-2013-2014 firxa wiesgħa ta’ servizzi ta’ trattament komprensivi u integrati kienu jeżistu fil-pajjiżi tal-UE. Nofs l-Istati Membri tal-UE rrapportaw li dawn it-trattamenti ma ġewx iddiversifikati fl-2013 u l-2014 meta mqabbla mas-snin preċedenti.

Eżempju

It-trattament għad-drogi fl-Ingilterra huwa aċċessibbli ħafna. L-aktar dejta reċenti għat-trattamenti (għall-2013-14) turi li 98 % tal-persuni riferuti għal trattament bdewh f’anqas minn tliet ġimgħat. Il-perjodi ta’ stennija huma baxxi — madwar tlett ijiem biex jibda t-trattament. Titjib fis-sistema ta’ trattament fuq perjodu ta' 10 snin, irriżulta fiż-żmien ta’ stennija naqas minn xahrejn fl-2001 għal tlett ijiem biss fl-2013-14.

Il-parti l-kbira tat-trattament tad-droga fl-Ewropa jingħata f’kuntest ta’ kura outpatient 24 . Wieħed minn 10 tat-trattamenti għad-drogi jingħata lil pazjenti li jiddaħħlu l-isptar jew f'ċentri speċjalizzati 25 .

Servizzi ta’ riabilitazzjoni / irkupru li żviluppaw fl-2013 u l-2014 iżda kważi nofs il-pajjiżi tal-UE ma rrapportaw l-ebda espansjoni f’servizzi bħal dawn. Bl-istess mod, bosta rappreżentanti tas-soċjetà ċivili rrapportaw li ma kien hemm l-ebda espansjoni fis-servizzi ta’ riabilitazzjoni / irkupru fil-pajjiżhom fl-2013 u l-2014.

Tnaqqis ta' riskju u dannu

Sal-2013 il-pajjiżi kollha tal-UE kienu adottaw objettivi ta’ politika tas-saħħa pubblika biex jipprevjenu u jnaqqsu l-ħsara marbuta mas-saħħa assoċjata mad-dipendenza mid-droga 26 . Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE rrapportaw li fl-2013 u l-2014 ħadu azzjoni speċifika biex jiżguraw id-disponibbiltà ta’ miżuri ta’ tnaqqis riskji u danni bbażati fuq l-evidenza, kif ukoll l-aċċess għalihom.

Eżempju

F’Ċipru, programm b’aċċess faċli 27 stabbilit fl-2013, implimenta l-ewwel programm “snowball” fuq bażi pilota fl-2014. Ġew reklutati persuni li jinjettaw id-droga (Injection Drug Users - IDU) attwalment u fil-passat u dawn ħadu sehem f’taħriġ li kien jinkludi informazzjoni dwar l-HIV / AIDS, l-Epatite, it-Tuberkulożi, it-teknika tal-Ewwel Għajnuna, Sess aktar Sigur u Użu tad-Droga aktar Sigur. Wara t-taħriġ, kull parteċipant irreklutat tliet IDU oħra u qasam magħhom l-għarfien miksub matul it-taħriġ kif ukoll id-dejta miġbura dwar l-imġiba ta’ riskju għoli fl-użu tad-drogi permezz ta’ kwestjonarju.

Il-pajjiżi kollha tal-UE għandhom fis-seħħ terapija ta' sostituzzjoni bl-oppjojdi (opioid substitution treatment - OST) u programmi ta’ labar u siringi bħala miżuri ċentrali biex jiġu evitati u kkontrollati l-infezzjonijiet fost dawk li jinjettaw id-drogi u l-kopertura taż-żewġ programmi żdiedet b’mod konsiderevoli. Madankollu, fl-2013, il-programmi ta’ labar u siringi kienu għadhom 'l bogħod minn kopertura sħiħa fil-pajjiżi kollha u speċjalment fil-ħabsijiet 28 . Diversi pajjiżi rrapportaw ukoll tnaqqis fis-servizzi ta’ tnaqqis ta’ ħsara f’dawn l-aħħar snin, u xi pajjiżi għandhom biss għadd limitat ta’ dispożizzjonijiet ta’ dawn is-servizzi 29 .

Eżempju

Fir-Repubblika Ċeka, l-aċċessibbiltà ta’ trattament ta’ sostituzzjoni hija limitata. Il-metadon huwa mingħajr ħlas għall-pazjenti, iżda huwa disponibbli biss f’madwar 10 ċentri speċjalizzati. Il-maġġoranza tal-pazjenti tal-OST huma fuq il-buprenorfina, li, madankollu, fil-prattika mhijiex koperta minn assigurazzjoni medika u l-maġġoranza l-pazjenti jkollhom iħallsu prezz għoli ħafna għall-medikazzjoni tagħhom (bejn wieħed u ieħor nofs salarju mensili medju fix-xahar). Dan jixpruna s-suq illeċitu tal-buprenorfina.

Ftit pajjiżi jipprovdu faċilitajiet tal-konsum tad-droga 30 taħt superviżjoni u xi pajjiżi tal-UE jipprovdu wkoll programmi tan-naloxone għall-konsum fid-dar 31 .

Għalkemm sar progress f’dawn l-aħħar snin, l-użu tad-droga li jirriżulta f’overdose jew mard relatat mad-droga, inċidenti, vjolenza u suwiċidju għadu wieħed mill-kawżi ewlenin ta’ mortalità li tista' tiġi evitata fost iż-żgħażagħ fl-UE. L-għadd stmat ta’ mwiet fl-UE minn overdose ta' droga kien biss minimu ta’ 5 800 fl-2013 32 . Mill-2003 'l hawn, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ma setgħux inaqqsu l-għadd ta’ mwiet minn overdoses. Madankollu, ta’ min jinnota li b’mod ġenerali, il-kopertura u d-disponibbiltà ta’ miżuri ta’ tnaqqis tal-ħsara fl-UE jidher li huma assoċjati ma’ tnaqqis fil-livelli ta’ overdoses rappurtati. L-infezzjonijiet tal-HIV fost min jinjetta d-droga naqas fl-2013. Madankollu, ir-rati ta’ infezzjoni ta’ Epatite C kienu għadhom għoljin f’ħafna pajjiżi 33 .

L-użu tad-drogi fil-ħabsijiet

L-użu tad-droga huwa ogħla fost il-priġunieri milli fost il-popolazzjoni ġenerali. Fl-2013 u l-2014, bosta pajjiżi tal-UE kellhom fis-seħħ politiki tal-kura tas-saħħa għal dawk li jieħdu d-droga matul il-perjodu ta’ priġunerija. Aktar minn nofs dawn il-pajjiżi qed jippjanaw ukoll li jżidu l-miżuri eżistenti sa tmiem l-2016 u l-maġġoranza ta’ dawk li bħalissa ma jimplimentawx miżuri bħal dawn, qed jippjanaw li jibdew jagħmlu dan sa din l-istess data.

