Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0340

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Tnedija tal-proċess ta' konsultazzjoni pubblika dwar disinn ġdid tas-suq tal-enerġija

    COM/2015/0340 final

    Brussell, 15.7.2015

    COM(2015) 340 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Tnedija tal-proċess ta' konsultazzjoni pubblika dwar disinn ġdid tas-suq tal-enerġija

    {SWD(2015) 142 final}


    1.Viżjoni għat-tranżizzjoni tas-sistema tal-elettriku

    Fil-Linji Gwida Politiċi tagħha, il-Kummissjoni ta' Juncker għamlet l-iżvilupp ta’ Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika dwar il-klima progressiva wieħed mill-objettivi strateġiċi tagħha.

    Din l-ambizzjoni ġiet ikkonfermata fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015 1 u ġiet żviluppata f’aktar dettall fl-istrateġija ta’ qafas Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika Progressiva dwar it-Tibdil fil-Klima 2 bil-għan li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għal enerġija affidabbli u bi prezz aċċessibbli għal kulħadd, biex jiġi applikat il-prinċipju tal-effiċjenza l-ewwel u biex l-Unjoni Ewropea ssir il-mexxejja dinjija fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli. Il-ksib ta’ dawn l-objettivi se jirrikjedi bidla fundamentali tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa, inkluż it-tfassil mill-ġdid tas-suq tal-elettriku Ewropew, biex jipprovdi aktar previdibilità li torbot il-livelli tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut kif ukoll biex jiġi attirat iktar investiment. Dan se jikkontribwixxi għal patt ġdid għall-konsumaturi tal-enerġija tal-Ewropa kif spjegat fil-Komunikazzjoni COM(2015) 339 finali parallela.

    Is-sistema tal-elettriku tal-Ewropa tinsab f’nofs perjodu ta’ tibfil profond. Wara l-adozzjoni tat-Tielet Pakkett dwar is-Suq Intern tal-Enerġija 3 , id-deċiżjonijiet fil-politika tal-elettriku ippermettew il-kompetizzjoni u ż-żieda tal-flussi transfruntieri tal-elettriku. Is-swieq tal-ingrossa qegħdin ikunu dejjem aktar karatterizzati minn kompetizzjoni ġusta u miftuħa, u — għalkemm għadha mhix biżżejjed — il-kompetizzjoni qed trabbi wkoll l-għeruq fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Bl-introduzzjoni tal-hekk imsejħa “akkoppjament tas-swieq” u l-allokazzjoni tal-kapaċità "bbażata fuq il-flussi", in-negozju tal-elettriku jista’ jsir b’mod aktar effiċjenti madwar l-Ewropa. Fl-istess ħin, l-elettriku ġġenerat mis-sorsi rinnovabbli sar wieħed mis-sorsi l-aktar importanti tal-elettriku bis-saħħa tad-Direttiva dwar is-Sorsi Rinnovabbli 4 u l-isforzi tal-Istati Membri biex jibdew tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju.

    Dawn huma kollha elementi ta’ sistema tal-enerġija orjentata lejn il-futur, iżda l-Ewropa għad baqgħalha sfidi konsiderevoli qabel ma x-xenarju tal-enerġija tagħha jkun adattat għall-bżonnijiet. Biex nimmaniġġjaw dawn il-bidliet u nibbenefikaw bis-sħiħ minnhom, jeħtieġ li nerġgħu nħarsu lejn kif is-sistema u s-swieq tal-elettriku fl-Ewropa huma organizzati u rregolati.

    Il-kunċett tas-suq eżistenti jmur lura għal żmien li fih impjanti tal-elettriku ċentralizzati, fuq skala kbira, imħaddma fil-biċċa l-kbira mill-fjuwils fossili, kellhom l-għan ewlieni li jipprovdu lil kull dar u negozju f’żona limitata — tipikament Stat Membru — b’kemm iridu elettriku, u li fih il-konsumaturi — l-unitajiet domestiċi, in-negozji u l-industrija — kienu meqjusa bħala passivi. Illum, il-mixja lejn il-ġenerazzjoni deċentralizzata żżid in-numru ta’ partijiet involuti u tibdel ir-rwoli eżistenti tas-suq. Is-suq tal-elettriku jeħtieġ li jiġi adattat għal din ir-realtà l-ġdida; jeħtieġ li jintegra bis-sħiħ il-parteċipanti tas-suq kollha — fosthom id-domanda flessibbli, il-fornituri tas-servizzi tal-enerġija u l-enerġiji li jiġġeddu. Eżempju konkret huwa l-flessibbiltà li tippermetti lill-konsumaturi industrijali li jieħdu sehem fis-suq u japprofittaw direttament miż-żieda fil-kompetizzjoni. Hemm bżonn ta’ qafas regolatorju u ta’ governanza effettiv li jnaqqas il-bżonn tal-interventi, bħall-mekkaniżmi ta’ kapaċità.

    Suq Ewropew li jaħdem b’mod sħiħ għandu jippermetti lill-elettriku li jiċċaqlaq bla xkiel kull fejn ikun meħtieġ, imfittex u stmat l-aktar, li jikseb kemm jista’ jkun benefiċċji mill-kompetizzjoni transfruntiera u li jagħti s-sinjali u l-inċentivi t-tajbin biex jixpruna l-investimenti t-tajbin. Barra minn hekk, għandu jiżgura li l-elettriku jintbagħat abbażi tas-sinjali fis-suq. Illum, dan mhuwiex dejjem il-każ: Filwaqt li l-akkoppjament tas-suq, fejn jiġi applikat, irriżulta f’korrelazzjoni ikbar bejn il-prezzijiet tal-ingrossa, il-livelli tal-prezzijiet assoluti, anki fis-swieq viċin xulxin, ivarjaw b’mod sinifikanti u l-firxiet tal-prezzijiet mhumiex qed jonqsu. Jinħtieġu wkoll aktar sforzi biex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed interkonnessjonijiet bejn il-grilji u biex jippromwovu l-istabbiltà fit-tul għall-investimenti fis-settur tal-enerġija kollha kemm hi.

    Il-miri tal-2030 miftiehma mill-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014 5 — mill-inqas 40 % ta' tnaqqis fl-emissjonijiet domestiċi tal-gassijiet b’effett ta’ serra, mill-inqas 27 % fis-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija fil-livell tal-UE u mill-inqas 27 % titjib fl-effiċjenza enerġetika — jirriflettu livell għoli ta’ ambizzjoni. Dan ifisser li l-bidliet lis-sistema tal-elettriku favur id-dekarbonizzazzjoni se jkollhom ikomplu u jintensifikaw. Jekk l-Unjoni Ewropea tilħaq l-objettivi tal-enerġija u l-klima għall-2030, ikun ifisser li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli x’aktarx jilħaq sa 50 % tal-elettriku prodott. Illum, is-swieq mhumiex flessibbli biżżejjed, kemm fuq in-naħa tal-provvista u wkoll fuq in-naħa tad-domanda, biex jakkomodaw sehem akbar tal-enerġija rinnovabbli fis-suq. Disinn ġdid tas-suq jiżgura li s-swieq tal-enerġija jkunu jistgħu jappoġġaw bis-sħiħ din it-tranżizzjoni bi prezz minimu. Dan jista’ jinkiseb billi jitneħħew l-ostakoli li fadal għall-enerġija rinnovabbli u billi jiġi żgurat li s-suq jipprovdi s-sinjali t-tajba għal biżżejjed investiment fil-kapaċità flessibbli meħtieġa biex takkomoda s-sehem dejjem akbar tal-enerġija rinnovabbli varjabbli fis-sistema. Pass meħtieġ għal integrazzjoni tas-sorsi rinnovabbli b'suċċess u bl-inqas spejjeż huwa permezz ta' swieq tal-elettriku għal żmien qasir li jaħdmu sewwa, mill-jum qabel il-kunsinna tal-elettriku sal-mument tal-konsum, u li jagħtu aċċess sħiħ lit-teknoloġiji flessibbli.

