Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0036

    REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL On Progress in Bulgaria under the Co-operation and Verification Mechanism

    /* COM/2015/036 final */

    52015DC0036

    REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL On Progress in Bulgaria under the Co-operation and Verification Mechanism /* COM/2015/036 final */


    1. INTRODUZZJONI

    Il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (MKV) ġie stabbilit fl-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea fl-2007[1]. Intlaħaq ftehim li kien meħtieġ iktar xogħol f’oqsma ewlenin biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fir-riforma ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-trattament tal-kriminalità organizzata. Minn dak iż-żmien ir-rapporti tal-MKV irreġistraw il-progress li sar mill-Bulgarija u ngħatat l-għajnuna biex l-isforzi tal-awtoritajiet Bulgari jiġu ffokati permezz ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi.

    Il-MKV kellu rwol importanti fil-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Bulgarija bħala aspett importanti tal-integrazzjoni Ewropea. Il-monitoraġġ mill-Kummissjoni u l-kooperazzjoni fil-ħidma tal-awtoritajiet Bulgari biex tiġi promossa r-riforma ħallew impatt konkret fuq il-pass u l-iskala tar-riformi. Fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u l-metodoloġija tal-MKV, kien hemm appoġġ qawwi u konsistenti mill-Kunsill,[2] kif ukoll kooperazzjoni u kontribut minn diversi Stati Membri.

    Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor il-passi meħuda matul is-sena li għaddiet u jipprovdi rakkomandazzjonijiet għall-passi li jmiss. Dan huwa r-riżultat ta’ proċess bir-reqqa ta’ analiżi mill-Kummissjoni, ibbażat fuq kontributi mill-awtoritajiet Bulgari, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra. Il-Kummissjoni setgħet tiġi appoġġata b'mod speċifiku minn esperti mill-maġistratura fi Stati Membri oħra biex toffri l-fehma ta' prattikant.

    Minħabba l-inċertezzi politiċi tas-sena li għaddiet fil-Bulgarija ma kienx hemm pjattaforma stabbli għal azzjoni. Dan ir-rapport se jindika għadd ta’ oqsma fejn il-problemi ġew rikonoxxuti u dawk fejn is-soluzzjonijiet qed jibdew jiġu identifikati. Jeħtieġ li dawn jibdew jikbru biex is-sostenibbiltà tal-bidla tintwera. Il-Bulgarija tista’ taħdem aktar ukoll biex tiġbor (u tippubblika) dejta dwar il-ġudikatura u l-infurzar tal-liġi.

    Stħarriġ tal-opinjoni pubblika tal-Bulgari nfushom wera sa fejn twassal l-isfida. Ewrobarometru meħud fil-ħarifa tal-2014 wera li hemm qbil ġenerali qawwi fis-soċjetà Bulgara li r-riforma ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-trattament tal-kriminalità organizzata kienu problemi sinifikanti għall-Bulgarija. Ir-riżultati wrew ukoll tħassib fost il-Bulgari li s-sitwazzjoni marret għall-agħar, madankollu b'tama li din it-tendenza tista' terġa' lura u b'appoġġ qawwi għar-rwol tal-UE biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijet, u għall-azzjoni tal-UE biex tkompli sakemm il-Bulgarija tkun laħqet l-istandard komparabbli ma' Stati Membri oħra[3]. Dawn l-attitudnijiet jenfasizzaw li l-kontinwazzjoni tar-riformi hija kruċjali għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, kemm minħabba l-impatt tal-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fuq l-ekonomija tal-Bulgarija u minħabba l-importanza tal-istat tad-dritt għal soċjetà li tiffunzjona u ħielsa.

    Il-MKV huwa mfassal biex jimmonitorja x-xejriet fit-tul aktar milli jieħu idea tas-sitwazzjoni f’mument partikolari. Madankollu, l-għan ta' dan ir-rapport huwa li jitqiesu l-perspettivi stabbiliti mill-gvern li ħa l-kariga f’Novembru 2014 u sabiex jiġu identifikati xi ġrajjiet ewlenin li jistgħu jitfgħu dawl fuq il-progress ta’ dawn il-politiki fil-ġejjieni. B’dan il-mod, il-Kummissjoni tittama li dan ir-rapport se jgħin fil-ħolqien ta’ kunsens ġdid biex titħaffef ir-riforma fil-Bulgarija. Ir-rakkomandazzjonijiet stipulati f’dan ir-rapport, il-fondi tal-UE immirati tajjeb u l-impenn ta’ Stati Membri[4] oħra flimkien juru kif l-UE tinsab lesta biex tappoġġa sforz imġedded.

