EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0100

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika fuq l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv

/* COM/2015/0100 final */

52015DC0100

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika fuq l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv /* COM/2015/0100 final */


Introduzzjoni

L-istrateġija Ewropa 2020 tnediet fl-2010 bħala l-istrateġija fit-tul integrata tal-UE għall-impjiegi u t-tkabbir. Sabiex jintlaħaq l-objettiv tagħha ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv għall-Ewropa, l-istrateġija tibbaża fuq ħames miri ewlenin marbuta mal-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-klima u l-enerġija, l-edukazzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, magħmula minn kull Stat Membru f'miri nazzjonali. L-istrateġija hija implimentata u mmonitorjata bħala parti mis-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, kienet il-qafas ġenerali għal firxa ta’ politiki fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. B’mod partikolari, l-istrateġija serviet bħala gwida għat-tfassil u l-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej mill-2014 sal-2020.

Wara l-ewwel snin tal-implimentazzjoni tal-istrateġija, nofs triq lejn l-orizzont 2020 tagħha, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika biex tqis it-twettiq tal-objettivi tal-istrateġija sa issa. Il-fatt li l-ewwel snin tal-istrateġija Ewropa 2020 ħabtu ma’ kriżi finanzjarja u ekonomika serja ħalla impatt kbir fuq il-progress lejn l-għanijiet tal-istrateġija. Din kienet tfisser ukoll li l-kunsiderazzjonijiet ta’ politika għal żmien qasir ta' spiss komplew b'mod inevitabbli f'approċċi aktar fit-tul. Is-sejbiet minn l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-Istrateġija Ewropa 2020[1] juru li, b’mod ġenerali, id-direzzjoni meħuda mill-UE b’reazzjoni għall-kriżi hija appoġġjata miċ-ċittadini tal-UE – minn dawk li wieġbu, kważi d-doppju jqisu li l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex toħroġ mill-kriżi u tiffaċċja l-isfidi tagħha meta mqabbel ma' dawk li ma jaqblux ma' dan.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta r-riżultati ewlenin tal-konsultazzjoni pubblika organizzata bejn Mejju u Ottubru 2014 biex jinġabru l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati dwar it-tfasil u r-riżultati tal-istrateġija Ewropa 2020. Dan huwa akkumpanjat minn rapport aġġornat dwar is-sitwazzjoni attwali rigward il-miri tal-Ewropa 2020[2].

Sommarju Eżekuttiv

Il-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija Ewropa 2020 saret bejn il-5 ta’ Mejju 2014 u l-31 ta’ Ottubru 2014. L-għan kien li tinkiseb l-esperjenza mill-partijiet ikkonċernati biex jintużaw it-tagħlimiet miksuba matul l-ewwel snin ta’ implimentazzjoni tal-istrateġija u biex jiġu inklużi fir-rieżami.

B’kollox waslu 755 kontribuzzjoni minn 29 pajjiż. Is-sħab soċjali, il-gruppi ta' interess u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi huma l-aktar kategorija rappreżentata minn dawk li wieġbu, segwita mill-gvernijiet tal-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi, iċ-ċittadini individwali, u l-gruppi ta’ riflessjoni, l-akkademja, il-fondazzjonijiet u l-kumpaniji.

L-eżiti ewlenin mill-konsultazzjoni pubblika huma dawn li ġejjin:

- l-Ewropa 2020 hija meqjusa bħala qafas globali rilevanti li jippromwovi l-impjiegi u t-tkabbir fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. L-objettivi u l-prijoritajiet tagħha huma sinifikanti meta jiġu kkunsidrati l-isfidi attwali u futuri.

- Il-ħames miri ewlenin jirrappreżentaw katalisti importanti għall-impjiegi u t-tkabbir u jgħinu biex l-istrateġija tibqa' ffukata.

- Il-biċċa l-kbira tal-inizjattivi emblematiċi servew l-għan tagħhom, iżda l-viżibilità tagħhom baqgħet dgħajfa.

- Hemm skop u ħtieġa għal titjib fit-twettiq tal-istrateġija permezz ta’ sjieda msaħħa u involviment fuq il-post.

1. Il-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija Ewropa 2020

F’Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni “Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”[3] immirata biex tivvaluta fejn jinsabu l-UE u l-Istati Membri tagħha fl-implimentazzjoni tal-istrateġija erba’ snin wara t-tnedija tagħha, u biex twitti t-triq għal rieżami tal-istrateġija.

