IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.11.2015
COM(2015) 573 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
L-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta' Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari
{SWD(2015) 244 final}
Werrej
1.Introduzzjoni
1.1.Skop tar-rapport
1.2.L-iżviluppi l-kbar minn mindu ġiet ippubblikata d-Direttiva 2009/71/EURATOM
1.3.L-istruttura tar-rapport u l-approċċ ġenerali
2.Ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni fir-rigward tal-qafas ġuridiku u l-awtorità regolatorja
3.Il-governanza tas-sikurezza nukleari
3.1.Qafas leġiżlattiv, regolatorju u organizzattiv (l-Artikolu 4)
3.2.Awtorità regolatorja kompetenti (l-Artikolu 5)
3.3.Informazzjoni lill-pubbliku (l-Artikolu 8)
3.4.Evalwazzjoni bejn il-pari internazzjonali tal-qafas nazzjonali (l-Artikolu 9(3))
3.5.Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri u aktar azzjoni mill-Kummissjoni
4.Is-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari (l-Artikoli 6 u 7)
4.1.Obbligi tad-detenturi tal-liċenzja (l-Artikolu 6)
4.2.Għarfien espert u ħiliet fis-sikurezza nukleari (l-Artikolu 7)
4.3.Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri u aktar azzjoni mill-Kummissjoni
5.Konklużjoni
1.Introduzzjoni
1.1.Skop tar-rapport
Skont l-Artikolu 9(2) tar-Direttiva 2009/71/EURATOM (id-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari), il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Id-Direttiva hija leġiżlazzjoni sekondarja tal-Artikolu 2(b) u tal-Artikolu 30 tat-Trattat tal-Euratom.
Dan ir-rapport huwa bbażat fuq ir-rapporti nazzjonali tal-Istati Membri skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva, li jirrikjedihom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha għall-ewwel darba qabel it-22 ta’ Lulju 2014. Ir-rapporti nazzjonali juru kif l-Istati Membri qed jindirizzaw l-objettivi tad-Direttiva u juru l-approċċi meħuda fil-livell nazzjonali.
L-adozzjoni mill-Kunsill tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari fil-25 ta’ Ġunju 2009 kien pass kbir ’il quddiem lejn il-ksib ta’ qafas ġuridiku komuni dwar is-sikurezza nukleari fl-Ewropa. Sa dak iż-żmien, is-sikurezza nukleari kienet irregolata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-konvenzjonijiet internazzjonali. Is-sistema eżistenti ġiet issupplimentata
bid-Direttiva,
li tat forza ġuridika vinkolanti lill-prinċipji tas-sikurezza nukleari internazzjonali ewlenin.
L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jinżamm u jiġi promoss it-titjib kontinwu tas-sikurezza nukleari. Din tirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu arranġamenti nazzjonali xierqa għal livell għoli ta’ sikurezza nukleari biex il-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali jkunu mħarsa mill-perikli tal-espożizzjoni għar-radjazzjoni jonizzanti minn installazzjonijiet nukleari. Id-Direttiva tinkludi dispożizzjonijiet dwar dan li ġej:
l-istabbiliment ta’ qafas ġuridiku nazzjonali għas-sikurezza nukleari ta’ installazzjonijiet nukleari ċivili;
l-organizzazzjoni, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti;
l-obbligi tad-detenturi ta’ liċenzja;
l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-persunal; u
l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku.
Id-Direttiva daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ Lulju 2009. L-Istati Membri kellhom sat-22 ta’ Lulju 2011 sabiex idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva.
1.2.L-iżviluppi l-kbar minn mindu ġiet ippubblikata d-Direttiva 2009/71/EURATOM
Fl-aħħar ħames snin, ittieħdu passi importanti fil-livell tal-UE biex titjieb is-sikurezza nukleari. Dawn segwew approċċ fuq żewġ binarji: il-verifika tal-kapaċitajiet tal-installazzjonijiet nukleari li jifilħu għal avvenimenti serji tas-sikurezza u t-tisħiħ tal-qafas ġuridiku.
Wara l-aċċident nukleari ta’ Fukushima fl-2011, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni u lill-Grupp ta' Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG) biex jivvalutaw mill-ġdid il-131 reattur nukleari tal-UE. Il-Kummissjoni u l-ENSREG wettqu "simulazzjonijiet ta' kriżi", li rriżultaw f’għadd ta’ rakkomandazzjonijiet. L-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet tiġi vvalutata regolarment permezz tal-evalwazzjonijiet ta’ bejn il-pari tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali.
L-evalwazzjoni tal-qafas ġuridiku tal-Euratom dwar is-sikurezza nukleari, li ntalbet ukoll mill-Kapijiet tal-Istati u tal-Gverniijet, wasslet għal proposta tal-Kummissjoni għal emendi sostanzjali lid-Direttiva 2009/71/EURATOM. Dawn ġew adottati mill-Kunsill fit-8 ta’ Lulju 2014. Iqisu t-tagħlimiet meħuda minn simulazzjonijiet ta' kriżi nukleari kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ sikurezza tal-Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Nukleari tal-Ewropa tal-Punent (WENRA) u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA). Id-Direttiva emendata għandha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-15 ta’ Awwissu 2017. L-emendi:
issaħħaħ l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali;
tintroduċi għan ta' sikurezza ta' livell għoli għall-UE kollha sabiex ikun hemm prevenzjoni ta' aċċidenti nukleari u jiġu evitati r-rilaxxi radjuattivi;
tistabbilixxi sistema Ewropea ta' evalwazzjoni bejn il-pari kull sitt snin ta' kwistjonijiet speċifiċi tas-sikurezza;
iżżid it-trasparenza dwar kwistjonijiet ta’ sikurezza nukleari billi tinforma u tinvolvi lill-pubbliku; u
tippromwovi kultura effettiva ta' sikurezza nukleari.