    2.            Il-QAGĦDA TAL-PROĊESS TAR-RIFORMA FIL-BULGARIJA

    2.1         Ir-riforma tal-ġudikatura

    Indipendenza, responsabbiltà u integrità tal-ġudikatura

    Il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (KSM) għandu setgħat b’firxa wiesgħa biex jimmaniġġa u jorganizza s-sistema ġudizzjarja Bulgara. Fir-rapport tal-MKV tal-2014 ġie innutat li minkejja xi passi importanti fir-rigward tar-riforma maniġerjali, il-KSM ma kienx meqjus bħala “awtorità indipendenti u awtonoma kapaċi tiddefendi l-indipendenza tal-ġudikatura fir-rigward tal-fergħat eżekuttivi u parlamentari tal-gvern”[5]. Il-ħidma tal-KSM fl-2014 kompliet tkun soġġetta għal kontroversji, b’diversi inċidenti fir-rigward ta’ ħatriet, tkeċċija jew il-kontroll tal-applikazzjoni mill-qrati tas-sistema ta’ allokazzjoni każwali ta’ każijiet. Minbarra dan, it-tensjonijiet bejn il-KSM u l-Kunsill Ċiviku tiegħu, imwaqqaf biex jirrappreżenta s-soċjetà ċivili, żviluppaw matul iż-żmien, b’talbiet min-naħa tal-atturi tas-soċjetà ċivili li l-opinjonijiet tagħhom mhux qed jiġu kkunsidrati b’mod adegwat. Għaldaqstant, diversi organizzazzjonijiet, inklużi l-akbar assoċjazzjoni tal-imħallfin, ħarġu mill-Kunsill Ċiviku. Forsi parzjalment bħala konsegwenza, il-KSM żviluppa l-istrateġija ta’ komunikazzjoni tiegħu u ħa xi passi ulterjuri fir-rigward tat-trasparenza[6].

    Kwistjoni waħda msemmija mill-partijiet interessati relatata mal-indipendenza hija l-ġestjoni taż-żewġ fergħat tal-maġistratura mill-pari tagħhom. Stati Membri differenti għandhom livelli differenti ta’ awtonomija għall-imħallfin u l-prosekuturi fil-kunsilli ġudizzjarji. Din saret tema ta’ diskussjoni fil-Bulgarija, b’diversi talbiet għal awli separati fil-KSM li jiddeterminaw il-karriera u d-deċiżjonijiet dixxiplinarji fir-rigward ta’ mħallfin u prosekuturi, bi kwistjonijiet aktar orizzontali li qed jiġu ttrattati fis-sessjoni plenarja. Ir-raġuni sottostanti għal dawn it-talbiet hija l-istrutturi organizzattivi differenti u r-rwoli ta’ mħallfin u prosekuturi, iżda wkoll il-fatt li t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar ħatriet u kwistjonijiet dixxiplinari jistgħu jintużaw minn kostitwenza waħda tal-KSM biex issir pressjoni fuq l-oħra.

    Din l-idea ta’ bidla tal-istruttura tal-KSM ġiet inkluża fil-proposta l-ġdida għall-istrateġija tar-riforma ġudizzjarja adottata mill-Gvern Bulgaru u l-Parlament[7]. Il-KSM, mingħajr ma jopponi l-bidla bis-sħiħ, qajjem tħassib dwar il-fattibbiltà, u kkunsidra li kienet tkun teħtieġ bidla tal-Kostituzzjoni, u ma setgħetx tidħol fis-seħħ permezz ta’ emenda leġiżlattiva tal-Att dwar is-Sistema Ġudizzjarja. Barra minn hekk, l-istrateġija tar-riforma hija relatata ma’ kwistjonijiet usa’ bħall-elezzjoni tal-membri tal-KSM. Fir-rapporti tal-MKV preċedenti diġà saru rakkomandazzjonijiet li jibqgħu validi għall-elezzjonijiet tal-KSM li jmiss, biex tiżdied it-trasparenza u tiġi indirizzata l-integrità fil-proċedura tal-għażla, inkluż permezz ta' “imħallef wieħed vot wieħed” għall-kwota ġudizzjarja tal-Membri tal-Kunsill[8]. L-istrateġija l-ġdida tqajjem ukoll il-kwistjoni tat-tnaqqis tas-setgħa tal-presidenti tal-qrati, li tqajmet fil-passat bħala kwistjoni importanti għall-indipendenza tal-imħallfin individwali.

