EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0400

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI BIDU ĠDID GĦAT-TKABBIR U L-IMPIEGI FIL-GREĊJA

COM/2015/0400 final

Brussell, 15.7.2015

COM(2015) 400 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

BIDU ĠDID GĦAT-TKABBIR U L-IMPIEGI FIL-GREĊJA


Introduzzjoni:

Il-poplu Grieg għadda minn żminijiet diffiċli ħafna minn meta bdiet il-kriżi finanzjarja u ekonomika sitt snin ilu. Il-kawżi tal-kriżi akkumulaw matul bosta snin qabel ma saru viżibbli. Kompetittività dgħajfa, produttività baxxa, swieq tax-xogħol u tal-prodotti riġidi u livelli kbar ħafna tad-defiċit u d-dejn pubbliku ġabu l-ekonomija Griega f'riskju ta' inadempjenza imminenti fl-2010.

Matul dawn iż-żminijiet diffiċli, l-UE appoġġat lill-Greċja, u appoġġatha bħala membru tal-familja tal-UE. Minbarra l-assistenza finanzjarja tal-UE b'termini ta' self favorevoli ħafna 1 , il-fondi tal-UE huma l-akbar sors ta' investiment barrani dirett fil-Greċja u huma espressjoni tassew tanġibbli ta' solidarjetà u appoġġ Ewropew. L-appoġġ u t-tnaqqis tad-dejn li minnhom gawdiet il-Greċja fis-snin riċenti u li se tirċievi fis-snin li ġejjin mill-UE, l-Istati Membri tagħha u partijiet internazzjonali u investituri privati oħra jammonta għal aktar minn EUR 400 biljun 2 . Dan jirrappreżenta aktar minn 230 % tal-PDG tal-Greċja fl-2014 jew madwar EUR 38 000 għal kull ċittadin Grieg. L-ammont ta' fondi tal-UE u internazzjonali għall-Greċja llum diġà jaqbeż il-Pjan Marshall tal-Istati Uniti mfassal għall-Ewropa kollha wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Saru ħafna sforzi għall-immodernizzar u r-riforma tal-pajjiż, u biex isir l-aħjar użu mill-fondi tal-UE f'appoġġ tal-prijoritajiet Griegi. Dan ix-xogħol kien ta' suċċess: Il-finanzi pubbliċi u s-settur bankarju ġew stabbilizzati u saru riformi importanti f'oqsma bħalma huma s-sigurtà soċjali, il-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa u l-politika tas-suq tax-xogħol. Il-Greċja reġgħet lura għat-tkabbir ekonomiku bi tkabbir reali tal-PDG ta' 0,8 % fl-2014 u, sakemm bdiet l-inċertezza, dan it-tkabbir kien mistenni li jissaħħaħ aktar. Madwar 100 000 impieg ġdid inħolqu s-sena li għaddiet u l-qgħad kien eventwalment beda jonqos. Il-konsum privat beda jiżdied għall-ewwel darba f'ħames snin, u l-fiduċja miżjuda fil-proċess tal-irkupru ekonomiku ġiet riflessa f'aktar investiment f'tagħmir għall-ewwel darba mill-2008.

L-ingredjenti għall-kisba ta' rkupru fit-tul għadhom fil-biċċa l-kbira hemmhekk. L-ostakoli immedjati għat-tkabbir sostenibbli huma l-issikkar tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament, kif ukoll l-inċertezza prevalenti dwar il-prospetti ekonomiċi u politiċi tal-Greċja. Biex terġa' lura lejn it-triq ta' tkabbir u impiegi, il-Greċja għandha tkompli bir-riformi strutturali u tindirizza l-isfidi li għadha qed tiffaċċa.

Meħud flimkien, il-livell ta' appoġġ għall-Greċja mill-UE u mis-sħab internazzjonali huwa mingħajr preċedent u jista' jagħmel differenza kbira fis-snin li ġejjin. Id-deċiżjonijiet li ttieħdu fis-Summit tal-Euro tat-12 ta' Lulju 2015 huma xhieda tar-rieda taż-Żona tal-Euro sabiex tappoġġa lill-Greċja sakemm din tieħu l-passi neċessarji biex terġa' tistabbilixxi l-fiduċja u l-kredibilità u tirritorna għas-sostenibilità.

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li tippreżenta approċċ imġedded għall-mezzi sostanzjali disponibbli mill-baġit tal-UE biex iservi ta' bidu ġdid għall-impiegi u t-tkabbir fil-Greċja. L-intenzjoni tal-Kummissjoni sabiex taħdem mal-awtoritajiet Griegi sabiex timmobilizza sa EUR 35 biljun sabiex tiffinanzja l-investiment u l-attività ekonomika, inklużi l-SMEs, fil-Greċja kienet murija ċar fis-Summit tal-Euro tat-12 ta' Lulju 2015. Din il-Komunikazzjoni se tikkumplimenta s-sett komprensiv ta' riformi u impenji li l-Greċja qiegħda timplimenta u li se jiffurmaw il-bażi ta' programm ta' appoġġ għall-istabbilità għall-Greċja skont it-Trattat li jistabbilixxi Mekkaniżmu Ewropew tal-Istabbilità.

Il-finanzjament tal-UE kien is-sors ewlieni ta' investiment pubbliku fil-Greċja matul il-kriżi.
Pereżempju l-metro ta' Ateni, l-Isptar Ġenerali f'Katerini, il-mużew tal-Akropolis u s-sistema tat-tisħin distrettwali ta' Kozani kollha ġew iffinanzjati fil-biċċa l-kbira mill-baġit tal-UE. Bl-appoġġ tal-Kummissjoni, il-Greċja hija mistennija li tkun tista' tirċievi aktar minn
EUR 35 biljun mill-baġit tal-UE matul il-perjodu ta' finanzjament 2014-2020. Għoxrin biljun euro mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej jistgħu jiġu mmobilizzati biex joħolqu l-impiegi u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, u l-bdiewa Griegi għandhom ikomplu jibbenefikaw minn ħlasijiet diretti ta' aktar minn EUR 15-il biljun. Xi ħlasijiet inizjali lill-Greċja minn dawn il-Fondi tal-UE fl-2014 u 2015 diġà ammontaw għal kważi EUR 4,5 biljun.