L-Istati Membri kellhom jibagħtu r-rapporti ta’ implimentazzjoni tagħhom sat-22 ta’ Lulju 2014. Peress li dawn ikopru l-perjodu qabel l-adozzjoni tal-emendi, dan ir-rapport huwa bbażat fuq il-verżjoni oriġinali tad-Direttiva. Madankollu, sabiex f’dan ir-rapport tingħata stampa iktar sħiħa tal-implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku attwali tal-Euratom dwar is-sikurezza nukleari, jistgħu jidhru xi referenzi għad-Direttiva li ġiet emendata, speċjalment meta obbligu li jirriżulta mill-verżjoni oriġinali jkun ġie estiż fid-Direttiva emendata.
1.3.L-istruttura tar-rapport u l-approċċ ġenerali
Ir-rapport għandu l-għan li jipprovdi lill-Kunsill u lill-Parlament b’ħarsa ġenerali sħiħa dwar l-istat attwali tal-implimentazzjoni tad-Direttiva madwar l-UE.
Wara introduzzjoni ġenerali dwar kif ġiet implimentata d-Direttiva, fit-Taqsima 3 r-rapport jittratta kwistjonijiet relatati mal-governanza tas-sikurezza nukleari, li jikkorrispondu għall-Artikoli 4, 5, 8 u 9(3) tad-Direttiva. It-Taqsima 4 hija ddedikata għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari u tindirizza l-aspetti tekniċi u umani tas-sikurezza nukleari, li huma koperti mill-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva. Il-kisbiet ewlenin fil-qasam tas-sikurezza nukleari huma ppreżentati dejjem jekk dawn jikkorrispondu ma' dispożizzjoni tad-Direttiva. L-isfidi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva huma identifikati wkoll għal kull tema. Ir-rapport jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri b’rabta ma’ dawn l-isfidi u jiddikjara l-miżuri korrettivi li ħadet il-Kummissjoni jew li qed tippjana li tieħu. Dan ir-rapport ma jindirizzax is-sitwazzjoni tal-Istati Membri individwali iżda pjuttost għandu l-għan li jenfasizza t-tendenzi dominanti, u b’hekk jiffoka fuq il-problemi l-kbar u jidentifika l-miżuri korrettivi. Madankollu, tingħata preżentazzjoni qasira tal-passi meħuda minn kull Stat Membru biex jimplimentaw id-Direttiva fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż.
2.Ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni fir-rigward tal-qafas ġuridiku u l-awtorità regolatorja
Fir-rigward tal-obbligi tad-Direttiva dwar l-istabbiliment ta' qafas ġuridiku għas-sikurezza nukleari, it-twaqqif ta' awtorità regolatorja, l-allokazzjoni tar-riżorsi xierqa, u l-prestazzjoni tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari internazzjonali tas-sistema, ġie rrappurtat li l-Istati Membri kollha adottaw miżuri leġiżlattivi korrispondenti.
Madankollu, xi Stati Membri jeħtiġilhom jaċċertaw li l-awtorità regolatorja tagħhom għandha r-riżorsi xierqa.
Fir-rigward tar-evalwazzjonijiet bejn il-pari internazzjonali tal-infrastruttura regolatorja, 19 Stat Membru (inklużi l-Istati Membri kollha li għandhom impjanti tal-enerġija nukleari) ospitaw Servizz ta’ Reviżjoni Integrata tar-Regolamentazzjoni (IRRS) ikkoordinat mill-IAEA jew qed jippjanaw li jospitaw wieħed sa tmiem l-2015. Dan ifisser li għad hemm disa' Stati Membri li ma ospitawx evalwazzjoni bħal din, għad illi ħamsa minnhom għandhom waħda ppjanata fis-snin li ġejjin, billi r-rekwiżit tad-Direttiva huwa li tiġi ospitata evalwazzjoni internazzjonali mill-inqas kull għaxar snin.
3.Il-governanza tas-sikurezza nukleari
Illum, l-UE għandha l-akbar numru ta’ reatturi tal-enerġija nukleari fid-dinja u għadd ta’ Stati Membri qed jippjanaw li jinvestu f’dan is-settur. L-Istati Membri li diġà jużaw l-enerġija nukleari u dawk li qed iniedu programm nukleari jeħtieġ li jkollhom dawn li ġejjin fis-seħħ:
qafas leġiżlattiv, regolatorju u organizzattiv għas-sikurezza nukleari li jkun organizzat tajjeb, inkluż allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet;
awtorità regolatorja kompetenti indipendenti mogħnija bis-setgħat u r-riżorsi adegwati;
proċeduri effikaċi tal-informazzjoni pubblika, u
evalwazzjoni bejn il-pari regolari tas-sistema kollha.
3.1.Qafas leġiżlattiv, regolatorju u organizzattiv (l-Artikolu 4)
L-Istati Membri kollha rrapportaw li kellhom qafas nazzjonali leġiżlattiv, regolatorju u organizzattiv fis-seħħ sabiex iwettqu l-attivitajiet koperti mid-Direttiva (l-Artikolu 4(1)). L-oqfsa nazzjonali, li jinkludu liġijiet u regolamenti ta’ implimentazzjoni, ġew żviluppati b’modi differenti ħafna, skont il-profili nukleari u s-sistemi amministrattivi nazzjonali tal-pajjiżi. Pereżempju, xi pajjiżi nonnukleari indirizzaw dawn il-kwistjonijiet permezz ta’ leġiżlazzjoni ġenerali dwar is-saħħa, l-ambjent u l-protezzjoni ċivili.
Madankollu, l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet (il-ħruġ tal-liċenzji, il-monitoraġġ, l-impożizzjoni ta’ pieni) fost il-korpi pubbliċi kompetenti, kif ippreżentat f’xi rapporti nazzjonali, mhijiex kompletament ċara. Għalkemm l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet tiddependi mis-sistemi ġuridiċi u l-prattiki nazzjonali, din tkun iktar kumplessa meta jkun hemm diversi livelli amministrattivi jew diversi korpi li jinfluwenzaw it-teħid tad-deċiżjonijiet. Huwa tabilħaqq importanti li, meta iktar minn awtorità waħda jkollha r-responsabbiltà għas-sikurezza nukleari, jiġi żgurat li jkun hemm allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet u koordinazzjoni effettiva tal-funzjonijiet regolatorji sabiex ma jkunx hemm omissjonijiet jew duplikazzjonijet bla bżonn u lanqas rekwiżiti kunfliġġenti.