    L-importanza ta’ aktar trasparenza u oġġettività fil-ħatriet ġudizzjarji kienet tema konsistenti fir-rapporti tal-MKV[9]. Għalkemm xi kontroversji li dehru fl-2012-13 ġew evitati fl-2014, il-kwistjoni tal-ħatriet ta’ livell għoli fil-Maġistratura baqgħet problematika. B’mod partikolari, l-elezzjoni tal-President tal-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni (QSK) ġiet differita diversi drabi, minkejja l-fatt li kienu applikaw kandidati b’reputazzjoni tajba – b’esperjenza soda fil-QSK innifisha – u fost il-kontroversja fuq is-sistema tal-votazzjoni. Fir-rigward ta' ħatriet ta’ kapijiet amministrattivi ta’ qrati oħra ntwera tħassib dwar in-natura miftuħa u bbażata fuq il-mertu tal-proċedura tal-għażla. Barra minn hekk, id-domandi mressqa lill-KSM mill-NGOs li jikkonċernaw kwistjonijiet dwar l-integrità ta’ ċerti kandidati mhux dejjem jidhru li ġew indirizzati, għalkemm il-KSM iwettaq test ta’ integrità formali tal-kandidati kollha – parti importanti tal-proċedura peress li tista’ twassal għal opinjoni negattiva. Sar xi titjib proċedurali li jista’ jwassal għal aktar trasparenza fil-proċeduri, bħal b’mod partikolari l-introduzzjoni ta’ possibbiltà għall-imħallfin fil-QSK sabiex jorganizzaw seduta ta’ smigħ tal-kandidati għall-Presidenza tal-Qorti. Għażliet proċedurali ġodda bħal dawn jistgħu kemm isaħħu l-kredibilità tal-ħatriet kif ukoll iżidu s-sjieda tal-grad tal-imħallfin fil-proċess.

    Attur ewlieni sabiex tiġi promossa l-integrità u l-effiċjenza fil-ġudikatura kien minn dejjem l-Ispettorat Ġudizzjarju. L-elezzjoni tal-Ispettur Prinċipali tiegħu, wara post vakanti għal din il-pożizzjoni għal tul ta' żmien, kienet titqies bħala każ ta' prova mir-Rapport tal-MKV ta’ Jannar 2014[10]. Sa issa l-elezzjoni għadha ma saritx. Il-proċedura fir-rebbiegħa tal-2014 ġibdet kandidati li dehru kwalifikati sew għal din il-pożizzjoni, iżda proċess fit-tul, fisser li l-Parlament ma laħaqx l-istadju ta’ vot. Għaldaqstant, l-Ispettorat baqa’ mingħajr tmexxija indipendenti b’saħħitha prevista fil-Kostituzzjoni. Fl-2015 dan se jibqa’ każ ta’ prova importanti tal-kapaċità tal-istituzzjonijiet Bulgari biex jagħmlu ħatriet trasparenti u skont il-mertu lil uffiċċji ta’ livell għoli fil-ġudikatura[11].