Fl-2013 u l-2014, is-servizzi tal-ħabs u dawk ibbażati fil-komunità pprovdew kontinwità ta’ kura għal dawk li jieħdu d-droga f’aktar minn nofs l-Istati Membri tal-UE b’enfasi partikolari biex jiġu evitati l-overdoses 34 .

Fl-2013, kien irrapurtat li t-terapija ta' sostituzzjoni bl-oppjojdi kienet disponibbli fil-ħabsijiet fil-maġġoranza kbira tal-pajjiżi tal-UE 35 . Madankollu, f’xi pajjiżi dan it-trattament fil-ħabs kien limitat għal persuni li diġà kellhom riċetta qabel daħlu l-ħabs.

Fl-2013 u l-2014 ftit pajjiżi biss kellhom fis-seħħ finanzjament speċifiku għal attivitajiet ta’ tnaqqis tad-domanda għad-drogi. Ħafna drabi l-baġit għal dawn l-attivitajiet huwa inkorporat f’oqsma relatati, bħas-saħħa, l-edukazzjoni u l-benessri.

4.Tnaqqis fil-provvista tad-drogi

L-Europol tirrapporta li t-traffikar tad-droga kien l-akbar qasam tal-kriminalità fl-2013 u l-2014 f’termini ta’ każijiet mibdija u l-fluss ta’ informazzjoni. Madwar 230 000 reat ta' forniment ta' droga ġew irrapportati fl-2013, li 57 % minnhom kienu relatati mal-kannabis 36 . Aktar minn 1 600 każ ġdid relatat mad-droga infetħu fl-2014 fl-UE immirati lejn gruppi ta’ kriminalità organizzata li jittraffikaw il-kokaina, l-eroina, id-drogi sintetiċi u l-kannabis 37 .

Fl-2014, 101 sustanza psikoattiva ġdida ġew irrapportati għall-ewwel darba fl-UE, meta mqabbla ma’ 41 fl-2010. Aktar minn 450 bħalissa qed jiġu mmonitorjati mill-EMCDDA. Fl-2013, saru 33 000 sekwestru ta’ sustanzi psikoattivi ġodda, li jammontaw għal aktar minn 2,3 tunnellata metrika. Il-produzzjoni ta’ tali sustanzi, fosthom għall-produzzjoni tal-pilloli, l-ippakkjar u t-tikkettar, kulma jmur qed iseħħ fl-UE 38 , iżda dawn qed jiddaħħlu wkoll fl-Ewropa minn pajjiżi li mhumiex fl-UE. L-Istati Membri tal-UE jirrapportaw li ċ-Ċina kienet is-sors prinċipali ta’ sustanzi psikoattivi ġodda mwassla fl-Ewropa fl-2014.

Fl-2013 u l-2014, l-EMCDDA ħareġ 182 notifika formali dwar sustanzi psikoattivi ġodda u 32 twissija u parir tas-saħħa pubblika lin-Netwerk tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija. Ħafna minn dawn kienu jikkonċernaw avvenimenti avversi serji, b’mod partikolari mwiet, u / jew tal-perikli li kellhom il-potenzjal li jikkawżaw ħsara serja. F’dan il-perjodu, l-EMCDDA u l-Europol wettaqu seba’ valutazzjonijiet tar-riskju fuq sustanzi psikoattivi ġodda li huma ta’ tħassib għas-saħħa. Fuq din il-bażi 39 fl-2013 l-Kummissjoni ppreżentat proposti lill-Kunsill biex jagħmel żewġ sustanzi soġġetti għal kontrolli fl-UE kollha, b’sitt oħra fl-2014 40 . Il-proposti kollha tal-Kummissjoni ġew adottati mill-Kunsill, wara li l-Parlament Ewropew ta opinjoni pożittiva 41 .

Minħabba l-kobor tat-theddida minn sustanzi psikoattivi ġodda, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew kellhom jiddeċiedu dwar sistema ġdida, aktar rapida u aktar effikaċi biex jiġu indirizzati t-theddidiet. F’Settembru 2013, il-Kummissjoni adottat pakkett leġiżlattiv 42 biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Minn dak iż-żmien l-pakkett kien is-suġġett ta' diskussjonijiet mill-koleġiżlaturi.

Fl-2013 u l-2014 l-EMCDDA ħadem mal-pajjiżi tal-UE biex jikseb dejta preċiża, kredibbli, komparabbli u ta’ kwalità għolja madwar l-UE dwar il-forniment tad-drogi. Dan se jippermetti li ssir valutazzjoni tas-sitwazzjoni u l-effikaċja ta’ politiki mmirati lejn it-tnaqqis tal-provvista. Id-dejta se tinġabar fuq bażi pilota fl-2015.

L-għadd ta’ każijiet ta’ traffikar tad-droga riferuti lill-Eurojust żdied biss bi ftit fl-2014 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Proġett immexxi mill-EUROJUST dwar it-traffikar tad-droga fl-2014 sab li d-differenzi fir-regoli sostantivi u proċedurali fil-pajjiżi tal-UE kienu ostakolu kbir fl-investigazzjonijiet tat-traffikar tad-droga u fl-identifikazzjoni, ir-rintraċċar u l-irkupru ta’ assi li ġejjin minn attivitajiet ta’ kriminalità organizzata transfruntiera. Il-proġett sab ukoll li sar ftit li xejn użu minn ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska f’każijiet ta’ traffikar tad-droga 43 . Fl-2013 u l-2014, il-maġġoranza ta’ pajjiżi tal-UE daħħlu fis-seħħ inizjattivi kontra t-traffikar transfruntier u li jsaħħu s-sigurtà ma’ Stati Membri oħra.

Fl-2013 u l-2014, is-CEPOL organizza taħriġ dwar id-drogi u kwistjonijiet relatati mad-droga għal kważi 1 300 parteċipant minn pajjiżi tal-UE, pajjiżi assoċjati, pajjiżi kandidati u l-aġenziji tal-UE. Ftit aktar minn nofs il-pajjiżi tal-UE rrapportaw kooperazzjoni tajba rigward kwistjonijiet relatati mad-droga bejn l-unitajiet tal-infurzar tal-liġi u l-korpi rilevanti 44 , għalkemm mhux kollha għandhom memoranda ta’ qbil fis-seħħ biex jifformalizzaw il-kooperazzjoni.