L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva jirrikjedi li l-Istati Membri jżommu u jtejbu l-qafas nazzjonali, filwaqt li jqisu l-esperjenza operattiva, l-għarfien miksub mill-analiżijiet tas-sikurezza għat-tħaddim tal-installazzjonijiet nukleari, l-iżvilupp tat-teknoloġija u r-riżultati tar-riċerka dwar is-sikurezza. Bosta rapporti nazzjonali ma jindikawx kif dawn l-elementi jintużaw biex iżommu u jtejbu l-qafas nazzjonali.
3.2.Awtorità regolatorja kompetenti (l-Artikolu 5)
L-Istati Membri kollha rrapportaw li stabbilixxew awtorità regolatorja li timmonitorja l-attivitajiet koperti mid-Direttiva (l-Artikolu 5(1)).
L-istatus ġuridiku ta’ dawn l-awtoritajiet ivarja minn pajjiż għall-ieħor. F’xi Stati Membri, l-awtoritajiet regolatorji huma dipartimenti ministerjali; f’każijiet oħra, huma strutturalment indipendenti mill-gvern. F’każijiet oħra, hemm sistema ta’ awtoritajiet fi ħdan l-istruttura governattiva u barra minnha.
F’xi pajjiżi, ir-riorganizzazzjoni seħħet dan l-aħħar jew qiegħda għaddejja bħalissa. Approċċ wieħed huwa li l-korpi subordinati għal ministeri differenti jinġiebu flimkien f’awtorità waħda indipendenti ġuridikament. Kull ma tirrekjedi d-Direttiva dwar dan il-punt huwa li l-awtorità regolatorja tkun funzjonalment separata minn kwalunkwe korp jew organizzazzjoni oħra kkonċernati mill-promozzjoni tal-enerġija nukleari (l-Artikolu 5(2)).
Madankollu, ġew identifikati xi sfidi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva fir-rigward tas-setgħat ġuridiċi u r-riżorsi umani u finanzjarji tal-awtorità regolatorja (l-Artikolu 5(3)). Mill-perspettiva tal-Kummissjoni, tali sitwazzjonijiet jistgħu jipperikolaw l-indipendenza meħtieġa tal-awtorità regolatorja. Din il-kwistjoni teħtieġ attenzjoni speċjali mill-awtoritajiet nazzjonali.
F’ħafna każijiet, l-awtorità regolatorja tiddependi minn organizzazzjoni ta’ appoġġ tekniku (TSO) biex tirrivedi u tivvaluta l-fajls sottomessi mid-detenturi tal-liċenzji. Madankollu, mhuwiex dejjem kompletament ċar kif jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess fit-TSOs, speċjalment meta huma stess ikunu qed joperaw l-installazzjonijiet nukleari (eż. reatturi tar-riċerka) jew ikunu, tal-inqas parzjalment, qed jaħdmu għad-detenturi tal-liċenzji.
3.3.Informazzjoni lill-pubbliku (l-Artikolu 8)
L-Istati Membri jittrattaw il-kwistjoni tat-trasparenza b’modi differenti u b’limiti differenti. L-aktar prattiki komuni jinkludu r-rilaxx ta’ informazzjoni permezz tas-sit web tal-awtorità regolatorja, stqarrijiet għall-istampa, interazzjoni tal-midja u rapporti annwali. Xi pajjiżi ddikjaraw li d-deċiżjonijiet regolatorji jiġu ppubblikati f’ġurnal uffiċjali.
It-tipi ta’ azzjonijiet li ġew irrappurtati jinkludu:
l-awtorità regolatorja ddefiniet strateġija jew politika ta’ komunikazzjoni;
ġew stabbiliti għodod ta’ komunikazzjoni speċifiċi għall-użu f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi nukleari;
ġew ippubblikati ittri ta’ segwitu tal-ispezzjonijiet fuq il-websajt tal-awtorità regolatorja;
ġie stabbilit korp konsultattiv dwar it-trasparenza, li jlaqqa' l-membri tal-parlament, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, l-esperti rikonoxxuti u l-partijiet interessati industrijali u istituzzjonali.
Xi Stati Membri marru lil hinn mill-obbligu tat-trasparenza rikjest mill-Artikolu 8 tad-Direttiva, u rrappurtaw dwar l-attivitajiet tal-involviment pubbliku, li jikkorrispondi għal obbligu skont id-Direttiva emendata.
3.4.Evalwazzjoni bejn il-pari internazzjonali tal-qafas nazzjonali (l-Artikolu 9(3))
Skont id-Direttiva, l-Istati Membri kollha għandhom jospitaw evalwazzjoni tal-pari internazzjonali biex jiġu evalwati l-oqfsa nazzjonali u l-awtoritajiet regolatorji kompetenti tagħhom mill-inqas kull għaxar snin.
Sal-aħħar tal-2015, fil-perjodu rekwiżit ta' għaxar snin, l-Istati Membri kollha tal-UE li joperaw impjanti tal-enerġija nukleari se jkunu ospitaw tim internazzjonali tal-evalwazzjoni bejn il-pari biex jevalwa l-infrastruttura regolatorja nazzjonali tagħhom għas-sikurezza nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni. Sal-2015, ħames Stati Membri li ma jipproduċux l-enerġija nukleari se jkunu ospitaw missjoni ta' evalwazzjoni wkoll. Xi evalwazzjonijiet koprew l-ambitu sħiħ tas-sikurezza nukleari, filwaqt li oħrajn kellhom kamp ta’ applikazzjoni limitat.