Jekk jintuża sal-potenzjal sħiħ tiegħu, jiġi mmirat b'mod għaqli u minfuq tajjeb, dan il-finanzjament se jgħin l-irkupru u jsaħħaħ il-pedamenti għal impiegi sostenibbli, tkabbir u koeżjoni soċjali. Dawn il-fondi jistgħu jipprovdu bażi b'saħħitha għall-irkupru ekonomiku. Huma se jippumpjaw l-investiment direttament fl-ekonomija reali, joħolqu l-impiegi u jappoġġaw ir-riformi meħtieġa biex jgħinu jittrasformaw l-ekonomija u jgħollu l-livelli tal-għajxien taċ-ċittadini. Barra minn hekk, il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa tal-Kummissjoni, inkluż id-dħul fis-seħħ tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, se jkollhom rwol importanti biex jgħinu biex jimmobilizzaw l-investimenti privati permezz tal-użu ta' flus pubbliċi.

Dan mhuwiex awtomatiku għall-Greċja f'dan il-waqt. Il-kundizzjonijiet finanzjarji stretti, l-inċertezza dwar is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali, eżitazzjonijiet dwar il-prijoritajiet u l-ostakli amministrattivi li fadal qegħdin ifixklu l-pjanijiet ta' investiment ta' bosta atturi, u jqajmu dubji dwar il-ħila tal-awtoritajiet li jagħmlu użu tajjeb u sħiħ mill-finanzjament tal-UE disponibbli. Numru importanti ta' proġetti għall-politika ta' koeżjoni jinsabu attwalment fir-riskju li ma jitlestewx. Barra minn hekk, jekk l-awtoritajiet Griegi ma jagħmlux użu sħiħ mill-fondi tal-UE li għadhom disponibbli għall-perjodu ta' finanzjament 2007-2013 sa tmiem l-2015, ammont ta' kważi EUR 2 biljun għall-politika ta' koeżjoni, dawn il-fondi mhux użati jintilfu. Dan ifisser li proġetti mibdija li għadhom ma tlestewx se jkunu jeħtieġu fondi nazzjonali addizzjonali mill-2016, jekk dawn il-proġetti ma jistgħux ikomplu jiġu appoġġati mill-programmi 2014-2020. Barra minn hekk, sabiex il-Greċja tibbenefika mill-finanzjament tal-UE, huwa essenzjali wkoll li r-rekwiżiti legali bażiċi, f'termini ta' rispett tar-regoli tal-UE, ġestjoni finanzjarja soda tal-fondi u kontabilità, jiġu rrispettati b'mod sħiħ.

Ladarba tirritorna l-fiduċja, il-kombinazzjoni ta' appoġġ pubbliku permezz tal-fondi tal-UE u ta' inizjattivi privati għandha twassal għal irkupru sinifikanti fl-attivitá ekonomika. Flimkien mat-twettiq ta' riformi li jagħmlu lill-Greċja post attraenti għall-investiment barrani, dawn għandhom ikunu l-ixprun għal mixja sostnuta fit-triq lejn l-impiegi u t-tkabbir. Il-Kummissjoni tinsab lesta biex taħdem id f'id mal-Greċja, l-Istati Membri l-oħra, selliefa internazzjonali u investituri privati biex tassisti f'dan il-bidu ġdid.

1 Fondi tal-UE biex jiġi indirizzat il-qgħad u tingħata spinta lit-tkabbir fil-Greċja

1.1 Kemm hemm flus disponibbli?

Il-Greċja tista' tibbenefika mill-fondi tal-UE - prinċipalment għotjiet - suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta' finanzjament tal-UE 3 . Il-Greċja tibbenefika wkoll minn programmi tal-UE miftuħa għall-Istati Membri kollha, fejn in-negozji, ir-riċerkaturi u ċ-ċittadini Griegi jistgħu jippreżentaw proġetti għall-finanzjament.

Għall-perjodu 2007-2013, il-Greċja diġà rċeviet EUR 38 biljun (17,5 % tal-medja annwali tal-PDG Grieg matul dak il-perjodu) mill-politiki ta' koeżjoni, agrikoli, rurali u tas-sajd tal-UE. L-allokazzjoni totali għall-perjodu ta' programmar 2007-2013 hija ta' kważi EUR 42 biljun. Għall-politika ta' koeżjoni, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha, l-awtoritajiet Griegi jistgħu jkomplu jiġu rimborżati sal-massimu regolatorju ta' 95 % għan-nefqa eliġibbli li ssir fuq il-programmi tal-2007-2013. Il-Greċja diġà laħqet rata ta' assorbiment ta' aktar minn 90 % tal-fondi, għalhekk l-ammont massimu disponibbli għar-rimborż tal-pretensjonijiet eliġibbli tan-nefqa mill-ammonti tal-perjodu ta' programmar 2007-2013 jammonta sal-limitu massimu għal kważi EUR 820 miljun. Dan l-ammont se jkun ikkomplementat minn pagamenti tal-għeluq finali lill-Greċja għall-perjodu 2007-2013 li jistgħu jsiru sal-2018-2019, li jirrappreżenta sa 5 % tal-allokazzjoni totali tal-UE (madwar EUR 1 biljun), sakemm il-pretensjonijiet finali eliġibbli u d-dokumenti tal-għeluq jiġu ppreżentati sal-iskadenza regolatorja tal-31 ta' Marzu 2017. Implimentazzjoni rapida fil-prattika se tippermetti li jsir użu sħiħ mill-fondi tal-UE sal-ammont massimu disponibbli sal-31 ta' Diċembru 2015, sad-data finali tal-eliġibilità.