    Il-potenzjal għall-effiċjenza enerġetika qed jiġi kkunsidrat fit-teħid tad-deċiżjonijiet kollu relatat mal-iżvilupp tal-Unjoni tal-Enerġija (li jagħti importanza lill-prinċipju l-Effiċjenza Enerġetika l-Ewwel). Madankollu, id-domanda għall-elettriku hija mbassra li se tiżdied hekk kif il-konsumaturi jduru għall-elettriku minn sorsi oħra ta’ enerġija. Kwalunkwe eżami tad-disinn tas-suq għandu għalhekk joħloq il-kundizzjonijiet li jwasslu biex ikompli jonqos il-konsum tal-enerġija tal-UE filwaqt li jippermetti l-integrazzjoni kosteffettiva ta’ tipi ġodda ta’ domanda flessibbli fis-suq.

    Barra minn hekk, it-teknoloġiji l-ġodda, bħal netwerks intelliġenti, arloġġi tad-dawl intelliġenti, djar intelliġenti, l-awtoġenerazzjoni u tagħmir għall-ħżin, qed jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini biex jieħdu f’idejhom it-tranżizzjoni tal-enerġija, bl-użu ta’ dawn it-teknoloġiji ġodda biex jitnaqqsu l-kontijiet tagħhom u jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq. Dan jeħtieġ jiġi promoss mis-suq.

    Id-disinn tas-suq tal-UE għandu jiżgura li l-ħtiġijiet tal-enerġija tal-konsumaturi kbar u żgħar ikunu jistgħu jiġu ssodisfati minn kumpaniji innovattivi u minn intermedjarji affidabbli madwar l-Ewropa. Għandhom jieħdu l-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji l-ġodda u mill-enfasi fuq il-konsumaturi biex jiżviluppaw u jimplimentaw prodotti u servizzi ġodda. Dan jgħin biex jiġi żgurat it-twassil ta’ patt ġdid għall-konsumaturi li jista’ jorbot l-elementi differenti tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija: impjiegi bbażati fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-effiċjenza tal-enerġija fuq quddiem nett tal-politiki tagħna.

    L-għan tagħna huwa li jiġu integrati s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli b’mod sħiħ fis-sistema tal-elettriku billi jiġi żgurat li s-swieq ikunu tajbin għall-enerġija rinnovabbli, bil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fis-swieq tal-elettriku fuq l-istess livell tal-ġenerazzjoni konvenzjonali.

    Dan se jkun ifisser l-iżvilupp ta’ qafas ġdid bl-arranġamenti tas-suq:

    adattati għal suq tal-elettriku interkonness madwar l-UE kollha li jipprovdi sinjali ta’ prezz ċari għal investimenti ġodda u li jiffaċilita l-iżvilupp ulterjuri ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

    biex jippromwovu l-kooperazzjoni reġjonali u l-koordinazzjoni tal-politiki dwar l-enerġija

    biex jippermettu l-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli, inkluż dwar skemi ta’ appoġġ;

    biex jipprovdu dimensjoni verament Ewropea għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku.

    Din l-inizjattiva hija waħda mill-punti ta’ azzjoni ewlenin tal-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija 6 . Qed tiġi adottata flimkien mal-Komunikazzjoni dwar it-Twassil ta’ Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-enerġija, bil-għan li jitqiegħdu fil-qalba tas-sistema tal-enerġija futura u l-ewwel riżultat tagħha hija d-Direttiva riveduta dwar it-Tikkettar tal-Enerġija.

     

    2.It-twettiq tas-suq tal-elettriku ġdid għall-Unjoni Ewropea

    2.1.Nibnu suq li jaħdem

    Suq tal-elettriku mal-Ewropa kollha li jaħdem bis-sħiħ huwa l-aħjar mezz biex ikun żgurat li l-elettriku jkun jista’ jitwassal għand il-konsumaturi bl-iktar mod kosteffiċjenti fi kwalunkwe ħin.

    2.1.1.L-istabbiliment ta' swieq transfruntiera għal perjodu qasir

    L-elettriku ma jiswiex l-istess f’kull ħin u f’kull post fejn jiġi prodott u kkonsmat. Il-prezzijiet għandhom jirriflettu dan il-fatt sabiex jipprovdu sinjali tal-produzzjoni u tal-investiment korretti u sinifikanti. Dan inevitabbilment ifisser li jista' jkun hemm prezzijiet għoljin meta l-ġenerazzjoni tkun skarsa, u dan ikollu wkoll il-potenzjal li jagħti spinta lir-“reazzjoni għad-domanda”.

    Is-swieq għal żmien qasir, b’mod partikolari s-swieq tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar, għandhom ikunu fil-qalba tat-tfassil tas-suq tal-elettriku effiċjenti. Għandhom ikunu mfassla bis-sistema tal-enerġija tal-ġejjieni f'moħħna - sistema bi flussi transfruntieri fuq skala kbira u volumi kbar ta’ produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli varjabbli. F’ħafna Stati Membri, il-funzjonament tas-suq jista' jittejjeb b’mod sinifikanti bl-introduzzjoni tal-akkoppjament tas-suq, tat-titjib tal-flussi transfruntiera, tat-tisħiħ tan-negozjar tal-jum stess u rispons tad-domanda. Ir-restrizzjonijiet fuq l-ipprezzar għandhom jitneħħew, il-ħinijiet tas-swieq ta' jum u l-intervalli tan-negozjar għandhom jitqassru u l-ħinijiet tal-għeluq tan-negozju għandhom jitqarrbu iktar għall-ħin reali.

    It-tħaddim sigur tal-grilja sar aktar diffiċli minħabba t-tkabbir rapidu tal-enerġiji rinnovabbli varjabbli, u kemm in-naħa tad-domanda u wkoll l-impjanti tal-ġenerazzjoni konvenzjonali għandhom ikunu kapaċi u inċentivati biex iwieġbu għal din l-isfida ta' flessibbiltà. L-integrazzjoni tal-ħżin fis-suq tal-elettriku jżid aktar il-flessibbiltà meħtieġa: l-elettriku għandu jiġi maħżun meta jkun hemm produzzjoni żejda u l-prezzijiet ikunu baxxi; dan għandu jiġi rilaxxat meta l-ġenerazzjoni tkun skarsa u l-prezzijiet ikunu għoljin, sabiex jelimina l-produzzjoni varjabbli tal-enerġija.

    Importanti ħafna, għal dan l-għan jeħtieġ li tiġi stabbilita sistema mifruxa mal-UE kollha għall-kummerċ transfruntier tal-istess ġurnata — bħalma sar diġà b’suċċess għan-negozjar ta’ jum bil-quddiem. Biex ikunu aktar effettivi u effiċjenti, is-swieq tal-ibbilanċjar se jkollhom ikopru żoni akbar minn dawk tal-lum. Dan inaqqas il-bżonn għall-ġenerazzjoni ta' riżerva u jippermetti lis-sistema tal-enerġija Ewropea tuża l-potenzjal tal-enerġiji rinnovabbli b’mod sħiħ. Dan għandu jkun ikkomplementat minn strateġiji komuni għall-ġestjoni tal-konġestjoni tan-netwerk. Għadd limitat ta’ reġjuni ta’ bbilanċjar usa’ għandhom jiġu definiti fil-perspettiva Ewropea skont il-ħtiġijiet tan-netwerk u mhux skont il-fruntieri nazzjonali. Bl-istess mod, iż-żoni tal-prezzijiet bl-ingrossa tal-elettriku għandhom jirriflettu wkoll fejn ikun hemm kapaċità ta’ trażmissjoni u mhux sempliċiment il-fruntieri tal-Istati Membri.

    2.1.2.Trawwim ta' swieq fit-tul li jippermettu l-investiment

    Mil-lat tal-investiment, is-sinjali tal-prezzijiet fit-tul huma importanti daqs swieq għal perjodu qasir li jiffunzjonaw tajjeb. Sinjal ta’ investiment importanti ieħor relatat mad-dekarbonizzazzjoni huwa s-suq Ewropew tal-karbonju riformat, b'Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq li taħdem tajjeb u aktar miżuri kif inklużi fil-proposta tal-ETS riveduta adottata flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni.

    Għandna niżguraw li dawn is-swieq ikunu tassew miftuħin għall-atturi kollha tas-suq. Il-produtturi konvenzjonali, id-domanda flessibbli, it-teknoloġiji tal-ħżin tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, il-fornituri tas-servizzi tal-enerġija l-ġodda u mhux biss l-operaturi li hemm diġà, jeħtieġu aċċess effettiv għas-swieq fit-tul li jagħtu sinjali dwar liema investiment jagħmel sens ekonomiku u fejn għandhom ikunu lokalizzati.