Din it-tabella turi l-evalwazzjonijiet tal-pari internazzjonali kollha (missjonijiet b'kamp ta' applikazzjoni sħiħ jew limitat) li saru fl-Istati Membri mindu għaddiet l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fl-2011.
|
2011
|
2012
|
2013
|
2014
|
2015
|
L-Awstrija
|
|
|
|
|
|
Il-Belġju
|
|
|
Missjoni b'Kamp ta' Applikazzjoni Sħiħ
|
|
|
Il-Bulgarija
|
|
|
Missjoni b'Kamp ta' Applikazzjoni Sħiħ
|
|
|
Il-Kroazja
|
|
|
|
|
Missjoni b'Kamp ta' Applikazzjoni Sħiħ
|
Ċipru
|
|
|
|
|
|
Ir-Repubblika Ċeka
|
|
|
Missjoni b'Kamp ta' Applikazzjoni Sħiħ
|
|
|
Id-Danimarka
|
|
|
|
|
|
L-Estonja
|
|
|
|
|
|
Il-Finlandja
|
|
Missjoni b'Kamp ta' Applikazzjoni Limitat
|
|
|
|
Franza
|
|
|
|
Missjoni b'Kamp ta' Applikazzjoni Sħiħ
|
|
Il-Ġermanja
|
|
|
|
|
|
Il-Greċja
|
|
Missjoni b'Kamp ta' Applikazzjoni Limitat
|
|
|
|
L-Ungerija
|
|
|
|
|
Missjoni b'Kamp ta' Applikazzjoni Sħiħ
|
L-Irlanda
|
|
|
|
|
Missjoni b'Kamp ta' Applikazzjoni Sħiħ
|
L-Italja
|
|
|
|
|
|
Il-Latvja
|
|
|
|
|
|
Il-Litwanja
|
|
|
|
|
|
Il-Lussemburgu
|
|
|
|
|
|
Malta
|
|
|
|
|
Missjoni b'Kamp ta' Applikazzjoni Sħiħ
|
In-Netherlands
|
|
|
|
Missjoni b'Kamp ta' Applikazzjoni Sħiħ
|
|
Il-Polonja
|
|
|
Missjoni b'Kamp ta' Applikazzjoni Sħiħ
|
|
|
Il-Portugall
|
|
|
|
|
|
Ir-Rumanija
|
Missjoni b'Kamp ta' Applikazzjoni Sħiħ
|
|
|
|
|
Ir-Repubblika Slovakka
|
|
Missjoni b'Kamp ta' Applikazzjoni Sħiħ
|
|
|
|
Is-Slovenja
|
Missjoni b'Kamp ta' Applikazzjoni Sħiħ
|
|
|
|
|
Spanja
|
|
|
|
|
|
L-Iżvezja
|
|
Missjoni b'Kamp ta' Applikazzjoni Sħiħ
|
|
|
|
Ir-Renju Unit
|
|
|
|
|
|
B’mod ġenerali, ir-rapporti tat-timijiet ta’ evalwazzjoni bejn il-pari tpoġġew onlajn mill-Istati Membri. Madankollu, mhux l-Istati Membri kollha rrappurtaw b’mod sistematiku r-riżultati tal-evalwazzjoni bejn il-pari direttament lill-Kummissjoni, avolja dan huwa meħtieġ skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva. Il-Kummissjoni fakkret lill-Istati Membri bl-obbligi tagħhom f'dan ir-rigward. Il-biċċa l-kbira tar-rapporti issa ngħataw.
Sabiex tappoġġja l-proċess, bejn l-2011 u l-2015, il-Kummissjoni pprovdiet EUR 1.8 miljun għall-programm ta’ missjonijiet tas-Servizz ta’ Reviżjoni tar-Regolamentazzjoni Integrata (IRRS) tal-IAEA. L-għan tal-Kummissjoni kien li tassisti lill-Istati Membri jikkonformaw ma’ dan ir-rekwiżit tad-Direttiva. Persunal miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni pparteċipa bħala osservatur f’dawn il-missjonijiet. Il-Kummissjoni ser tkompli tipprovdi assistenza lil hinn mill-2015.
Xi Stati Membri rrappurtaw ukoll li kienu ospitaw evalwazzjonijiet internazzjonali ta’ installazzjonijiet, għalkemm dan imur lil hinn mill-ambitu ta’ din id-Direttiva. Il-missjonijiet OSART tal-IAEA biex jivvalutaw is-sikurezza tar-reatturi tal-enerġija nukleari operattivi jsiru diversi drabi fis-sena fl-UE. Skont id-Direttiva emendata, l-obbligu tal-evalwazzjoni bejn il-pari huwa estiż għal kwistjonijiet tekniċi permezz ta’ sistema ġdida ta’ evalwazzjonijiet bejn il-pari topiċi Ewropej. L-ewwel wieħed minnhom se jibda fl-2017.
3.5.Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri u aktar azzjoni mill-Kummissjoni
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, għandha tingħata attenzjoni speċjali mill-membri tal-Komunità Euratom għall-isfidi li ġejjin:
L-Istati Membri għandhom jiżguraw allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet u koordinazzjoni bejn il-korpi rilevanti tal-istat, speċjalment meta diversi livelli amministrattivi jew diversi korpi jikkontribwixxu għat-teħid tad-deċiżjonijiet.
Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni speċjali lil dan l-aspett hija u timmonitorja t-traspożizzjoni tad-Direttiva emendata.
Huma u jiżviluppaw il-qafas ġuridiku, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw b’mod sistematiku t-tagħlimiet mill-esperjenza operattiva, l-iżvilupp tat-teknoloġija u r-riċerka dwar is-sikurezza.