    Rakkomandazzjoni oħra tar-Rapport tal-2014[12] kienet analiżi bir-reqqa u indipendenti tas-sistema ta’ allokazzjoni każwali ta’ każijiet, biex jiġi żgurat li tkun sikura, u li l-kapijiet amministrattivi tal-qrati jsiru responsabbli bis-sħiħ għal kull deċiżjoni biex ma tintużax allokazzjoni każwali. Il-KSM ħa xi passi biex jiġu analizzati vulnerabbiltajiet potenzjali u għamel pjanijiet biex jimmodernizza s-sistema fil-kuntest ta’ terminu itwal tal-proġett tal-ġustizzja elettronika. L-allokazzjonijiet jistgħu issa jinġabru ċentralment biex jiġu ffaċilitati l-kontrolli. Madankollu, din is-soluzzjoni interim ma jidhirx li tejbet is-sigurtà. Ċerti nuqqasijiet identifikati fl-awditjar ta’ Marzu 2013 tal-Qorti Amministrattiva Suprema u l-Qorti tal-Belt ta’ Sofija ma ġewx segwiti. Għaldaqstant, fil-ħarifa tal-2014 kien hemm għadd ta’ skandli dwar l-allokazzjoni tal-każijiet fil-Qorti tal-Belt ta’ Sofija[13]. Dawn il-problemi ma kinux identifikati mill-KSM – il-kwistjonijiet kellhom jissemmew minn atturi esterni.

    Filwaqt li d-dewmien fit-tħejjija għal soluzzjoni iktar fit-tul mhuwiex mixtieq, l-aktar kwistjoni importanti hija r-reazzjoni għal evidenza ta’ trasgressjonijiet. Fir-reazzjoni tal-KĠS fil-ħarifa tal-2014 ġie ssuġġerit li din hija prijorità baxxa għall-Kunsill, minkejja l-potenzjal għal reati kriminali kif ukoll dixxiplinari. Jidher probabbli li r-reputazzjoni tal-ġudikatura fil-Bulgarija se tibqa' mhux tajba sakemm ikun hemm sistema sikura b’mod sħiħ fis-seħħ. L-użu ta’ ħiliet tas-sigurtà esterni tal-IT li jittestjaw is-sistema l-ġdida se jgħin biex jiġi żgurat li din tinsab fit-triq it-tajba[14].

    Strateġiji ta’ riforma għas-sistema ġudizzjarja

    Ittieħdu l-ewwel nett passi mill-Ministeru tal-Ġustizzja bil-pjan direzzjonali biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-MKV tal-2014 (għalkemm l-istatus attwali tiegħu u l-iskadenzi jeħtieġ li jiġu ċċarati) u mbagħad fil-ħarifa bil-preżentazzjoni ta' strateġija tar-riforma ġudizzjarja tant mistennija[15]. Dan id-dokument komprensiv jissostitwixxi l-istrateġija tal-2010, li ġiet implimentata biss b’mod parzjali. L-Istrateġija ġiet adottata b’Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri fis-17 ta’ Diċembru 2014 u ġiet approvata b'mod wiesa' mill-Parlament fil-21 ta' Jannar 2015[16].

    Il-kunsens u s-sjieda saru billi ġie mħeġġeġ dibattitu dwar it-test[17]. Il-Prosekutur Ġenerali u l-KSM irreaġixxew b’mod dettaljat. It-test jinkludi ħafna elementi mitluba mis-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet professjonali[18], u tabilħaqq punti msemmija f'rapporti tal-MKV preċedenti. L-għanijiet tiegħu huma li tiġi żgurata governanza tajba tal-awtoritajiet ġudizzjarji u jitjiebu aspetti tar-riżorsi umani, iżda wkoll b’mod aktar wiesa’ biex tiġi mmodernizzata l-politika kriminali u biex titjieb il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. L-istrateġija għandha tintroduċi livell ta’ ċarezza u urġenza fid-dibattitu dwar ir-riforma ġudizzjarja – dan issa jeħtieġ li jitwettaq fl-implimentazzjoni.

    Min-naħa tal-prosekuzzjoni, kien hemm progress sinifikanti bl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni mressaq mill-prosekutur ġenerali fl-2013. Parzjalment minħabba l-istrateġija tar-riforma ġudizzjarja, il-prosekutur ġenerali għamel proposti ġodda wkoll f’Novembru 2014 għad-deċentralizzazzjoni tal-prosekuzzjoni u biex tiġi pprovduta garanziji addizzjonali ta’ nuqqas ta’ interferenza fil-ħidma tal-prosekuturi[19].