    F’xi swieq, il-bidla fuq skala kbira lejn produzzjoni tal-elettriku b’intensità għolja ta’ kapital mir-riħ u x-xemx bi spejjeż marġinali qrib iż-żero wasslet għal perjodi twal ta’ prezzijiet immedjati baxxi kif ukoll inqas sigħat ta’ tħaddim tal-ġenerazzjoni konvenzjonali. F’sitwazzjonijiet bħal din, kundizzjoni essenzjali biex is-swieq tal-elettriku jibagħtu s-sinjali tal-prezzjijiet it-tajbin għall-investiment f’kapaċità adegwata hija li l-prezzijiet jitħallew jirriflettu l-iskarsezza fil-waqtiet tal-ogħla domanda, u biex l-investituri jkollhom fiduċja f’li dan jissarraf f’sinjali tal-prezzijiet fit-tul.

    Jekk il-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa jitħallew jogħlew meta d-domanda tkun għolja jew meta l-ġenerazzjoni tkun skarsa mhux bilfors ifisser li l-konsumaturi jkunu esposti għal prezzijiet ogħla u aktar volatili. Swieq aktar fit-tul li jiffunzjonaw tajjeb jippermettu lill-fornituri u lill-produtturi jimmaniġġjaw il-varjazzjonijiet tal-prezzijiet fis-swieq immedjati — fejn il-ġeneraturi effettivament jistgħu jbigħu assigurazzjoni lill-fornituri u lill-konsumaturi kontra l-impatt tal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet u jtejbu wkoll is-sinjali ta’ investiment fit-tul. Il-parteċipanti fis-suq, fosthom il-produtturi tas-sorsi rinnovabbli, għandhom ikunu jistgħu jilqgħu kontra l-volatilità tal-prezzijiet u r-riskji tal-volumi billi jibdlu l-inċertezzi marbuta mal-livelli ta' prezzijiet għoljin ħafna fi dħul ippjanat u sigur. Din hija r-raġuni għaliex huwa kruċjali li jitħallew il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet fis-swieq ta’ perjodu qasir u li dawn jintrabtu ma’ swieq fit-tul.

    Kuntratti fit-tul bejn il-parteċipanti tas-suq jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu r-riskju tal-investiment għal investimenti b'intensità għolja ta' kapital meħtieġa fis-settur tal-elettriku, l-iffaċilitar ta’ aċċess għall-kapital b’mod partikolari għal teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju bi spejjeż raġonevoli. Huwa għalhekk importanti li titrawwem id-disponibbiltà ta’ prodotti xierqa fit-tul u li jiġi stabbilit jekk hemmx ostakli għall-kuntrattar fit-tul. Meta jidħlu f’kuntratti fit-tul fl-iskambji tal-elettriku, il-partijiet kontraenti ta’ spiss jintalbu jipprovdu garanziji. Peress li garanziji bħal dawn jistgħu jqumu ħafna, għandhom jiġu vvalutati mekkaniżmi biex jitnaqqsu l-ispejjeż relatati, filwaqt li xorta jiġu limitati r-riskji assoċjati ma’ inadempjenza tal-kontroparti.

    2.1.3.Infrastruttura għal suq li jiffunzjona

    Grilja tal-Enerġija Ewropea interkonnessa tajjeb hija essenzjali għas-sigurtà enerġetika tal-Ewropa, għal iktar kompetizzjoni fis-suq intern li twassal għal prezzijiet aktar kompetittivi u biex jintbagħtu s-sinjali meħtieġa ħalli jiġu inċentivati l-investimenti lejn il-miri ta’ politika tad-dekarbonizzazzjoni tal-enerġija u tal-klima li impenjat ruħha lejhom l-Unjoni Ewropea 7 .

    It-tlestija tal-konnessjonijiet infrastrutturali li għadhom neqsin għal suq intern verament integrat, u l-iffaċilitar tal-investiment meħtieġ biex dan isir, huma għalhekk waħda mill-prijoritajiet ewlenin fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija.

    Il-proġetti ta’ interess komuni (PCIs 8 ) huma l-istrument prinċipali biex is-swieq nazzjonali tal-elettriku jiġu fiżikament integrati u biex is-sorsi tal-enerġija tagħhom jiġu diversifikati. Bosta mir-rabtiet infrastrutturali proposti se jkollhom rwol ċentrali biex inlaħħqu mal-varjabbiltà tas-sorsi rinnovabbli bejn pajjiżi bħan-Norveġja u r-Renju Unit, Franza u Spanja, jew in-Norveġja, in-Netherlands u l-Ġermanja. Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku, li jikkumplementa l-fondi attwali disponibbli mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, se jappoġġa wkoll proġetti tal-enerġija, inkluża l-infrastruttura tal-enerġija. Barra minn hekk, Ċentru ta’ Konsulenza Ewropew għall-Investiment se jipprovdi għarfien espert u assistenza teknika lil promoturi pubbliċi u privati biex ifasslu u jistrutturaw proġetti ta’ investiment finanzjarjament vijabbli.

    2.2.Addatament tad-disinn tas-suq għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u skemi ta’ appoġġ għas-swieq

    It-twassil ta' riżultati fid-dawl tal-ambizzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija li l-Unjoni Ewropea ssir mexxejja dinjija fl-enerġija rinnovabbli se jinvolvi l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet li fihom is-sorsi rinnovabbli jistgħu jattiraw l-investimenti meħtieġa. Finanzjament bi spejjeż baxxi għal sorsi rinnovabbli b'intensità għolja ta' kapital jiddependi minn qafas ta’ investiment stabbli li jnaqqas il-piż regolatorju u r-riskju.

    2.2.1.Suq tajjeb għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

    Id-deċiżjonijiet ta’ investiment f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jeħtieġ li jqisu l-attribwiti naturali tal-lokalità ġeografika, id-disponibbiltà tal-grilja, l-aċċettazzjoni pubblika, il-post tal-konsum u kundizzjonijiet amministrattivi kif ukoll ta’ investiment, inklużi t-taxxi u l-imposti. Dawn kollha huma fatturi rilevanti fir-rigward tal-ispejjeż ta’ produzzjoni. Suq li jiffunzjona b’żoni ta' prezzijiet definiti b'mod xieraq b’hekk jindika fejn u meta għandu jiġi ġġenerat l-elettriku minn sorsi rinnovabbli.

    Fl-istess ħin, l-integrazzjoni b’suċċess tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli fis-sistema teħtieġ swieq flessibbli li jinkludu firxa usa’ ta’ atturi, kemm fuq in-naħa tal-provvista kif ukoll tad-domanda. L-istabbiliment ta’ swieq fuq perjodu qasir li jkunu likwidi u integrati aħjar jgħin biex tiżdied il-flessibilità u biex il-produtturi tal-enerġija rinnovabbli jitħallew jikkompetu fuq l-istess livell ma’ produtturi tal-enerġija konvenzjonali. Bl-istess mod, għandhom jiġu mħeġġa swieq għall-ġestjoni tar-riskju tal-volum.

    Bl-istess mod, kemm it-titjib tal-interkonnessjonijiet kif ukoll l-iffaċilitar tar-rispons tad-domanda se jkomplu jikkontribwixxu għall-flessibilità meħtieġa biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-suq. Madankollu, il-konsumaturi attwalment mhumiex inċentivati biżżejjed biex jadattaw it-tendenza tagħhom tal-konsum għall-bidliet fis-sitwazzjoni tal-provvista. Barra minn hekk, l-ostakli regolatorji u diskriminatorji fis-seħħ jipprevjenu lill-konsumaturi, jew l-aggregaturi li jaġixxu f’isimhom, mill-użu tar-rispons tad-domanda (inkluż il-ġestjoni tal-ħżin) u milli jieħdu sehem fis-swieq tal-elettriku fuq livell ugwali mal-ġeneraturi.



    Jekk is-swieq ikunu aktar flessibbli, il-produtturi tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jkunu jistgħu jkunu kompletament involuti fis-suq, inkluż fl-ibbilanċjar tal-portafoll tagħhom. Huma għandhom ukoll ikunu jistgħu jikkontribwixxu huma stess biex iżidu l-flessibbiltà tas-sistema. Id-dispożizzjonijiet eżistenti li jeskludu mezzi partikolari ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija mir-regoli normali tas-suq għandhom jiġu riveduti.

