EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0279

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-QORTI TAL-AWDITURI Sinteżi tal-kisbiet ta' ġestjoni tal-Kummissjoni fl-2014 2014

/* COM/2015/0279 final */

Brussell, 3.6.2015

COM(2015) 279 final

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-QORTI TAL-AWDITURI

Sinteżi tal-kisbiet ta' ġestjoni tal-Kummissjoni fl-2014 2014


Introduzzjoni

Dan huwa l-ewwel Rapport ta’ Sinteżi li għandu jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni li ħadet il-kariga fl-1 ta’ Novembru 2014. F’konformità mal-prijoritajiet politiċi stabbiliti mill-President Juncker, il-Kummissjoni l-ġdida qiegħda ssegwi aġenda aktar iffukata, li tagħti importanza partikolari lill-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba.

Fl-ittri ta’ missjoni tiegħu lill-Membri tal-Kummissjoni, il-President Juncker saħaq bil-qawwa dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja tajba tal-programmi taħt ir-responsabbiltà tagħhom u insista li l-miżuri kollha meħtieġa jkunu stabbiliti sabiex jipproteġu l-baġit tal-UE. Huwa talab ukoll għal kultura ta' prestazzjoni msaħħa u fokus imġedded fuq il-wiri tal-valur miżjud tal-baġit tal-UE.

F'dan l-isfond, dan ir-rapport jiddeskrivi l-kisbiet tal-ġestjoni tal-Kummissjoni fl-2014, janalizza u jiġbor fil-qosor l-informazzjoni li tinsab fir-rapporti annwali tal-attività prodotti minn kull servizz tal-Kummissjoni.

Bl-adozzjoni ta' dan ir-Rapport ta' Sinteżi, il-Kummissjoni tassumi r-responsabbiltà politika ġenerali għall-ġestjoni tal-baġit tal-UE.

1    Qafas ta’ prestazzjoni msaħħaħ

Il-qafas ta’ ġestjoni tal-prestazzjoni msaħħaħ imwiegħed mill-Kummissjoni fir-Rapport ta’ Sinteżi tas-sena li għaddiet wassal l-ewwel riżultati tiegħu. L-enfasi ikbar fuq il-prestazzjoni qed tissawwar permezz ta’ titjib fir-rapportar dwar il-kisbiet tal-politika u dwar l-impatt tagħhom u l-valur miżjud għaċ-ċittadini tal-UE. Il-Kummissjoni l-ġdida ġeddet dan l-impenn u qed jiġu mħeġġa aktar inizjattivi li jpoġġu enfasi akbar fuq ir-riżultati.

1.1Kisbiet tal-politika

Iċ-ċiklu strateġiku tal-ippjanar u tal-ipprogrammar jiddependi fuq żewġ strumenti ewlenin — il-pjanijiet ta’ ġestjoni annwali u r-rapporti annwali tal-attività (annual activity report - AAR) — sabiex jipprovdi informazzjoni dettaljata ta’ ġestjoni dwar il-prestazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni. F'dawn l-aħħar snin, l-Uffiċjali Awtorizzanti b'Delega pprovdew aktar sottomissjonijiet dettaljati dwar kif użaw ir-riżorsi finanzjarji u umani allokati għalihom sabiex jiksbu l-objettivi tal-politika stabbiliti mill-Kulleġġ, u dwar kif l-implimentazzjoni ta' politiki tagħhom iġġenerat valur miżjud għas-soċjetà tal-UE. Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għal progress sinifikanti f’dawn l-aħħar snin fir-rapportar dwar il-kisbiet tal-politika, flimkien mal-kisbiet tagħha tal-ġestjoni tal-programm. Barra minn hekk, il-portafoll ta' kull sena tal-AARs issa fih minjiera ta’ informazzjoni utli dwar l-objettivi tal-politika, ir-riżultati miksuba u l-impatti diretti u indiretti tagħhom fuq is-soċjetà Ewropea.

Sommarju tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni huwa ppreżentat fl-Anness 1 li juri t-twettiq tal-għanijiet tal-Kummissjoni. Għal ħafna mill-indikaturi, il-Kummissjoni tinsab fit-triq it-tajba sabiex tilħaq l-objettivi pluriennali tagħha.

Ittieħdu diversi miżuri addizzjonali sabiex tiġi żgurata prestazzjoni aħjar:

I.l-inklużjoni ta’ informazzjoni aktar eżawrjenti dwar il-prestazzjoni minn sorsi varji, pereżempju valutazzjonijiet, studji, awditi u valutazzjonijiet tal-impatt;

II.iż-żieda ta’ eżempji illustrattivi li juru l-valur miżjud tal-UE tal-programmi varji tal-UE;

III.allinjament aktar mill-qrib tal-pjanijiet ta’ ġestjoni mal-AARs (pereżempju billi fiż-żewġ każijiet jintużaw l-istess mudelli għar-rapportar dwar l-objettivi u l-indikaturi). kif ukoll

IV.ir-rekwiżit li l-AARs jinkludu eżempji ta’ sforzi sabiex itejbu l-effiċjenza u l-ekonomija tal-ġestjoni.

Eżempji ta’ sforzi sabiex jittejbu l-effiċjenza u l-ekonomija tal-ġestjoni:

   Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (DĠ AGRI) iddisinja kompletament mill-ġdid il-leġiżlazzjoni tan-netwerk tad-dejta dwar il-kontabbiltà tal-irziezet fl-2014. Dan irriżulta f’simplifikazzjoni sinifikanti billi kkonsolida ħames atti ta’ implimentazzjoni f’wieħed u qata' d-duplikazzjoni u l-ħtieġa għal kontroreferenzi.

   Fl-Uffiċċju tal-Ħlas (PMO), in-negozjazzjoni tal-kuntratt qafas il-ġdid li jkopri l-assigurazzjoni għall-inċidenti għall-persunal f’għadd ta’ istituzzjonijiet rriżultat fi tnaqqis sostanzjali fil-primjums imħallsa. Il-kuntratt il-ġdid wera tnaqqis ta’ 23 % meta mqabbel mal-2011, għal EUR 23 miljun fl-2013.

1.2Inizjattivi sabiex jissaħħaħ aktar il-qafas ta’ prestazzjoni

1.2.1Baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati

Il-Kummissjoni l-ġdida għandha l-għan li tiżviluppa kultura ta’ prestazzjoni aktar b’saħħitha fir-rigward tal-baġit tal-UE. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha hija li tiżgura li l-baġit jiffoka fuq it-twassil ta’ riżultati tanġibbli għall-benefiċċju taċ-ċittadini u twaqqaf netwerk ta’ Kummissarji għal dan l-għan (“baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati”). Dan in-netwerk jipprovdi d-direzzjoni politika, it-tmexxija u l-koordinazzjoni għal azzjoni sabiex tittejjeb il-prestazzjoni tal-baġit u jiġi żgurat valur għal flus..

Fl-ewwel laqgħa tiegħu li saret fl-4 ta’ Marzu 2015, in-netwerk approva approċċ komuni sabiex jiġi analizzat u mtejjeb iċ-ċiklu tal-implimentazzjoni tal-baġit, billi jiġu ddeterminati l-oqsma fejn jintefaq il-baġit (l-allokazzjoni baġitarja), kif jintefqu l-fondi (l-implimentazzjoni baġitarja) u kif il-Kummissjoni tiġi vvalutata (il-proċess ta’ kwittanza). Huwa jidentifika sitt flussi ta' ħidma prinċipali li fuqhom se jaħdmu s-servizzi tal-Kummissjoni matul il-mandat tal-Kulleġġ sabiex tiġi implimentata l-istrateġija:

I.simplifikazzjoni: jitnaqqas il-piż amministrattiv u jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti ta’ konformità fl-oqsma kollha ta’ politika sabiex jgħinu biex l-enfasi tal-implimentazzjoni tal-programm tkun fuq ir-riżultati, filwaqt li tinżamm il-legalità u r-regolarità;

II.proċedura tal-baġit: tingħata informazzjoni dwar il-prestazzjoni li tkun utli għall-allokazzjoni tal-baġit u li tippermetti teħid tad-deċiżjonijiet ibbażat fuq rati ta’ implimentazzjoni tal-programm bħala miżura tal-effiċjenza tal-operazzjonijiet ta' nfiq u l-kisba tar-riżultati;

III.kosteffettività tal-kontrolli: jiġu rrazzjonalizzati u ssimplifikati l-kontrolli u jiġu riallokati r-riżorsi għall-kontrolli meqjusin l-aktar xierqa għall-immaniġġjar tar-riskji ta' legalità u regolarità fi ħdan il-qafas regolatorju;

IV.dikjarazzjoni ta’ aċċertament u kwittanza: jingħaqdu mekkaniżmi ta’ protezzjoni tal-baġit bħal irkupri u korrezzjonijiet finanzjarji b’kontrolli ta' simplifikazzjoni u kosteffettività, sabiex jiġi ġestit ir-riskju u jiġi stabbilit bilanċ aħjar bejn il-kisba tar-riżultati ta’ politika, il-kost tal-kontrolli u l-konformità mar-regoli finanzjarji;

V.bażi ta' dejta tal-proġetti: jittejjeb l-aċċess taċ-ċittadini għar-riżultati tal-proġetti f’oqsma ewlenin sabiex tittejjeb it-trasparenza u l-komparabbiltà ta’ inizjattivi ffinanzjati mill-UE u jgħin sabiex jintwerew il-modi diversi kif l-infiq tal-UE jikkontribwixxi għas-soċjetà; kif ukoll

VI.komunikazzjoni: tittejjeb il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-atturi involuti fl-ippjanar, fl-implimentazzjoni u fil-kwittanza tal-baġit, u mal-pubbliku ġenerali, billi jiġu allinjati l-aspettattivi, jiġu kondiviżi l-esperjenzi dwar l-implimentazzjoni u jiġi rapportat il-ksib tar-riżultati.

Waħda mill-azzjonijiet li għandhom jiġu segwiti hija l-ħolqien ta’ Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali dwar l-Ibbaġitjar Ibbażat fuq il-Prestazzjoni, li jġib flimkien l-Istituzzjonijiet involuti fil-proċess tal-baġit (il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Qorti tal-Awdituri) bil-għan li jinħoloq fehim komuni tal-kunċett ta’ baġit ibbażat fuq il-prestazzjoni, il-karatteristiċi ewlenin tiegħu, ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-Istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effikaċi tal-baġit tal-UE. Filwaqt li jibni fuq il-qafas ġuridiku u regolatorju eżistenti, il-Grupp ta’ Ħidma jidentifika t-titjib fil-mudell tal-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni li attwalment qed jiġi applikat għall-baġit tal-UE u l-għażla taż-żmien xieraq għall-implimentazzjoni tagħhom.

1.2.2Allinjament tal-intensità tal-kontroll mar-riskju

L-iżgurar tal-kosteffettività tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll huwa wieħed mill-objettivi tal-istrateġija tal-“baġit iffukat fuq ir-riżultati”. Sistemi ta’ kontroll ineffiċjenti jassorbu riżorsi sinifikanti li minflok jistgħu jikkontribwixxu għall-kisba ta’ riżultati. Dawn jimponu wkoll piż amministrattiv sinifikanti fuq il-benefiċjarji u jistgħu jiskoraġġixxu l-parteċipazzjoni fi programmi.