    Il-ħidma fuq il-kodiċi kriminali ġdid imxiet ’il quddiem, iżda għad ma hemmx kunsens. L-esperti u l-prattikanti esprimew fehmiet diverġenti dwar jekk hijiex meħtieġa kitba mill-ġdid, jew emendi biss – u dwar ir-raġuni fundamentali ġenerali. Jidher li l-intenzjoni attwali hija li jiġi segwit approċċ fuq żewġ binarji, bl-ewwel stadju li jikkonsisti f’emenda ta’ malajr ta’ partijiet tal-kodiċi kriminali (u possibbilment tal-kodiċi ta’ proċedura kriminali) dwar ċerti kwistjonijiet aktar urġenti, inklużi dispożizzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Fit-tieni stadju u abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt dettaljata u konsultazzjoni pubblika, il-ħtieġa għal kodiċi kriminali jkun determinat. Dan jista’ jkun parti minn riflessjoni iktar wiesgħa dwar il-futur ta’ politika kriminali, li teħtieġ żmien sabiex jinbena kunsens[20].

    Effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja

    Kompliet il-ħidma fil-KSM fuq metodoloġija għall-valutazzjoni tal-ammont ta' xogħol tal-maġistrati u l-korpi ġudizzjarji[21]. Wieħed mill-għanijiet huwa li jitwaqqfu regoli dwar kif jitkejjel u jiġi allokat l-ammont ta’ xogħol, filwaqt li titqies il-kumplessità kif ukoll l-iskala tal-każijiet. Id-differenzi fl-ammont ta’ xogħol illum jitqiesu bħala kawża sinifikanti ta’ ineffiċjenza fis-sistema. Il-qrati reġjonali kollha se jiġu rieżaminati, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-fatturi soċjoekonomiċi kif ukoll dawk demografiċi u l-ħtieġa li jiġi garantit aċċess għall-ġustizzja, bil-ħsieb li tiġi preżentata proposta għal mappa tal-ġudikatura ġdida għall-qrati reġjonali qabel tmiem l-2015. Diġà ttieħdu passi konkreti fil-qasam tar-razzjonalizzazzjoni tal-qrati militari. Metodoloġija soda toffri l-bażi xierqa biex jiġi vvalutat jekk huwiex ġustifikanti li jingħalqu qrati b'ammont baxx ta’ xogħol (jew li tiġi stabbilita sistema ta’ “qrati mobbli”), filwaqt li jerġgħu jitqassmu r-riżorsi lejn qrati oħra li għandhom wisq xogħol. Il-ħidma fuq riforma usa’ tal-mappa tal-ġudikatura x’aktarx li tieħu aktar fit-tul, b’mod partikolari minħabba li l-KSM jeħtieġ li jikkoordina ma’ firxa usa’ ta’ partijiet interessati,[22] anki jekk id-deċiżjoni finali taqa’ f’idejn il-KSM.

    Dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani, is-sistemi ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni kif ukoll il-kwalità tat-taħriġ huma fatturi ewlenin. Hawnhekk l-istrateġija tar-riforma ġudizzjarja tal-gvern tistabbilixxi xi elementi għal titjib fil-futur. l-Istitut Nazzjonali tal-Ġustizzja qed ikompli jiżviluppa r-repertorju tiegħu ta’ taħriġ għall-imħallfin[23].

    L-azzjoni dixxiplinarja kienet qasam ieħor li ġie enfasizzat fir-rapporti tal-MKV. Il-problemi inkludew nuqqas ta’ konsistenza (u standards ċari biex jitwassal dan), b'għadd kbir ta’ deċiżjonijiet jiġu revokati f’appell. Il-KSM reċentement adotta xi passi inklużi linji gwidi ġenerali f’dan il-qasam, madankollu ldan ma jidhirx li kien imsejjes fuq analiżi ċara tan-nuqqasijiet. Għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid jekk il-miżuri meħuda jkunux biżżejjed biex tiġi evitata kontroversja kontinwa dwar proċedimenti dixxiplinari fil-futur.

    Kwistjoni oħra li ssemmiet fir-rapporti tal-MKV biex tiġi indirizzata hija l-implimentazzjoni effettiva tas-sentenzi tal-qrati u b’mod partikolari l-problema ta’ kriminali kkundannati li jkunu jistgħu jaħarbu l-ġustizzja. Sar xi xogħol, u wara ttieħdu xi passi maniġerjali permezz ta’ pjan ta’ azzjoni tal-interaġenziji għall-2014. Madankollu, ir-rispons tal-awtoritajiet għad ma għandux kundanna. Il-kwistjoni għadha ma ġietx eżaminata b’mod komprensiv u għalhekk huwa diffiċli li jiġi stmat sa fejn il-miżuri ta’ darba (bħall-użu ta’ monitoraġġ elettroniku) se jimlew il-lakuni[24].