Nofs triq lejn l-iskadenza tal-2020, it-twettiq tal-objettivi tal-impjiegi u t-tkabbir huwa mħallat, b’mod partikolari minħabba l-impatt tal-kriżi. L-effetti tal-kriżi għadhom partikolarment gravi, b’mod partikolari fis-swieq tax-xogħol bil-qgħad jibqa’ għoli ħafna fil-livell tal-UE u s-sitwazzjonijiet li jvarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. Fost is-sorsi ewlenin ta’ tħassib, ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadhom għoljin f’diversi Stati Membri u l-qgħad fit-tul qed jiżdied. Fil-qasam soċjali, il-kriżi wasslet għal aktar skopertura għall-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi li qed jikbru. Is-sitwazzjoni hija partikolarment diffiċli f’ċerti Stati Membri fejn kien hemm żidiet fil-privazzjoni materjali severa u fl-għadd ta’ familji mingħajr impjieg. Fl-eqqel tal-kriżi, il-ħtieġa li n-nefqa pubblika tkun ikkontrollata, illimitat in-nefqa fir-riċerka u l-iżvilupp f’għadd ta’ Stati Membri. Issa li l-punt fokali bil-mod il-mod qed jersaq mill-emerġenzi tal-kriżi lejn il-bini ta’ pedamenti sodi għat-tkabbir u l-impjiegi, huwa importanti li l-Istati Membri jagħtu prijorità lin-nefqa li ssaħħaħ it-tkabbir bħall-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp. Numru ta’ tendenzi fit-tul ikomplu jaffettwaw ukoll it-tkabbir, pereżempju l-iżviluppi demografiċi, il-globalizzazzjoni u l-kompetizzjoni minn sħab internazzjonali, l-isfida ta’ produttività u d-diġitalizzazzjoni kif ukoll il-pressjoni fuq ir-riżorsi u l-kwistjonijiet ambjentali.

Il-kriżi affettwat ukoll il-progress lejn il-miri ewlenin tal-Ewropa 2020. Il-kriżi kellha impatt negattiv ċar fuq l-impjiegi u l-livelli ta’ faqar u xekklet il-progress lejn uħud mill-miri l-oħra, bl-eċċezzjoni tal-effett tagħha fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Minkejja l-kriżi kien hemm xejriet strutturali aktar pożittivi, pereżempju fil-livelli tal-edukazzjoni, il-bini ta’ taħlita tal-enerġija aktar sostenibbli u t-tnaqqis fl-intensità tal-karbonju tal-ekonomija. Għaldqastant, b'mod globali, l-UE tinsab fi triqitha biex tilħaq jew toqrob lejn il-miri tagħha fir-rigward tal-edukazzjoni, il-klima u l-enerġija. Dan mhuwiex il-każ fir-rigward tal-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar fejn l-impatt tal-kriżi nħass l-aktar intensament. Fl-oqsma kollha, l-isforzi jridu jiġu sostnuti sabiex jiġi kkonsolidat il-progress u jsiru aktar avvanzi.

Il-miri tal-Ewropa 2020 jikkostitwixxu impenji politiċi[4]. In-natura politika tal-miri hija inerenti fl-istrateġija u tirrifletti r-rwol primarju li l-gvernijiet nazzjonali għandu jkollhom fl-istrateġija, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Madankollu, għall-biċċa l-kbira tal-oqsma, il-miri nazzjonali mhumiex ambizzjużi biżżejjed biex b’mod kumulattiv jilħqu l-ambizzjoni fil-livell tal-UE. Pereżempju, li kieku l-Istati Membri kollha laħqu l-miri nazzjonali individwali tagħhom, l-investiment aggregat fir-riċerka u l-iżvilupp fil-livell tal-UE jammonta għal 2,6 % tal-PDG sal-2020, li huwa inqas mill-mira ta’ 3 % stabbilita mill-UE. Dawn il-livelli differenti ta’ impenn jidhru wkoll fil-livell varjabbli ta’ reazzjoni u ambizzjoni politika madwar l-UE.