Biex tikkompleta l-passi meħuda għal dan l-għan fil-livell nazzjonali, il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi l-ġodda f'dan il-qasam u se tkompli ttejjeb il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu effettivament indipendenti minn kull influwenza mhux xierqa fit-teħid tad-deċiżjonijiet regolatorji tagħhom u għandhom jiggarantixxu li dawn l-awtoritajiet jingħataw il-mezzi u l-kompetenzi xierqa biex iwettqu tajjeb ir-responsabbiltajiet assenjati lilhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità regolatorja jkollha r-riżorsi umani u finanzjarji adatti għall-profil nukleari attwali tal-pajjiż, mal-proġetti ta’ żvilupp tal-enerġija nukleari u mal-pjanijiet ta’ dekummissjonar. Barra minn hekk, għandhom jgħassu kontra l-kunflitti ta’ interess possibbli fl-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ tekniku tal-awtoritajiet regolatorji.
Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-indipendenza tal-awtorità regolatorja fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva emendata. Dan għandu jgħin biex ikun hemm kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri sabiex jinkiseb valur miżjud mir-riżorsi eżistenti.
L-Istati Membri għandhom sistematikament jirrapportaw ir-riżultati ta’ kwalunkwe evalwazzjoni bejn il-pari internazzjonali lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, kif rikjest mill-Artikolu 9(3) tad-Direttiva.
Fil-futur il-Kummissjoni se tirrikjedi r-rappurtar sistematiku tar-riżultati ta' dawn il-missjonijiet ta' evalwazzjoni bejn il-pari internazzjonali.
L-Istati Membri kollha għandhom jospitaw missjonijiet ta’ evalwazzjoni bejn il-pari internazzjonali biex jirrevedu l-qafas ġuridiku u regolatorju, peress li d-Direttiva teżiġi li dawn il-missjonijiet jitwettqu kull 10 snin. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw b’mod partikolari li jospitaw missjonijiet ta' "ambitu sħiħ" minflok “ambitu limitat” fejn il-pajjiż jagħżel li jħalli xi kwistjonijiet barra.
Il-Kummissjoni se tkompli tivverifika li dawn il-missjonijiet ta' evalwazzjoni jiġu organizzati fl-Istati Membri mill-anqas kull 10 snin, fil-kuntest tal-memorandum ta’ ftehim bejn il-Komunità u l-IAEA, u se tappoġġa lill-IAEA fl-implimentazzjoni tal-programm tal-missjonijiet IRRS fl-Istati Membri tal-UE.
4.Is-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari (l-Artikoli 6 u 7)
Din it-taqsima tindirizza l-passi li ttieħdu mill-Istati Membri biex jindirizzaw iż-żewġ pilastri komplementari tas-sikurezza nukleari: il-fattur uman u s-sikurezza teknika. Għalkemm id-Direttiva ma tinkludix kriterji tekniċi li jiżguraw is-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari, tobbliga lill-Istati Membri jżommu qafas nazzjonali li jistabbilixxi l-obbligi prinċipali tad-detenturi ta’ liċenzja kif definit fid-Direttiva. Dawn id-dispożizzjonijiet huma kkumplimentati minn dawk dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ b'rabta mas-sikurezza nukleari.
Fil-każ ta’ diversi pajjiżi li joperaw kemm impjanti tal-enerġija nukleari u kemm installazzjonijiet nukleari oħrajn, ir-rapporti nazzjonali jiffokaw kważi kompletament fuq l-impjanti tal-enerġija. Ftit li xejn hemm informazzjoni disponibbli għal tipi oħra ta’ installazzjonijiet koperti mill-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva.
4.1.Obbligi tad-detenturi tal-liċenzja (l-Artikolu 6)
Kważi l-Istati Membri kollha li għandhom installazzjonijiet nukleari rrapportaw li l-leġiżlazzjoni tagħhom tagħti r-responsabbiltà primarja għas-sikurezza nukleari tal-installazzjonijiet nukleari b’mod espliċitu lid-detentur tal-liċenzja, u b’hekk tikkonforma mal-Artikolu 6(1). Madankollu, għad trid tingħeleb il-kwistjoni tal-kontroll fuq il-kuntratturi u s-sottokuntratturi. Biex jindirizzawha, xi sistemi nazzjonali jimponu limitu fuq is-sensiela ta’ kuntratturi u jippermettu, pereżempju, massimu ta’ żewġ kuntratturi għal kompitu speċifiku. Id-Direttiva emendata tagħmel id-detenturi ta’ liċenzja responsabbli b’mod espliċitu għall-azzjonijiet tal-kuntratturi u tas-sottokuntratturi.
L-Istati Membri kollha b'installazzjonijiet nukleari għandhom programmi li jwettqu valutazzjonijiet regolari tas-sikurezza tal-installazzjonijiet tagħhom bis-superviżjoni tal-awtorità regolatorja (kif stipulat fl-Artikolu 6(2)), għalkemm il-metodoloġija għal tali evalwazzjonijiet tvarja bejn il-pajjiżi. Skont id-Direttiva emendata, dawn l-evalwazzjonijiet għandhom isiru tal-anqas kull 10 snin.
L-Istati Membri rrapportaw estensivament dwar l-arranġamenti fis-seħħ biex jittaffa aċċident nukleari u dwar il-miżuri ta’ emerġenza (l-Artikolu 6(3)). Il-proċeduri ta’ emerġenza, madankollu, ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor, u dan jenfasizza l-ħtieġa għall-koordinazzjoni. Xi pajjiżi inkludew fil-leġiżlazzjoni tagħhom rekwiżit biex detentur tal-liċenzja ta' impjant tal-enerġija nukleari jimplimenta proċeduri operattivi ta’ emerġenza speċifiċi għall-impjant (EOPs) u linji gwida għall-ġestjoni ta’ aċċidenti serji (SAMGs).
Ir-rapporti nazzjonali jirreferu b’mod wiesa' għal sistemi ta’ ġestjoni li jiffokaw fuq il-proċeduri tas-sikurezza u tal-kontroll tal-kwalità, kif previst fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva. Xi kultant, il-pjan ta' spezzjoni annwali tal-awtorità regolatorja jipprovdi għal spezzjonijiet li jiffukaw fuq is-sistema tal-ġestjoni jew tal-assigurazzjoni tal-kwalità tad-detentur ta’ liċenzja.