Għall-perjodu 2014-2020, aktar minn EUR 35 biljun ta' fondi mill-UE se jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Greċja permezz ta':

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fondi ta' Koeżjoni li jipprovdu appoġġ għal investiment minn SMEs, għal attivitajiet ta' innovazzjoni u riċerka, għad-diġitalizzazzjoni u għal miżuri biex jitjieb l-ambjent tan-negozju; kif ukoll għal infrastruttura ewlenija għat-trasport sostenibbli, il-protezzjoni ambjentali u l-effiċjenza tar-riżorsi, ekonomija b'livell baxx ta' karbonju u l-bidla fil-klima:

Il-Fond Soċjali Ewropew li jiffinanzja politiki attivi tas-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali sabiex iż-żgħażagħ qiegħda u l-persuni qiegħda fit-tul jingħataw opportunitajiet biex isibu impiegi, taħriġ vokazzjonali u apprendistati;

L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ li tgħin liż-żgħażagħ biex ikollhom l-ewwel esperjenzi ta' xogħol, edukazzjoni aħjar, apprendistati u taħriġ vokazzjonali;

Il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn li jipprovdi għajnuna, ikel, ilbies, prodotti iġeniċi u prodotti essenzjali oħra lil dawk li l-aktar għandhom bżonnhom sabiex tittaffa t-tbatija;

Il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija li jipprovdi pagamenti diretti lill-bdiewa fil-forma ta' appoġġ għad-dħul u miżuri li jappoġġaw swieq agrikoli ewlenin;

Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali li jgħin biex is-settur agrikolu jsir kompetittiv, jippromwovi teknoloġiji innovattivi tal-farms u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impiegi fiż-żoni rurali;

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd li jappoġġa l-komunitajiet kostali biex jiddiversifikaw l-ekonomiji lokali tagħhom u jgħin fit-tranżizzjoni lejn sajd sostenibbli.

Barra minn hekk, proġetti Griegi se jkomplu jibbenefikaw minn finanzjament ipprovdut permezz ta' programmi tematiċi ta' madwar l-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) fil-qasam tal-enerġija u t-trasport, Orizzont 2020 għar-riċerka u l-innovazzjoni, il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs, jew il-programm LIFE għall-ambjent u l-azzjoni klimatika. Dawn il-fondi jistgħu jappoġġaw proġetti bħall-konnessjoni tal-portijiet ta' Igoumenitsa, Patras, Piraeus u Thessaloniki fin-netwerk Trans-Ewropew, il-konnessjonijiet bil-ferrovija bejn Ateni / Piraeus u Salonika u l-investiment fl-enerġija rinnovabbli.

1.2 Il-Greċja qiegħda tingħata xi trattament speċjali?

Il-Greċja bħalissa qiegħda tgawdi minn trattament preferenzjali minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi ħafna tagħha. Programmi Griegi ffinanzjati bil-fondi tal-UE fil-perjodu ta' programmar 2007-2013 jirċievu proporzjon akbar tal-finanzjament tal-UE - u għalhekk il-Greċja hija meħtieġa li tikkofinanzja inqas - minn ħafna pajjiżi oħra. Dan iseħħ permezz ta' "żieda" ta' 10 % tal-kofinanzjament tal-UE sa nofs l-2016 — f'ħafna każijiet dan ifisser li l-UE tħallas għal 95 % tal-ispiża totali tal-investiment fil-perjodu ta' finanzjament 2007-2013 (minflok il-massimu ta' 85 % normalment applikabbli).

Dan l-aħħar, in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' fondi pubbliċi għamilha diffiċli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali biex imexxu 'l quddiem investimenti tassew meħtieġa. Bħala miżura eċċezzjonali u minħabba s-sitwazzjoni unika tal-Greċja, sabiex l-investimenti jkomplu jiġu ffinanzjati fil-perjodu ta' programmar 2007-2013, il-Kummissjoni se tagħmel numru ta' proposti sabiex ittejjeb il-likwidità immedjata sabiex l-investimenti jkunu jistgħu jsiru issa, bl-impatt benefiku tagħhom fuq it-tkabbir u l-impiegi. Dawn se jinkludu r-rilaxx bikri tal-aħħar 5 % tal-ħlasijiet tal-UE li baqa' li normalment jiġu miżmuma sal-għeluq tal-programmi u l-applikazzjoni ta' rata ta' kofinanzjament ta' 100 % għall-perjodu 2007-2013. Dan irid ikun kundizzjonali fuq li l-awtoritajiet Griegi jistabbilixxu mekkaniżmu sabiex jiżguraw li l-ammonti addizzjonali li jagħmlu disponibbli dawn il-miżuri jintużaw b'mod sħiħ għall-benefiċjarji u l-operazzjonijiet skont il-programmi. Dan jittraduċi ruħu f'likwidità addizzjonali immedjata għal madwar EUR 500 miljun u ffrankar għall-baġit Grieg ta' madwar EUR 2 biljun li se jkunu disponibbli sabiex jerġa' jibda l-finanzjament għall-investimenti li jsostnu t-tkabbir u l-impiegi. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll li żżid ir-rata ta' prefinanzjament inizjali għall-programmi 2014-2020 fil-Greċja b'seba' punti perċentwali 4 . Dan il-prefinanzjament addizzjonali jista' jagħmel ammont addizzjonali ta' EUR 1 biljun disponibbli biex jintuża biss għat-tnedija ta' proġetti kofinanzjati skont il-politika ta' koeżjoni f'konformità sħiħa mal-Artikolu 81(2) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni. Iż-żieda fil-prefinanzjament se tgħin ittaffi l-problemi ta' likwidità li bħalissa qed iżommu lura l-investimenti u se tgħin biex jinkisbu riżultati aktar malajr fil-prattika f'termini tal-impatt tan-negozju u l-ħolqien tal-impiegi. Din l-espressjoni ta' solidarjetà eċċezzjonali mal-Greċja se tkun magħquda ma' miżuri robusti li jiżguraw ġestjoni finanzjarja tajba u regolarità tal-infiq. Dawn il-miżuri kollha se jiġu implimentati fl-allokazzjonijiet tal-pajjiż miftehma fil-qafas pluriennali kurrenti għall-2014-2020.