Parti mill-progress imħallat tal-miri Ewropa 2020 tista’ tiġi attribwita wkoll għad-dewmien li permezz tiegħu r-riformi strutturali jħallu l-impatt sħiħ tagħhom fuq l-ekonomiji. Għalkemm ir-ritmu u l-kwalità tar-riformi strutturali varjaw bejn l-Istati Membri, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taw bidu għal riformi strutturali importanti fis-swieq tax-xogħol tagħhom, biex jagħmluhom aktar reżiljenti fil-futur, fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi biex jitjieb il-funzjonament tagħhom u titrawwem allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi, u fl-amministrazzjonijiet pubbliċi biex tittejjeb l-effiċjenza tagħhom. Madankollu, dawn ir-riformi jieħdu ż-żmien biex iħallu l-frott u jsiru viżibbli, u dan jagħmel l-implimentazzjoni rapida u bir-reqqa tagħhom importanti ħafna.

Id-diverġenzi li qed jikbru madwar l-Istati Membri u spiss fl-istess Stati Membri xekklu l-progress lejn il-miri tal-Ewropa 2020. Il-kriżi wasslet għal diskrepanza dejjem akbar bejn l-Istati Membri bl-aħjar prestazzjoni u dawk bl-anqas, minflok il-konverġenza mixtieqa tal-ekonomiji tagħna. Kien hemm ukoll differenza li qed tikber bejn ir-reġjuni fl-Istati Membri u madwarhom. Bħala eżempju, fl-2013, id-differenza bejn l-ogħla u l-anqas prestazzjoni fir-rigward tar-rata tal-impjiegi tal-popolazzjoni bl-età ta’ bejn l-20 u l-64 kienet ta’ 26,9 punt perċentwali, bir-rati tal-impjieg li varjaw minn 52,9 % fil-Greċja għal 79,8 % fl-Iżvezja. Dan jista’ jitqabbel mas-sitwazzjoni fis-sena 2000, meta kien hemm differenza ta' 22,7 punt perċentwali bejn l-ogħla prestazzjoni u dik l-aktar baxxa, u r-rati tal-impjieg varjaw minn 55,3 % fil-Bulgarija sa 78,0 % fid-Danimarka.

IL-MIRI TAL-EWROPA 2020 FIL-LIVELL TAL-UE || L-AKTAR DEJTA RIĊENTI

Tiżdied ir-rata tal-impjieg tal-popolazzjoni bl-età ta' bejn l-20 u l-64 għal mill-inqas 75 % || 68,4 % (2013)

Jiżdied l-investiment fir-R&Ż għal 3 % tal-PDG || 2,02 % (2013)

Jitnaqqsu l-gassijiet b’effett serra b’tal-anqas 20 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990 || tnaqqis ta' 17,9 % (2012)

Jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija finali b'20 % || 14,1 % (2012)

Nimxu lejn żieda ta’ 20 % fl-effiċjenza enerġetika (ikkalkulata f’termini ta’ konsum primarju tal-enerġija u konsum finali tal-enerġija) || Il-konsum tal-enerġija primarja: żieda ta' 11,9 % fl-effiċjenza enerġetika Konsum tal-enerġija finali: żieda ta' 12,8 % fl-effiċjenza enerġetika (2013)

Titnaqqas ir-rata ta’ dawk li jħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ kmieni għal inqas minn 10 % || 12,0 % (2013)

Jiżdied is-sehem tal-popolazzjoni tal-età ta' bejn it-30 u l-34 li jkunu temmew l-edukazzjoni terzjarja għal mill-inqas 40 % || 36,9 % (2013)

Jinħarġu mill-inqas 20 miljun persuna mir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali (ekwivalenti għal mira ta’ 96,6 miljun) || 121,6 miljun persuna f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali (2013)[5]

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

F’dan l-isfond, wieħed mill-għanijiet tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija Ewropa 2020 kien li jinkiseb għarfien aktar profond tat-twettiq tal-istrateġija fuq il-post. F'dak li jirrigwarda s-sħubija bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, is-suċċess tal-istrateġija jiddependi b’mod kruċjali fuq l-impenn u l-involviment tal-gvernijiet nazzjonali, il-parlamenti, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, partijiet ikkonċernati oħrajn u s-soċjetà ċivili. Kien għalhekk importanti li jiġu kkunsidrati l-fehmiet ta’ dawk kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-istrateġija, u jittieħdu t-tagħlimiet mill-esperjenza u l-aħjar prattiki tagħhom.