Ir-Regolament Finanzjarju rivedut 1 jirrikjedi li l-Uffiċjali Awtorizzanti b'Delega jieħdu kont tar-riskju u l-kosteffettività meta jistabbilixxu sistemi ta’ kontroll intern (l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Finanzjarju) u jirrapportaw dwar il-kost u l-benefiċċji tal-kontrolli fl-AAR (l-Artikolu 66(9) tar-Regolament Finanzjarju). L-għan primarju tal-valutazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli huwa li tiġi appoġġjata l-ġestjoni fit-tfassil tas-sistemi ta’ kontroll u r-riżorsi assoċjati. L-istrateġiji u s-sistemi ta’ kontroll għandhom iqisu livell ogħla ta' skrutinju u frekwenza f’oqsma aktar riskjużi u jiżguraw li l-kontrolli jżidu l-valur b’mod konsistenti.

Ir-rapportar dwar il-kosteffettività tjieb fl-2014. Mid-49 servizz, 42 laħqu konklużjoni dwar il-kosteffettività tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tagħhom. L-oħrajn ma kinux f’pożizzjoni li jagħmlu dan, l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ dejta preċedenti jew punti ta’ riferiment u minħabba diffikultajiet fl-istimi tal-benefiċċji tal-kontrolli. Kien hemm aktar Direttorati Ġenerali li setgħu jirrapportaw settijiet ta’ proporzjonijiet aktar dettaljati, b’distinzjoni bejn l-istadji varji tal-istrateġija ta’ kontroll kollha, jew xi wħud minnhom.

Fl-2014 ittieħdu żewġ inizjattivi sabiex jiġu indirizzati l-problemi ewlenin identifikati mis-servizzi:

l-iżvilupp ta’ funzjonalità fl-ABAC 2 għar-reġistrazzjoni tar-riżultati tal-kontrolli;

it-twaqqif ta’ sett simplifikat ta’ indikaturi li jkejlu l-kostijiet u l-benefiċċji tal-kontrolli.

Is-servizzi kollha li laħqu konklużjoni ddikjaraw li s-sistemi ta’ kontroll intern tagħhom huma kosteffettivi għaliex il-benefiċċji kwantifikabbli jaqbżu l-kostijiet jew fuq il-bażi ta’ benefiċċji mhux kwantifikabbli u/jew xejra stabbli jew pożittiva fl-indikaturi ta’ effiċjenza.

Il-Kummissjoni tagħti istruzzjonijiet lis-servizzi tagħha sabiex jiżviluppaw kalkolu komuni għall-kostijiet ta' kontroll tagħhom sabiex titjieb il-konsistenza fil-Kummissjoni u jiġi prodott sett ta’ riżultati affidabbli li jistgħu jintużaw sabiex jiddeterminaw il-kosteffettività relattiva tas-sistema ta’ kontroll fis-seħħ fil-kuntest tal-objettivi rilevanti ta’ politika.

1.2.3Immappjar tar-rapportar tal-prestazzjoni

Ir-Rapport ta’ Sinteżi tal-2013 sejjaħ lis-servizzi ċentrali sabiex janalizzaw, f'eżerċizzji futuri tal-AAR, il-forom varji ta’ rapportar dwar il-kisbiet. Għall-2014, instab li:

ir-rapportar dwar il-prestazzjoni jitwettaq fil-Parti I tal-AAR;

ir-rapport ta’ evalwazzjoni annwali (ir-Rapport fl-Artikolu 318) jagħti informazzjoni dwar kif il-programmi finanzjarji prinċipali kkontribwixxew għall-objettivi ta’ politika ewlenin tal-UE, inkluża l-Ewropa 2020 fejn rilevanti;

ir-Rapport ta’ Sinteżi għandu jelenka għażla ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni sabiex ikopri r-rapportar dwar programmi mingħajr infiq u jirreferi għall-AARs għal analiżi ulterjuri;

rapportar addizzjonali dwar l-Ewropa 2020 huwa disponibbli permezz ta’ kanali dedikati; kif ukoll

ir-rapportar dwar inizjattivi ewlenin għandu jiġi ssimplifikat u mwassal permezz ta’ politiki ewlenin. Rapportar separat mhuwiex rakkomandat minħabba li l-arranġamenti ta' monitoraġġ u ta’ rapportar għall-programmi skont il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid ma jippermettuhx.

Il-Kummissjoni tagħti istruzzjonijiet lis-servizzi tagħha sabiex ikomplu bl-isforzi tagħhom sabiex itejbu r-rapportar dwar il-prestazzjoni fl-AARs.

2    Sfidi speċifiċi għall-ġestjoni tar-riżorsi

Il-ġestjoni effiċjenti u effettiva tar-riżorsi ssaħħaħ il-prestazzjoni fit-twettiq tal-politika tal-Kummissjoni. Fl-2014, il-Kummissjoni kellha quddiemha sfidi kbar f’dan il-qasam. F’xi każijiet, il-problemi ffaċċjati kienu ċirkostanzjali, pereżempju s-servizzi tal-Kummissjoni batew minn nuqqas ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament; f’każijiet oħra, inqalgħu kwistjonijiet rikorrenti. Iż-żieda fid-delega tal-kompiti lill-Aġenziji, lill-Impriżi Konġunti u lill-entitajiet fdati oħrajn wasslet sabiex il-Kummissjoni tirrevedi l-mekkaniżmi ta’ superviżjoni applikabbli. Qasam ieħor li jeħtieġ attenzjoni huwa l-affidabbiltà tad-dejta pprovduta mill-Istati Membri. Għal kull sfida, il-Kummissjoni ħadet azzjoni ta’ taffija jew miżuri korrettivi sabiex tnaqqas ir-riskji identifikati.

2.1Nuqqas ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament

Il-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 huwa l-ewwel wieħed li għamel disponibbli inqas mezzi baġitarji mill-predeċessuri tiegħu. Il-pressjoni fuq il-limiti massimi tal-pagamenti hija ħafna akbar minn f’oqfsa finanzjarji pluriennali preċedenti, minħabba f’ żewġ fatturi:

l-impenji mhux imħallsa mill-programmi 2007-2013 kienu ta' piż kbir fil-bidu tal-qafas 2014-2020 (21,7 % tal-limiti massimi tal-pagamenti għall-perjodu); kif ukoll

tnaqqis drastiku partikulari fil-limitu massimu tal-pagamenti fl-2014 (kważi EUR 9 biljun inqas mill-ammont ibbaġitjat fl-2013) u fl-2015.

F'dan l-isfond, l-isfida għall-Kummissjoni (partikolarment fl-2014) kienet li jiġu onorati l-obbligi ġuridiċi li jirriżultaw minn impenji passati filwaqt li titniedi l-ġenerazzjoni ġdida ta’ programmi.

Is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-baġit mill-qrib. Huma ħadu miżuri sabiex jiżguraw l-użu prudenti tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament skarsi filwaqt li jimminimizzaw l-imgħax fuq il-ħlas tardiv u jqisu l-impatt negattiv fuq partijiet terzi, billi jagħtu prijorità, pereżempju, lil destinatarji finanzjarjament fraġli, bħalma huma l-Istati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja, l-SMEs u l-NGOs 3 .

Il-Kummissjoni żammet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-baġit. Sa minn Mejju 2014, hija pproponiet abbozz ta’ baġit emendatorju sabiex tindirizza l-livell mingħajr preċedent ta’ talbiet għal pagamenti għall-Programmi ta’ koeżjoni 2007-2013 riċevuti fl-aħħar ġimgħat tal-2013. Fis-17 ta’ Diċembru 2014 intlaħaq qbil dwar il-baġit emendatorju li jsaħħaħ il-livell ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament fil-baġit tal-2014, b’mod partikolari permezz tal-użu tal-Marġini ta’ Kontinġenza għall-pagamenti. Dan kien ifisser li kien hemm volum kbir ħafna ta’ pagamenti li setgħu jinħarġu fl-aħħar erbat ijiem ta' xogħol tas-sena u l-akkumulazzjoni tal-kontijiet mhux imħallsa setgħet tinżamm fi tmiem is-sena 2014.

Madankollu, minkejja l-miżuri meħuda u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament addizzjonali li waslu tard fis-sena, il-Kummissjoni ma setgħetx tevita ċertu dewmien fil-pagamenti u l-attivitajiet kontraenti, u effett indirett bħala konsegwenza fir-rigward tal-pagamenti taħt il-programmi ġodda.

Il-Kummissjoni vvalutat l-impatt li dawn il-problemi kellhom fuq il-kisba tal-objettivi u kkonkludiet li, b’kont meħud tal-ġestjoni attiva ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament disponibbli matul is-sena ta’ rapportar, kemm l-impatt finanzjarju kif ukoll dak reputazzjonali ta’ din is-sitwazzjoni ttaffew b’mod suffiċjenti.

Rigward l-impatt finanzjarju, għadd ta’ servizzi tal-Kummissjoni ffaċċjaw sfidi ġestjonarji u operazzjonali kbar; xi programmi ta’ nfiq ma kellhomx aktar approprjazzjonijiet ta’ pagament diversi xhur qabel tmiem is-sena. Għal dawn il-programmi, il-possibbiltajiet għal riallokazzjonijiet bejn il-linji baġitarji kienu eżawriti sakemm ġiet approvata t-talba għal approprjazzjonijiet ta’ pagament addizzjonali fil-baġit emendatorju.

L-imgħax tal-ħlas tardiv żdied bi kważi ħames darbiet fl-2014, għal madwar EUR 3 miljun għall-baġit kollu kemm hu. Minkejja din iż-żieda, l-ammont assolut tal-imgħax huwa relattivament limitat meta mqabbel mal-livell ta’ kontijiet mhux imħallsa fi tmiem l-2014. Fil-parti l-kbira tagħhom, dawn kienu kkonċentrati (EUR 24,7 biljun) fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni, fejn ir-rimborż tat-talbiet lil entitajiet pubbliċi fl-Istati Membri jiddependi fuq il-baġit disponibbli u ma jiġi applikat l-ebda mgħax għal rimborżi tardivi, u b’hekk jiġi limitat b'mod konsiderevoli l-impatt finanzjarju fuq il-baġit tal-UE. Ma kien hemm l-ebda tilwim rapportat li jirriżulta minn ħlas tardiv.

Fir-rigward tal-impatt reputazzjonali, is-servizzi għamlu ħilithom sabiex iġestixxu l-approprjazzjonijiet disponibbli b’mod attiv, f’għadd ta’ modi:

jirkupraw b'mod proattiv kull ammont mhux dovut;

inaqqsu l-perċentwal ta’ prefinanzjament;

jagħmlu l-aqwa użu mill-iskadenzi tal-pagamenti; kif ukoll

jipposponu s-sejħiet għal proposti/offerti u attivitajiet kontraenti relatati, li jirriżultaw f’għadd ta’ dati ta' pagamenti li jitmexxew għall-2015; filwaqt li dan illimita l-impatt negattiv fuq il-baġit tal-UE, kellu implikazzjonijiet għall-aspettattivi leġittimi tal-partijiet ikkonċernati, li seta’ kellhom jipposponu l-bidu tal-proġett tagħhom u/jew temporanjament isibu proporzjon akbar ta’ kofinanzjament. Madankollu, s'issa d-dannu għar-reputazzjoni huwa limitat, b’valutazzjoni bir-reqqa, sabiex jiġi limitat l-impatt fuq l-attivitajiet ewlenin.