Sabiex tħaffef l-implimentazzjoni tal-Fondi tal-UE u tiffaċilita l-ħidma tal-awtoritajiet,
il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Greċja sabiex tagħmel l-aħjar użu mill-Fondi. F'nofs Marzu 2015, hija stabbiliet Grupp ta' Livell Għoli konġunt mal-awtoritajiet Griegi biex jaħdem b'mod intensiv fuq żewġ fronti: biex jgħin lill-Greċja tiżgura li l-flus kollha disponibbli mill-perjodu ta' programmar 2007-2013 jintużaw fil-ħin qabel ma dan jiskadi fl-aħħar ta' din is-sena, u biex jgħin lill-Greċja tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa għall-aċċess għall-Fondi Ewropej kollha disponibbli għaliha fil-perjodu ta' programmar attwali 2014-2020.

Fl-2016, il-Kummissjoni se tirrevedi l-allokazzjoni ta' finanzjament tal-politika ta' koeżjoni għall-Istati Membri kollha għas-snin 2017 sal-2020 biex jittieħed kont tal-aħħar statistiċi tal-PDG. Dan l-eżerċizzju huwa wkoll probabbli li jżid aktar l-ammont ta' finanzjament tal-UE disponibbli għall-investiment fil-Greċja.

1.3 Għalxiex jistgħu jintużaw il-flus?

Investiment

Fil-perjodu 2015-2017, b'żieda mal-fondi tal-UE fil-forma ta' għotjiet, il-Greċja tista' tibbenefika mill-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa ta' EUR 315-il biljun tal-Kummissjoni. Il-finanzjament tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (European Fund for Strategic Investments, EFSI) li għadu kif ġie stabbilit mhuwiex allokat skont il-pajjiż jew skont il-qasam, iżda bħal f'kull pajjiż ieħor, l-investituri pubbliċi u privati fil-Greċja se jkunu jistgħu jużaw assistenza teknika miżjuda mogħtija miċ-"Ċentru ta' Konsulenza Ewropew għall-Investiment" sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw proġetti ta' kwalità għolja u ekonomikament vijabbli. L-investituri se jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll minn għajnuna teknika addizzjonali biex jiżviluppaw il-proġetti tagħhom. Għażla tajba biex jiġi pprovdut aċċess mgħaġġel għall-finanzjament tal-EFSI tkun sħubija bejn l-Istituzzjoni għat-Tkabbir (Institution for Growth, IfG) fil-Greċja u l-EFSI.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jappoġġa b'mod attiv l-ekonomija Griega. Sa mill-2007, ipprovda finanzjament tas-self għal investiment ta' aktar minn EUR 11-il biljun. Dan il-finanzjament kien ikkonċentrat fuq l-enerġija, it-trasport, l-industrija, l-SMEs u proġetti ambjentali.

Proġetti ta' investiment fil-Greċja jistgħu jibbenefikaw aktar mill-opportunitajiet offruti permezz ta' self minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFIs), li l-Greċja hija membru tagħhom. Il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) ta lill-Greċja l-istatus ta' pajjiż ta' operazzjonijiet tal-BERŻ sa tmiem l-2020, l-istatus meħtieġ biex pajjiż isir eliġibbli għal appoġġ tal-BERŻ. Il-BERŻ dalwaqt se jiftaħ Uffiċċju Residenti fil-Greċja u jibda l-attivitajiet tiegħu bi stima tal-volum ta' investiment annwali ta' madwar EUR 500 miljun. Il-Bord tal-BERŻ approva l-ewwel sensiela ta' proġetti li jiffaċilitaw il-kummerċ, b'valur ta' EUR 30 miljun. Il-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali (International Finance Corporation, IFC) tista' terġa' tinvolvi ruħha fil-Greċja permezz ta' proġetti magħżula li għandhom impatt kbir fis-settur finanzjarju u fl-infrastruttura.

Il-ġlieda kontra l-qgħad, il-faqar u l-kundizzjonijiet soċjali ħżiena

Il-finanzjament tal-UE huwa mmirat lejn l-iżvilupp ta' riżorsi umani, l-investiment fl-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja. Dan jgħin ukoll biex itaffi l-konsegwenzi negattivi ta' kriżijiet lokali jew settorjali mhux mistennija fis-suq tax-xogħol. Fil-pakkett ġenerali ta' EUR 20 biljun tal-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej disponibbli għall-Greċja għall-perjodu 2014-2020, madwar EUR 3,9 biljun se jkunu għad-dispożizzjoni tal-Greċja biex jiżdiedu l-impiegi, jitnaqqas il-faqar u l-esklużjoni soċjali. L-awtoritajiet Griegi qed jistmaw li mill-anqas
250 000 persuna bla xogħol għandhom jirċievu appoġġ, flimkien ma' 180 000 li huma diġà impjegati u jistgħu jibbenefikaw mit-taħriġ, kif ukoll madwar 30 000 immigrant u Roma, 33 000 li qed jgħixu fi djar bla impieg, 10 000 persuna b'diżabilità u 80 000 persuna żvantaġġata oħra.

Il-fondi tal-UE jgħinu biex jinħolqu impiegi aħjar u opportunitajiet aktar ġusti għal kulħadd. Jaħdmu permezz ta' investiment fil-ħiliet, l-esperjenza u l-edukazzjoni tal-ħaddiema, iż-żgħażagħ u dawk li qegħdin ifittxu xogħol. B'mod konkret dawn l-investimenti jikkontribwixxu għal spirtu ta' intraprenditorija u ħolqien ta' impiegi, itejbu l-edukazzjoni u s-sistemi ta' taħriġ vokazzjonali u jimmodernizzaw l-amministrazzjoni pubblika.

Pereżempju, ġew ipprovduti servizzi ta' kura tas-saħħa għal madwar 300 000 tifel u tifla, li tejbu l-opportunitajiet ta' impieg ta' madwar 250 000 omm. Appoġġ finanzjarju sinifikanti għar-riforma tas-servizzi pubbliċi tal-impiegi (OAED) se jgħinu lil dawk li jfittxu x-xogħol biex isibu xogħol. Il-fondi tal-UE jappoġġaw ukoll lill-persuni l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà billi jgħinuhom jiksbu aċċess aħjar għas-servizzi pubbliċi. Jekk jintużaw b'mod effettiv, dawn jagħtu spinta lill-inklużjoni soċjali u jkunu mezz biex jiġi miġġieled il-faqar, speċjalment għal dawk l-aktar fil-bżonn fil-Greċja.