Fl-2013 kien hemm total ta’ 846 każ ta’ sekwestri u kunsinni bil-baħar imwaqqfa ta’ prekursuri intenzjonati għal użu illeċitu tad-droga; Fl-2014 kien hemm 628 każ 45 .

Bosta pajjiżi tal-UE jiġbru l-ħiliet tagħhom ta’ infurzar fiċ-Ċentru għall-Analiżi u l-Operazzjonijiet Marittimi (Narkotiċi) (MAOC-N) sabiex jinterċettaw kunsinni bil-baħar ta' droga fl-Oċean Atlantiku b’mod partikolari. Sa minn meta twaqqaf, iċ-Ċentru kkoordina l-interdizzjoni ta' aktar minn 120 bastiment u l-qbid ta' aktar minn 100 tunnellata metrika ta' kokaina u 300 tunnellata metrika ta' kannabis bil-valur kummerċjali għall-konsumatur fl-UE ta' EUR 8 biljun. L-attivitajiet taċ-Ċentru għandhom ukoll is-sostenn tal-fondi tal-UE.

Fl-2013 u l-2014 is-sistema legali f’ħafna mill-pajjiżi tal-UE pprovdiet għal alternattivi għas-sanzjonijiet koerċittivi kontra min jagħmel reat bl-użu tad-droga. Kważi dawk pajjiżi tal-UE kollha pprovdew għal trattament u riabilitazzjoni, filwaqt li nofs ipprovdew għal edukazzjoni, kura ta’ segwitu u integrazzjoni soċjali.

Eżempju

Fil-Portugall, liġi fis-seħħ minn Lulju 2001, iddekriminalizzat l-użu illeċitu tad-drogi u atti relatati, iżda tikkunsidra l-użu tad-droga bħala aġir illeċitu. Huwa reat li wieħed ikollu drogi fi kwantità akbar mill-medja tal-konsum individwali matul perjodu ta’ għaxart ijiem. Madankollu, persuna li tinqabad fil-pussess ta’ kwantità inferjuri, mingħajr xi suspett li hija involuti fit-traffikar tad-drogi, tiġi evalwata minn Kummissjoni lokali għad-Dissważjoni tal-Vizzju tad-Droga, magħmula minn avukat, tabib u assistent soċjali. Sanzjonijiet amministrattivi jistgħu jiġu applikati, iżda, li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jiffaċilitaw l-aċċess għat-trattament u r-ritorn għal ħajja fis-saħħa u fis-soċjetà. Dawn il-Kummissjonijiet jaġixxu bħala “t-tieni linja” ta’ interventi preventivi, billi jevalwaw iċ-ċirkustanzi personali ta’ dawk li jieħdu d-droga li jiġu riferuti mill-pulizija u jidderiġuhom lejn risponsi xierqa.

Sfida oħra hija l-emerġenza tal-internet bħala suq onlajn għad-drogi. Aktar minn nofs il-pajjiżi tal-UE mmiraw speċifikament il-kriminalità relatata mad-droga fuq l-internet, u għadd minnhom immiraw siti elettroniċi li jintużaw għall-bejgħ tad-drogi sintetiċi. L-Eurojust u l-Europol irrapportaw ukoll li wettqu diversi azzjonijiet li jindirizzaw reati marbuta mad-droga fuq l-internet.

Eżempju

Fil-Ġermanja, l-Uffiċċju Federali tal-Pulizija Kriminali (BKA) osserva żieda fil-bejgħ tan-narkotiċi ta’ kull tip permezz tal-Internet. Il-fowkus ewlieni jinsab fid-drogi sintetiċi. Barra minn hekk il-kummerċ tad-drogi qed jiċċaqlaq dejjem aktar mill-internet legali (Clear Web) għall-hekk imsejjaħ Darknet. Għalhekk iseħħu l-anonimizzazzjoni u l-enkowdjar, li jagħmluha diffiċli ħafna biex jiġu identifikati l-amministraturi, il-bejjiegħa u l-akkwirenti. Barra minn hekk, l-użu ta’ muniti virtwali bħal Bitcoin, joffru aktar l-anonimità għall-utenti. Minħabba dan il-fenomenu dejjem jikber, fil-15 ta' Novembru 2014 il-BKA stabbilixxa grupp ta’ ħidma biex jindirizza “t-traffikar tad-drogi permezz tal-internet”. Il-grupp ta’ ħidma bħalissa jikkonsisti minn 2,5 membri tal-persunal.

Xi pajjiżi biss kellhom finanzjament speċifiku fis-seħħ fl-2013 u fl-2014 għal attivitajiet tat-tnaqqis fil-provvista tad-droga. Normalment il-baġit għal dawn l-attivitajiet ikun inkorporat f’oqsma relatati bħall-baġit ġenerali tal-pulizija kriminali.

5.Koordinazzjoni

Rispons effettiv għan-natura intersettorjali tal-problema tad-droga teħtieġ koordinazzjoni bejn l-oqsma differenti ta’ politika fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE.

Il-Kunsill għandu grupp ta’ ħidma speċifiku biex jiġu ttrattati l-kwistjonijiet relatati mad-drogi fl-oqsma kollha. F'dan il-grupp, il-Presidenzi tal-Kunsill qegħdin jimxu ma' aġenda li ssegwi mill-qrib il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra d-Droga. Madankollu, xi pajjiżi tal-UE ħassew li mhux l-azzjonijiet kollha kienu qed jiġu indirizzati fuq bażi sistematika. Il-Presidenzi b’rotazzjoni tal-Kunsill għamlu wkoll sforzi biex jistabbilixxu rabtiet aktar mill-qrib u l-qsim ta’ informazzjoni ma’ gruppi ta’ ħidma oħrajn li jittrattaw l-infurzar tal-liġi.

Kważi l-Istati Membri kollha tal-UE jgħidu li huma jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom fi gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill tal-UE dwar kwistjonijiet relatati mad-droga mal-partijiet relevanti kollha fil-livell nazzjonali.

Fl-2013, apparti minn pajjiż wieħed li għandu approċċ ibbażat fuq ir-reġjuni, il-pajjiżi kollha tal-UE kellhom fis-seħħ strateġiji nazzjonali dwar id-drogi. Filwaqt li maġġoranza tal-istrateġiji kienu speċifikament iffukati fuq drogi illeċiti, f’xi pajjiżi tal-UE id-drogi huma inklużi f'politiki usa’ dwar id-dipendenza li jinkludu t-tabakk, l-alkoħol u xi drabi, imġiba oħra ta' dipendenza. F’dawn l-aħħar snin, għadd dejjem jikber ta’ pajjiżi wettqu evalwazzjoni finali tal-istrateġija tad-drogi u l-pjan ta’ azzjoni tagħhom 46 . L-Istati Membri kollha tal-UE rrapportaw li fl-2013-2014 l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili 47 kienu involuti fl-iżvilupp, il-monitoraġġ u / jew l-evalwazzjoni ta’ politika nazzjonali dwar id-drogi tagħhom.