Il-Kummissjoni tat istruzzjonijiet lis-servizzi tagħha sabiex ikomplu jġestixxu l-implimentazzjoni tal-baġit u jieħdu miżuri fejn meħtieġ sabiex itaffu r-riskji li jirriżultaw minn nuqqas fl-approprjazzjonijiet.

2.2Impatt tal-entitajiet inkarigati fuq il-katina tal-aċċertament

F’għadd dejjem jikber ta’ każijiet, il-Kummissjoni tafda l-ġestjoni tal-fondi tal-UE lil entitajiet oħrajn (ara l-Anness 4), u wħud minnhom huma soġġetti għal proċedura ta’ kwittanza speċifika distinta minn dik tal-Kummissjoni. Skont din il-proċedura, l-amministrazzjoni tal-korp fdat trid tagħti rendikont tal-implimentazzjoni attwali tal-fondi u, imbagħad, l-Uffiċjal Awtorizzanti b’Delega jkun meħtieġ jiżgura s-superviżjoni proporzjonata iżda effettiva tal-korp. Minħabba li n-nefqa taqa’ taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ aċċertament, l-Uffiċjali Awtorizzanti b'Delega jridu jirrapportaw ir-riżultati ta’ kontrolli superviżorji fl-AARs u, fejn applikabbli, kwalunkwe nuqqas materjali li jista’ jagħti lok għal riżervi.

Fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, l-entitajiet fdati huma mistennija li jkollhom rwol dejjem aktar importanti fil-ġestjoni baġitarja. Dan sar evidenti fl-2014, l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-programmi l-ġodda, u x-xejra hija riflessa fl-AARs tal-2014. Id-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura (DĠ EAC) u d-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs (DĠ GROW li qabel kien DĠ ENTR), pereżempju, jimplimentaw 95 % u 89 % tal-baġit rispettiv tagħhom billi jafdaw kompiti ġestjonarji lil entitajiet oħrajn. Għad-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport (DĠ MOVE) u d-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (DĠ FISMA li qabel kien DĠ MARKT), il-perċentwal jaqbeż il-50 %.

Il-kapaċità tal-Uffiċjal Awtorizzanti b’Delega li jagħmel superviżjoni tal-entitajiet fdati u jikseb aċċertament raġonevoli hija, fil-biċċa l-kbira tagħha, ikkondizzjonata mill-istrutturi ta’ responsabbiltà u l-arranġamenti ta' trasparenza fil-ftehimiet ta’ delega ma’ kull entità fdata. Essenzjalment, l-istrateġija ta’ kontroll tinvolvi l-iżgurar li l-ftehimiet ta’ delega jkun fihom dispożizzjonijiet li jirrikjedu:

I.li l-entitajiet jirrapportaw ir-riżultati ta’ kontroll tagħhom b’mod affidabbli u trasparenti; kif ukoll

II.superviżjoni xierqa tal-istrutturi ta’ responsabbiltà tal-entitajiet.

Għall-programmi tal-2014-2020, kull DĠ sar responsabbli għall-istrumenti finanzjarji fil-qasam ta’ politika tiegħu. Il-Kummissjoni kkonkludiet ftehimiet qafas finanzjarji u amministrattivi mal-Bank Ewropew tal-Investiment (il-BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment li huma mistennija jnaqqsu l-kostijiet amministrattivi, isaħħu r-responsabbiltà u jiżguraw il-konsistenza. Il-Kummissjoni żviluppat mudell sabiex tiżgura li r-rekwiżiti ewlenin ta’ governanza, kontroll u rapportar ikunu inklużi f’kull ftehim ta' delega konkluż mas-servizzi rilevanti.

Għall-2014, it-tfassil tal-AARs ittejjeb sabiex jiżgura li l-forom u l-każijiet kollha ta’ ġestjoni tal-fondi mal-entitajiet fdati jkunu koperti, inkluż fejn meħtieġ fl-ambitu tar-riżervi.

Il-Kummissjoni tagħti istruzzjonijiet lis-servizzi tagħha li jafdaw kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarji lil entitajiet oħrajn sabiex jiżguraw li l-ftehimiet ta’ delega jinkludu d-dispożizzjonijiet proporzjonati u l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għal rapportar fil-ħin u trasparenti minn dawn l-entitajiet dwar ir-riżultati tal-kontrolli tagħhom, u miżuri superviżorji xierqa li jipprovdu aċċertament raġonevoli dwar l-affidabilità tal-informazzjoni li tkun qed tiġi rrapportata.

Il-Kummissjoni tagħti istruzzjonijiet lis-servizzi rilevanti sabiex jirrapportaw fl-AARs tagħhom dwar is-superviżjoni tagħhom ta’ dawn l-entitajiet, flimkien ma’ kull element rilevanti għall-konklużjonijiet dwar l-aċċertament. Għandha tingħata attenzjoni partikolari sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda nuqqas sinifikanti fil-katina tal-aċċertament.

2.3L-affidabbiltà tar-riżultati tal-kontroll irrapportati mill-Istati Membri

L-affidabbiltà tar-rapporti ta’ kontroll tal-Istati Membri għadha sfida. Taħt ġestjoni kondiviża, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jistabbilixxu u jżommu sistemi affidabbli ta’ ġestjoni u ta’ kontroll.

Ir-regolamenti jippermettu li l-Kummissjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-aċċertament tagħha toqgħod fuq il-ħidma mwettqa mill-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri. Fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni, l-awtoritajiet tal-awditjar jipprovdu lill-Kummissjoni b’aċċertament dwar il-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll u l-legalità u r-regolarità tan-nefqa ċċertifikata. Għall-politika agrikola komuni (il-PAK), il-korpi ta' ċertifikazzjoni indipendenti jagħtu opinjoni dwar il-kwalità tal-verifiki mwettqa fuq il-post u l-preċiżjoni tal-istatistika ta’ kontroll ipprovduta minn kull aġenzija tal-pagamenti.

Barra minn hekk, is-sistema ta' korrezzjonijiet netti li l-Kummissjoni tapplika f’każ ta’ erruri 4 (ara t-Taqsima 2.4) hija inċentiv għall-Istati Membri sabiex iżidu l-isforzi sabiex jinstabu l-erruri. Din is-sistema għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex juru l-impenn tagħhom sabiex itejbu r-responsabbiltà u t-trasparenza billi jsaħħu l-miżuri ta’ kontroll, fejn ikun meħtieġ, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kontrolli ta’ ġestjoni tal-ewwel livell, qabel ma jiċċertifikaw in-nefqa lill-Kummissjoni, u billi jadottaw regoli ċari ta’ eliġibbiltà biex inaqqsu r-riskju ta’ erruri.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirreferi għar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 għall-Fondi SIE, 5 li jinkludi serje ta’ titjib għas-sistemi ta' ġestjoni u rekwiżiti ta’ rapportar. Għalkemm il-proċess leġiżlattiv ippreżenta aktar eċċezzjonijiet u żied aktar kundizzjonijiet stretti li jfisser li l-Kummissjoni jkollha ttaffi r-riskji relatati, dawn huma mistennija li jtejbu r-responsabbiltà tal-Istati Membri biex b’hekk jindirizzaw aħjar l-erruri u jiżguraw il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ikkontrollati jew ġestiti minnhom. B’mod partikolari, dawn jinkludu kundizzjonijiet ex ante, regoli tal-eliġibbiltà armonizzati u ssimplifikati, possibbiltajiet estiżi sabiex jintużaw modi ssimplifikati li jiddikjaraw il-kostijiet eliġibbli u pakkett ġdid tal-aċċertament annwali li jinkludi l-kontijiet annwali, dikjarazzjoni ta’ ġestjoni u s-sommarju annwali, u opinjoni tal-awditar u rapport ta’ kontroll.

Id-Direttorati Ġenerali rilevanti ddefinixxew strateġija tal-awditjar unika u pjan tal-awditjar komuni sabiex jiksbu aċċertament raġonevoli dwar il-konformità u l-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ kontroll. Il-proċess ta’ aċċertament ġenerali huwa mibni fuq struttura ta’ kontroll wara l-kunċett ta’ awditjar uniku, li permezz tiegħu l-kontroll fil-livell tal-Kummissjoni jista’ jserraħ fuq il-ħidma tal-kontrolli diġà mwettqa minn korpi oħrajn (l-awtoritajiet tal-awditjar tal-programmi fl-Istati Membri).

Għall-agrikoltura, il-bidliet li ġab miegħu r-Regolament Orizzontali 6 ġdid separat jirrikjedu wkoll li l-korpi ta’ ċertifikazzjoni indipendenti jivverifikaw, mill-2015, ir-riżultati ta’ verifiki fuq il-post imwettqa mill-aġenziji tal-pagamenti billi jerġgħu jitwettqu fuq il-bażi ta’ kampjun rappreżentattiv u tingħata opinjoni tal-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa. Filwaqt li dan huwa mistenni li jwassal għal titjib fil-kwalità tal-verifiki fuq il-post tal-Istati Membri, l-objettiv huwa li effettivament tintuża r-rata ta' erruri vvalidata mill-korpi ta’ ċertifikazzjoni indipendenti.

Is-servizzi responsabbli għan-nefqa tal-politika ta’ koeżjoni vverifikaw l-akkuratezza tad-dejta pprovduta mill-Istati Membri 7 , wettqu valutazzjoni ta’ verifiki tal-ewwel livell għall-2007-2013 permezz ta’ awditi ffukati fuq programmi b’riskju għoli, b’mod partikolari sabiex jiġu identifikati l-kawżi ewlenin tal-affidabbiltà insuffiċjenti tal-verifiki ta’ ġestjoni. Id-Direttorati Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO) u għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL) ukoll iddeċidew li jwessgħu l-kopertura tal-awditi tad-dejta dwar l-irtirar u l-irkupri rapportati mill-Istati Membri fis-snin li ġejjin u li jużaw ir-riżultati kollha disponibbli mill-awtoritajiet tal-awditjar, sabiex iżidu l-aċċertament tagħhom dwar id-dejta rrapportata użata għall-kalkolu tar-riskju residwu kumulattiv 8 .

Ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni għas-sena finanzjarja 2014 huma kif ġej:

il-FEŻR u n-nefqa għall-koeżjoni għall-2007-2013: id-DĠ REGIO ivvaluta 96 % tar-rati ta’ erruri rrapportati bħala sors affidabbli ta’ informazzjoni u b’hekk żied ir-rata medja ta’ erruri ta’ 1,8 % rrapportata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar għal 2,6 %;

il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) 2007-2013: id-DĠ EMPL ivvaluta 88,1 % tar-rati ta’ erruri rrapportati bħala sors affidabbli ta’ informazzjoni u b’hekk żied ir-rata medja ta’ erruri rrapportata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar b'0,9 % minn 1,9 % għal 2,8 %; kif ukoll

il-PAK: l-aġġustamenti li saru mid-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (DĠ AGRI) lir-rati ta’ erruri li jirriżultaw mid-dejta rrapportata mill-aġenzija tal-pagamenti rriżultaw f’żieda ta’ 1,99 % għall-pagamenti diretti (minn 0,55 % għal 2,54 %) u 3,57 % għall-iżvilupp rurali (minn 1,52 % għal 5,09 %).