    2.2         Il-korruzzjoni

    Il-korruzzjoni għadha kwistjoni serja fil-Bulgarija. Fl-istħarriġ riċenti tal-Eurobarometru, kważi dawk kollha li wieġbu identifikaw il-korruzzjoni (97 %) bħala problema sinifikanti[25].

    Kienet rakkomandazzjoni kontinwa għal ħafna żmien tal-MKV li l-Bulgarija tirrevedi u taġġorna l-istrateġija nazzjonali ta’ kontra l-korruzzjoni[26]. L-ewwel riżultati informali ta’ evalwazzjoni riċenti tal-impatt matul l-aħħar snin tal-istrateġija tal-Bulgarija kontra l-korruzzjoni, li saret mill-awtoritajiet Bulgari, jidher li jikkostitwixxu kontribut importanti inkwantu għal valutazzjoni xierqa tan-nuqqasijiet tal-istrateġija. Dawn jinkludu approċċ frammentat, l-użu insuffiċjenti ta’ valutazzjonijiet tar-riskju, u nuqqas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni. Minkejja li spettorati ministerjali żviluppaw kultura ta’ kontroll imtejjeb, in-nuqqas ta’ struttura ċentralizzata jew punti ta’ riferiment komuni jwasslu għal spettorati ministerjali differenti li jaġixxu b’mod mhux koordinat. Jidher li arranġamenti fuq livell lokali qed juru nuqqasijiet kbar. F'dak li għandu x’jaqsam mal-istruttura assenjata mill-Bulgarija biex titwettaq analiżi tar-riskju (BORKOR), jidher li din wasslet għal riżultati fi proporzjon tal-ispejjeż tagħha, u f'kull każ tista’ titqies biss bħala li tipprovdi kontribut analitiku. Dan il-korp mhuwiex maħsub biex jipprovdi direzzjoni politika[27].

    Din il-valutazzjoni tan-nuqqasijiet tas-sistema attwali ta’ kontra l-korruzzjoni tista’ tkun il-punt ta’ tluq ta’ riforma tant mistennija. Konsultazzjoni tal-partijiet interessati kollha tippermetti esperjenza biex tiġi kkunsidrata u tinbena sjieda għall-eżerċizzju. Is-soċjetà ċivili żviluppat esperjenza utli fil-qasam ta’ kontra l-korruzzjoni, li għandha tintuża bis-sħiħ.

    Il-miżuri preventivi jidhru li għadhom fi stadju bikri fil-biċċa l-kbira tal-każijiet. F’oqsma partikolari nkisbu xi tagħlimiet,[28] iżda li jirriflettu sforzi frammentati. Ma hemm l-ebda evidenza ta’ struttura biex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki jew jiġu rikonoxxuti s-suċċessi. L-amministrazzjoni pubblika ma għandhiex sistema komprensiva ta’ monitoraġġ obbligatorju ta’ attivitajiet kontra l-korruzzjoni u li tirrapporta lil punt ċentrali.

    Kif stabbilit f’rapporti suċċessivi tal-MKV, l-akkwist pubbliku huwa żona ta’ riskju għoli fir-rigward tal-korruzzjoni. Sistemi biex jiġu kkontrollati l-proċeduri jistgħu jissaħħu, skont l-istrateġija riċenti għas-sistema Bulgara tal-akkwist pubbliku li ġiet żviluppata wara rakkomandazzjonijiet mis-servizzi tal-Kummissjoni.