Aktar minn 149 000 żagħżugħ u żagħżuha Griegi taħt l-età ta' 25 sena (> 50 %) kienu bla xogħol fil-bidu ta' din is-sena. Il-finanzjament tal-UE għal "Garanzija għaż-Żgħażagħ" għandu l-għan li jgħin lil 45 000 żagħżugħ u żagħżugħa biex jiksbu esperjenza ta' xogħol u taħriġ. Aktar minn EUR 170 miljun ġew allokati lill-Greċja skont l-Inizjattiva favur l-Impieg taż-Żgħażagħ (YEI - Youth Employment Initiative). Dan il-finanzjament se jgħin żgħażagħ li attwalment mhumiex f'impieg, edukazzjoni jew taħriġ. Aktar minn 100 000 żagħżugħ u żagħżugħa huma mistennija li jibbenefikaw minn skemi appoġġati mill-YEI li jipprovdu apprendistati, taħriġ u taħriġ vokazzjonali u promozzjoni tal-intraprenditorija.

Barra minn hekk, fil-perjodu 2014-2020, aktar minn EUR 280 miljun huma disponibbli għall-Greċja mill-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn. Dawn il-flus se jmorru lejn il-ġlieda kontra l-faqar f'forma ta' ħtiġijiet bażiċi (bħal ikel, żraben u prodotti ta' iġene) kif ukoll billi jgħinu fl-inklużjoni soċjali.

Riċerka, innovazzjoni u edukazzjoni

Li nibnu ekonomija aktar intensiva mil-lat tal-għarfien jeħtieġ aktar kooperazzjoni bejn ir-riċerka tas-settur pubbliku u l-intrapriżi. Jeħtieġ ukoll politika li tiffoka fuq numru limitat ta' prijoritajiet ta' riċerka u innovazzjoni li jkunu mibnija fuq il-punti b'saħħithom tal-Greċja u jkunu appoġġati minn finanzjament adegwat. Madankollu, il-finanzjament ta' attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni għadu baxx fil-Greċja u l-fondi tal-UE għalhekk jagħmlu kontribut kruċjali. Fil-pakkett kollu ta' EUR 20 biljun ta' Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej disponibbli għall-Greċja għall-2014-2020, EUR 1,3 biljun ġew identifikati għal investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni. Dan se jgħin lil aktar minn 2 000 SME sabiex jikkooperaw ma' istituti ta' riċerka u se jagħti spinta lill-kompetittività futura tagħhom. Organizzazzjonijiet Griegi qed jikkoordinaw 43 proġett Ewropew kbir ta' riċerka u qed jipparteċipaw f'total ta' 312-il proġett. Skont Orizzont 2020, il-Greċja tista' tibbenefika mill-Faċilità ta' Appoġġ tal-Politika sabiex tikseb aċċess għal għarfien espert biex timplimenta riformi effettivi għas-sistemi ta' riċerka u innovazzjoni tagħha. Il-fondi tal-UE se jappoġġaw ukoll l-adozzjoni ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju fil-Greċja.

Il-fondi tal-UE jistgħu jgħinu biex jissaħħu l-ħiliet u l-impjegabbiltà, kif ukoll sabiex jiġu mmodernizzati l-edukazzjoni, it-taħriġ, u x-xogħol taż-żgħażagħ. Żieda u titjib fil-ħiliet u l-kwalifiki huma kruċjali sabiex il-forza tax-xogħol tiġi provduta bil-kompetenzi li teħtieġ l-ekonomija. Fondi tal-UE jappoġġaw proġetti li għandhom l-għan li jnaqqsu l-għadd ta' dawk li jitilqu mill-iskola kmieni, iżidu l-użu ta' opportunitajiet ta' apprendistat u t-tagħlim tul il-ħajja, u jtejbu l-edukazzjoni terzjarja. L-UE tipprovdi finanzjament għall-mobilità tat-tfal tal-iskola, l-istudenti u l-għalliema sabiex ikunu jistgħu jistudjaw, jitħarrġu jew jgħallmu barra l-pajjiż. Fl-2014, l-UE ffinanzjat 440 proġett ta' mobilità għall-edukazzjoni fil-Greċja b'madwar EUR 36 miljun, li ppermettew lil kważi 15 000 student, għalliem, student vokazzjonali u parteċipanti oħra biex jistudjaw u jitgħallmu f'pajjiż ieħor. Għall-2015, ġew ippreżentati 1 200 proġett Grieg, li jkopru sa 30 000 individwu.

Il-Greċja tista' tibbenefika wkoll minn fondi tal-UE għall-kostruzzjoni jew ir-rinovazzjoni ta' skejjel, universitajiet u ċentri tal-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal. Fil-perjodu 2014-2020, huma disponibbli riżorsi biex jaġġornaw u jibnu infrastruttura ġdida għall-edukazzjoni terzjarja (EUR 87 miljun), professjonali (EUR 20 miljun), primarja u sekondarja (EUR 150 miljun) kif ukoll il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal (EUR 29 miljun).

Agrikoltura u sajd

Is-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd għandhom potenzjal enormi biex itejbu l-kompetittività tal-pajjiż.

Sal-2020, il-Greċja tista' tibbenefika minn kważi EUR 20 biljun għas-settur tal-biedja u ż-żoni rurali tagħha. Dan jinkludi madwar EUR 4,7 biljun mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali fil-pakkett ġenerali ta' EUR 20 biljun ta' Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej disponibbli għall-Greċja għall-2014-2020 u madwar EUR 15-il biljun f'pagamenti diretti li se jgħinu biex jintrifed id-dħul tal-bdiewa u tal-produtturi. Fl-2013 dawn il-pagamenti laħqu aktar minn 700 000 bidwi. Skemi ta' għajnuna għad-dħul huma disponibbli għal bdiewa attivi bħalissa, filwaqt li bdiewa żgħażagħ se jingħataw appoġġ biex jibdew impriżi żgħar. L-UE tagħti wkoll riżorsi biex il-bdiewa jiġu megħjuna jbigħu aħjar il-prodotti tagħhom b'appoġġ għall-frott u l-ħaxix, iż-żejt taż-żebbuġa, l-inbid, il-prodotti tal-ħalib u l-għasel. Mal-EUR 4,7 biljun huma riżervati għal inizjattivi li jtejbu l-kompetittività tas-settur agrikolu Grieg filwaqt li jippreservaw l-ekosistemi u jiżguraw l-użu effiċjenti ta' riżorsi naturali. Inizjattivi bħal dawn jiftħu opportunitajiet ta' impieg f'żoni rurali u jippromwovu l-innovazzjoni.