    2.2.2.Il-promozzjoni ta' sorsi rinnovabbli tajbin għas-suq

    Ir-riforma tas-suq b’dan il-mod hija, flimkien ma’ ETS tal-UE msaħħa, pass fundamentali sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet li eventwalment jippermettu l-investiment f’kapaċitajiet ġodda ta’ enerġija rinnovabbli li jkunu mmexxija mis-suq.

    Sadanittant, il-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandha tiġi appoġġjata, jekk ikun hemm bżonn, permezz ta’ skemi bbażati fis-suq li jindirizzaw il-fallimenti tas-suq, li jiżguraw il-kosteffettività u li jevitaw il-kumpens żejjed u d-distorsjoni tas-suq b’konformità mal-linji gwida ta’ għajnuna mill-Istat 9 .

    Skemi ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli huma kważi dejjem nazzjonali fl-ambitu tagħhom. Approċċ reġjonali aktar koordinat għall-enerġija rinnovabbli – inkluż permezz ta' skemi ta’ appoġġ – jista' jwassal għal gwadann konsiderevoli, fost l-oħrajn permezz tal-promozzjoni kosteffikaċi tal-iżvilupp ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli fl-aqwa postijiet ġeografiċi. Dan ikabbar is-suq għall-enerġiji rinnovabbli, jiffaċilita l-integrazzjoni tagħhom u jippromwovi l-użu l-aktar effiċjenti tagħhom. Filwaqt li l-Istati Membri qed isiru dejjem iktar miftuħa għal kooperazzjoni reġjonali mtejba, għad hemm xi diffikultajiet prattiċi. Qafas konkret għall-parteċipazzjoni transfruntiera fl-iskemi ta’ sostenn jista' jindirizza dawn id-diffikultajiet prattiċi.

    2.3.It-tgħaqqid tas-swieq bl-ingrossa u dawk bl-imnut biex jitwassal patt ġdid għall-konsumaturi

    L-integrazzjoni tas-suq intern m’għandhiex tieqaf fuq il-livell tas-swieq bl-ingrossa. Biex jitwettaq il-potenzjal sħiħ tas-suq intern Ewropew tal-enerġija, il-parti tal-bejgħ bl-imnut tas-suq tal-elettriku għandha toffri lill-konsumaturi – id-djar, in-negozji u l-industrija – il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni attiva u utli fit-tranżizzjoni enerġetika tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu jkun wieħed mill-għanijiet ta’ disinn ġdid tas-suq u jeħtieġ bidla fundamentali fir-rwol tal-konsumatur fis-suq tal-elettriku.

    Ħafna ostakli għall-parteċipazzjoni sħiħa tal-konsumaturi fis-suq tal-enerġija għadhom jeżistu llum. In-nuqqas ta’ informazzjoni xierqa dwar l-ispejjeż u l-konsum jew it-trasparenza fl-offerti jwasslu għal nuqqas ta’ kompetizzjoni suffiċjenti fuq bosta swieq bl-imnut. Fl-istess ħin, is-swieq għal servizzi tal-enerġija residenzjali għadhom ma ġewx żviluppati biżżejjed.

    Li wieħed ikun konsumatur attiv tal-enerġija m’għandux tkun ħaġa kkumplikata jew li tieħu ħafna ħin. Issa jeżistu t-teknoloġiji biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jsiru parteċipanti sħaħ fit-tranżizzjoni tal-enerġija. Madankollu, interventi regolatorji bħal-limiti massimi tal-prezzijiet, ir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet, tassazzjoni li tfixkel u interventi statali oħra jirriżultaw fi prezzijiet li ma jipprovdux sinjali u valur biex il-konsumaturi jipparteċipaw f’dan is-suq. B’hekk il-potenzjal għall-aqwa rispons tad-domanda għadu mhux qed jiġi sfruttat. Għaldaqstant, la d-djar, la n-negozji u lanqas l-industrija attwalment ma huma inċentivati biżżejjed biex jipparteċipaw fis-swieq tal-elettriku.

    Għalhekk, sinjali xierqa tal-prezzijiet huma kruċjali. Dan jinkludi rabta aktar mill-qrib tas-swieq bl-ingrossa u bl-imnut, b’mod partikolari billi l-utenti aħħarin jiġu offruti prezzijiet li jirriflettu l-varjazzjonijiet fil-prezzijiet bl-ingrossa. Barra minn hekk, it-tariffi tan-netwerk għandhom jiġu mfassla b’mod li ma jxekklux ir-rispons tad-domanda filwaqt li jiġi żgurat kontribut ġust għall-ispejjeż tan-netwerk.

    Ukoll, ostakli regolatorji oħrajn u regoli diskriminatorji fis-seħħ jipprevjenu lill-konsumaturi, jew lill-aggregaturi li jaġixxu f’isimhom, milli jagħżlu l-alternattiva tar-rispons tad-domanda (inklużi l-ġestjoni tal-ħżin) u jieħdu sehem fis-swieq tal-elettriku fuq livell ugwali mal-ġeneraturi. L-eżistenza ta’ prezzijiet regolati li jipproteġu lill-konsumatur aħħari mis-sinjali tal-prezzijiet tas-suq, hija l-aktar waħda ovvja fosthom. Barra minn hekk, ir-regoli tas-suq s’issa mhux dejjem iwasslu għall-parteċipazzjoni tal-aggregaturi. Jista’ jkun mixtieq li jiġi żviluppat approċċ komuni għad-disinn tas-suq biex ir-rispons tad-domanda jitħalla jikkompeti fuq bażi ugwali mal-ġeneraturi.

    MISTOQSIJIET

    1)Il-prezzijiet li jirriflettu l-iskarsezza reali (f’termini ta’ żmien u post) għandhom ikunu fattur importanti għad-disinn tas-suq fil-ġejjieni? Dan ikun jinkludi wkoll il-ħtieġa li l-prezzijiet jirriflettu l-iskarsezza tal-kapaċità ta’ trażmissjoni disponibbli?

    2)Liema huma l-isfidi u l-opportunitajiet li jistgħu jirriżultaw minn prezzijiet li jirriflettu l-iskarsezza reali? Kif jistgħu jiġu indirizzati dawn l-isfidi? Dawn il-prezzijiet jistgħu jwasslu biex il-mekkaniżmi tal-kapaċità ma jibqgħux validi?

    3)Il-progress fil-konverġenza tas-swieq ta' bilanċjar għadu kajman; l-UE għandha tipprova taċċellera l-proċess, jekk ikun hemm bżonn, permezz ta’ miżuri legali?

    4)X’jista’ jsir biex tiġi ffaċilitata implimentazzjoni bla xkiel ta’ pjattaforma wiesgħa tal-UE għas-swieq tal-istess jum?

    5)Il-kuntratti fit-tul bejn il-ġeneraturi u l-konsumaturi huma meħtieġa biex tiġi pprovduta ċertezza għall-investiment f'kapaċità ġdida ta’ ġenerazzjoni? X’ostakli, jekk hemm, ixekklu tali prodotti tal-hedging fit-tul milli joħorġu? Hemm rwol għas-settur pubbliku fil-faċilitazzjoni tas-swieq għal kuntratti fit-tul?

    6)Sa liema punt taħseb li d-diverġenza ta’ taxxi u ħlasijiet 10 imposti fuq l-elettriku fi Stati Membri differenti toħloq distorsjonijiet f’termini ta’ ġestjoni effiċjenti tal-investimenti jew tfixkil tal-fluss ħieles tal-enerġija?

    7)X’hemm bżonn li jsir biex l-investiment f’enerġiji rinnovabbli jitħalla jkun dejjem aktar xprunat mis-sinjali tas-suq?

    8)Liema ostakli, jekk hemm, tara li jistgħu jxekklu l-integrazzjoni bis-sħiħ tal-ġeneraturi tal-enerġija rinnovabbli fis-suq, inkluż is-swieq tal-ibbilanċjar u tal-istess jum, u kif ukoll dwar it-trażmissjoni abbażi tal-ordni ta’ mertu?

    9)Għandu jkun hemm approċċ aktar ikkoordinat fl-Istati Membri kollha għal skemi ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli? Liema huma l-ostakli ewlenin għal skemi ta’ appoġġ reġjonali u kif jistgħu dawn l-ostakli jitneħħew fil-prattika (pereżempju permezz ta’ leġiżlazzjoni)?