L-Istati Membri rrappurtaw li l-obbligu fl-Artikolu 6(5), jiġifieri li l-qafas nazzjonali jesiġi li d-detenturi tal-liċenzja jżommu biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani xierqa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom, ġeneralment jiġi segwit fil-prattika. Madankollu, l-Istati Membri mhux dejjem irrappurtaw li dan l-obbligu huwa inkluż b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, mhuwiex dejjem ċar jekk ir-riżorsi finanzjarji jkoprux il-ħajja kollha tal-installazzjoni, inkluż id-dekummissjonar. Ukoll, il-problema ta’ kif għandhom jivverifikaw li d-detenturi tal-liċenzji jkollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji għadha ma ġietx solvuta: pereżempju, jekk l-awtoritajiet nukleari kollha għandhomx il-kapaċitajiet biex jivvalutaw ir-riżorsi finanzjarji tad-detenturi tal-liċenzji.
B’mod ġenerali, diġà sar titjib kbir fil-prattika b'riżultat tas-simulazzjonijiet ta' kriżi wara Fukushima. Dan it-titjib huwa ddettaljat fil-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali sottomessi lit-tieni evalwazzjoni bejn il-pari Ewropea f’April 2015 (ara t-taqsima 4.3 hawn taħt). Peress li s-sikurezza nukleari tista’ tiġi żgurata biss bl-iżvilupp kontinwu, l-installazzjonijiet nukleari futuri ser ikunu soġġetti għal obbligi stretti li jirriżultaw mid-Direttiva emendata. Dawn jinkludu r-rekwiżiti li l-installazzjonijiet nukleari jiġu ddisinjati, lokalizzati, mibnija, ikkummissjonati, operati u dekummissjonati bil-għan li jiġu evitati l-aċċidenti u li jitnaqqsu l-konsegwenzi jekk iseħħ aċċident.
4.2.Għarfien espert u ħiliet fis-sikurezza nukleari (l-Artikolu 7)
Kif imfakkar fil-premessa 19 tad-Direttiva, kultura b’saħħitha tas-sikurezza hija wieħed mill-prinċipji fundamentali ta’ ġestjoni tas-sikurezza meħtieġa biex l-installazzjonijiet nukleari jitħaddmu b'mod sikur. Bl-istess mod, il-Laqgħa ta’ Evalwazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari tal-2014 irrikonoxxiet li l-aċċidenti l-kbar fl-industrija nukleari u l-industriji l-oħrajn ta’ periklu għoli ħafna drabi jirriżultaw minn fatturi umani u organizzattivi. Din il-fehma hija mtennija b’mod aktar sod fid-Direttiva emendata.
Ir-responsabbiltajiet għall-għarfien espert u l-ħiliet fis-sikurezza nukleari jinsabu kemm f'idejn l-awtorità regolatorja u wkoll f'idejn id-detenturi tal-liċenzji. F'dan is-sens, ħafna awtoritajiet regolatorji diġà għamlu l-“kultura ta’ sikurezza” suġġett fih innifsu fis-superviżjoni tas-sikurezza nukleari. Bl-istess mod, saru xi inizjattivi f’diversi Stati Membri biex jiżguraw jew jippromwovu t-taħriġ adegwat għall-awtoritajiet regolatorji jew il-persunal tal-utilitajiet.
L-Istati Membri rrapportaw dwar l-isforzi tagħhom biex iżidu l-ħiliet u l-kompetenzi fis-settur nukleari. Xi wħud taw dettalji tal-miżuri biex jorbtu lid-dinja akkademika mal-industrija sabiex ikun hemm għarfien kondiviż tal-prijoritajiet tal-ħiliet ewlenin għas-settur nukleari u dwar kif tista' tiġi ssodisfata d-domanda għall-ħiliet.
Madankollu, ir-reklutaġġ u ż-żamma tal-persunal l-aktar kwalifikat fl-awtorità regolatorja għadhom problema. Minkejja li f’ħafna Stati Membri l-livelli tas-salarji jistgħu jkunu ogħla għal ċerti kategoriji ta’ persunal fis-settur privat, xi awtoritajiet regolatorji jirnexxilhom joffru vantaġġi professjonali li jistgħu jikkumpensaw id-differenza fis-salarji.
L-eżempji tal-azzjoni meħuda biex jittejbu l-għarfien espert u l-ħiliet fis-sikurezza nukleari, kif irrappurtati mill-Istati Membri, jinkludu:
it-twaqqif ta’ strateġija multiannwali dwar l-iżvilupp ta’ għarfien espert u ħiliet, inkluż il-kultura tas-sikurezza;
l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġuridiċi dwar l-aspetti umani, organizzattivi u soċjali fis-sikurezza nukleari;
it-tfassil, mill-awtorità regolatorja, ta’ indikaturi ta’ sikurezza li jkejlu kemm qed jiġu kkunsidrati l-aspetti organizzattivi u umani tas-sikurezza nukleari;
spezzjonijiet dwar suġġetti speċifiċi mill-awtorità regolatorja, b’enfasi fuq is-sistemi tal-assigurazzjoni u l-ġestjoni tal-kwalità tad-detenturi tal-liċenzji;
verifiki, mill-awtorità regolatorja, li l-fatturi umani huma inkorporati f’aspetti ta’ sikurezza meta tkun imfassla jew modifikata installazzjoni nukleari;
fir-rigward tat-taħriġ:
ol-istabbiliment ta’ ċentru ta’ prattika tal-manutenzjoni, li jinkludi mudelli ta’ tagħmir u taħriġ fuq skala sħiħa;
osistema ta’ taħriġ bil-kompjuter għall-awtorità regolatorja;
ovalutazzjoni ta’ kompetenza f’oqsma ta’ importanza għall-awtorità regolatorja u proċessi ta’ reklutaġġ u ta’ taħriġ assoċjati;
oprogrammi ta’ taħriġ adattati għal kull spettur ġdid, u l-progress immonitorjat minn maniġer;
olimitu temporanju tas-setgħa amministrattiva mogħtija lil spetturi ġodda.