Fis-settur marittimu u tas-sajd, il-fondi tal-UE disponibbli għall-Greċja fil-pakkett ġenerali ta' EUR 20 biljun ta' Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej jammontaw għal kważi EUR 400 miljun. Dawn jistgħu jgħinu biex tiġi appoġġata d-diversifikazzjoni ta' ekonomiji kostali u ta' gżejjer, kif ukoll it-tranżizzjoni għal sajd sostenibbli. Il-fondi jistgħu jintużaw ukoll biex tiżdied il-kompetittività tal-SMEs, tas-setturi tas-sajd, tal-akkwakultura (wieħed mis-setturi ewlenin tal-esportazzjoni tal-ikel tal-Greċja) u tal-ipproċessar, kif ukoll biex tiġi appoġġata l-bidla lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju. Dan jinkludi l-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi u żvilupp territorjali sostenibbli li jiffoka fuq l-impiegi u l-ħolqien tal-impiegi.

Enerġija, trasport u ambjent

Sal-2020, madwar EUR 900 miljun huma disponibbli biex jiffinanzjaw l-investiment fl-enerġija mill-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej ta' EUR 20 biljun. Is-settur tal-enerġija huwa wkoll meqjus bħala wieħed bl-akbar potenzjal għal titjib fil-kompetittività tal-pajjiż. Kważi EUR 500 miljun huma disponibbli biex jintużaw biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija f'bini residenzjali u pubbliku u fl-SMEs, kif ukoll għal koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u t-tisħin distrettwali fil-Greċja. Dawn l-investimenti huma mistennija li jwasslu għal klassifikar aħjar f'termini ta' konsum tal-enerġija għal madwar 26 000 dar u tnaqqis ta' madwar 97 047 000 kWh fis-sena ta' konsum primarju tal-enerġija għall-bini pubbliku. Mal-EUR 285 miljun huma disponibbli għal sistemi ta' ħżin u trażmissjoni intelliġenti tal-enerġija, u EUR 46 miljun oħra għal grids ta' distribuzzjoni intelliġenti tal-elettriku. Bis-saħħa ta' dawn l-investimenti, madwar 200 000 utent addizzjonali jistgħu jiġu konnessi ma' netwerks intelliġenti (smart grids). Barra minn hekk, EUR 94 miljun huma disponibbli għall-investiment fl-enerġija rinnovabbli. Minbarra l-finanzjament mill-politika ta' koeżjoni tal-UE, l-UE tiffinanzja wkoll proġetti speċifiċi tal-infrastruttura tal-enerġija. Sa issa, proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija Griegi li jirċievu appoġġ tal-UE ta' EUR 8,5 miljun diġà ġew magħżula sa mill-2014.

Fil-pakkett ġenerali ta' EUR 20 biljun tal-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej disponibbli għall-Greċja għall-2014-2020, kważi EUR 3 biljun se jkunu disponibbli biex jappoġġaw il-bidla lejn settur tat-trasport b'użu effiċjenti tal-enerġija u dekarbonizzat, il-finanzjament tal-bini ta' linji tal-ferroviji, tat-tramm u tal-metro ġodda, it-titjib tal-linji ferrovjarji eżistenti u l-kostruzzjoni ta' toroq ġodda. L-UE tiffinanzja wkoll proġetti ta' infrastruttura tat-trasport kruċjali għan-netwerk ewlieni tat-trasport tal-UE.

L-immaniġġar tal-iskart, ir-rimi ta' skart illegali u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma jibqgħu kwistjonijiet ewlenin ta' tħassib għall-Greċja. Sal-2020, EUR 2,5 biljun se jkunu disponibbli biex itejbu l-protezzjoni tal-ambjent u biex jgħinu fil-finanzjament tal-bidla lejn ekonomija li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent. Minn dan l-ammont, madwar EUR 950 miljun huma disponibbli għal investimenti għall-ġestjoni tal-iskart. L-UE tiffinanzja wkoll proġetti ambjentali permezz ta' programmi madwar l-UE kollha. Mill-2014, benefiċjarji Griegi - awtoritajiet lokali, universitajiet u NGOs - irċevew EUR 12-il miljun għal dan l-għan.

2. L-appoġġ għar-riformi u l-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE

F'Settembru 2011, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-Grupp ta' Ħidma għall-Greċja (Task Force for Greece, TFGR). Il-mandat tiegħu kien li jistabbilixxi u jimplimenta programm komprensiv ta' għajnuna teknika għall-Greċja biex jappoġġa t-twettiq tal-programm ta' aġġustament tal-UE / IMF u biex jaċċellera l-assorbiment tal-fondi tal-UE.

L-isforzi profondi ta' riforma li saru mill-Greċja kienu mmexxija, akkumpanjati u msaħħa permezz tal-assistenza u l-appoġġ ipprovduti mit-TFGR. Ir-riformi inkludew it-titjib tal-funzjonament tal-amministrazzjoni pubblika; il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-frodi; it-titjib tal-kura tas-saħħa; it-tfassil ta' skema li tipprovdi dħul minimu ġeneralizzat; u l-iffaċilitar tal-kummerċ. L-assistenza teknika kienet strumentali fit-tnedija mill-ġdid ta' proġetti ta' awtostradi ekonomikament importanti.

Il-Greċja tejbet b'mod sinifikanti l-assorbiment tal-fondi strutturali - filwaqt li fl-2011 kienet għadha kklassifikata fit-18-il post f'termini tal-użu tal-fondi, fi tmiem l-2014, hija kienet fis-sitt post 5 .