    10)Fejn tara li qegħdin l-ostakli ewlenin li għandhom jiġu indirizzati sabiex tingħata spinta lir-rispons tad-domanda (eż. prezzijiet mhux flessibbli biżżejjed, ostakoli (regolatorji) għall-aggregaturi/klijenti, nuqqas ta' aċċess għal teknoloġiji ta' djar intelliġenti, l-ebda obbligu li l-klijenti aħħarin jingħataw il-possibilità li jieħdu sehem fis-suq tal-bilanċ permezz ta’ skema ta’ rispons tad-domanda, eċċ.)?

    3.Żieda fil-kooperazzjoni reġjonali f'sistema integrata tal-elettriku

    Il-ħtieġa għal żvilupp u ġestjoni b'mod sigur u kosteffiċjenti tas-sistema tal-elettriku tesiġi li jiżdiedu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-atturi kollha fis-suq intern tal-enerġija. F’ċerti każijiet, dan jinvolvi ċaqliqa mill-approċċ nazzjonali għal wieħed reġjonali jew Ewropew.

    3.1.Il-koordinazzjoni reġjonali tat-tfassil tal-politika nazzjonali

    Suq intern tal-enerġija li jiffunzjona kompletament jeħtieġ li l-Istati Membri jikkoordinaw u jikkooperaw mal-ġirien tagħhom fl-iżvilupp tal-politiki tal-enerġija tagħhom. Bl-istess mod, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-inizjattivi reġjonali kollha jevolvu b’mod koerenti u li jwasslu għal suq tal-enerġija integrat bis-sħiħ. Meta jeżistu sistemi nazzjonali frammentati, il-kooperazzjoni reġjonali għandha ssir komponent essenzjali ta’ governanza effettiva għall-Unjoni tal-Enerġija u l-ewwel pass lejn l-armonizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha, fejn ikun meħtieġ.

    Il-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri wkoll se tkun kruċjali biex jintlaħqu l-miri miftiehma fil-livell tal-Unjoni Ewropea b’mod aktar kosteffettiv (eż. l-użu aħjar ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni biex jintlaħqu l-miri tal-enerġiji rinnovabbli), aktar integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija u t-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija. Eżempji ta’ kooperazzjoni politika fi kwistjonijiet tal-enerġija bħalma huma l-Forum Pentalaterali, l-inizjattiva tal-Grilja 'l Barra mix-Xtut tal-Pajjiżi tal-Ibħra tat-Tramuntana (NSCOGI), il-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (BEMIP): http://ec.europa.eu/energy/en/topics/infrastructure/baltic-energy-market-interconnection-plan , il-Grupp il-ġdid għall-Interkonnessjoni fil-Lbiċ tal-Ewropa: https://ec.europa.eu/energy/en/news/high-level-group-energy-infrastructure-south-west-europe-created jew il-Grupp ta' Konnettività fil-qasam tal-Gass fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk: https://ec.europa.eu/energy/en/topics/infrastructure/central-and-south-eastern-europe-gas-connectivity , fil-qasam tal-gass huma passi fid-direzzjoni t-tajba. Il-kooperazzjoni reġjonali m’għandhiex tkun limitata għall-Istati Membri tal-UE jew tieqaf mal-fruntieri tal-UE. L-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni tat-tielet pakkett mill-pajjiżi ġirien bħalma huma l-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija se tiżgura li l-benefiċċji tas-suq intern jmorru lil hinn mill-UE. Fora reġjonali għandhom ukoll jivvalutaw u jindirizzaw ir-riskji intrinsiċi marbuta ma’ dipendenza żejda fuq pajjiżi terzi li jagħżlu li ma japplikawx il-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-UE. It-tisħiħ ta’ din il-kooperazzjoni joffri opportunitajiet uniċi biex isir progress aktar malajr u aktar effiċjenti lejn suq integrat.

    3.2.It-titjib tal-interkonnessjonijiet

    Meta jitqiesu l-benefiċċji ċari ta’ interkonnessjoni aħjar, il-Kummissjoni, bħala parti mill-pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija, ippreżentat strateġija dettaljata ta’ kif jista’ jitnaqqas id-distakk bejn il-mira ta’ interkonnessjoni ta’ 10 % 11 u għandha l-ħsieb li fl-2016 tippreżenta komunikazzjoni dwar kif jista' jiġi ssodisfat l-objettiv usa' ta' livell ta’ interkonnessjoni ta’ 15 % kif mitlub mill-Kunsill Ewropew.

    Il-kapaċità ta’ interkonnessjoni bejn diversi pajjiżi għadha pjuttost baxxa u insuffiċjenti għall-flussi mistennija tal-enerġija. Il-proġetti ta’ interess komuni introdotti permezz tar-Regolament dwar linji gwida għall-infrastruttura trans-Ewropea 12 tal-enerġija huma fundamentali biex is-swieq nazzjonali tal-elettriku jiġu integrati fiżikament u biex is-sorsi tal-enerġija tagħhom jiġu diversifikati. Pereżempju, l-Istati Baltiċi għadhom ma jiffurmawx parti miż-żona sinkronika tal-Ewropa Kontinentali. Huwa wkoll punt ta' politika maqbul li l-kooperazzjoni reġjonali biex tittejjeb l-interkonnettivitàli jeħtieġ li tissaħħaħ, b’mod partikolari fir-reġjun tal-Baltiku, il-Peniżola Iberika, l-Ibħra tat-Tramuntana u ċ-Ċentru u x-Xlokk tal-Ewropa. Konnessjonijiet ulterjuri lejn ir-reġjuni ġirien bħalma huma n-Nofsinhar tal-Mediterran u l-Balkani tal-Punent ukoll għandhom jiġu kkunsidrati.

    Il-ġestjoni tas-sistema u l-identifikazzjoni ta' fejn hemm bżonn ta’ interkonnessjonijiet ġodda jeħtieġu li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jkunu jistgħu jorbtu fuq il-formazzjoni tal-prezzijiet tas-swieq immedjati u s-swieq bl-ingrossa. Bħalissa, id-dħul minn tariffi fuq il-konġestjoni – dħul li ġej mit-trażmissjoni tal-elettriku minn żoni bi prezzijiet baxxi għal żoni fejn il-prezzijiet huma ogħla – huwa ta’ spiss sostanzjali iżda dan ftit li xejn jintuża għall-bini jew għat-tisħiħ tal-interkonnessjonijiet. Dan għandu jinbidel u dawn il-fondi jistgħu jintużaw b'mod effettiv fil-bini ta’ sistema tal-elettriku tal-Ewropa.

    3.3.Kooperazzjoni bejn l-Operaturi tas-Sistemi

    Fi grilja tal-elettriku integrata b'dan il-mod, l-ippjanar operazzjonali u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għandu jkun koerenti f’kull ħin. It-teħid ta’ deċiżjonijiet reġjonali u l-kooperazzjoni reġjonali huma partikolarment kruċjali għal operazzjoni sigura tas-sistema. L-istabbiliment ta’ ċentri operattivi reġjonali ser jgħin biex il-flussi transfruntiera tal-elettriku fis-sistemi ta’ trażmissjoni jiġu ppjanati u ġestiti b'mod effettiv, saħansitra f'ħin reali. Inizjattivi eżistenti ta' Kooperazzjoni fis-Sigurtà Reġjonali (RSCIs) huma l-ewwel pass importanti fid-direzzjoni ta’ aktar koordinazzjoni u integrazzjoni reġjonali tal-operazzjoni tas-sistema – dawn għandhom ikunu progressivament mgħammra b’setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u jistgħu jwittu t-triq għal koordinazzjoni pan-Ewropea tal-operazzjoni tas-sistema.

    In-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E) bħalissa għandu rwol importanti biex jikkoordina l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni (TSOs) u tal-iżvilupp ta’ kodiċijiet tan-netwerks. Il-ħtieġa għal aktar koordinazzjoni bejn l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni jistgħu, minbarra l-istabbiliment ta’ ċentri operattivi reġjonali, jeħtieġu ENTSO-E aktar b'saħħtu. Dan jista’ jeħtieġ ukoll tibdiliet fl-istruttura ta’ governanza tal-ENTSO-E u l-kontribut tiegħu għall-governanza effettiva tal-Unjoni tal-Enerġija.