2. Iċ-ċifri ewlenin tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija Ewropa 2020

Il-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija Ewropa 2020 saret bejn il-5 ta’ Mejju 2014 u l-31 ta’ Ottubru 2014. Din inbniet abbażi ta' għadd ta’ għodod biex tittejjeb il-viżibbiltà tagħha u titrawwem il-parteċipazzjoni. Barra mill-komunikazzjoni tal-konsultazzjoni pubblika dwar Il-Vuċi tiegħek fl-Ewropa, sit elettroniku[6] apposta offra l-possibbiltà biex jimtela kwestjonarju jew jiġi ppreżentat dokument ta’ pożizzjoni, u pprovda ħoloq għad-dokumenti ewlenin marbuta mal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Kummissjoni fasslet ukoll dan il-kwestjonarju biex jinġabru l-opinjonijiet dwar l-ewwel snin tal-istrateġija kif ukoll ideat għall-iżvilupp ulterjuri tagħha. Dan is-sit elettroniku jinkludi wkoll sezzjoni ddedikata għall-pubblikazzjoni tal-kontributi li waslu[7].

755 minn dawk li wieġbu ħadu sehem fil-konsultazzjoni pubblika. Id-distribuzzjoni tal-pajjiżi turi preponderanza ta’ tweġibiet mingħand il-Belġju fejn huma bbażati l-gruppi ta’ interess fil-livell Ewropew. Ir-rata ta’ parteċipazzjoni kienet baxxa ħafna fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Parteċipanti minn pajjiżi terzi ġew min-Norveġja, l-Iżvizzera, il-Kanada u l-Istati Uniti. Il-parteċipanti jirriflettu l-firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati tal-istrateġija Ewropa 2020. Is-sħab soċjali, il-gruppi ta’ interess u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi jiffurmaw l-aktar kategorija rappreżentata (41 %), segwita mill-gvernijiet tal-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali (20 %), iċ-ċittadini individwali (19 %) u l-gruppi ta' riflessjoni, l-akkademja u l-fondazzjonijiet (14 %). Il-kumpaniji jirrappreżentaw 6 % ta' dawk li wieġbu, rata pjuttost baxxa li hija kontrobilanċjata b’rata ogħla ta’ gruppi ta’ interess li jirrappreżentawhom.

Id-distribuzzjoni ta’ dawk li wieġbu skont il-kategorija tal-partijiet ikkonċernati

 

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Id-distribuzzjoni bejn l-oqsma koperti turi l-inklużività tal-istrateġija Ewropa 2020. Il-maġġoranza tal-parteċipanti koprew l-oqsma kollha tal-istrateġija fit-tweġibiet tagħhom, inklużi l-affarijiet ekonomiċi u finanzjarji, il-kompetittività, l-industrija, is-suq uniku, l-impjiegi, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, l-ekonomija diġitali, il-klima, l-enerġija u l-effiċjenza tar-riżorsi, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Id-distribuzzjoni bejn il-kontribuzzjonijiet iffukata fuq qasam speċifiku wieħed hija ġeneralment ibbilanċjata.

Barra mit-tweġibiet uffiċjali għall-konsultazzjoni pubblika, l-UE u l-istituzzjonijiet nazzjonali inkludew ukoll diskussjoni dwar ir-rieżami tal-istrateġija. Fuq l-inizjattiva tal-Presidenza Taljana tal-Kunsill, ir-rieżami ġie diskuss fil-biċċa l-kbira tal-formazzjonijiet settorjali tal-Kunsill. Filwaqt li kkunsidrat l-eżitu ta’ dawn id-diskussjonijiet, f’Diċembru 2014 il-Presidenza ppreżentat sommarju fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali[8]. Il-Parlament Ewropew kellu rwol importanti mit-tnedija tal-istrateġija, inkluż il-mobilizzazzjoni tal-Parlamenti nazzjonali biex jagħtu s-sehem tagħhom. F’dawn l-aħħar xhur saru għadd ta’ skambji tal-fehmiet mal-Parlamenti nazzjonali dwar l-istrateġija Ewropa 2020 u l-iżvilupp ulterjuri tagħha.