L-AARs tal-2014 jirrapportaw ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-preċiżjoni u l-affidabbiltà tal-informazzjoni tal-awditi u r-riżultati rrapportati mill-awtoritajiet nazzjonali. Dawn jinkludu riżultati kwantitattivi dettaljati tal-valutazzjoni għal kull programm operazzjonali jew aġenzija tal-pagamenti, inkluż kwalunkwe aġġustament jew stima sussegwenti mill-Kummissjoni fuq ir-rati ta’ erruri rrapportati. Għal programmi operazzjonali jew aġenziji tal-pagamenti taħt riżerva, l-AARs jirriflettu wkoll il-pjanijiet ta’ azzjoni adottati sabiex jirrimedjaw id-dgħufijiet sistemiċi misjuba.

Huwa importanti li jiġi enfasizzat li:

I.il-maġġoranza tar-rapporti ta’ kontroll tal-awditi tal-Istati Membri huma affidabbli; kif ukoll

II.il-Kummissjoni ma tiddependix biss fuq ir-riżultati, iżda tivvalutahom ukoll sabiex tislet il-konklużjonijiet għall-aċċertament tagħha.

Fejn meħtieġ, l-Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega jaġġustaw ir-rati ta’ erruri rrapportati jew l-istatistiki ta’ kontroll fuq il-bażi ta’ kwalunkwe informazzjoni addizzjonali jew japplikaw korrezzjoni b’rata fissa jekk l-informazzjoni mingħand l-Istat Membru ma titqiesx affidabbli biżżejjed.

Minħabba li l-ġestjoni, ir-rapportar u d-dispożizzjonijiet ta’ responsabbiltà ġew soġġetti għal bidla sostanzjali, il-Kummissjoni tagħti istruzzjonijiet lis-servizzi tagħha li jġestixxu l-baġit sabiex jadattaw kif meħtieġ il-metodoloġija għall-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid sabiex jivvalutaw l-effettività tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll implimentati mill-korpi u mill-aġenziji rilevanti fl-Istati Membri, għall-fondi kollha tas-SIE u, kemm jista’ jkun, għall-FAEG. Dan se jieħu kont tal-bidliet introdotti fil-qafas ġuridiku li jirriżultaw mir-Regolament Finanzjarju rivedut.

2.4L-ammont f’riskju u l-kapaċità korrettiva tas-sistemi ta’ kontroll

Il-Qorti tal-Awdituri (fir-rapport annwali tagħha tal-2013) u l-Parlament Ewropew (fir-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tiegħu) qiesu li xi AARs jistgħu jissottovalutaw “l-ammonti f’riskju” u ssuġġerew li jiġi ċċarat il-kalkolu ta’ dawn l-ammonti u jivvalutaw l-impatt tal-mekkaniżmi korrettivi fuq dawn l-ammonti.

Sabiex ikunu indirizzati dawn il-kummenti, għall-ewwel darba, l-Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega inkludew l-aħjar stima tal-ammont totali f’riskju 9 għall-baġit kollu kemm hu taħt ir-responsabbiltà tagħhom fl-AARs tagħhom tal-2014. Fi snin preċedenti, dan sar biss għall-parti tan-nefqa soġġetta għal riżervi. Din l-aħjar stima tikkonċerna n-nefqa li tista' ma tikkonformax mar-rekwiżiti regolatorji u kuntrattwali applikabbli fiż-żmien li jsir il-pagament, jiġifieri wara l-applikazzjoni tal-kontrolli ex ante, li huma maħsuba sabiex jevitaw l-erruri u l-irregolaritajiet.

Barra minn hekk, l-Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega rrapportaw il-korrezzjonijiet futuri stmati tagħhom, jiġifieri l-istima tagħhom tal-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkupri li mistennija jirriżultaw mill-kontrolli li se jimplimentaw fil-futur. L-istimi kienu bbażati fuq l-ammont medju tal-korrezzjonijiet 10 mill-2009, billi din hija l-aħjar indikazzjoni disponibbli tal-kapaċità korrettiva tal-kontroll ex post.

L-Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega rraportaw l-ammont globali f’riskju għas-sena flimkien mal-aqwa stima tagħhom tal-volum ta’ erruri u irregolaritajiet li jistgħu jiġu kkoreġuti fil-futur. Dan jipprovdi ħarsa raġonevoli u kwantifikata ta’ malajr lejn il-prestazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll fi tmiem is-sena finanzjarja, b’kont meħud tal-fatt li ċ-ċiklu ta' kontroll huwa pluriennali u li se jiġu implimentati aktar miżuri korrettivi fil-futur. Huwa importanti li wieħed jifhem li l-ammont f’riskju jirreferi għal nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet regolatorji u kuntrattwali. Għadd imdaqqas ta’ każijiet bħal dawn ma jirriżultax f'pagamenti mhux dovuti u għalhekk ma jwassalx għal ordnijiet ta’ rkupru jew korrezzjonijiet finanzjarji 11 .

Fl-evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-AARs u sabiex tkun żgurata l-konsistenza, ingħatat attenzjoni speċjali għal kull sottovalutazzjoni potenzjali tal-ammont f’riskju u stima żejda tal-kapaċità korrettiva, u għall-iżgurar tal-użu konsistenti ta’ kunċetti relatati ma' erruri. Id-definizzjonijiet użati huma stabbiliti fl-Anness 3 u d-dejta dettaljata fl-Anness 2. It-Tabella 1 hawn taħt turi d-dejta aggregata skont il-grupp ta’servizzi.

Għadd ta’ servizzi aġġustaw l-istimi tagħhom fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom. Dan b’mod konsistenti rriżulta fi stimi aktar konservattivi li ġew divulgati fl-AARs.

Tabella 1:    Ammont globali f’riskju u korrezzjonijiet futuri stmati fl-2014 (f’miljuni ta’ EUR).

Qasam 12

Nefqa totali

Ammont f’riskju 13

Korrezzjonijiet futuri stmati

L-inqas valur

L-ogħla valur

Agrikoltura

55 650

1 727

1 727

863

Koeżjoni 14

56 770

1 395

2 693

1 574

Għajnuna Esterna 15

10 288

289

302

91

Riċerka

10 560

210

245

152

Politiki interni oħra

3 587

31

36

21

Amministrazzjoni

5 583

0

34

2

Total

142 439

3 651

5 036

2 703

Għad-Direttorati Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL), il-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO), l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (DĠ MARE), il-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni (DĠ HOME), il-Viċinat u t-Tkabbir (DĠ NEAR, li qabel kien DĠ ELARG), l-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (DĠ ECHO), l-Ambjent (DĠ ENV), is-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs (DĠ GROW, li qabel kien DĠ ENTR), il-Mobbiltà u t-Trasport (DĠ MOVE) u l-Enerġija (DĠ ENER) u għall-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA), il-kapaċità korrettiva stmata taqbeż il-valur l-iktar baxx tal-ammont globali f’riskju. Fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni, dan huwa prinċipalment dovut għall-fatt li l-kapaċità korrettiva hija bbażata fuq medja ta’ sitt snin, filwaqt li l-ammont f’riskju jirreferi għal-livell stmat ta’ erruri vvalutat fl-2014, li huwa aktar baxx mis-snin ta’ qabel. F’każijiet oħrajn, dan huwa minħabba l-livell għoli ta’ korrezzjonijiet li jirriżulta mill-attivitajiet taħt programmi tal-passat.

Bħala konklużjoni, id-dejta turi li l-aħjar stima tal-ammont globali f’riskju tal-2014 għall-Kummissjoni kollha kemm hi huwa bejn EUR 3 651 u 5 036 miljun. Abbażi tal-esperjenza tal-passat, il-Kummissjoni tistima li l-kontrolli li hi se timplimenta fis-snin suċċessivi se jidentifikaw u jikkoreġu l-erruri għal ammont totali ta’ madwar EUR 2 700 miljun.

Fl-2014, il-Kummissjoni tejbet ukoll il-kwalità tad-dejta tal-Istati Membri dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkupri. Hija ppromwoviet l-użu tal-aħjar prattiki bil-għan li ttejjeb il-mekkaniżmi ta’ rkupru fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE.

Fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati provviżjorji (ara n-nota 6 dwar il-“protezzjoni tal-baġit tal-UE”) juru l-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkupri kkonfermati/deċiżi u implimentati fl-oqsma kollha ta’ politika fl-2014. Dawn ammontaw għal EUR 2 980 miljun (meta mqabbel ma’ EUR 3 362, 4 419 u 1 840 miljun fl-2013, fl-2012 u fl-2011 rispettivament) u jidhru skont il-qasam ta’ politika fit-Tabelli 2 u 3.

Tabella 2 Korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri kkonfermati/deċiżi fl-2014 (miljuni ta’ EUR)

Qasam ta' politika

Korrezzjonijiet finanzjarji

Irkupri

Total

Agrikoltura

FAEG

1 649

213

1 862

Żvilupp Rurali

220

165

385

Politika ta’ koeżjoni

FEŻR

1 330

-

1 330

Fond ta' Koeżjoni

292

-

292

FSE

342

1

343

SFGS/FES

39

29

67

Gwida tal-FAEGG

13

5

18

Oħrajn

-

-

-

Politiki interni

5

293

298

Politiki Esterni

Mhux applikabbli

127

127

Amministrazzjoni

Mhux applikabbli

5

5

Total konfermat/deċiż fl-2014

3 890

838

4 728

Tabella 3:    Korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri kkonfermati/deċiżi fl-2014 (miljuni ta’ EUR)

Qasam ta' politika

Korrezzjonijiet finanzjarji

Irkupri

Total

Agrikoltura

FAEG

796

150

946

Żvilupp Rurali

86

167

252

Politika ta’ koeżjoni

FEŻR

823

1

824

Fond ta' Koeżjoni

191

-

191

FSE

289

1

290

SFGS/FES

41

25

66

Gwida tal-FAEGG

13

5

18

Oħrajn

-

-

-

Politiki interni

5

274

279

Politiki Esterni

Mhux applikabbli

108

108

Amministrazzjoni

Mhux applikabbli

5

5

Total implimentat fl-2014

2 244

736

2 980

Il-korrezzjoni tal-ammonti mħallsa b’mod mhux dovut hija aspett importanti tal-ġestjoni finanzjarja tajba. Il-Kummissjoni se tieħu kull opportunità sabiex tħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jagħmlu użu massimu mill-istrumenti disponibbli sabiex jevitaw l-erruri u jissodisfaw ir-responsabbiltajiet u l-obbligi tagħhom għall-programmi kollha taħt ġestjoni kondiviża, sabiex jiġi protett il-baġit tal-UE u jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li jifdal fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tagħhom.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-frodi, is-servizzi kollha tal-Kummissjoni għamlu sforzi sabiex isaħħu s-sistemi ta’ kontroll intern tagħhom sabiex jindirizzaw aħjar ir-riskju ta’ frodi. Huma kollha adottaw strateġija kontra l-frodi li hija konformi ma’ dan ir-rekwiżit tal-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (Commission Anti-Fraud Strategy - CAFS).