4.3.Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri u aktar azzjoni mill-Kummissjoni
Ir-rapporti ta’ implimentazzjoni nazzjonali li jmiss għandhom iqisu l-installazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt id-Direttiva emendata u mhux biss l-impjanti tal-enerġija nukleari. Bl-istess mod, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tad-Direttiva għall-installazzjonijiet nukleari kollha bħal dawn.
Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri għall-installazzjonijiet nukleari kollha li jinsabu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva u lir-rappurtar xieraq.
L-Istati Membri għandhom ilestu l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tas-simulazzjonijiet ta' kriżi nukleari biex titjieb is-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari.
Bejn l-20 u l-24 ta' April 2015, il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-ENSREG, organizzat it-Tieni Workshop tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-evalwazzjoni bejn il-pari tal-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjonijiet tekniċi relatati mal-azzjonijiet tas-simulazzjonijiet ta' kriżi tagħhom. L-Istati Membri bi programm nukleari kif ukoll Stati Membri oħrajn (l-Awstrija, il-Kroazja, id-Danimarka, l-Irlanda, il-Polonja) u pajjiżi li mhumiex fl-UE (l-Armenja, in-Norveġja, l-Iżvizzera, it-Tajwan, l-Ukraina, l-Istati Uniti) ipparteċipaw f’dan il-workshop. Dan it-tieni workshop iffoka partikolarment fuq il-valutazzjoni tal-progress fil-proċess tal-implimentazzjoni, inkluż il-miżuri addizzjonali meħuda u l-bidliet inklużi fl-iskeda oriġinali. Ingħatat attenzjoni speċjali lill-bażi teknika għall-bidliet proposti kif ukoll lill-evalwazzjoni tal-istudji u l-analiżijiet identifikati u kkompletati mill-workshop tal-2013 'l hawn. Fil-workshop ġie rikonoxxut l-impenn qawwi u kontinwu tal-operaturi nukleari u tal-awtoritajiet regolatorji kollha li qed jieħdu sehem għall-implimentazzjoni sħiħa tal-azzjonijiet ta' titjib kollha identifikati fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali rispettivi tagħhom, kif ukoll l-għadd importanti ta' azzjonijiet li diġà tlestew bis-superviżjoni tal-awtoritajiet regolatorji tas-sikurezza nazzjonali. Madankollu, ġie nnutat li l-istatus tal-implimentazzjoni huwa differenti mill-iskadenzi li oriġinarjament kienu ppreżentati fl-ewwel rapport ta' sintezi tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali fejn il-modifiki l-kbar kellhom jiġu implimentati sal-2015-2018 u mhux iktar tard mill-2020. Filwaqt li ħafna operaturi nukleari kważi lestew l-implimentazzjoni, u filwaqt li oħrajn għandhom skedi ċari biex ilestu l-azzjonijiet sal-2016, xi wħud minnhom mexxew xi azzjonijiet speċifiċi għal wara l-2020. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-rata tal-implimentazzjoni tat-titjib tas-sikurezza għandha tiżdied. Perjodikament, għandu jiġi ppubblikat rapport dwar l-istatus għal kull pajjiż parteċipanti tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni nazzjonali biex isir monitoraġġ trasparenti bil-għan li jiġi ppubblikat rapport finali dwar l-implimentazzjoni li jikkoinċidi mad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari l-ġdida li dieħla fis-seħħ fl-2017.
Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib il-progress li jsir fit-twettiq tal-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali bl-implimentazzjoni tar-riżultati tas-simulazzjonijiet ta' kriżi.
Barra minn hekk, fil-kuntest tal-Pjan Direzzjonali għall-Unjoni tal-Enerġija, il-Kummissjoni bi ħsiebha tippubblika programm nukleari illustrattiv (PINC) biex jipprovdi ċarezza dwar il-bżonn ta' investiment ġdid fil-qasam nukleari, inkluż it-titjib tas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari attwali.
L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw kif id-detenturi tal-liċenzji qegħdin jagħmlu użu mill-kuntratturi u mis-sottokuntratturi, kif ukoll l-implikazzjonijiet li jaf ikun hemm fuq is-sikurezza. L-Istati Membri se jkollhom jagħtu attenzjoni speċjali lil din il-kwistjoni huma u jittrasponu d-Direttiva emendata, li tgħid li r-responsabbiltà primarja tad-detentur tal-liċenzja tinkludi r-responsabbiltà għall-attivitajiet tal-kuntratturi u s-sottokuntratturi li jistgħu jaffettwaw is-sikurezza.
Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni speċjali lil dan l-aspett hija u timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva emendata.
L-oqfsa ġuridiċi nazzjonali stabbiliti mill-Istati Membri għandhom jesiġu li d-detenturi tal-liċenzji jżommu riżorsi umani kwalifikati tajjeb u riżorsi finanzjarji adegwati matul iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-installazzjonijiet.
Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni speċjali lil dan l-aspett hija u timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva emendata.
Il-Kummissjoni se tassisti wkoll lill-Istati Membri biex jikkonformaw ma’ dan l-obbligu permezz tal-implimentazzjoni tal-Iskemi tat-Taħriġ tal-Euratom dwar il-Fissjoni (EFTS), programm ta’ tagħlim tul il-ħajja u tal-mobilità, maħsub b’mod partikolari biex itejjeb l-għarfien u l-ħiliet tal-persunal tad-detenturi tal-liċenzji.
L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw aħjar l-istrateġiji nazzjonali ta' tħejjija u rispons għall-emerġenzi. Din il-kwistjoni qed tiġi indirizzata fil-fora internazzjonali rilevanti u b’kooperazzjoni bilaterali bejn l-Istati Membri.