Ir-riflessjonijiet dwar ir-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020 ġġeneraw interess qawwi u mmobilizzaw il-partijiet ikkonċernati involuti fl-implimentazzjoni tal-istrateġija. Il-Kumitat tar-Reġjuni, permezz tal-ħidma tal-pjattaforma ta’ monitoraġġ tiegħu, u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, kienu partikolarment attivi u organizzaw skambji ta’ fehmiet u diskussjonijiet dwar is-suġġetti tal-istrateġija Ewropa 2020. Bl-istess mod, ġew organizzati firxa ta’ attivitajiet fl-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Uffiċjali tas-Semestru Ewropew mill-Kummissjoni Ewropea, dwar l-istrateġija kollha kemm hi jew uħud mill-karatteristiċi tagħha. Dawn l-attivitajiet saħħew id-djalogu mal-atturi interessati kollha, bnew rabtiet bejn id-diversi netwerks tal-partijiet ikkonċernati, u kisbu esperjenza u l-aħjar prattiki mill-post biex jintużaw fir-rieżami tal-istrateġija.

3. L-eżiti ewlenin tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija Ewropa 2020

3.1 L-ambitu u l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 għadhom rilevanti

Hemm appoġġ kbir għall-istrateġija tal-UE favur l-impjiegi u t-tkabbir. Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu (86 %) iqisu li l-Ewropa teħtieġ strateġija komprensiva u globali għal perjodu ta’ żmien medju għall-impjiegi u t-tkabbir għas-snin li ġejjin, filwaqt li ftit minnhom biss (14 %) għandhom opinjonijiet imħalltin jew negattivi. Tal-aħħar, prinċipalment ċittadini individwali, jikkunsidraw li l-UE għandha tiffoka fuq l-implimentazzjoni ta’ strumenti eżistenti; jew li l-iżvilupp soċjali, ekonomiku u ambjentali huwa aktar importanti mit-tkabbir per se; jew li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għandhom iwarrbu l-idea ta’ tkabbir infinit. Il-biċċa l-kbira tal-parteċipanti jassoċjaw l-istrateġija mal-qasam ta’ azzjoni tagħhom u japprezzaw il-kapaċità globali tagħha. Ir-rilevanza tat-tliet aspetti tat-“tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” hija aċċettata.

L-Istrateġija Ewropa 2020 tindirizza l-isfidi tal-lum u ta’ għada. Il-kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika juru l-korrelazzjoni qawwija bejn l-oqsma identifikati mill-parteċipanti bħala prijoritajiet u dawk koperti mill-istrateġija Ewropa 2020.

3.2 Il-ħames miri ewlenin attwali huma rilevanti u jsaħħu lil xulxin

Il-biċċa l-kbira ta' dawk li wieġbu jaċċettaw il-miri bħala strument utli għat-twettiq tal-istrateġija. Il-biċċa l-kbira (87 %) jikkunsidraw il-miri bħala strument utli għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġija Ewropa 2020, billi jaġixxu bħala punti ta’ referenza li jgħinu biex tingħata attenzjoni fuq għadd ta’ oqsma ewlenin. Xi kontribuzzjonijiet (10 %) jindikaw metodi għal titjib, filwaqt li jirrikonoxxu li l-miri huma strument importanti. Għadd ta’ kontribuzzjonijiet jenfasizzaw l-importanza li jiġu evitati ħafna miri u b’hekk jinżamm approċċ iffukat. Il-miri jitqiesu li mhumiex utli minn ftit biss minn dawk li wieġbu (3 %). Barra minn hekk, xi wħud minn dawk li wieġbu jenfasizzaw l-importanza li jikkomplimentaw kull valutazzjoni kwantitattiva tal-progress lejn il-miri b’analiżi kwalitattiva. Il-Kummissjoni taqbel mal-importanza ta’ analiżiu evalwazzjoni u kwalitattivi u dawn jitwettqu b’mod partikolari fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Hemm appoġġ qawwi biex il-ħames miri ewlenin attwali ma jinbidlux. Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu (78 %) jikkunsidraw li l-miri attwali huma biżżejjed. Xi wħud minn dawk li wieġbu jipproponu li jiżdiedu miri ġodda filwaqt li oħrajn jikkontestaw ir-rilevanza tal-mira relatata mal-edukazzjoni terzjarja, u jenfasizzaw l-importanza li jiġu adattati l-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol sabiex jiġu evitati d-diskrepanzi. Huwa importanti li jitfakkar li l-miri ma jkunux maħsuba sabiex jirriflettu t-totalità tal-politiki tal-UE jew l-ambizzjonijiet – iżda huma kejl rappreżentattiv tat-tip ta’ bidliet irrakkomandati mill-istrateġija Ewropa 2020. Xi wħud mill-miri issuġġeriti minn kontributuri bħal miri indikattivi għall-effiċjenza tar-riżorsi u s-sehem tal-industrija tal-PDG diġà huma integrati f’politiki oħrajn tal-UE. Fl-aħħar nett, ma tirriżulta l-ebda ġerarkija ċara bejn il-miri mill-konsultazzjoni pubblika. Madwar nofs dawk li wieġbu huma tal-fehma li l-miri huma importanti bl-istess mod u interdipendenti, li jsaħħu lil xulxin u li flimkien jikkontribwixxu għall-impjiegi u t-tkabbir.