3    Aċċertament tal-Ġestjoni

It-Taqsimiet 1 u 2 jispjegaw kif is-servizzi tal-Kummissjoni tejbu r-rapportar dwar il-prestazzjoni tal-politika u l-isfidi għall-ġestjoni tar-riżorsi. Din it-taqsima tkopri d-dikjarazzjonijiet tad-Diretturi Ġenerali dwar l-aċċertament u l-opinjoni ġenerali tas-Servizz tal-Awditjar Intern (Internal Audit service - IAS), li huma l-bażi li fuqha l-Kummissjoni tieħu r-responsabbiltà politika għall-ġestjoni tal-baġit.

3.1Aċċertament miksub permezz tar-rapporti annwali tal-attività

L-Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega evalwaw ir-riżultati tal-kontroll u l-elementi l-oħra kollha rilevanti li jappoġġjaw l-aċċertament tagħhom fuq il-kisba tal-objettivi ta’ kontroll. Huma qiesu kull dgħufija sinifikanti identifikata u vvalutaw l-impatt kumulattiv tagħhom fuq l-aċċertament ġenerali, kemm f’termini kwantitattivi kif ukoll dawk kwalitattivi, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk kinitx materjali. B'riżultat ta' dan, huma kkwalifikaw id-dikjarazzjonijiet ta’ aċċertament tagħhom b’total ta’ 25 riżerva, li minnhom 20 kienu kwantifikabbli u ħamsa ma kinux kwantifikabbli iżda bbażati fuq raġunijiet ta’ reputazzjoni. L-Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega jipprovdu aċċertament mhux kwalifikat għal operazzjonijiet ta’ dħul.

L-għadd ta’ riżervi fl-AARs żdied minn 21 fl-2013. Kien hemm erba' 16 riżervi ġodda, filwaqt li tneħħiet waħda 17 minnhom 18 . Riżerva rikorrenti waħda kienet inqasmet 19 f’żewġ riżervi separati, kull waħda bi pjan ta’ azzjoni speċifiku.

Minkejja din iż-żieda fl-għadd ta’ riżervi, in-nefqa affettwata mir-riżervi kwantifikabbli naqset b’EUR 6 856 miljun (minn EUR 51 248 miljun fl-2013 għal EUR 44 392 miljun), jew kważi 31 % tan-nefqa totali ġestita 20 fl-2014. Dan huwa minħabba t-tnaqqis fil-kamp ta' applikazzjoni tar-riżervi eżistenti magħmula mid-DĠ AGRI, id-DĠ REGIO, id-DĠ EMPL u dawk fil-qasam tal-politika tar-Riċerka. Riżervi ġodda ma jikkonċernawx l-akbar programmi ta’ nfiq u għalhekk ma rriżultawx f’żieda kbira fil-kamp ta' applikazzjoni. L-ammont f’riskju għan-nefqa taħt riżerva, 21 meta wieħed iqis l-irkupri u l-korrezzjonijiet finanzjarji s'issa, huwa stmat għal EUR 2 285 miljun. Ir-riżultati skont il-qasam ta’ politika jinsabu fit-Tabella 4. Ir-riżultati dettaljati skont is-servizz huma stabbiliti fl-Anness 2.

Tabella 4:    Kamp ta’ applikazzjoni u ammont f’riskju tar-riżervi fl-2014 (miljuni ta’ EUR).

Qasam ta' politika 22

Nefqa totali

Applikabilità: nefqa taħt riżerva 23

Ammonti f'riskju taħt riżervi 24

Agrikoltura

55 650

27 255 25

1 447

Koeżjoni 26

56 770

5 650

418

Għajnuna Esterna

10 288

7 940

216

Riċerka 27

10 560

3 489

200

Politiki interni oħra

3 587

58

4

Amministrazzjoni

5 583

-

-

Total

142 439

44 392

2 285

Dawn ir-riżervi jaffettwaw l-oqsma tal-infiq ewlenin kollha (l-agrikoltura, il-fondi strutturali u ta’ koeżjoni, ir-relazzjonijiet esterni, u r-riċerka u politiki interni oħra). Fil-każijiet kollha, l-Uffiċjali Awtorizzanti b'Delega rilevanti adottaw pjanijiet ta’ azzjoni sabiex jindirizzaw id-dgħufijiet sottostanti u jtaffu r-riskji li jirriżultaw minnhom.

Fejn ir-rati ta’ errruri jkunu għolja b'mod persistenti, ir-Regolament Finanzjarju jipprevedi li l-Kummissjoni tidentifika d-dgħufijiet fid-dispożizzjonijiet ġuridiċi u/jew is-sistema ta’ kontroll, tanalizza l-kostijiet u l-benefiċċji tal-miżuri korrettivi possibbli u tieħu jew tipproponi azzjoni xierqa. Is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll inbidlu b’mod sinifikanti fil-programmi 2014-2020. L-implimentazzjoni ta’ dawn għadha kemm bdiet u l-Kummissjoni se tkun tista' tiddetermina l-effetti tal-miżuri l-ġodda fuq il-livell ta’ erruri biss matul iż-żmien.

L-Uffiċjali Awtorizzanti b'Delega identifikaw ir-raġunijiet ewlenin għar-riżervi tagħhom u stabbilixxew azzjonijiet korrettivi sabiex jindirizzawhom.

Il-Kummissjoni tagħti istruzzjonijiet lis-servizzi tagħha sabiex ikomplu bl-isforzi tagħhom sabiex jidentifikaw aktar miżuri ta’ simplifikazzjoni u jaħdmu sabiex itejbu s-sistemi ta’ kontroll sabiex inaqqsu r-riskju ta’ erruri , filwaqt li jqisu l-kostijiet u l-piż amministrattiv li jirriżulta minnhom.

3.1.1Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

Mill-2013, l-erba’ Direttorati Ġenerali u ż-żewġ aġenziji eżekuttivi li jimplimentaw is-Seba’ Programm Qafas ta’ Riċerka (FP7) żammew ir-riżerva tagħhom relatata mal-legalità u r-regolarità tal-għotjiet imħallsa f’rimborż ta’ pretensjonijiet għall-kostijiet. Ir-rata ta’ erruri misjuba mill-kampjun rappreżentattiv komuni tal-awditjar għadha ta’ madwar 5 % għall-2014 (f’konformità mal-2013), b’rata ta’ erruri residwi ta' madwar 3 %.

L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERCEA - European Research Council Executive Agency) u l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA - Research Executive Agency) ma kellhomx riżerva għal żewġ subpopolazzjonijiet speċifiċi (il-proġett tal-Ideat u l-proġett tan-Nies) fejn kien hemm biżżejjed evidenza addizzjonali li r-rati ta’ erruri għal dawn il-programmi kienu inqas mil-limitu tal-materjalità.

Id-direttur tar-REA żamm ir-riżerva fuq is-subpopolazzjoni speċifika tal-iskema tal-intrapriżi żgħar u medji (il-proġetti tal-SMEs), minħabba l-profil ta’ riskju relattivament ogħla u r-riskji speċifiċi fil-kontabilità tal-SMEs għall-għotja. Ġie stabbilit pjan ta’ azzjoni speċifiku sabiex jittaffew dawn ir-riskji.

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA - Education, Audiovisual and Culture Executive Agency) żammet ir-riżerva tagħha dwar il-Programm ta’ Tagħlim tul il-Ħajja (LLP - Lifelong Learning Programme) fid-dawl tar-rata ta’ erruri residwi (4,1 %). L-erruri kienu jikkonċernaw primarjament id-diffikultà għal xi benefiċjarji li jipproduċu dokumenti ta’ sostenn adegwati u nuqqas ta’ konformità ma’ xi regoli ta’ eliġibbiltà. L-EACEA qed tanalizza l-aktar erruri frekwenti u se tieħu aktar azzjoni korrettiva, jekk ikun meħtieġ, filwaqt li tqis il-kostijiet u l-benefiċċji. L-użu obbligatorju ta’ ċertifikati tal-awditu minn benefiċjarji, flimkien ma’ komunikazzjoni mtejba dwar l-obbligi finanzjarji, għandhom inaqqsu aktar ir-rata ta’ erruri residwi.

Id-Direttur Ġenerali għan-Netwerks tal-Komunikazzjoni, Kontenut u Teknoloġija ħareġ riżerva ġdida dwar ir-rata ta’ erruri residwi (2,94 % fl-2014) fir-rigward tal-preċiżjoni tal-pretensjonijiet tal-kostijiet fil-programm ta’ appoġġ għall-politika (PSP - policy support programme) dwar l-ICT skont il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP - Competitiveness and Innovation framework programme). Minħabba l-għadd baxx ta’ awditi użat sabiex jiddetermina r-rati ta’ erruri kumulattivi u residwi (18-il awditu ex post li jkopru EUR 10,9 miljun, li jirrappreżentaw 1,6 % tal-kontribuzzjoni tal-UE mitluba), ir-riżultati għandhom jiġu ttrattati b’kawtela. Madankollu, ir-rati ta’ erruri individwati f’dawn l-aħħar snin (5,29 % fl-2014, 2,82 % fl-2013) qed jiżdiedu u huwa mistenni li 2 % tal-mira tar-rata ta’ erruri residwi fi tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni tas-CIP mhux se jintlaħqu. Sabiex tkompli titnaqqas ir-rata ta' erruri residwi tal-PSP tal-ICT, id-DĠ se jkompli jwettaq awditi ex post f’konformità mal-istrateġija ta’ kontroll ex post tiegħu għal nefqa mhux ta’ riċerka (tnedew 42 awditu fl-2014) u jagħti gwida u feedback lill-parteċipanti u lill-awdituri ċertifikanti sabiex jevita li jseħħu erruri.

3.1.2Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

Id-Direttur Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana ħareġ riżervi għal nuqqasijiet serji f’aspetti ewlenin tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll fi programmi operazzjonali speċifiċi.

Riżerva finanzjarja għall-FEŻR 2007-2013 u l-Fond ta’ Koeżjoni għal 77 programm operazzjonali fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ta' 12-il Stat Membru. Il-kwantifikazzjoni tar-riżerva tikkorrispondi għal 0,5 % tal-pagamenti interim tal-FEŻR/Fond ta’ Koeżjoni fl-2014

Riżerva finanzjarja oħra għal żewġ programmi ta' Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA - Instrument for Preaccession Assistance) (għat-Turkija u l-Adrijatiku) u tikkorrispondi għal 7 % tal-pagamenti interim fl-2014; kif ukoll

Riżerva reputazzjonali għas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għall-2000-2006 tal-FEŻR/FK fl-2014 għal tliet programmi (tnejn fl-Italja u wieħed fl-Irlanda) u għal żewġ setturi tat-trasport relatati mal-Fond ta’ Koeżjoni (fir-Rumanija u fil-Bulgarija), iżda mingħajr l-ebda impatt finanzjarju.