    Fl-isfond ta’ aktar integrazzjoni tas-sistemi ta’ trażmissjoni Ewropej, jista’ jkun neċessarju wkoll li jiġi rivedut il-qafas tal-introjtu għall-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni (tariffi, kirjiet ta’ konġestjoni u ta’ kumpens lil operaturi oħra tas-sistema ta’ intertrażmissjoni) biex jiġi żgurat li dan jipprovdi l-inċentivi t-tajba għall-operaturi kollha tas-sistema ta’ trażmissjoni.

    L-espansjoni tal-grilja u l-ġestjoni ottimali tal-grilja huma meħtieġa wkoll fil-livell tad-distribuzzjoni peress illi l-grilji ta’ distribuzzjoni huma essenzjali biex jiġu integrati l-enerġiji rinnovabbli deċentralizzati, prodotti lokalment. Proċeduri ġodda għandhom jiġu introdotti biex jiġu inċentivati l-Operaturi tas-Sistemi ta’ Distribuzzjoni (DSOs) ħalli jużaw il-flessibilità lokali u jirrispondu għal dawn l-isfidi l-ġodda b’mod kosteffikaċi. F’dan il-kuntest, ir-rwol tad-DSOs jeħtieġ li jitqies mill-ġdid. Id-DSOs għandhom ikunu faċilitaturi newtrali tas-suq li jippermettu l-iżvilupp ta’ servizzi bbażati fis-suq għall-konsumaturi minn partijiet terzi. Dan huwa partikolarment veru f’każijiet fejn id-DSOs jingħataw ir-responsabbiltà ta’ metraġġ intelliġenti u t-trattament tad-dejta. Kwistjonijiet relatati mas-sjieda tad-dejta u tas-sigurtà tagħha kontra l-attakki ċibernetiċi għandhom jiġu solvuti b’mod sodisfaċenti, irrispettivament minn jekk dan il-kompitu huwiex allokat lid-DSOs jew lil fornituri oħra tas-servizz.

    Jista’ jkun meħtieġ ukoll li nirriflettu jekk l-operaturi tas-sistema tad0distribuzzjoni humiex involuti biżżejjed f’korpi regolatorji Ewropej u fil-governanza effettiva tal-Unjoni tal-Enerġija. Barra minn hekk, it-tariffi tan-netwerk għandhom jiġu mfassla b’tali mod li jinċentivaw l-użu effiċjenti tal-grilja u li jiżguraw kontribut ġust għall-kostijiet tan-netwerks, filwaqt li ma għandhomx jiskoraġġixxu r-rispons tad-domanda.

    It-titjib tal-intelliġenza tal-grilja tal-elettriku mill-ogħla livelli ta’ vultaġġ sad-djar individwali jista’ jgħin biex tiġi indirizzata l-produzzjoni varjabbli u deċentralizzata tal-elettriku b’mod aktar kosteffikaċi u titnaqqas jew tiġi posposta l-ħtieġa għal linji, interkonnetturi jew mekkaniżmi ta’ kapaċità ġodda. Kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn id-DSOs u t-TSOs dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-ippjanar u l-operazzjonijiet tan-netwerks hija għalhekk ta’ importanza kbira u għandha titkompla.

    3.4.L-adattament tal-qafas regolatorju għal swieq integrati

    It-tħaddim ta’ grilja tal-elettriku integrata u r-regoli tal-kummerċ jirrikjedu sorveljanza regolatorja allinjata. Rwol imsaħħaħ għall-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) biex tissorvelja l-funzjonament effettiv tas-swieq integrati u l-infrastruttura transfruntiera jidher li huwa konsegwenza naturali tal-integrazzjoni tas-suq.

    L-ACER attwalment taġixxi primarjament permezz ta’ rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet u għandha drittijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet limitati ħafna. F’konformità mal-kooperazzjoni mtejba tal-operaturi tas-sistemi, is-setgħat u l-indipendenza tal-ACER jistgħu jeħtieġu t-tisħiħ sabiex tkun tista' twettaq funzjonijiet regolatorji fil-livell Ewropew fejn meħtieġ. L-ACER imbagħad tkun tista' tagħmilha ta' arbitru f'tilwim reġjonali u fil-livell tal-UE.

    It-tisħiħ tas-setgħat ta’ ACER jista' jinkludi l-għoti tas-setgħa li l-Aġenzija tadotta deċiżjonijiet direttament applikabbli u vinkolanti fil-każ ta’ inizjattivi fil-livell tal-UE u kwistjonijiet transfruntiera u l-introduzzjoni ta’ setgħat ta’ infurzar biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawn id-deċiżjonijiet.

    Ir-reviżjoni tar-rwoli tal-ENTSO-E u tal-ACER tipprovdi opportunità biex jiġi vvalutat il-proċess għall-iżvilupp ta’ regoli dettaljati dwar l-operat tas-suq u tan-netwerks (il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida). Dawn huma żviluppati b’involviment qawwi kemm tal-ENTSO-E u tal-ACER.

    It-tisħiħ tal-qafas regolatorju jista’ wkoll jirrikjedi l-integrazzjoni ta' entitajiet li bħalissa mhumiex soġġetti għal sorveljanza regolatorja, bħall-iskambji tal-enerġija li jaqdu rwol kruċjali fis-swieq akkoppjati tal-elettriku Ewropej u jwettqu wkoll funzjonijiet li għandhom il-karatteristiċi ta’ monopolju naturali. Bl-istess mod, rabta li qed tiżdied bejn is-swieq bl-ingrossa u bl-imnut se jkollha tiġi riflessa fil-qafas regolatorju.

    MISTOQSIJIET

    11)Filwaqt li s-swieq tal-elettriku huma akkoppjati ġewwa l-UE u magħquda mal-ġirien tagħha, it-tħaddim tas-sistema għadu jsir minn Operaturi ta’ Sistemi ta’ Trażmissjoni (TSOs) nazzjonali. Inizjattivi ta' Koordinazzjoni tas-Sigurtà Reġjonali (“RSCIs”) bħal CORESCO jew TSC illum għandhom rwol purament konsultattiv. L-RSCIs għandhom jiġu msaħħa gradwalment, inklużi wkoll ir-responsabbiltajiet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet meta jkun meħtieġ? Ir-responsabbiltà nazzjonali attwali għas-sigurtà tas-sistema hija ta’ ostaklu għall-kooperazzjoni transfruntiera? Ir-responsabilità reġjonali għas-sigurtà tas-sistema tkun aktar xierqa għar-realtajiet ta' suq integrat?

    12)Sorveljanza regolatorja nazzjonali frammentata tidher li mhix effiċjenti għall-partijiet armonizzati tas-sistema tal-elettriku (eż. l-akkoppjament tas-suq). Tara benefiċċji fit-tisħiħ tar-rwol tal-ACER?

    13)Tara benefiċċji fit-tisħiħ tar-rwol tal-ENTSOs? Dan kif jista’ jintlaħaq l-aħjar? X'tip ta' sorveljanza regolatorja hija meħtieġa?

    14)X’għandhom ikunu r-rwol futur u r-regoli ta’ governanza għall-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni? L-aċċess għad-dejta dwar il-metraġġ kif jista' jiġi adattat (il-ġestjoni tad-dejta u l-iżgurar tal-privatezza tad-dejta eċċ.) fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq u l-iżviluppi teknoloġiċi? Huma meħtieġa dispożizzjonijiet addizzjonali dwar il-ġestjoni ta’ u l-aċċess mill-partijiet rilevanti (il-konsumaturi finali, l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni, il-fornituri, il-fornituri ta’ servizzi terzi u r-regolaturi) għal dejta dwar il-kejl?

    15)Għandu jkun hemm approċċ Ewropew għal tariffi tad-distribuzzjoni? Jekk iva, liema aspetti għandhom ikunu koperti; pereżempju l-istruttura tat-tariffi u/jew il-komponenti tariffarji (fissi, kapaċità vs. enerġija, differenzjazzjoni skont il-ħin jew il-lokalità) u t-trattament tal-awtoġenerazzjoni?

    16)Billi l-iskambji tal-enerġija huma parti integrali mill-akkoppjament tas-suq – għandhom jiġu kkunsidrati regoli ta’ governanza għall-iskambji tal-enerġija?