Fid-dawl tal-isfidi ta' riforma li ġejjin f'bosta Stati Membri inkluża l-Greċja,
il-Kummissjoni ddeċidiet li toħloq Servizz ta' Appoġġ għar-Riforma - kapaċità permanenti iżda flessibbli ħafna sabiex jiġi pprovdut appoġġ għall-Istati Membri f'ċerti oqsma ta' politika 6 . Minn Lulju ta' din is-sena, dan l-appoġġ mhuwiex se jkun biss għall-Istati Membri fi programmi ta' assistenza makroekonomika. Se jipprovdi appoġġ aktar ġenerali għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' riformi amministrattivi u strutturali li jsaħħu t-tkabbir, b'mod partikolari fil-kuntest tal-proċessi ta' governanza ekonomika, inkluż permezz ta' għajnuna għall-użu effiċjenti u effettiv tal-fondi strutturali tal-UE. Se joffri appoġġ f'oqsma bħall-ġestjoni tad-dħul u l-ġestjoni finanzjarja pubblika, it-titjib tal-ambjent tan-negozju, il-politika tas-suq tax-xogħol, ir-riformi tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, l-iżvilupp ta' amministrazzjoni pubblika effiċjenti u orjentata lejn is-servizz, stat tad-dritt effettiv u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Dan is-servizz ġdid huwa kkoordinat mil-Viċi-President tal-Kummissjoni Valdis Dombrovskis, li diġà qed jikkoordina l-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar l-aħjar użu tal-fondi strutturali fil-Greċja sabiex jiġu kkatalizzati aktar investimenti pubbliċi u privati biex l-ekonomija Griega terġa' lura fuq saqajha, inkluż permezz ta' strumenti finanzjarji.

Jekk mitluba mill-Greċja, il-Kummissjoni hija lesta li tkompli l-appoġġ tagħha biex tfassal u / jew timplimenta r-riformi strutturali u istituzzjonali f'dan il-qafas ġdid ta' assistenza teknika. L-assistenza teknika proposta ġdida tal-Kummissjoni se tidderieġi u tikkoordina l-appoġġ organizzat b'kooperazzjoni ma' servizzi oħra tal-Kummissjoni, Stati Membri oħra u / jew organizzazzjonijiet internazzjonali.

Kompitu immedjat ikun li l-Greċja tiġi appoġġata fl-immassimizzar tal-assorbiment tagħha tal-fondi tal-UE, li jiżgura l-aktar bidu rapidu għall-investiment u jiżgura li jintlaħqu r-rekwiżiti tal-ġestjoni finanzjarja tajba u l-iskadenzi rilevanti. Fil-fondi tal-UE skont il-perjodu ta' programmar 2014-2020, kważi nofs biljun euro huma disponibbli għal assistenza teknika fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni biex isaħħu s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll u l-kapaċitajiet amministrattivi b'appoġġ għall-implimentazzjoni u t-twassil effettiv tal-fondi tal-UE.

L-effettività tal-assistenza teknika se tiddependi b'mod kruċjali fuq l-eżistenza ta' struttura ta' koordinazzjoni li taħdem sew fl-amministrazzjoni Griega u xogħol immirat, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u s-Servizz ta' Appoġġ tar-Riforma Strutturali l-ġdid tagħha.

Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tistabbilixxi Fond Fiduċjarju ta' Assistenza Teknika pilota ta' EUR 1,5 miljun, li huwa mistenni li jkun ġestit mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ). Dan għandu jappoġġa t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proġetti ta' prijorità fil-Greċja li jistgħu jkunu (ko)finanzjati mill-BERŻ u l-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali (IFC).

3. Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni appoġġat lill-Greċja matul il-kriżi, kemm b'appoġġ finanzjarju kif ukoll b'assistenza teknika. Hija se tkompli tagħmel dan biex terġa' tixpruna t-tkabbir u toħloq impiegi tant meħtieġa għall-benefiċċju tal-poplu Grieg. Li nilħqu ftehim li jipprovdi ċarezza u prevedibbiltà huwa essenzjali għal dan. Il-mobilizzazzjoni sħiħa tal-fondi tal-UE se tixpruna l-irkupru.

Issa huwa essenzjali li l-Greċja tirritorna għall-istabbiltà finanzjarja malajr sabiex tkun tista' tagħmel użu sħiħ mill-appoġġ sostanzjali tal-UE disponibbli fil-forma ta' għotjiet, self u għajnuna teknika biex jinbena futur sigur. Fi żmien ta' pressjoni fuq il-finanzjament nazzjonali, dan l-appoġġ jista' jagħmel differenza reali għall-bini tal-pedamenti għal impiegi sostenibbli, it-tkabbir u l-koeżjoni soċjali.

Il-Greċja għandha tagħmel il-parti tagħha. Din il-Komunikazzjoni se tikkumplimenta s-sett komprensiv ta' riformi u impenji li l-Greċja hija fil-proċess li timplimentahom u li se jiffurmaw il-bażi ta' programm ta' appoġġ tal-istabilità għall-Greċja skont it-Trattat li jistabbilixxi Mekkaniżmu Ewropew tal-Istabbiltà.

Dawn ir-riformi, flimkien ma' investimenti ġodda, iridu jitwasslu malajr għaliex huma parti kruċjali biex l-ekonomija terġa' tieħu saħħitha. L-effettività tal-fondi tal-UE tiddependi fuq ambjent makroekonomiku stabbli u favorevoli bbażat fuq politiki fiskali u ekonomiċi sodi. Il-Greċja teħtieġ ukoll li tindirizza ċerti dgħufijiet serji fil-kapaċità amministrattiva tagħha biex tkun kapaċi tikseb l-ammont sħiħ tal-finanzjament disponibbli deskritt f'din il-Komunikazzjoni.

Il-Kummissjoni hija lesta li tkompli tipprovdi appoġġ tekniku fil-qafas il-ġdid tagħha tal-assistenza teknika u tagħmel aktar proposti lil-leġiżlatur tal-UE biex iżżid il-prefinanzjament għad-dispożizzjoni tal-Greċja.

B'ħidma flimkien fi sħubija mal-Istati Membri l-oħra, l-istituzzjonijiet tal-UE u msieħba internazzjonali oħra, il-Greċja tista' tibni futur prosperu fl-UE. Bosta minn dawn il-kundizzjonijiet għal ritorn għat-tkabbir huma fis-seħħ - issa huwa ż-żmien biex jitlesta l-proċess u niżguraw futur sostenibbli għall-Greċja.