F’kull każ, ittieħdet, jew kienet ippjanata, azzjoni speċifika li taċċerta li l-miżuri korrettivi meħtieġa jkunu ġew implimentati. Dawn il-miżuri korrettivi jikkonsistu f'politika stretta ta’ interruzzjonijiet u sospensjonijiet sabiex jiġu protetti l-fondi tal-UE. Il-pagamenti se jissoktaw biss abbażi tal-evidenza li l-azzjonijiet korrettivi, inklużi l-korrezzjonijiet finanzjarji fejn meħtieġ, ġew implimentati bis-sħiħ. Fir-rigward tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006, ittieħdet azzjoni speċifika f’kull każ, u għaddejja l-proċedura ta’ korrezzjoni finanzjarja bħala parti mill-proċess tal-għeluq.

Id-Direttur Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni żamm żewġ riżervi għal nuqqasijiet serji f’aspetti ewlenin tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll fi programmi operazzjonali speċifiċi:

ir-riżerva prinċipali hija riżerva finanzjarja għall-FSE 2007-13 fl-2014 għal 36 programm operazzjonali fi 11-il Stat Membru (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja u r-Renju Unit). L-ammont f’riskju għar-riżerva 2007-2013 huwa stmat li jkun 1,7 % tal-pagamenti interim tal-FSE 2007-2013 fl-2014; kif ukoll

ir-riżerva l-oħra tittratta riżerva reputazzjonali għall-FSE 2000-2006 fl-2014 għal seba' programmi operazzjonali fi Franza, l-Italja u Spanja.

Fir-rigward tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006, ma hemm l-ebda riskju finanzjarju, billi l-pagamenti finali mhux se jiġu eżegwiti sakemm jiġu solvuti l-kwistjonijiet kollha u jintlaħaq ftehim mal-Istati Membri dwar il-livell ta’ korrezzjoni finanzjarja li għandha tiġi applikata. Il-Kummissjoni ħadet azzjoni speċifika għal kull programm sabiex taċċerta li l-miżuri korrettivi meħtieġa jkunu ġew implimentati. Dawn l-azzjonijiet huma bbażati fuq politika stretta ta’ interruzzjonijiet u sospensjonijiet sabiex jipproteġu l-fondi tal-UE u l-implimentazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa, iżda l-Kummissjoni se tkompli tippromwovi wkoll b’mod attiv il-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ opzjonijiet simplifikati tal-kostijiet għall-FSE.

Il-kwistjoni ewlenija l-ġdida fl-2014 tikkonċerna l-Greċja, fejn ir-rata ta’ erruri għall-erba’ programmi operazzjonali tal-FSE hija stmata b'mod proviżorju għal 5 %. Il-programmi Griegi kollha huma attwalment inklużi fil-lista ta’ riżervi u mhu qed isir l-ebda pagament fuq bażi ta’ prekawzjoni waqt li għaddejjin diskussjonijiet mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-awtoritajiet Griegi.

3.1.3Tkabbir sostenibbli: riżorsi naturali

Id-Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (DĠ AGRI) żamm riżervi dwar:

ċerti interventi tas-suq tal-FAEG għal skemi ta’ għajnuna f’sitt Stati Membri (l-Awstrija, Franza, in-Netherlands, il-Polonja, Spanja u r-Renju Unit) filwaqt li ġew introdotti riżerva ġodda fir-rigward ta’ Franza (għal aktar miżuri) u r-Rumanija. L-ammont f’riskju jikkorrispondi għal 3,13 % tan-nefqa mħallsa. Għall-maġġoranza tal-miżuri, il-Kummissjoni identifikat in-nuqqasijiet waqt l-awditi fuq il-post. Għall-iskemi ta’ ħalib għall-iskejjel fi Franza, ir-riżerva kienet ikkawżata mil-livell għoli ta’ erruri rrapportat mill-awtorità tal-Istat Membru. Fil-każijet kollha, l-azzjoni korrettiva meħtieġa ġiet identifikata u l-Istati Membri ġew notifikati;

il-pagamenti diretti tal-FAEG permezz ta’15-il aġenzija tal-pagamenti f’sitt Stati Membri (Spanja (10), Franza, ir-Renju Unit (l-Ingilterra), il-Greċja, l-Ungerija u l-Portugall). L-ammont f’riskju jikkorrispondi għal 2 % tan-nefqa mħallsa. Billi n-nuqqasijiet kienu identifikati mill-Kummissjoni stess, l-azzjoni korrettiva meħtieġa diġà ġiet identifikata u dawk l-Istati Membri ġew notifikati;

infiq tal-FAEŻR fir-rigward ta’ 22-il aġenzija tal-pagamenti f’14-il Stat Membru filwaqt li ġew introdotti sitt riżervi ġodda. B’kollox hemm 28 riżerva f'16-il Stat Membru fl-2014 (il-Bulgarija, il-Ġermanja (3), id-Danimarka, Spanja (6), Franza (2), ir-Renju Unit (2), il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja (4), il-Litwanja, il-Latvja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u l-Iżvezja). L-ammont f’riskju jikkorrispondi għal 4,76 % tan-nefqa mħallsa. Billi n-nuqqasijiet kienu identifikati mill-Kummissjoni stess, l-azzjoni korrettiva meħtieġa diġà ġiet identifikata u dawk l-Istati Membri ġew notifikati; kif ukoll

in-nefqa fit-Turkija mill-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni fl-Iżvilupp Rurali (IPARD - Instrument for Pre-Accession Assistance in Rural Development). L-ammont f’riskju jikkorrispondi għal 3,2 % tan-nefqa totali mill-IPARD. L-azzjoni korrettiva meħtieġa diġà ġiet identifikata u l-awtoritajiet Torok ġew notifikati. Id-DĠ AGRI se jieħu azzjoni korrettiva fejn meħtieġ billi jimponi korrezzjonijiet finanzjarji netti sabiex jirkupra n-nefqa mhux eliġibbli.

Id-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd żammet ir-riżerva tagħha dwar is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) (l-eliġibbiltà tan-nefqa ddikjarata għall-Ġermanja (Mecklenburg-Vorpommern), l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja u r-Rumanija). Il-pagamenti fir-rigward tal-ħames programmi inkwistjoni diġà ġew interrotti. Qed jiġi żviluppat pjan ta’ azzjoni għal kull każ, li jispeċifika l-miżuri u limiti ta’ żmien sabiex jiġu rrettifikati n-nuqqasijiet li wasslu għall-erruri. Il-pagamenti se jerġgħu jibdew biss meta dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati b’mod sodisfaċenti. L-ammont f’riskju għal dawn il-programmi jirrappreżenta biss 1,26 % tal-pagamenti totali tal-FES fl-2014. 

Id-Direttur Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika (DĠ CLIMA) żamm ir-riżerva reputazzjonali tiegħu relatata ma’ dgħufijiet ta’ sigurtà sinifikanti li kienu identifikati fir-Reġistru tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet (EU ETS - EU Emissions Trading System). Wara l-attakki ċibernetiċi organizzati fuq xi reġistri nazzjonali bejn Novembru 2010 u Jannar 2011, operatur wieħed ressaq ilment quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kontra l-Kummissjoni dwar serq ta’ kwoti. Dan wassal għar-reġistrazzjoni ta’ obbligazzjoni kontinġenti ta’ EUR 16,2-il miljun fil-kontijiet tad-DĠ CLIMA. Il-proċeduri tal-Qorti għadhom għaddejjin.

Il-miżuri ta’ sigurtà identifikati mid-DĠ CLIMA, DIGIT u HR wara valutazzjoni tar-riskju preliminari tar-Reġistru tal-EU ETS bħalissa huma biss parzjalment implimentati. Valutazzjoni tar-riskju formali approfondita li tlestiet fl-2014 identifikat miżuri ta’ sigurtà komplementari li jnaqqsu r-riskju għal livell aċċettabbli. Milll-2016 l-introduzzjoni opportuna u b’suċċess tal-Pjan ta’ Azzjoni wara r-rapport ta’ awditjar tal-IAS dwar il-governanza u s-sigurtà tas-sistema EU ETS tipprovdi aċċertament raġonevoli li r-riskju residwu ta’ kwalunkwe attakk ċibernetiku se jitnaqqas għal livell aċċettabbli.

3.1.4Sigurtà u Ċittadinanza

Id-Direttur Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari kien kapaċi jneħħi r-riżerva dwar il-preċiżjoni tal-pretensjonijiet għall-kostijiet tal-Istati Membri taħt il-programmi għall-eradikazzjoni u l-monitoraġġ tal-mard tal-annimali fil-qasam tal-ikel u l-għalf . Id-Direttur Ġenerali kien diġà ħa għadd ta’ miżuri ta' taffija sabiex inaqqas ir-rata ta’ erruri f’dak il-qasam. L-effett kumulattiv tal-miżuri kollha baxxa r-rata ta’ erruri taħt il-limitu ta’ 2 %.

3.1.5Ewropa Globali

Is-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI - Foreign Policy Instruments) ħareġ riżerva ġdida dwar ir-rata ta’ erruri residwi ta’ 2,13 % għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (il-PESK). Abbażi tal-kontrolli ex post li twettqu, instab li l-baġit tal-PESK għan-nonproliferazzjoni u d-diżarmament kien affettwat minn perċentwal għoli ta’ erruri.

L-FPI qed janalizza l-possibbiltà li jirkupraw l-ammont mhux eliġibbli mingħand żewġ benefiċjarji fid-dawl tal-fatt li l-kumplament tal-proġetti ntemmew b’suċċess. Dan janalizza wkoll kif jista’ jevita erruri simili fil-futur, pereżempju billi jtejjeb il-mudelli għal ftehimiet ta’ għotjiet, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti għal dokumenti ta’ sostenn u l-biljetti tal-imbarkazzjoni bħala prova tal-ivvjaġġar.

Id-Direttur Ġenerali għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni — EuropeAid (DĠ DEVCO) żamm ir-riżerva ġenerali tiegħu, jiġifieri li jkopri l-attivitajiet u ċ-ċikli ta’ ġestjoni kollha, billi r-rata globali ta’ erruri residwi f'termini ta’ legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti kienet ta’ 2,81 % fl-2014 (3,35 % fl-2013 u 3,63 % fl-2012). Id-DĠ DEVCO jġestixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u sitt strumenti differenti b’diversi bażijiet ġuridiċi, atti ta’ referenza u arranġamenti ta’ ġestjoni: direttament (mill-kwartieri ġenerali jew mid-delegazzjonijiet) u indirettament (ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali jew ma’ aġenziji u korpi oħrajn). L-operazzjonijiet jinvolvu għotjiet, akkwisti, fondi fiduċjarji u nefqa amministrattiva u ta’ appoġġ. Flimkien ma’ fattur ġeografiku (l-operazzjonijiet f’pajjiżi u reġjuni b’livell baxx ta’ żvilupp, infrastruttura b’nuqqasijiet u governanza dgħajfa), dan jirriżulta f’matriċi kumplessa li tiddetermina l-profil tar-riskju ta’ kull subsett ta’ operazzjonijiet finanzjarji u l-ħtieġa li jiġu implimentati kontrolli preventivi effettivi.