3.3 L-inizjattivi emblematiċi laħqu l-iskop tagħhom

L-inizjattivi emblematiċi ġeneralment laħqu l-iskop tagħhom u l-azzjoni fl-oqsma rispettivi tagħhom jeħtieġ li titwettaq permezz ta’ metodi oħra. B’mod ġenerali, il-parteċipanti jgħarfu l-iskop tal-inizjattivi emblematiċi bħala titjib tal-prestazzjoni tal-UE biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020. Madankollu, għadd sinifikanti ta' parteċipanti (32%), inklużi l-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi, taw valutazzjoni mħallta: deher li l-inizjattivi emblematiċi laħqu l-iskop tagħhom billi taw spinta għal firxa ta’ azzjonijiet ta’ prijorità. Madankollu, il-valur miżjud tagħhom kien mitfi minħabba nuqqas ta’ għarfien u l-azzjonijiet ta’ politika ripetuti, li min-naħa tagħhom għamluhom inutli. Xi wħud minn dawk li wieġbu jindikaw li l-inizjattivi emblematiċi mhumiex marbutin mal-oqsma ta’ politika usa’ rispettivi tagħhom u oħrajn jaraw distorsjoni minħabba x-xogħol doppju u n-nuqqas ta’ prijoritizzazzjoni tal-inizjattivi emblematiċi. Għalhekk, dawk li wieġbu jsostnu li dawn issa għandhom jiġu sostitwiti bi programmi ta’ politika organizzati b'mod aktar koerenti u globali.

3.4 Titjib tat-twettiq u l-implimentazzjoni tal-istrateġija jkun importanti u mixtieq

Hemm lok għal titjib fit-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020. Meta ġew mistoqsija jekk l-Ewropa 2020 għamlitx differenza, il-maġġoranza (60 %) ta’ dawk li wieġbu wieġbu b’mod pożittiv, iżda ħafna (40 %) wieġbu fin-negattiv u enfasizzaw diversi nuqqasijiet ta’ implimentazzjoni kif ukoll modi biex dawn jiġu indirizzati.

L-implimentazzjoni b’suċċess tal-istrateġija ġiet affettwata minn dgħufijiet fir-rigward tal-għarfien, l-involviment u l-infurzar. L-ewwel nett, il-kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika juru diskrepanza ta' għarfien fir-rigward tal-istrateġija, jew b’mod espliċitu meta dawk li wieġbu jindikaw li huma ma jistgħux iwieġbu għal xi mistoqsijiet, jew b'mod impliċitu meta t-tweġibiet jinterpretaw ħażin il-kontenut jew l-objettiv tal-istrateġija. It-tieni, anqas minn nofs dawk li wieġbu (46 %) jsostnu li huma involuti fl-istrateġija u tliet kwarti (77 %) jesprimu r-rieda li jinvolvu ruħhom aktar fl-istrateġija. Mill-kontribuzzjonijiet joħorġu wkoll xi prattiki xierqa, bħall-Kumitat tal-Partijiet Ikkonċernati stabbilit mill-gvern Daniż, li jiġbor flimkien madwar 30 organizzazzjoni, minn assoċjazzjonijiet tan-negozju u trejdjunjins sa muniċipalitajiet u organizzazzjonijiet mhux governattivi. Dawk li wieġbu jappoġġjaw qafas ta’ infurzar imsaħħaħ biex jiġi żgurat li l-istrateġija tagħti riżultati, permezz ta’ livell xieraq ta’ ambizzjoni u l-għodod ta’ infurzar. Jekk aktar minn nofs ta’ dawk li wieġbu (58 %) jikkunsidraw li l-miri nazzjonali huma importanti u xierqa, kważi terz minnhom (28 %) jenfasizzaw li għandhom ikunu ambizzjużi biżżejjed u li l-UE għandha żżid l-impenn tal-Istati Membri billi ssaħħaħ il-proċess ta' monitoraġġ tagħha.