    4.Dimensjoni Ewropea għas-sigurtà tal-provvista

    Integrazzjoni aktar mill-qrib bejn is-swieq nazzjonali u l-żvilupp ta' swieq għal perjodu qasir u għal perjodu twil b' formazzjoni effettiva tal-prezzijiet –b’mod partikolari li jirriflettu l-ħtieġa għal kapaċità ġdida –għandha tagħti s-sinjali ta’ investiment meħtieġ biex sorsi ta’ ġenerazzjoni ġodda jidħlu fis-suq u, fejn teżisti kapaċità żejda, sinjali għad-dekummissjonar.

    Il-Kummissjoni tinnota li f’ħafna Stati Membri, il-funzjonament tas-suq u s-sigurtà tal-provvista jistgħu jittejbu b’mod sinifikanti, billi pereżempju jiġu introdotti l-akkoppjament tas-suq, it-titjib tal-flussi transfruntiera, it-tisħiħ tan-negozju fl-istess ġurnata u n-naħa tad-domanda kif ukoll it-tneħħija tal-limiti tal-prezzijiet bl-ingrossa. Dan kollu jtejjeb il-formazzjoni tal-prezzijiet u jippermetti l-ogħla prezzijiet li għandhom jissarrfu f'sinjali ta’ investiment aħjar filwaqt li, kumplessivament, jiffaċilitaw penetrazzjoni akbar tas-sorsi rinnovabbli.

    Madankollu, illum, għadd ta’ Stati Membri qed jantiċipaw kapaċità inadegwata tal-ġenerazzjoni fis-snin li ġejjin. Biex jindirizzaw dan, introduċew jew qed jippjanaw li jintroduċu mekkaniżmi ta’ kapaċità li jinvolvu l-għoti ta’ pagamenti separati għall-kapaċità disponibbli minflok għall-elettriku fil-fatt imwassal.

    Filwaqt li l-mekkaniżmi ta’ kapaċità jistgħu jkunu ġustifikati f'ċerti ċirkostanzi, dawn jistgħu jkunu għaljin u joħolqu distorsjoni tas-suq. Barra minn hekk, dawn jistgħu jikkontradixxu l-għan li gradwalment jitneħħew is-sussidji dannużi għall-ambjent li huma inklużi għall-fjuwils fossili 13 . Il-mekkaniżmi ta’ kapaċità għandhom jindirizzaw biss fallimenti tas-suq reali u ma jappoġġjawx ġenerazzjoni mhux ekonomikament vijabbli jew mhux sostenibbli 14 .

    Dan l-aħħar il-Kummissjoni nediet inkjesta settorjali dwar il-mekkaniżmi tal-kapaċità 15 - l-ewwel waħda fil-kuntest tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat. Din se teżamina b’mod partikolari jekk dawn jgħawġux il-kompetizzjoni jew il-kummerċ fis-suq intern tal-elettriku.

    4.1.L-allinjament tal-metodi biex tiġi ddeterminata l-adegwatezza tas-sistema

    Fil-Komunikazzjoni Inwasslu s-suq intern tal-elettriku u niġbdu l-akbar profitt mill-intervent pubbliku 16 , il-Kummissjoni indirizzat il-ħtieġa li l-awtoritajiet pubbliċi jwettqu valutazzjoni regolari u oġġettiva, ibbażata fuq il-fatti, tas-sitwazzjoni fejn tidħol l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni; filwaqt li d-Direttiva dwar is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku 17 tesiġi li l-awtoritajiet pubbliċi jivvalutaw l-adegwatezza tal-livell ta’ ġenerazzjoni fl-Istat Membru tagħhom.

    Id-determinazzjoni tal-adegwatezza tal-ġenerazzjoni bħalissa qed issir b’mod differenti ħafna fl-Istati Membri tal-UE. F’Novembru 2013, il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar l-Elettriku appella għal metodoloġija Ewropea armonizzata biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni u l-ENTSO-E mexxiet konsultazzjoni pubblika dwar il-metodoloġija tagħha għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-ġenerazzjoni fl-2014. B’mod parallel, il-Forum Pentalaterali huwa impenjat fl-iżvilupp ta’ valutazzjoni tal-adegwatezza fil-livell reġjonali.

    Valutazzjoni aktar standardizzata fl-UE jkollha tqis il-kontribut tal-interkonnessjonijiet, il-ġenerazzjoni bejn il-fruntieri, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli varjabbli, ir-rispons tad-domanda u l-possibbiltajiet ta’ ħżin kif ukoll kuntesti ta’ politika Ewropej rilevanti, bħalma huma l-evoluzzjoni mistennija fis-suq tal-karbonju, u politiki ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija ("valutazzjoni tal-adegwatezza tas-sistema"). Id-deċiżjoni dwar jekk hemmx il-ħtieġa għal mekkaniżmu tal-kapaċità għandha tkun ibbażata fuq din l-evalwazzjoni standardizzata.

    4.2.L-istandards tal-affidabbiltà

    L-affidabbiltà tas-sistema fi swieq interkonnessi hija interdipendenti. Anki jekk l-Istati Membri jistgħu jkollhom raġuni leġittima biex jistabbilixxu standards differenti għall-adegwatezza tal-ġenerazzjoni li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali, l-impatt fuq is-suq intern jeħtieġ li jiġi kkunsidrat. Jekk l-Istati Membri jonqsu milli jieħdu azzjoni biex jiżguraw l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni dan iżid ir-riskji għas-sigurtà tal-provvista fis-sistema usa’. Dan ir-riskju huwa saħansitra akbar meta l-Istati Membri jkunu implimentaw prezzijiet regolati inqas mill-valur reali, li fit-tul ifisser introjtu li ma jkoprix l-investimenti meħtieġa. Alternattivament, jista’ jkun hemm tendenza li dak li jkun, ikun kawt iżżejjed u jieħu "miżuri żejda" kontra r-riskju ta’ interruzzjoni fil-provvista. Dan jista’ jwassal għal spejjeż għoljin u jxekkel il-kapaċità li s-suq intern għandu biex jiggwida l-investimenti 18 .

    Jekk l-Istati Membri kollha jistabbilixxu standards ċari għall-adegwatezza, dan jagħti ċarezza akbar lill-partijiet interessati kollha. Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi firxa ta’ standards aċċettabbli għal skonnessjonijiet involontarji mistennija tal-konsumaturi li jqisu l-kostijiet li jkollhom interruzzjonijiet imprevisti tal-provvista għall-ekonomija u għas-soċjetà.

    4.3.Qafas biex il-mekkaniżmi tal-kapaċità jsiru disponibbli bejn il-fruntieri

    Il-monitoraġġ tas-sigurtà Ewropea tal-provvista u standards ċari tal-adegwatezza tas-sistema għandhom ikunu l-bażi biex jiġi identifikat jekk huwiex meħtieġ mekkaniżmu tal-kapaċità. Azzjoni attwali mill-Kummissjonii, b’mod partikolari l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat 19 , tirrikjedi li l-Istati Membri kollha jirrispettaw għadd ta’ prinċipji importanti meta jagħżlu l-mekkaniżmi tal-kapaċità. B’mod partikolari, tali mekkaniżmi m’għandhomx jiddiskriminaw bejn it-teknoloġiji (inkluż ir-rispons tad-domanda jew ħżin) jew bejn fornituri ta’ kapaċità ġdida u eżistenti, iżda għandhom iħallsu biss għad-disponibbiltà (għal kull MW) u jippermettu l-parteċipazzjoni transfruntiera. Fin-nuqqas ta’ arranġamenti komuni, l-organizzazzjoni ta' parteċipazzjoni transfruntiera effettiva tista' tkun sfida.

    Triq waħda tista’ tkun li jiġu żviluppati, fil-livell tal-UE, regoli dwar il-parteċipazzjoni transfruntiera fejn jiġu implimentati mekkaniżmi tal-kapaċità. Dan ikun jinvolvi l-istabbiliment ta' rwoli u responsabbiltajiet ċari għall-partijiet (b’mod partikolari għall-ġeneraturi, il-fornituri ta’ rispons tad-domanda u l-konsumaturi u l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni) u qafas għall-kalkolu u l-allokazzjoni tal-kapaċità transfruntiera f’dawn il-mekkaniżmi.