Għalkemm id-DĠ DEVCO jadatta l-istrateġija ta’ kontroll tiegħu għall-karatteristiċi ġenerali tal-operazzjonijiet u jisfrutta r-riżultati tal-kontrolli sabiex jikseb dejta relatata mal-erruri aktar dettaljata dwar id-diversi strumenti u oqsma, huwa ma jipprovdix aċċertament differenzjat. Il-konsegwenza ta’ din is-sitwazzjoni hija li, għal dawn l-aħħar tliet snin, id-DĠ DEVCO ħareġ riżerva li tkopri l-operazzjonijiet kollha tiegħu.

Il-Kummissjoni hija mħassba li l-kamp ta' applikazzjoni wiesa’ ta’ din ir-riżerva ġenerali jista’ jkollu impatt fuq l-aċċertament ġenerali fid-dikjarazzjoni ta’ aċċertament tad-DĠ DEVCO.

Il-Kummissjoni tagħti istruzzjonijiet lid-DĠ DEVCO sabiex ifittex modi biex iżid il-limitu sa fejn jieħu kont tar-riżultat tal-kontrolli tiegħu sabiex jipprovdi aċċertament differenzjat għar-riskju u sabiex sussegwentement imexxi aktar mir-riżorsi ta’ kontroll tiegħu lejn oqsma koperti minnriżervi speċifiċi, filwaqt li titqies il-kosteffettività tal-kontrolli varji. Titjib tanġibbli huwa mistenni sa tmiem l-2015.

Id-Direttur Ġenerali għall-Viċinat u t-Tkabbir ħareġ żewġ riżervi ġodda, rigward:

ir-rata ta’ erruri residwi għal ġestjoni indiretta minn pajjiżi benefiċjarji (IBMC - indirect management by beneficiary countries), li qabżet il-livell ta’ materjalità ta’ 2 % (2,67 %). Id-Direttorat Ġenerali qed jipproċedi bi rkupri li jirrigwardaw erruri u irregolaritajiet. Kif rakkomandat mill-Qorti tal-Awdituri, id-Direttorat Ġenerali naqqas b’mod sinifikanti l-livell ta’ prefinanzjament għall-pajjiżi benefiċjarji. Dan japplika b’mod partikolari għall-mod ta’ ġestjoni indiretta u se jnaqqas l-iskopertura finanzjarja; kif ukoll

il-ħsara għar-reputazzjoni tal-Kummissjoni minħabba dgħufija identifikata fil-proċeduri għar-rikonoxximent tal-kostijiet interim taħt ġestjoni indiretta minn entitajiet fdati (IMEE - indirect management by entrusted entities) għajr minn pajjiżi benefiċjarji. Il-verifiki interni wrew li f’ċerti każijiet il-kostijiet irrapportati mill-kuntratturi għal kuntratti taħt ġestjoni indiretta minn entitajiet fdati ma kinux reġistrati sistematikament bħala spejjeż fl-ABAC. Minħabba d-dgħufija fis-sistema ta’ kontroll intern, hemm dikjarazzjoni materjali aktar baxxa tal-kostijiet interim fir-rekords kontabilistiċi. Bħala azzjoni korrettiva, fl-2015 se jkun hemm taħriġ disponibbli għall-uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega kollha u l-persunal tagħhom li jispjega r-regoli għar-rikonoxximent tal-kost interim u l-approvazzjoni tal-prefinanzjament. L-ammont ikkonċernat huwa stmat għal EUR 150 miljun. Madankollu, ma kien hemm l-ebda impatt fuq l-affidabbiltà tal-kontijiet billi kienu diġà saru l-aġġustamenti meħtieġa għall-kontijiet permezz tal-entrati ta' għeluq (cut-off).

3.1.6Amministrazzjoni

Id-Direttur Ġenerali għar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà (DĠ HR) żammet ir-riżerva reputazzjonali tagħha wara l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Iskejjel Ewropej għall-2012 u l-iskoperta ta’ irregolaritajiet marbutin ma’ frodi potenzjali fir-rigward ta’ waħda mill-iskejjel.

Id-DĠ HR diġà ħa miżuri, taħt il-qafas eżistenti tal-governanza, fosthom insistenza kontinwa għall-implimentazzjoni immedjata tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u tal-IAS.

Azzjoni speċifika li ttieħdet fl-2014 tinkludi:

pariri lill-Iskejjel Ewropej dwar l-emendi meħtieġa għar-Regolament Finanzjarju sabiex jistabbilixxi l-qafas regolatorju għall-implimentazzjoni ta’ kontabilità bbażata fuq id-dovuti, l-aġġornament tar-regoli tal-akkwist u tal-ħlas, it-titjib tas-sistema ta’ kontroll intern u l-iżgurar li l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu ġurisdizzjoni fis-sistema tal-Iskejjel Ewropej; kif ukoll

sekondar ta’ uffiċjal tal-Kummissjoni li jappoġġja l-implimentazzjoni tal-ġestjoni finanzjarja tajba u sistemi kontabilistiċi effettivi.

Il-Kummissjoni tagħti istruzzjonijiet lid-DĠ HR sabiex ikompli jinsisti, permezz tal-Bord tal-Gvernaturi, li l-Iskejjel Ewropej ikomplu jsaħħu l-proċeduri ta’ kontroll u jtejbu l-ambjent globali tal-kontroll. L-Iskejjel iridu jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u tal-IAS, jimplimentaw sistema kontabilistika bbażata fuq id-dovuti u jsaħħu s-sistemi ta’ kontroll intern tagħhom.

3.2Aċċertament miksub permezz ta’ ħidma ta’ awditjar intern

Il-Kummissjoni bbażat ukoll l-aċċertament tagħha fuq il-ħidma li twettqet mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) u l-Kapaċitajiet tal-Awditjar Intern, is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet prinċipali tagħhom, u l-informazzjoni mingħand il-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar (APC - Audit Progress Committee). L-APC jappoġġja lill-Kummissjoni biex tiżgura l-indipendenza tal-awditur intern kif ukoll biex ir-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar jiġukkunsidrati kif suppost u jsir segwitu xieraq tagħhom.

Fir-Rapport tal-Awditjar Intern tal-2014, l-IAS ipprovda konklużjonijiet dwar awditi tal-prestazzjoni li tlestew fl-2014 skont l-Artikolu 99(3) tar-Regolament Finanzjarju, għamel referenza għal opinjoni kumplessiva dwar il-ġestjoni finanzjarja għas-sena 2014 u rrapporta dwar il-progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar tiegħu.

Sal-aħħar tal-2014, il-partijiet awditjati qiesu li 689 (78 %) tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati fl-2010-2014 kienu ġew implimentati. Mill-195 rakkomandazzjoni (22 %) li kienu għadhom għaddejjin, l-ebda waħda minnhom ma kienet klassifikata bħala kritika iżda 87 minnhom kienu importanti ħafna. Mis-87 rakkomandazzjoni meqjusin bħala importanti ħafna, 17 minnhom kienu skadew b’aktar minn sitt xhur fi tmiem l-2014, u dan jirrappreżenta 2 % tal-għadd totali ta’ rakkomandazzjonijiet aċċettati ta’ dawn l-aħħar ħames snin. Il-ħidma ta’ segwitu tal-IAS ikkonfermat li, b’mod ġenerali, ir-rakkomandazzjonijiet qegħdin jiġu implimentati b’mod sodisfaċenti u li s-sistemi ta’ kontroll fis-servizzi awditjati qegħdin jitjiebu. L-IAS ikkonkluda li 95 % tar-rakkomandazzjonijiet segwiti matul dan il-perjodu kienu ġew effettivament implimentati mill-partijiet awditjati.

L-IAS wettaq ukoll awditi f’termini tal-prestazzjoni għall-Qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 28 , il-governanza ekonomika ġdida (fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni) 29 , l-għajnuna esterna u dwar it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni (IT) 30 .

L-awditur intern tal-Kummissjoni ppreżenta wkoll Opinjoni Ġenerali li kienet prinċipalment ibbażata fuq il-ħidma tiegħu stess u fuq dik tal-Kapaċitajiet tal-Awditjar Intern, u li tiffoka fuq il-ġestjoni finanzjarja. Din ikkunsidrat li, fl-2014, il-Kummissjoni waqqfet proċeduri ta’ governanza, ta' ġestjoni tar-riskju u ta’ kontroll intern li, meta meqjusin flimkien, huma xierqa biex jagħtu aċċertament raġonevoli dwar il-kisba tal-objettivi finanzjarji tagħha. Madankollu, l-opinjoni ġenerali hija kwalifikata fir-rigward tar-riżervi kif espressi mill-Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega fl-AARs tagħhom.

Sabiex wasal għal din l-opinjoni, l-IAS qies l-impatt ikkombinat tal-ammonti stmati li jkunu f’riskju skont kif iddivulgati fl-AARs fid-dawl tal-kapaċità korrettiva kif jidher fil-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkupri tal-passat. Minħabba d-daqs tal-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkupri tal-passat u jekk wieħed jassumi li l-korrezzjonijiet tal-pagamenti tal-2014 se jsiru f’livell komparabbli, il-Baġit tal-UE huwa protett b’mod adegwat kollu kemm hu (mhux neċessarjament oqsma ta’ politika individwali) u matul iż-żmien (xi kultant diversi snin aktar tard).

L-awditur intern żied paragrafu ta’ "osservazzjonijiet" li jenfasizza tliet kwistjonijiet li jeħtieġu attenzjoni partikulari:

I.Jeħtieġ li jissaħħu s-sistemi ta’ kontroll intern rigward l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Programmi Qafas tar-Riċerka (2007-2013), speċjalment sabiex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi tas-superviżjoni tal-Impriżi Konġunti u l-korpi tal-Artikolu 185 tat-TFUE, u jiġi evitat frodi potenzjali, u jinqabad b'mod aktar effettiv. Dan għandu jitqies fl-isfond tal-pagamenti tal-FP7 fis-snin li ġejjin iżda anke fid-dawl tal-implimentazzjoni ta’ Orizzont 2020 skont il-QFP 2014-2020 b’baġit miżjud fdat lill-Impriżi Konġunti u lill-korpi tal-Artikolu 185 tat-TFUE, li fl-aħħar mill-aħħar il-Kummissjoni tibqa’ responsabbli għalihom, u tal-prijorità kontinwa tal-Kummissjoni li tiġġieled kontra l-frodi.

II.Fil-leġiżlazzjoni l-ġdida taħt il-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, ir-regoli ta’ eliġibbiltà jibqgħu ta' natura kumplessa u fuq ħafna livelli, u dan kollu jista’ mbagħad iwassal għal problemi ta’ interpretazzjoni min-naħa tal-Istati Membri u fl-aħħar mill-aħħar iżid ir-riskju ta’ erruri. L-IAS diġà identifika oqsma ewlenin għal titjib tas-sistemi ta’ kontroll u superviżjoni tad-Direttorati Ġenerali f'dan l-istadju bikri fil-Perjodu ta’ Programmazzjoni l-ġdid u se jkun qed isegwi l-progress bir-reqqa permezz ta’ awditi ffukati fl-2015 u lil hinn.

III.L-istrumenti finanzjarji huma għodda kumplessa u sabiex dawn ikunu attraenti għall-Istati Membri jeħtieġ li jkun hemm sforzi estensivi ta’ bini tal-kapaċitajiet sabiex jinbena l-għarfien tekniku kemm fil-livell tal-Kummissjoni kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. Jeħtieġ ukoll li d-Direttorati Ġenerali jindirizzaw ir-riskji relatati mal-applikazzjoni prattika ta’ ċerti dispożizzjonijiet ġuridiċi li huma miftuħa għal interpretazzjoni permezz ta’ gwida għall-persunal u l-Istati Membri, u permezz tal-istrateġiji ta’ awditjar u kontroll tagħhom.