Eżempju

Fis-Slovakkja, l-NGOs għandhom ir-rappreżentant tagħhom (deputat governattiv) fil-korp ewlieni ta’ koordinazzjoni li huwa l-Kunsill tal-Gvern tar-Repubblika Slovakka għall-Politika dwar id-Drogi) li għandu d-dritt li jistieden rappreżentanti għal-laqgħat tal-Kunsill u punti partikolari fl-aġenda tad-diskussjoni. Barra minn hekk, matul il-preparazzjoni ta’ dokumenti strateġiċi ġodda (strateġija, pjanijiet ta’ azzjoni), ir-rappreżentanti tal-NGOs huma mitluba jippreżentaw l-ideat tagħhom, jew permezz tad-deputat governattiv, jew direttament. Huma għandhom ukoll il-kompetenza legali biex jagħtu l-kummenti u s-suġġerimenti tagħhom fil-proċedura ta’ approvazzjoni tad-dokumenti. Ir-rimarki u s-suġġerimenti tagħhom iridu jiġu diskussi u dawk l-aktar raġonevoli għandhom jiġu kkunsidrati; kwalunkwe diskrepanza għandha tiġi evitata, inkella l-proċedura ta’ approvazzjoni tista’ titwaqqaf.

Maġġoranza tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili kkonfermaw li kienu involuti fl-iżvilupp, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ politika dwar id-droga f'pajjiżhom fl-2013-2014, għalkemm xi wħud qalu wkoll li ma kien hemm l-ebda djalogu strutturat fis-seħħ rigward dan. Filwaqt li bosta rappreżentanti tas-soċjetà ċivili qiesu li din it-tip ta’ kooperazzjoni li kellhom kienu fil-livell nazzjonali kienet utli, ftit semmew li ma kien hemm l-ebda rwol għas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politiki dwar id-drogi fil-pajjiżi tagħhom. Fil-livell tal-UE, jeżisti djalogu strutturat bejn il-Kummissjoni u s-soċjetà ċivili permezz ta’ Forum tas-Soċjetà Ċivili dwar id-Drogi, li jipprovdi pariri li jappoġġaw il-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika.

Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili kienu kkunsidraw li fl-2013 u l-2014 ma hemmx riżorsi biżżejjed allokati fuq livell nazzjonali biex jissodisfaw l-prijoritajiet tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi. Ħafna NGOs irrapportaw ukoll tnaqqis baġitarju.

Evidenza ta’ nefqa pubblika relatata mad-drogi f’livell nazzjonali għadha skarsa. Għad-19-il pajjiż li pproduċew stimi f’dawn l-aħħar 10 snin, l-infiq huwa stmat bejn 0,01 % u 0,5 % tal-PDG, bil-kura tas-saħħa tirrappreżenta bejn 24 % u 73 % tan-nefqa kollha marbuta mad-drogi 48 .

6.Kooperazzjoni internazzjonali

Fil-livell internazzjonali, għan importanti minqux fl-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi huwa li l-UE titkellem b’vuċi waħda fl-arena internazzjonali u mal-pajjiżi sħab. Fl-2013 u l-2014, l-UE ġeneralment irnexxielha tippreżenta pożizzjoni koordinata fil-laqgħat internazzjonali. Għalkemm ittieħdu passi biex tinkiseb sinkronizzazzjoni akbar tal-UE fl-istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni aħjar bejn id-delegazzjonijiet tal-Kunsill tan-NU fi Vjenna u l-Grupp Orizzontali dwar id-Drogi fi Brussell.

Tħejjew il-pożizzjonijiet tal-UE għal-laqgħat fin-NU u f’fora internazzjonali oħra li jittrattaw kwistjonijiet relatati mad-drogi. Pożizzjoni komuni tal-UE qiegħed titħejja għall-UNGASS 2016.

L-UE għandha kooperazzjoni li tmur lura fiż-żmien ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE bħall-Istati Uniti, pajjiżi fl-Amerika Latina, il-Karibew, l-Asja Ċentrali u l-Balkani tal-Punent, ir-Russja u l-pajjiżi Ewropej tal-Viċinat, li magħhom ikollha laqgħat regolari tal-esperti dwar id-drogi. Hija għandha wkoll ftehimiet speċifiċi dwar il-kooperazzjoni rigward il-kontroll tal-prekursuri tad-droga ma' 11-il pajjiżi bħaċ-Ċina, l-Istati Uniti u l-Messiku. F'dawn il-ftehimiet isiru laqgħat tal-esperti fuq bażi regolari, l-aktar fuq bażi annwali.

Fl-2013 u l-2014 il-kooperazzjoni mal-pajjiżi Ewropej tal-Viċinat u r-Russja kienu ffukaw fuq it-tnaqqis tal-provvista tad-drogi iżda l-kooperazzjoni kienet inqas dinamika milli fil-passat. Dan kien probabbilment ukoll minħabba s-sitwazzjoni diffiċli tas-sigurtà tul il-fruntiera tal-Lvant tal-Ewropa. L-emerġenza fil-pajjiżi tat-tkabbir ta’ strateġiji nazzjonali dwar id-drogi skont l-Istrateġija u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi tirrappreżenta progress sinifikanti 49 . Il-mekkaniżmu UE-CELAC 50 għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni dwar id-Drogi u l-grupp ta' segwitu dwar il-prekursuri 51 kellhom laqgħat iffukati fuq l-indirizzar tal-problema tad-droga fid-dinja. Il-politika tal-UE dwar id-drogi fir-reġjun tal-Amerika Latina hija appoġġjata wkoll minn għadd ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni reġjonali u bilaterali 52 . Id-djalogi bejn l-UE u l-Istati Uniti ffukaw fuq suġġetti bħalma huma: il-ġestjoni ta' sustanzi psikoattivi ġodda, l-abbuż ta’ mediċini bir-riċetta u t-tħejjija għall-UNGASS 2016.

L-approċċ li jieħdu l-programmi ta’ kooperazzjoni esterna tal-UE dwar id-drogi għandu l-għan li jindirizza l-provvista tad-droga u d-domanda għaliha b’mod bilanċjat, filwaqt li jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem.