Anness

Tabella 1. Finanzjament mill-UE għad-dispożizzjoni tal-ekonomija u s-soċjetà Griega (2014-2020, f'miljuni ta' EUR)

PARTI 1: Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (ESIFs), YEI, FEAD, FAEG

Ammonti pprogrammati 2014-2020

Ammonti mħallsa diġà

2014 sat-12 ta' Lulju 2015

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR)

8 397

230

Il-Fond ta' Koeżjoni (FK)

3 247

92

Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE)

3 691

104

Inizjattiva favur l-Impieg taż-Żgħażagħ (YEI)

172

54

Il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD)

281

31

Agrikoltura

- Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

4 718

0

- Il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG)

15 074

3 972

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS)

389

0

Subtotal parti 1

35 969

4 483

PARTI 2: Fondi Oħra tal-UE

Ammonti mħallsa diġà

2014 sat-12 ta' Lulju 2015

Orizzont 2020

163,9

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

4,3

Proġetti tal-enerġija b'appoġġ għall-irkupru ekonomiku

3,8

Erasmus għal Kulħadd

50,2

Kompetittività tal-Impriżi u l-Impriżi ta' daqs Żgħir jew Medju

0,5

Bidla u Innovazzjoni Soċjali

1,4

Dwana, Fiscalis u Ġlieda kontra l-Frodi

0,8

Life+

12,8

Fond għall-Ażil u l-Immigrazzjoni u l-Fond għas-Sigurtà Interna

28,2

Ewropa Kreattiva

2,7

Ewropa għaċ-Ċittadini

0,5

Is-Saħħa għat-Tkabbir u l-protezzjoni tal-Konsumatur

1,4

Drittijiet u Ċittadinanza u Ġustizzja

0,9

Protezzjoni ċivili

1,5

Ikel u Għalf

5,2

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

28,6

Il-Fond Ewropew ta' Solidarjetà

4,7

Subtotal parti 2

311

AMMONTI TOTALI MĦALLSA (mill-2014 sat-12 ta' Lulju 2015)

4 794



Tabella 2. Finanzjament mill-UE għad-dispożizzjoni tal-ekonomija u s-soċjetà Griega (2007-2013, f'miljuni ta' EUR)

PARTI 1: Fondi Strutturali, Fond ta' Koeżjoni, fondi għall-Agrikoltura u s-Sajd

Ammonti pprogrammati 2007-2013

Ammonti mħallsa diġà

2007 sat-12 ta' Lulju 2015

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR)

12 345

11 554

Il-Fond ta' Koeżjoni (FK)

3 697

3 376

Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE)

4 364

3 687

Agrikoltura

- Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

3 906

3 109

- Il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG)

17 315

16 491

Il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES)

208

170

Subtotal parti 1

41 835

38 387

PARTI 2: Fondi Oħra tal-UE

Ammonti mħallsa

2007 - 2013

Is-Seba' Programm Kwadru tar-Riċerka

929,3

Netwerks tranżewropej

37,1

Proġetti tal-Enerġija b'Appoġġ għall-Irkupru Ekonomiku

6,0

Tagħlim Tul il-Ħajja u Żgħażagħ fl-Azzjoni

224,4

Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni

52,4

Aġenda tal-Politika Soċjali

12,0

Dwana 2013 u Fiscalis 2013

6,3

Life+

47,3

Is-Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni u s-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet

199,9

Kultura 2007-2013 u Midja 2007

14,9

Ewropa għaċ-Ċittadini

2,1

Il-programm għas-Saħħa Pubblika u l-Ħarsien tal-Konsumatur

8,3

Drittijiet Fundamentali, Ġustizzja u Ċittadinanza

165,0

Protezzjoni Ċivili

5,7

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

2,9

Il-Fond Ewropew ta' Solidarjetà

99,1

Subtotal parti 2

1 813

L-AMMONTI TOTALI MĦALLSA (mill-2007 sat-12 ta' Lulju 2015)

40 200

(1)

     Il-Greċja qiegħda tissellef flus mill-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (European Financial Stability Facility , EFSF) bir-rata ta' 1,35 %, filwaqt li qabel il-kriżi, il-Greċja kienet tista' tissellef mis-suq bir-rata ta' madwar 5 %. Il-maturità medja peżata tas-self Ewropew lill-Greċja huwa ta' 32,5 snin u ebda mgħax jew prinċipal ma għandu jitħallas lura qabel l-2023.

(2)

     Dan l-ammont jinkludi erba' partijiet: 1) aktar minn EUR 240 biljun ta' assistenza finanzjarja (l-Ewwel u t-Tieni Programm ta' Aġġustament Ekonomiku għall-Greċja), 2) kważi EUR 42 biljun ta' finanzjament tal-UE għall-perjodu 2007-2013, li jikkonsisti f'madwar EUR 24 biljun mill-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni tal-UE, il-fondi tas-sajd u tal-iżvilupp rurali u madwar EUR 17-il biljun għal ħlasijiet diretti lill-bdiewa u miżuri ta' appoġġ għas-swieq agrikoli; 3) aktar minn EUR 35 biljun ta' finanzjament tal-UE għall-perjodu 2014-2020, li jikkonsisti f'EUR 20 biljun mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u f'aktar minn EUR 15-il biljun għal ħlasijiet diretti lill-bdiewa u miżuri ta' appoġġ għas-swieq agrikoli; u 4) EUR 100 biljun ta' involviment tas-settur privat.

(3)

     Il-kundizzjonijiet jinkludu li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti amministrattivi u legali u li jkun disponibbli biżżejjed kofinanzjament nazzjonali (ara hawn taħt).

(4)

 Dan ma jinkludix l-Inizjattiva favur l-Impieg taż-Żgħażagħ (Youth Employment Initiative, YEI) li l-prefinanzjament għaliha kien diġà żdied għal 30 %, ara r-Regolament (UE) Nru 2015/779 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1304/2013.

(5)

Din il-klassifikazzjoni tirreferi għall-assorbiment ta' fondi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta' Koeżjoni (FK) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE).

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2015.

Top