Rapport ta’ sinteżi tal-ħidma tal-awditur intern jintbagħat lill-awtorità ta’ kwittanza skont l-Artikolu 99(5) tar-Regolament Finanzjarju rivedut.

4    Konklużjoni

L-enfasi tal-Kummissjoni l-ġdida fuq il-prestazzjoni tidher fit-titjib fir-rapportar tal-kisbiet tal-politika u tal-impatt tagħhom fuq il-valur miżjud għaċ-ċittadini. Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel monitoraġġ u tirrapporta dwar il-progress u “l-baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati” se jkompli jsaħħaħ il-qafas ta’ prestazzjoni. Il-fokus futur fil-ġestjoni tar-riżorsi se jkun fuq il-miżuri ta’ simplifikazzjoni, il-kontrolli kosteffettivi u l-katina ta’ aċċertament. Għall-ewwel darba, dan ir-rapport fih l-aħjar stima tal-ammont totali f’riskju, ippreżentata flimkien mal-korrezzjonijiet futuri stmati.

L-AARs kollha jagħtu aċċertament raġonevoli dwar l-użu tar-riżorsi għall-iskop maħsub tagħhom; dawn ikopru l-osservanza tal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u l-fatt li l-proċeduri ta’ kontroll jagħtu l-garanziji meħtieġa tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti. L-Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega kkwalifikaw id-dikjarazzjonijiet ta’ aċċertament tagħhom b’total ta’ 25 riżerva, li minnhom 20 kienu kwantifikabbli. L-Uffiċjali Awtorizzanti b'Delega rilevanti ddeskrivew il-miżuri li ħadu u ppjanaw li jindirizzaw id-dgħufijiet sottostanti u jtaffu r-riskji li jirriżultaw minnhom.

L-Awditur Intern ipprovda Opinjoni Ġenerali.

Abbażi tal-aċċertamenti u r-riżervi fl-AAR, il-Kulleġġ jadotta dan ir-Rapport ta' Sinteżi u jieħu r-responsabbiltà politika ġenerali għall-ġestjoni tal-baġit tal-UE.

(1)  Ir-Regolament Finanzjarju rivedut daħal fis-seħħ f'Jannar 2013.Regolament Finanzjarju: Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).Regoli ta’ applikazzjoni: Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).
(2)  L-ABAC hija sistema kontabilistika bbażata fuq id-dovuti użata fil-Kummissjoni.
(3)  SMEs: intrapriżi żgħar u medji;
NGOs: organizzazzjonijiet mhux governattivi.
(4)  Il-korrezzjonijiet finanzjarji netti għall-Politika ta’ Koeżjoni jikkonċernaw biss lill-2014-2020.
(5)  Il-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej (il-Fondi SIE), li jinkludu l-Fond Ewropew ta' Żvilupp Reġjonali (il-FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (il-FSE) u l-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (il-FEMS).
(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347.20.12.2013, p. 549).
(7)  Fir-rigward tad-DĠ REGIO, il-ħidma tal-awditjar iffukat b’mod partikolari fuq il-valutazzjoni tal-affidabbiltà tar-riżultati nazzjonali tal-awditjar u r-rati ta' erruri rrapportati (permezz tal-inkjesta "Reviżjoni tal-awtoritajiet tal-awditjar” u permezz ta’ valutazzjoni mhux fuq il-post), kif ukoll l-affidabbiltà ta’ ammonti rapportati dwar irtirar u rkupri (abbażi tal-awditi fuq il-post ibbażati fuq ir-riskju kif ukoll tal-verifiki mhux fuq il-post tal-konsistenza).
(8)  B'riżultat ta’ din il-ħidma, id-DĠ REGIO qies li madwar 15 % tal-irtirar u l-irkupri rapportati mill-Istati Membri ma kinux ta’ min joqgħod fuqhom u għalhekk ma kinux inklużi fil-kalkolu tas-CRR għall-AAR tal-2014.
(9)  Ara d-definizzjonijiet fl-Anness 3.
(10)  Dawn huma bbażati fuq id-dejta rrapportata fin-nota 6 tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji (“Protezzjoni tal-Baġit tal-UE”). Sabiex jiġi żgurat li l-korrezzjonijiet futuri stmati jirreferu biss għall-kontrolli implimentati wara ż-żmien tal-pagament, għadd ta’ servizzi aġġustaw din id-dejta billi naqqsu l-korrezzjonijiet u l-irkupri li ma kinux ir-riżultat tal-kontrolli ex post. Għall-agrikoltura, intużat bażi ta’ tliet snin li teskludi l-kundizzjonalità, billi dan kien meqjus l-aktar perjodu referenzjarju rilevanti.
(11)  Pereżempju fil-każ li benefiċjarju jiddikjara n-nefqa fil-perjodu tal-kontabilità żbaljat jew meta l-benefiċjarju jiddikjara nefqa mhux eliġibbli filwaqt li t-total tal-ispejjeż dikjarati eliġibbli xorta jaqbeż il-limitu massimu tal-kontribuzzjoni tal-UE (u għalhekk ma jkun hemm l-ebda effett finanzjarju).
(12)  It-tabelli tal-Anness 2 jipprevedu l-lista ta’ servizzi inklużi f’kull qasam u l-ammonti rispettivi. In-nefqa totali hija bbażata fuq “il-pagamenti magħmula” fl-2014, kif irrapportat fl-Anness 3 (Tabella 2) tal-AARs. Dawn iċ-ċifri jirriżultaw minn dejta kontabilistika proviżorja tal-2014 kif disponibbli fil-31 ta’ Marzu 2015, li tista’ tiġi riveduta. L-allokazzjoni tan-nefqa fost is-servizzi hija allinjata mar-responsabbiltajiet kif allokati lill-Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega fir-regoli interni tal-Kummissjoni.
(13)  Għadd ta' servizzi stmaw l-ammont f'riskju ġenerali tagħhom għas-sena f’termini ta’ firxa, skont il-metodoloġija użata fid-disponibbiltà tad-dejta. Irreferi għall-AARs varji.
(14)  Inkluż id-DĠ HOME.
(15)  Għad-DĠ DEVCO, in-nefqa totali tinkludi baġit tal-UE (EUR 3 844 miljun) u nefqa tal-FEŻ (EUR 3 671 miljun). Id-DĠ DEVCO rrapporta li l-istima tal-ammont f’riskju u l-kapaċità korrettiva ġew ikkoreġuti ’l fuq b’riżultat tal-applikazzjoni tal-kapaċità korrettiva medja mill-2009 għan-nefqa tal-2014.
(16)  Ir-riżervi ġodda jikkonċernaw il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (ġestita mill-Istrument tal-Politika Barranija - l-FPI (Foreign Policy Instrument)), IPA/CARDS/PHARE — Ġestjoni Indiretta Minn Pajjiżi Benefiċjarji (IMBC - Indirect Management by Beneficiary Countries) u Ġestjoni Indiretta Minn Entitajiet Fdati oħra (IMEE - Indirect Managment by other Entrusted Entities) (it-tnejn huma ġestiti mid-DĠ ELARG) u l-Programm ta’ Appoġġ għall-Politika CIP-ICT (ġestit mid-DĠ CNECT).
(17)  Id-DĠ SANCO neħħa r-riżerva tiegħu minn fuq il-programmi għall-eradikazzjoni u l-monitoraġġ tal-mard tal-annimali fil-qasam tal-politika dwar l-ikel u l-għalf.
(18)  Sabiex riżerva titneħħa, l-Uffiċjali Awtorizzanti b'Delega ntalbu juru kif ġew indirizzati n-nuqqasijiet b'mod effettiv.
(19)  Id-DĠ REGIO qasam ir-riżerva rikorrenti tiegħu dwar il-FEŻR/il-Koeżjoni/l-IPA fi tnejn għaċ-ċarezza: waħda dwar il-FEŻR/il-Koeżjoni u waħda dwar l-IPA.
(20)  Inkluż il-FEŻ.
(21)  Ħlief għal ġestjoni kondiviża, fejn l-ammonti rrapportati ma jinkludux il-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkupri.
(22)  It-tabelli tal-Anness 2 jipprevedu l-lista ta’ servizzi inklużi f’kull qasam u l-ammonti rispettivi. In-nefqa totali hija bbażata fuq “il-pagamenti magħmula” fl-2014, kif irrapportat fl-Anness 3 (Tabella 2) ta' kull AAR. Dawn iċ-ċifri jirriżultaw minn dejta kontabilistika proviżorja tal-2014 kif disponibbli fil-31 ta’ Marzu 2015, li tista’ tiġi riveduta. In-nefqa hija allokata fost is-servizzi konformi mar-responsabbiltajiet tal-Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega skont ir-regoli interni tal-Kummissjoni.
(23)  Il-kamp ta' applikazzjoni tar-riżervi jkopri n-nefqa implimentata permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni u kontroll u kkonċernata mid-dgħufijiet rapportati.
(24)  L-ammont globali f’riskju huwa stima tal-ammont f’riskju għan-nefqa kollha kemm hi. Dan jinkludi l-ammont f'riskju taħt riżerva u stima tal-errur għan-nefqa mhux affettwata mir-riżervi, li hija ċifra sa 2 % skont is-sitwazzjoni speċifika jew il-programm.
(25)  L-ammont indikat ta’ EUR 27 255 miljun jirrappreżenta n-nefqa ġestita mis-sistemi ta’ kontroll li nħarġet riżerva għalihom u li s-sistema ta’ ġestjoni u kontroll tqiegħdet taħt skrutinju mill-qrib mid-DĠ AGRI għalihom. Dan ifisser li l-proċeduri tal-approvazzjoni ta' konformità għadhom għaddejjin sabiex jiġi protett il-baġit tal-UE kif ukoll il-monitoraġġ mid-DĠ AGRI tal-azzjonijiet korrettivi li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri fejn xieraq.
(26)  Inkluż id-DĠ HOME.
(27)  Għad-DĠ DEVCO, in-nefqa totali tinkludi baġit tal-UE (EUR 3 844 miljun) u nefqa tal-FEŻ (EUR 3 671 miljun).
(28)  L-IAS ikkonkluda li hemm riskji fit-testi leġiżlattivi tal-programmi varji li tressqu permezz tal-proċess leġiżlattiv u li jeħtieġ li jittaffew fit-tfassil u l-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll mid-Direttorati Ġenerali.
(29)  L-IAS ikkonkluda li l-awditi twettqu b'mod pożittiv u enfasizza biss ambitu għal titjib ulterjuri.
(30)  L-IAS ikkonkluda li jeħtieġ li s-servizzi tal-Kummissjoni jiżguraw li l-ħtiġijiet tal-utenti jiġu identifikati b’mod korrett, jiġu ssodisfati b’mod xieraq, fil-ħin u fi ħdan il-baġit u li l-Kummissjoni tikseb l-aqwa valur għall-flus mill-investimenti tagħha fl-IT
Top