Uħud mill-ikbar proġetti relatati mad-drogi ffinanzjati mill-UE fl-2013 u l-2014 kienu jinkludu:

COPOLAD, programm ta’ kooperazzjoni reġjonali mal-Amerika Latina dwar politiki dwar id-drogi 53 ;

il-Programm dwar ir-Rotta tal-Kokaina 54 li hu attiv fi 38 pajjiż fl-Afrika tal-Punent, l-Amerika Latina u l-Karibew;

il-Programm dwar ir-Rotta tal-Eroina 55  

il-Programm ta’ Azzjoni kontra d-Drogi fl-Asja Ċentrali (Central Asia Drug Action Programme, CADAP) 56  

BOMCA 8 57 , attiv ukoll fl-Asja Ċentrali. 

L-UE qed tiżviluppa wkoll kooperazzjoni mal-Afrika tal-Punent fejn qed tipprovdi appoġġ għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni reġjonali tal-ECOWAS 58 dwar it-traffikar illeċitu tad-drogi, il-kriminalità organizzata relatata u l-abbuż tad-drogi.

L-UE ilha żmien twil tappoġġa proġetti u programmi tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità (UNODC). L-UE tiffinanzja diversi proġetti u programmi fil-ġlieda dinjija kontra t-traffikar tad-droga li bejniethom jipprovdu finanzjament totali ta’ EUR 73 miljun.

Eżempju

Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Latina hija definita wkoll permezz ta’ COPOLAD, programm ta’ kooperazzjoni reġjonali dwar politiki tad-drogi li jimmira li jtejjeb il-bilanċ, il-koerenza u l-impatt tal-politiki tad-droga fl-Amerika Latina kif ukoll permezz tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni UE-CELAC dwar id-drogi. B’mod speċifiku, il-programm għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet u li jħeġġeġ l-istadji differenti tal-proċess ta’ żvilupp tal-politika tad-droga fil-pajjiżi tal-Amerika Latina. Skont l-aġenziji nazzjonali tad-drogi fl-Amerika Latina, COPOLAD għen biex jissaħħaħ it-tibdil fil-mod kif wieħed iħares lejn il-politiki tad-drogi, huwa għen biex jinbidlu l-paradigmi u għen biex tiġi enfasizzata l-ħtieġa għal: approċċ ekwilibrat bejn it-tnaqqis fid-domanda għad-drogi u t-tnaqqis fil-provvista tad-drogi; politiki bbażati fuq l-evidenza; politiki bbażati fuq id-Drittijiet tal-Bniedem u l-prinċipji tas-Saħħa Pubblika; tingħata kunsiderazzjoni għall-kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi; l-introduzzjoni ta' ċerta aċċettabilità ta’ approċċi bbażati fuq it-Tnaqqis tal-Ħsara, li qabel kienu kompletament rifjutati.

Żvilupp alternattiv għandu l-għan li jagħti lill-bdiewa alternattiva legali u ekonomikament vijabbli minflok it-tkabbir ta' pjanti tad-drogi. Fir-rapportar tagħhom, ftit pajjiżi tal-UE qalu li ffinanzjaw programmi bħal dawn fir-reġjuni fejn kienet qed issir kultivazzjoni illeċita ta’ pjanti jew li kienu f’riskju ta’ kultivazzjoni illeċita tad-drogi fl-2013 u l-2014 59 .

Fl-2013-2014, inqas minn nofs il-pajjiżi tal-UE kienu involuti fl-għoti ta’ għajnuna lil pajjiżi mhux tal-UE, inkluż is-soċjetà ċivili f’dawk il-pajjiżi, biex jiġu żviluppati u implimentati inizjattivi li jnaqqsu r-riskji u d-danni 60 .

Fl-2013-2014 uħud mill-pajjiżi tal-UE ffinanzjaw proġetti u/jew programmi li kienu jindirizzaw il-kriminalità organizzata relatata mad-drogi f’pajjiżi mhux parti tal-UE 61 .

Fl-2013 u l-2014, nofs l-Istati Membri kollha tal-UE daħlu fi ftehimiet bilaterali, strateġiji ta’ kooperazzjoni u / jew pjanijiet ta’ azzjoni li jinkludi kooperazzjoni dwar id-drogi ma’ pajjiżi mhux tal-UE (prinċipalment mar-Russja, il-Balkani tal-Punent, il-Lvant Nofsani u l-Amerika Latina). L-aktar tipi komuni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali kienu dawk li jkopru l-koordinazzjoni, it-tnaqqis fid-domanda għad-drogi, it-tnaqqis fil-provvista tad-drogi, l-informazzjoni, l-evalwazzjoni, ir-riċerka u l-monitoraġġ u dawk li jkopru biss it-tnaqqis fil-provvista tad-droga.

7.Informazzjoni, riċerka, monitoraġġ u evalwazzjoni

Fl-2013 u l-2014, il-Kummissjoni pprovdiet kważi EUR 10 miljun f’finanzjament għal żewġ proġetti relatati mad-droga taħt il-programm tax-Xjenzi Soċjo-Ekonomiċi u l-Umanitajiet tas-seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka (FP 7). Il-proġetti kienu: Dipendenza u Stili ta' Ħajja fl-Ewropa Kontemporanja (ALICE RAP) u n-Netwerk taż-Żona Ewropea ta’ Riċerka dwar id-Drogi Illeċiti (ERANID). Is-sostenn ġenerali tal-FP 7 għar-riċerka dwar id-drogi illeċiti jammonta għal madwar EUR 60 miljun, inklużi wkoll studji dwar: min jinjetta d-droga f’koorti tal-l-epatite u nisa tqal infettati bl-HIV; alternattivi ta’ trattament innovattivi; u titjib fit-teknoloġiji ta’ identifikazzjoni ta' drogi illeċiti.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni pprovdiet ukoll aktar minn EUR 1,5 miljun f’finanzjament minn programmi finanzjarji oħrajn 62 għal proġetti relatati mar-riċerka fil-qasam tad-drogi.

Fl-2013 u l- 2014 twettqet riċerka essenzjali ġdida fil-pajjiżi tal-UE l-aktar fuq it-tnaqqis tad-domanda għad-droga u l-mard li jittieħed mid-demm relatat mal-użu tad-droga. Is-suġġetti ta' riċerka l-oħrajn li kienu l-aktar popolari kienu l-użu polidroga u l-abbuż ta’ mediċini kkontrollati bir-riċetta; il-problemi tad-droga fost il-priġunieri u d-disponibbiltà u l-kopertura tal-interventi u s-servizzi għat-tnaqqis tad-domanda għad-droga fil-ħabsijiet. F’xi pajjiżi, saret riċerka rigward it-tnaqqis fil-provvista tad-droga u komorbożità psikjatrika u fiżika.