Il-Kummissjoni se tindirizza l-kwistjoni fil-livell Ewropew flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza, li għandha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-2018.
5.Konklużjoni
Wara li rrevediet ir-rapporti nazzjonali, il-Kummissjoni tikkonkludi li, b’mod ġenerali, hemm livell tajjeb ta’ konformità mad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari tal-2009.
Id-Direttiva wriet li hija strument effettiv fit-titjib tas-sikurezza nukleari, billi l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrapportaw li huma kienu aġġornaw is-sistemi ġuridiċi tagħhom sabiex jittrasponuha fil-liġi nazzjonali.
L-għan bażiku tad-Direttiva huwa li jiżgura arranġamenti nazzjonali xierqa biex jinkiseb livell għoli ta’ sikurezza. B’mod ġenerali, ir-rapporti nazzjonali juru li dawn l-arranġamenti qegħdin fis-seħħ fl-UE fir-rigward tal-qafas ġuridiku u l-awtorità regolatorja. Madankollu, f’xi każijiet għadu mhuwiex ċert li dawn l-awtoritajiet għandhom biżżejjed persunal u finanzi. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għandha tiġi mħeġġa sabiex ikun żgurat l-użu effettiv tar-riżorsi eżistenti, pereżempju fil-każ tat-tħaddim fit-tul tal-impjanti tal-enerġija nukleari eżistenti jew tal-proċeduri tal-għoti tal-liċenzji għall-impjanti l-ġodda. Kooperazzjoni bħal din tkun ta' benefiċċju partikolari għall-awtoritajiet regolatorji kompetenti ż-żgħar.
Il-valutazzjoni komparattiva internazzjonali intużat ħafna: sa tmiem l-2015, il-kontropartijiet internazzjonali se jkunu analizzaw il-qafas ġuridiku u organizzattiv tal-Istati Membri kollha li joperaw impjanti tal-enerġija nukleari, permezz ta’ missjonijiet tas-Servizz ta’ Reviżjoni Integrat tar-Regolamentazzjoni tal-IAEA. Il-missjonijiet b'ambitu sħiħ għandhom ikunu ppreferuti minn dawk b'ambitu limitat.
L-arranġamenti ta’ sikurezza imposti fuq l-installazzjonijiet nukleari (bis-superviżjoni tal-awtoritajiet regolatorji), inkluż l-iżvilupp ta’ għarfien espert u tal-ħiliet, ġeneralment huma diġà fis-seħħ. Fejn xieraq, id-detenturi tal-liċenzji ta' impjanti nukleari għandhom it-tendenza jistabbilixxu sinerġiji b’saħħithom mal-organizzazzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali tar-riċerka u t-taħriġ iddedikati għat-titjib tar-regolamentazzjoni, tat-teknoloġija u tal-kultura tas-sikurezza tar-reatturi.
Madankollu, għalkemm il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrapportaw li għandhom dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tar-riżorsi umani u finanzjarji tad-detenturi tal-liċenzji, għandu jiġi ċċarat jekk l-awtorità regolatorja għandhiex il-kapaċità tivvaluta l-adegwatezza tat-tali riżorsi, speċjalment dawk finanzjarji, u jekk dawn l-obbligi humiex qed jiġu implimentati u infurzati b’mod effettiv. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 192 tat-Trattat Euratom li skontu “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri ġenerali jew partikolari li jkunu approprjati ħalli jassiguraw it-twettiq tal-obbligi li joħorġu minn dan it-Trattat jew li jirriżultaw minn atti tal-istituzzjonijiet tal-Komunità. Għandhom jiffaċilitaw lill-Komunità l-otteniment tal-miri tagħha."
Kif ikkonfermat permezz tas-simulazzjonijiet ta' kriżi nukleari u l-kontroll inizjali tat-traspożizzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri, hemm differenzi minn pajjiż għall-ieħor fl-identifikazzjoni u fil-ġestjoni ta’ kwistjonijiet tas-sikurezza. Dan huwa parzjalment dovut għall-fatt li d-Direttiva tal-2009 kien fiha biss prinċipji wiesgħa u tat xi libertà lill-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni, u ma kinitx timponi xi rekwiżiti importanti. Id-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari għandha indirizzat dawn in-nuqqasijiet billi ssaħħaħ l-obbligi importanti dwar, pereżempju, l-indipendenza tal-awtorità regolatorja u l-interazzjoni mal-pubbliku. Id-Direttiva emendata tmur ukoll lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva tal-2009 permezz tal-introduzzjoni ta’ objettiv komuni għall-UE dwar is-sikurezza, issupplimentat minn mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni bejn il-pari, bil-ħsieb li jiġi armonizzat l-approċċ tal-UE lejn is-sikurezza nukleari. B'riżultat ta' dan, it-traspożizzjoni tad-Direttiva emendata tirrappreżenta sfida ġdida għall-Istati Membri.
Ir-rapporti nazzjonali li jmiss dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni sat-22 ta’ Lulju 2020. Ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament imbagħad jinħareġ wara. Sa dak iż-żmien, il-Kummissjoni tkun irċeviet u analizzat id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri li jittrasponu d-Direttiva emendata.
Referenzi
[1]
Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/EURATOM tal-25 ta' Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari (ĠU L 172, 2.7.2009. p. 18).
[2]
Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/87/EURATOM tat-8 ta' Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari (ĠU L 219, 25.7.2014. p. 42).
[3]
Il-linji gwidi ta' ENSREG dwar ir-rapporti tal-Istati Membri kif meħtieġ skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill2009/71/ENSREG tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sikurezza nukleari ta’ installazzjonijiet nukleari (HLG_p(2012-21)_108).
[4]
Rapport ta’ Sinteżi dwar is-Sitt Laqgħa ta’ Evalwazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari, mill-24 ta’ Marzu sal-4 ta’ April 2014, Vjenna (CNS/6RM/2014/11_final).