Dawk li wieġbu jenfasizzaw li hemm lok għal titjib fit-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020. Komunikazzjoni u informazzjoni mmirati aħjar, aktar skambji ta’ esperjenza u l-aqwa prattiki madwar l-Istati Membri, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-livelli rilevanti kollha, monitoraġġ mill-qrib tal-progress u l-introduzzjoni ta’ inċentivi biex jitrawwem l-impenn għall-objettivi tal-istrateġija huma l-għażliet ewlenin preferuti mill-parteċipanti.

3.5 Sommarju tat-tagħlimiet ewlenin meħuda

Abbażi tal-kontribuzzjonijiet li waslu, il-Kummissjoni tidentifika dawn il-punti ta' saħħa, id-dgħufijiet, l-opportunitajiet u t-theddid għall-istrateġija Ewropa 2020.

PUNTI TA' SAĦĦA • Appoġġ kbir għal strateġija għall-impjiegi u t-tkabbir mifruxa mal-UE kollha • Konsistenza tal-oqsma koperti mill-Ewropa 2020 mal-isfidi li għandhom jiġu ttrattati • Miri rilevanti u li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku • Xi progress tanġibbli li jeżisti diġà: l-UE tinsab fi triqitha biex tilħaq jew toqrob lejn il-miri tagħha fir-rigward tal-edukazzjoni, il-klima u l-enerġija. || DGĦUFIJIET • In-nuqqas ta’ viżibilità u l-inizjattivi emblematiċi • Jeħtieġ li jitjiebu t-twettiq u l-implimentazzjoni tal-istrateġija • Involviment mhux suffiċjenti tal-partijiet ikkonċernati rilevanti • Għad fadal biex jintlaħqu l-miri dwar l-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar

OPPORTUNITAJIET • Atturi li huma lesti li jieħdu rwol attiv fl-istrateġija • Monitoraġġ mill-qrib tal-istrateġija permezz tas-Semestru Ewropew • L-allinjament tal-Ewropa 2020 mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni (l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment) || THEDDIDIET •  Il-kriżi amplifikat id-diverġenzi madwar l-Istati Membri u fihom. •  In-natura politika tal-miri u n-nuqqas ta’ ambizzjoni tal-Istati Membri

Konklużjoni

Il-Kummissjoni se tqis ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika f’riflessjonijiet ulterjuri dwar kif l-istrateġija Ewropa 2020 għandha titmexxa ‘l quddiem. Barra mir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni se tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet li waslu mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Parlamenti nazzjonali, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni. Il-Kummissjoni se tiżgura wkoll li kull proposta se tkun konsistenti b’mod sħiħ mal-ħidma li għaddejja dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Skont il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2015, il-Kummissjoni se tippreżenta proposti għar-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020 qabel tmiem is-sena.

[1] L-Ewrobarometru Standard 81 tar-rebbiegħa 2014 – rapport Ewropa 2020

[2] "Smarter, greener, more inclusive? Indicators to support the Europe 2020 strategy ", edizzjoni 2015, Eurostat.

[3] COM(2014) 130 finali.

[4] Bl-eċċezzjoni partikolarment tal-miri dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u dwar l-użu ta’ enerġija rinnovabbli, li huma appoġġjati minn qafas vinkolanti fil-livell tal-UE, inklużi l-valuri li għandhom jintlaħqu fil-livell nazzjonali.

[5] Il-mira tiġi kkalkulata għall-UE27 minħabba li ma hemm l-ebda dejta disponibbli għall-Kroazja fl-2008, jiġifieri s-sena bażi għall-kalkolu tal-mira.

[6] http://ec.europa.eu/europe2020/public-consultation/index_mt.htm, li tinsab fis-sit elettroniku ġenerali tal-Istrateġija Ewropa 2020

[7] http://ec.europa.eu/europe2020/public-consultation/contributions/index_mt.htm

[8] http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-16559-2014-INIT/mt/pdf

Top