Fl-2013 u l-2014 kważi l-pajjiżi kollha tal-UE bdew / implimentaw inizjattivi ta' taħriġ għall-professjonisti 63  f’aspetti tat-tnaqqis tad-domanda għad-droga u t-tnaqqis tal-provvista tad-droga. Nofshom bdew jew implimentaw ukoll inizjattivi ta' taħriġ għall-professjonisti fil-ġbir tad-dejta u r-rappurtar dwar it-tnaqqis fid-domanda għad-droga u t-tnaqqis fil-provvista tad-droga. Xi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kienu wkoll involuti f’inizjattivi ta’ taħriġ fil-livell nazzjonali jew tal-UE.

8.Konklużjonijiet

Id-drogi illeċiti huma problema soċjali kumplessa bi prezz uman u soċjali kbir ħafna. It-traffikar tad-droga huwa wieħed mill-aktar attivitajiet ta’ qliegħ għall-kriminalità organizzata. Għal diversi ta’ snin, l-UE għandha fis-seħħ politika li tfittex li jintlaħaq bilanċ bejn it-tnaqqis tad-domanda għad-droga u l-provvista tad-droga. Dan il-mudell huwa rikonoxxut bħala validu minn bosta partijiet ikkonċernati u minn pajjiżi mhux tal-UE.

L-UE għandha tibni fuq ir-relazzjonijiet eżistenti u djalogi ma’ pajjiżi mhux tal-UE biex jingħata impetu ġdid għall-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra d-drogi. Jekk l-UE trid li l-approċċ bilanċjat tagħha għall-problema tad-droga jiġi adottat madwar id-dinja, se jkollha bżonn kooperazzjoni msaħħa u mmirata ma’ pajjiżi mhux tal-UE u ma’ organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali. L-impenn u l-appoġġ tal-UE se jgħin lil pajjiżi mhux tal-UE biex jindirizzaw il-problemi tagħhom li jirrigwardaw id-drogi filwaqt li fl-istess ħin jgħin fit-tnaqqis tal-provvista tad-droga lejn l-UE.

Riskji ġodda jitfaċċaw regolarment. Wieħed minn dawn ir-riskji huwa ż-żieda ta’ sustanzi psikoattivi ġodda. Issa huwa importanti ħafna li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jilħqu ftehim biex jistabbilixxu sistema robusta u effettiva biex jiġi indirizzat it-theddid li ġej minn sustanzi psikoattivi ġodda madwar l-UE. Fl-istess ħin, huma meħtieġa sforzi biex tittejjeb il-kapaċità ta' klassifikazzjoni tas-sustanzi perikolużi f’livell internazzjonali bil-kooperazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

L-iżvilupp tal-internet bħala suq għad-drogi huwa sfida oħra li qed tiżviluppa. L-UE u l-komunità internazzjonali għandhom jindirizzaw dan l-aspett tal-problema tad-droga b’mod proattiv, flimkien mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-industrija, is-soċjetà ċivili u sħab oħrajn sabiex jinstabu modi effettivi li jipprevjenu t-traffikar tad-drogi fuq l-Internet.

Il-kannabis hija kkunsmata u ttraffikata ħafna fl-UE u prodotti kannabinojdi sintetiċi li tfaċċaw dan l-aħħar żiedu dimensjoni ġdida għal dan is-suq. Il-kannabis hija wkoll is-suġġett ta’ dibattitu intens fuq livell internazzjonali u fl-Ewropa, hekk kif żviluppi leġiżlattivi ġodda qed jiġu implimentati f’pajjiżi mhux tal-UE li jippermettu l-użu tagħha għal skopijiet ta’ rikreazzjoni. Huwa probabbli li dan id-dibattitu se jitkompla u jintensifika aktar l-attenzjoni fil-ġejjieni.

Għalkemm l-informazzjoni dwar l-infiq pubbliku fuq politiki relatati mad-droga fl-UE hija skarsa, ftit li xejn hemm dubju li l-kriżi ekonomika kellha impatt fuq kif il-pajjiżi tal-UE qed jindirizzaw din il-kwistjoni. Skont l-EMCDDA diversi Stati Membri tal-UE rrapportaw li naqqsu s-servizzi għat-tnaqqis tal-ħsara u / jew li għandhom fis-seħħ miżuri fuq skala żgħira biss. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ġibdu l-attenzjoni għal tnaqqis fil-baġits nazzjonali għall-prevenzjoni u t-trattament tad-droga.

L-isforzi tar-riċerka fil-qasam tad-droga ser jiġu segwiti fil-livell tal-UE. Orizzont 2020, il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u l-Programm dwar il-Ġustizzja (2014-2020) se jkunu l-istrumenti ewlenin biex titrawwem ir-riċerka tal-UE f’dan il-qasam.

Is-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2016 (UNGASS) dwar id-droga ser tkun pass importanti biex isir aktar żvilupp f'politika li għandha impatt fuq il-ħajja ta’ miljuni ta’ nies madwar id-dinja. Il-mudell li ser tippromwovi l-UE f’UNGASS huwa approċċ integrat u ekwilibrat, ibbażat fuq evidenza xjentifika. L-UE ser tuża wkoll l-okkażjoni biex issejjaħ għal politika tad-droga fil-livell internazzjonali li hija aktar umana u orjentata lejn is-saħħa pubblika. Huwa ta' importanza kbira li l-UE titkellem b’vuċi waħda fl-UNGASS.

Kif previst fl-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi, fl-2016 il-Kummissjoni Ewropea se tmexxi evalwazzjoni komprensiva tal-istrateġija dwar id-drogi u l-pjan ta’ azzjoni tagħha. L-evalwazzjoni se tikkunsidra l-impatt tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi kemm fl-UE kif ukoll barra minnha. Abbażi tar-riżultati tagħha, il-Kummissjoni se tiddeċiedi jekk għandhiex tippreżenta proposta għal Pjan ta’ Azzjoni ġdid għall-2017-2020.

(1)

EMCDDA, Rapport Ewropew dwar id-Drogi għall-2015

(2)

Rapportar tal-EMCDDA

(3)

COM(2015) 185

(4)

Rapport ġenerali dwar l-attivitajiet tal-Europol fl-2014

(5)

SOCTA Interim għall-2015: Aġġornament dwar il-Kriminalità Serja u Organizzata fl-UE, Europol, Marzu 2015

(6)

Rapport konġunt tal-EMCDDA u l-Europol: Rapport tal-UE dwar is-Suq tad-Drogi: analiżi strateġika, 2013

(7)

L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), World Drug Report 2015

(8)

Il-Konvenzjoni Unika dwar Drogi Narkotiċi tal-1961; il-Konvenzjoni dwar Sustanzi Psikotropiċi tal-1971 u l-Konvenzjoni kontra t-Traffiku Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi tal-1988

(9)

ĠU C 402, 29.12.2012, p. 1.