    Madankollu, jekk il-mekkaniżmi tal-kapaċità jkunu differenti ħafna fid-disinn, il-fornituri tal-kapaċità transfruntiera jistgħu jiffaċċjaw għadd ta’ rekwiżiti differenti meta jipparteċipaw fi skemi differenti. Dan iżid l-ispejjeż tat-tranżazzjoni u jista’ jnaqqas l-effiċjenza b'mod ġenerali. Jista’ għalhekk ikun ta' siwi li jiġi stabbilit mudell ta’ referenza għal mekkaniżmu tal-kapaċità (jew għadd limitat ta’ mekkaniżmi) għall-użu fuq bażi reġjonali, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni transfruntiera u jitnaqqsu d-distorsjonijiet tas-suq.

    Ir-riżultati tal-inkjesta settorjali 20 varata dan l-aħħar mill-Kummissjoni għandhom jipprovdu materjali siewja biex jiġu stabbiliti r-regoli f'dan il-qasam fil-ġejjieni. Abbozz ta’ Rapport dwar l-inkjesta settorjali se jiġi ppubblikat għall-konsultazzjoni pubblika lejn tmiem is-sena.

    Mistoqsijiet

    17)Hemm bżonn ta' metodoloġija armonizzata biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tas-sistema tal-enerġija?

    18)Xi jkun l-ambitu ġeografiku xieraq għal metodoloġija u valutazzjoni armonizzati dwar l-adegwatezza (eż. għall-UE kollha kemm hi, reġjonali jew nazzjonali kif ukoll ma' pajjiżi ġirien)?

    19)L-allinjament tal-istandards ta’ adegwatezza tas-sistema li attwalment huma differenti madwar l-UE, ikun utli biex jinbena suq uniku effiċjenti?

    20)Ikun hemm benefiċċju f’qafas Ewropew komuni għall-parteċipazzjoni transfruntiera fil-mekkaniżmi tal-kapaċità? Jekk iva, liema għandhom ikunu l-elementi ta’ qafas ta’ dan it-tip? Ikun hemm benefiċċju fl-istabbiliment ta' mudelli ta’ referenza għall-mekkaniżmi tal-kapaċità? Jekk iva, kif għandhom ikunu?

    21)Id-deċiżjoni li jiġu introdotti mekkaniżmi tal-kapaċità għandha tkun ibbażata fuq metodoloġija armonizzata biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tas-sistema tal-enerġija?

    5.Il-passi li jmiss

    Din il-Komunikazzjoni konsultattiva dwar id-disinn tas-suq tal-elettriku se tvara konsultazzjoni pubblika dwar l-elementi ta’ disinn ġdid tas-suq għat-tħejjija ta’ kwalunkwe proposti leġiżlattivi u proposti mhux leġiżlattivi fil-ġejjieni. L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni Konsultattiva huwa li tagħti l-opportunità lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jipprovdu feedback dwar il-viżjoni ppreżentata u li jiġu identifikati l-miżuri meħtieġa li jagħtu l-frott. Din se tiġi kkumplimentata b’mistoqsijiet aktar dettaljati u komprensivi dwar ċerti aspetti, b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku.

    Fl-istess ħin, il-Komunikazzjoni dwar it-Twassil ta’ Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija adottata flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni Konsultattiva dwar id-disinn tas-suq tippreżenta viżjoni dettaljata dwar ir-rwol il-ġdid li jista' jieħu l-konsumatur tal-enerġija u tiddeskrivi l-passi meħtieġa. L-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi – lill-unitajiet domestiċi, lin-negozji u lill-industrija – id-djar u n-netwerks intelliġenti u l-ġestjoni tad-dejta u s-sigurtà huma t-tliet pilastri biex tinkiseb din il-viżjoni. L-azzjonijiet imsemmija fil-komunikazzjoni dwar il-konsumaturi jibnu fuq konsultazzjonijiet estensivi ma’ ċittadini, konsumaturi u partijiet ikkonċernati, inkluża konsultazzjoni pubblika li saret fl-ewwel nofs tal-2014 kif ukoll diskussjonijiet fi gruppi ta’ esperti mmexxija mill-Kummissjoni 21 .

    Is-segwitu leġiżlattiv possibbli fil-Komunikazzjonijiet ippreżentati llum jista’ jinkludi emendi għall-biċċiet ta' leġiżlazzjoni li ġejjin, skont l-eżitu tal-ħidma futura:

    Id-Direttiva dwar l-Elettriku,

    Ir-Regolament dwar l-Elettriku,

    Ir-Regolament dwar l-ACER,

    Ir-Regolament dwar l-Infrastruttura,

    Id-Direttiva dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Elettriku,

    Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija,

    Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.

    Barra minn hekk, ix-xogħol se jkollu impatt fuq il-forma ta’ għadd ta’ kodiċijiet tan-netwerk, b’mod partikolari l-Kodiċijiet dwar l-Ibbilanċjar u dwar l-Emerġenza u r-Restawr. Il-proposti futuri u l-valutazzjonijiet tal-impatt tagħhom se jqisu l-implikazzjonijiet ekonomiċi u l-kontributi rċevuti mill-proċess ta’ konsultazzjoni.

    Il-mistoqsijiet kollha f’din il-Komunikazzjoni, kif ukoll kwestjonarju separat dwar is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku huma disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni. It-tweġibiet għandhom jiġu pprovduti biss skont l-istruzzjonijiet hemmhekk u għandhom jaslu qabel it-8 ta’ Ottubru 2015 22 . Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tippubblika s-sejbiet f'dokument li jiġbor fil-qosor ir-riżultati ewlenin ta’ din il-konsultazzjoni. Hija ser tippreserva l-kunfidenzjalità tat-tweġibiet li tirċievi, dejjem jekk ikunu saru d-dikjarazzjonijiet tal-kunfidenzjalità u jekk dawn ikunu bbażati fuq konsiderazzjonijiet raġonevoli.

    (1)  COM(2014) 910 finali tas-16.12.2014.
    (2)  .COM(2015) 80 finali tal-25.02.2015.
    (3)  Partikolarment, it-Tielet Pakkett tal-Enerġija li jikkonsisti mid-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE, ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55–93; ir-Regolament (KE) 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003. ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15-35; ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija. ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1–14 kif ukoll id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE. ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16–62.
    (4)  Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE. ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16–62.
    (5)  EUCO 169/14
    (6)  Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares 'il quddiem COM(2015)80 finali tal-25.02.2015.
    (7)  COM(2015) 82 finali tal-25.02.2015 - Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Il-ksib tal-mira ta' 10% għall-interkonnessjoni elettrika - Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020.
    (8)  Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009
    (9)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u l-enerġija 2014-2020 ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1.
    (10)  Dawn jistgħu jkunu parti mit-tassazzjoni ġenerali (VAT, dazju tas-sisa) jew levies speċifiċi biex jappoġġjaw politiki speċifiċi dwar l-enerġija u/jew il-klima.
    (11)  COM(2015)82 finali tal-25.02.2015 - Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Niksbu l-mira ta’ 10 % għall-interkonnessjoni tal-elettriku - Inħejju l-grilja tal-elettriku tal-Ewropa għall-2020.
    (12)  Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009
    (13)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014–2020
    (14)  C(2013)7243 - Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Inwasslu s-suq intern tal-elettriku u niġbdu l-akbar profitt mill-intervent pubbliku u SWD (2013) 438 finali- Dokument ta' Ħidma tal-Persunal - l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni fis-suq intern tal-elettriku - gwida dwar interventi pubbliċi;
    (15)   http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-4891_mt.htm  - http://ec.europa.eu/competition/sectors/energy/state_aid_to_secure_electricity_supply_en.html
    (16) C(2013)7243
    (17)  Id-Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku u tal-investiment fl-infrastruttura, ĠU 33, 4.2.2006, p.22-27
    (18)  Meta jitqabblu l-istandards tal-adegwatezza applikabbli f’sistemi ġirien, il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar l-Elettriku sab li kien hemm nuqqas ta’ ċarezza rigward ir-responsabbiltà għall-istabbiliment ta' dawn l-istandards għall-adegwatezza tal-ġenerazzjoni u s-sigurtà tal-provvista u ħafna Stati Membri m’għandhom l-ebda standard formali.
    (19)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u l-enerġija 2014-2020 ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1-55.
    (20)  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-4891_mt.htm
    (21)  Task Force tal-ENER għall-grilji intelliġenti, il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Konsumaturi Vulnerabbli fil-qafas tal-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija.
    (22)

          https://ec.europa.eu/energy/en/consultations

    Top