(10)

ĠU C 351, 30.11.2013, p. 1.

(11)

Huwa jiffoka wkoll fuq ir-riżultati ta’ stħarriġ li sar f’April 2015 mill-Presidenza tal-Kunsill fost l-Istati Membri dwar il-kwistjoni tal-abbuż ta’ u d-dipendenza fuq il-prodotti mediċinali. Għalkemm l-istħarriġ ma jiffurmax parti mill-perjodu 2013-2014, li r-riżultati tiegħu huma użati f’dan ir-rapport minħabba li juru l-istat attwali tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-azzjonijiet 4 u 50 tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi. Din il-qagħda attwali hija rilevanti wkoll għall-perjodu 2013-2014.

(12)

L-Istati Membri kollha wieġbu għall-istħarriġ

(13)

Organizzazzjonijiet minn Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall, Spanja, is-Slovenja u l-Iżvezja wieġbu għall-kwestjonarju. Xi wħud minn dawn l-organizzazzjonijiet huma organizzazzjonijiet netwerk / umbrella li jirrappreżentaw diversi organizzazzjonijiet oħra mill-istess pajjiż jew minn oħrajn, li huma attivi f’dan il-qasam.

(14)

Ewrobarometru Flash 401 tal-2014 “Iż-żgħażagħ u d-drogi”

(15)

http://www.emcdda.europa.eu/data/2014

(16)

Rapportar tal-EMCDDA

(17)

Abbuż tad-droga jinkludi l-alkoħol, it-tabakk u d-drogi. Informazzjoni pprovduta mill-EMCDDA:

(18)

Strateġiji ta' “prevenzjoni selettiva" jiffokaw fuq sottogruppi tal-popolazzjoni kollha li huma meqjusa bħala li jinsabu f’riskju ta’ abbuż mid-droga permezz tal-appartenenza tagħhom f'segment partikolari tal-popolazzjoni, pereżempju delinkwenti żgħar fl-età, dawk li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt, jew studenti li jkunu qed ifallu akkademikament. Gruppi ta’ riskju jistgħu jiġu identifikati fuq il-bażi ta’ fatturi ta' riskju ambjentali, soċjali jew demografiċi magħrufin li huma assoċjati ma’ abbuż ta' sustanzi, u sottogruppi fil-mira jistgħu jiġu definiti skont l-età, is-sess, l-istorja tal-familja jew il-post ta’ residenza bħal kwartieri mċaħħda jew dawk b’użu għoli jew traffikar tad-drogi.

(19)

“Il-prevenzjoni indikata” tindirizza individwi vulnerabbli u tgħinhom jindirizzaw u jkampaw ma' karatteristiċi tal-personalità individwali li jagħmluhom aktar vulnerabbli għall-użu tad-droga li qed jiżdied.

(20)

Il-benżodiażepini huma grupp komuni ta’ mediċini bir-riċetta b’firxa ta’ użi kliniċi, fosthom it-trattament tal-ansjetà u insomnja u l-ġestjoni tal-irtirar mill-alkoħol. Eżempji ta’ dawn il-mediċini huma: diazepam, clonazepam, alprazolam u oxazepam

(21)

  The misuse of benzodiazepines among high-risk opioid users in Europe. Rapport mill-EMCDDA, 2015

(22)

Li jinxtraw bir-riċetta u mingħajrha, jekk applikabbli

(23)

Skont l-azzjoni 5 tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi. Aktar dettalji jinstabu wkoll fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li hu anness

(24)

Outpatient huwa pazjent li ma jiddaħħalx l-isptar għal 24 siegħa jew aktar iżda li jżur sptar, klinika, jew faċilità assoċjati għal dijanjosi jew trattament. Dejta rrapportata mill-EMCDDA

(25)

Dan huwa l-każ minħabba li f’ħafna pajjiżi ċ-ċentri speċjalizzati jistgħu jippreskrivu terapija ta' sostituzzjoni bl-oppjojdi. Informazzjoni rrapportata mill-EMCDDA

(26)

Skont ir- Report on the current state of play of the 2003 Council Recommendation on the prevention and reduction of health-related harm, associated with drug dependence, in the EU and candidate countries , Gesundheit Oesterreich & Sogeti, 2013

(27)

Programmi bi threshold baxx huma programmi li l-eżiġenzi tagħhom fuq il-pazjent huma minimi, filwaqt li joffru servizzi mingħajr ma jippruvaw jikkontrollaw il-konsum tiegħu ta’ drogi, u jagħtu konsulenza biss jekk tintalab.

(28)

 Ibid. in-nota Nr 26 f’qiegħ il-paġna

(29)

Rapportar tal-EMCDDA

(30)

Tweġibiet għall-kwestjonarju ssupplimentati b’dejta mir-rapport tal-EMCDDA. Perspectives on drugs. Drug consumption rooms: an overview of provision and evidence ", 2015

(31)

Naloxone hija droga li tintuża biex jiġu miġġielda l-effetti tal-oppjojdi speċjalment f’każi ta' overdose. L-EMCDDA tirrapporta li xi programmi tan-naloxone huma żgħar u b'effett ta' żmien limitat. Pajjiż wieħed jipprovdi l-programmi ta' distribuzzjoni tan-naloxone għal utenti b’riskju għoli fil-komunità u għall-ħabsin hekk kif jinħelsu mill-ħabs.

(32)

Rapportar tal-EMCDDA

(33)

EMCDDA, Rapport tal-2015 dwar id-Drogi;

(34)

Għalkemm f’xi pajjiżi dan huwa biss minnu f’xi ħabsijiet

(35)

Skont l-EMCDDA

(36)

 Rapportar tal-EMCDDA

(37)

 Rapportar tal-Europol

(38)

 Ibid. in-nota Nr 4 f’qiegħ il-paġna

(39)

It-tmien valutazzjoni tar-riskju (dwar l-4-metamfetamina) saret mill-EMCDDA u l-Europol fl-2012

(40)

. Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1876 tat-8 ta' Ottubru 2015 li tissottoponi 5-(2-amminopropil)indol għal miżuri ta' kontroll; Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1874 tat-8 ta' Ottubru 2015 li tissottoponi lill-4-metilamfetammina għal miżuri ta' kontroll; Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1875 tat-8 ta' Ottubru 2015 li tissottoponi 4-iodjo-2,5-dimetossi-N-(2-metossibenzil)fenetilamina (25I-NBOMe), 3,4-dikloro-N-[[1-(dimetilamino)ċikloessil]metil]benzamida (AH-7921), 3,4-metilenediossipirovaleron (MDPV) u 2-(3-metossifenil)-2-(etilamino)ċikloessanon (metossetamina) għal miżuri ta' kontroll; Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1873 tat-8 ta' Ottubru 2015 li tissottoponi 4-metil-5-(4-metilfenil)-4,5-diidroossażol-2-ammina) (4,4′-DMAR) u 1-ċikloesil-4-(1,2-difeniletil) piperażina (MT-45) għal miżuri ta' kontroll

(41)

Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16.04.2015 fil-Kawżi C-317/13 u C-679/13 kienet tirrikjedi li l-Parlament Ewropew jiġi kkonsultat qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li jiġi pprojbiti sustanzi psikoattivi ġodda. Għalhekk, id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill kollha li kienu adottati jew kienu għadhom pendenti qabel is-Sentenza tal-Qorti kellhom jerġgħu jiġu adottati mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Dan seħħ f’Ottubru 2015.

(42)

Il-pakkett jinkludi: il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq sustanzi psikoattivi ġodda u l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi, rigward id-definizzjoni ta’ droga

(43)

Abbażi tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska (ĠU L 239M, 10.9.2010, p. 340–359 (MT - Edizzjoni Speċjali) u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/577/ĠAI tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (ĠU L 196, 02/08/2003 p. 45)

(44)

Bħal linji tal-ajru, couriers express bl-ajru, kumpaniji tat-tbaħħir, awtoritajiet ta’ portijiet u kumpaniji tal-kimiċi

(45)

Il-bażi tad-dejta tal-UE dwar il-prekursuri tad-droga

(46)

Rapportar tal-EMCDDA    

(47)

Jiġifieri fornituri tas-servizzi professjonali ta’ kontra d-droga; organizzazzjonijiet mhux governattivi attivi fil-qasam tal-politika tad-droga; organizzazzjonijiet mhux governattivi li jirrappreżentaw l-interessi ta’ partijiet ikkonċernati individwali fil-qasam tad-drogi (dawk li jieħdu d-droga/membri tal-familja eċċ.); il-Komunità xjentifika

(48)

Rapportar tal-EMCDDA

(49)

Fl-2013-2014 ġew adottati strateġiji ġodda / aġġornati fit-Turkija, il-Montenegro, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u s-Serbja.

(50)

Il-Komunità ta’ Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew

(51)

L-UE għandha seba’ ftehimiet speċifiċi dwar il-kontroll tal-prekursuri tad-drogi fl-Amerika Latina mal-Bolivja, iċ-Ċilì, il-Kolombja, l-Ekwador, il-Messiku, il-Perù u l-Venezwela

(52)

jiġifieri fil-Bolivja, il-Perù, il-Brażil, l-Ekwador, il-Kolombja

(53)

COPOLAD, li ġie varat fl-2010, ġie ffinanzjat kompletament mill-UE, b’baġit totali ta’ EUR 6,5 miljun. Fl-2014, COPOLAD ġie estiż (biex ikopri 2016-2019). Fit-tieni fażi, il-kontribuzzjoni tal-UE se tkun ta’ EUR 10 miljun. Il-kuntratt ta’ sovvenzjoni għall-implimentazzjoni tal-COPOLAD intrebaħ minn konsorzju mmexxi minn Spanja li jinkludi msieħba mill-Ewropa, l-Amerika Latina, entitajiet assoċjati mill-Costa Rica, il-Polonja, l-Ekwador, il-Messiku u r-Rumanija, CICAD (il-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar il-Kontroll tal-Abbuż tad-Droga), l-IDPC (International Drug Policy Consortium), l-EMCDDA (Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga), il-PAHO (Pan American Health Organisation) u RIOD (Red Iberoamericana de ONGs que trabajan en Drogodependencias) https://ec.europa.eu/europeaid/regions/latin-america/copolad-cooperation-programme-between-latin-america-and-european-union-drugs_en  

(54)

  http://www.cocaineroute.eu/  

(55)

  https://www.fight-trafficking.eu/  

(56)

Il-Konsorzju tal-UE huwa mmexxi mill-Ġermanja. Il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali koperti huma: il-Każakistan, il-Kirgistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, u l-Użbekistan. L-UE allokat EUR 20,7 miljun għall-programm 2001-13.

(57)

Il-Programm għall-Ġestjoni tal-Fruntieri fl-Asja Ċentrali. L-UE allokat EUR 33,6 miljun għal BOMCA għall-2003-14. Komponent wieħed kien jiffoka fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet kontra d-droga fl-aġenziji li jaħdmu fil-fruntieri

(58)

Economic Community of West African States

(59)

Il-benefiċjarji ewlenin kienu l-Afganistan, il-Mjanmar, il-Laos, il-Bolivja, il-Kolombja, il-Peru u l-Ekwador.

(60)

Il-benefiċjarji ewlenin kienu l-Amerika Latina, l-Asja Ċentrali u tax-Xlokk, il-pajjiżi Afrikani, il-Balkani tal-Punent, in-Nofsinhar tal-Mediterran u l-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant.

(61)

Il-benefiċjarji ewlenin kienu l-pajjiżi Afrikani, il-Karibew, l-Amerika t’Isfel, il-Balkani tal-Punent, l-Asja Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant.

(62)

Il-prevenzjoni ta’ u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità (ISEC), il-Programm ta’Prevenzjoni u Informazzjoni dwar id-Droga (Drug Prevention and Information Programme, DPIP) u l-Programm dwar il-Ġustizzja ffinanzjaw l-proġetti li ġejjin: LEADER dwar it-tisħiħ tal-analiżijiet ekonomiċi ta’ drogi illeċiti (Clinic Biomedical Research Foundation, Barċellona), ir-riċerka dwar it-trattament u l-prevenzjoni tal-Epatite C, (l-Università ta’ Bristol), CASSANDRA riċerka dwar il-katina ta’ provvista u d-diffużjoni ta' sustanzi psikoattivi ġodda (King’s College Londra), PREDICT – it-tbassir tar-riskju minn drogi emerġenti permezz tat-tossikoloġija in silico u klinika (l-Università ta ‘Maastricht).

(63)

Inkluż professjonisti fil-kura medika, NGOs, uffiċjali tal-pulizija, diplomatiċi, għalliema u edukaturi, assistenti soċjali, riċerkaturi u dawk li jfasslu l-politika, analisti tar-riskju, maniġers ta’ programmi ta’ riabilitazzjoni psikosoċjali, uffiċjali tad-dwana u klieb tad-dwana, imħallfin, avukati, amministraturi tal-ħabsijiet

Top