    Dwar il-kunflitti ta’ interess u l-arrikkiment illeċitu, il-Kummissjoni għall-Prevenzjoni u l-Aċċertament ta’ Kunflitti ta’ Interess (KPAKI) qed tistenna bidliet leġiżlattivi kif ukoll nominazzjonijiet fil-livell maniġerjali. It-tnejn huma importanti għall-operat effettiv tal-Kummissjoni,[29] u r-riżenja furzata tal-eks President wara evidenza ta’ eżerċitar ta’ influwenza[30] turi li hemm livell ta’ urġenza biex il-Kummissjoni titqiegħed lura fuq bażi soda. Madankollu, dawn id-deċiżjonijiet issa ilhom pendenti matul l-2014. Din hija r-responsabbiltà tal-Parlament, u d-dewmien joħolqu r-riskju li tiżdied l-impressjoni li d-deċiżjonijiet f'dak li jikkonċerna l-integrità għandhom jippredominaw qed jittieħdu fuq raġunijiet politiċi. B'referenza għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni, jista’ jsir użu aħjar mid-dikjarazzjonijiet tal-assi mressqa minn uffiċjali pubbliċi dwar l-identifikazzjoni ta’ żoni ta’ riskju u każijiet possibbli ta’ arrikkiment illeċitu.

    Prosekuzzjoni effettiva u kundanni finali huma ċentrali għall-kredibilità ta’ kull strateġija ta’ kontra l-korruzzjoni. Minkejja l-kobor tal-problema, sa issa hemm ftit li xejn kundanni finali f’każijiet li jinvolvu korruzzjoni sostanzjali[31]. Diġà ttieħdu passi pożittivi fil-Prosekuzzjoni Ġenerali biex il-korruzzjoni tiġi pprijoritizzata, u kien hemm żieda fl-għadd ta’ każijiet mibdija u ħeffa fil-proċess. Ftit minn dawn il-każijiet jikkonċernaw individwi f’pożizzjonijiet ta’ livell għoli. Bħal fil-każ ta’ kriminalità organizzata, il-monitoraġġ tal-iżvilupp ta’ każijiet ta’ korruzzjoni fil-livell ta’ qorti huwa essenzjali li jiġu identifikati aspetti tal-prassi tal-qrati li jistgħu jiġu manipulati biex ikun hemm dewmien biex issir ġustizzja. Xi drabi l-każijiet jidhru li waqfu għal ammont sostanzjali ta’ żmien fil-livell ta’ qorti qabel ma jintbagħtu lura lill-prosekuzzjoni bi skadenza qasira biex jitwettqu kompiti supplimentari.

    Struttura speċjalizzata żgħira ġiet stabbilita mill-Prosekuzzjoni, b'persunal magħmul minn prosekuturi u investigaturi mill-Aġenzija Statali tas-Sigurtà Nazzjonali (State Agency for National Security, SANS), biex b’mod aktar effettiv jinvestigaw il-korruzzjoni fl-amministrazzjoni pubblika. L-unità sa issa fil-biċċa l-kbira kienet qed timmira każijiet ta’ korruzzjoni lokali, li ma setgħux jiġu trattati fil-livell lokali, minħabba relazzjonijiet u pressjonijiet lokali. Il-mudell ta’ strutturi speċjalizzati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni jidher li kellu xi riżultati bikrija, iżda t-test se jasal b’aktar każijiet ta’ livell għoli u żvilupp ta’ kapaċitajiet operattivi. Se jkun importanti wkoll li bidliet strutturali għal SANS ma jnaqqsux l-effettività ta’ dan ix-xogħol.

    Problema oħra tidher li tikkonċerna n-nuqqasijiet fir-regoli fil-Kodiċi Kriminali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u b’mod partikolari l-“korruzzjoni ta’ livell għoli”, l-eżerċitar ta' influwenza u d-differenzjazzjoni ta’ korruzzjoni attiva u passiva. Jidher li hemm ħtieġa kbira biex jiġi mmodernizzat il-Kodiċi f’dan il-qasam, li jista' jibbenefika minn emendi li jsiru f'qasir żmien, b’mod parallel ma' riflessjoni usa' dwar il-politika kriminali u kodiċi ġdid.

    2.3         Il-kriminalità organizzata

    Il-kriminalità organizzata għadha problema fil-Bulgarija. Dan jidher fl-attitudnijiet tal-pubbliku,[32] u każijiet reċenti prominenti ta’ sparaturi fil-pubbliku u l-omiċidju ta’ xhud li pprovdew tfakkira ċara tal-gravità tas-sitwazzjoni.  Filwaqt li l-għadd ta’ każijiet mibdija mill-prosekuzzjoni jidher li żdied b’mod sostanzjali fl-2014, l-għadd ta’ każijiet li laħqu konklużjoni finali għadu baxx[33]. L-awtoritajiet li jaħdmu f’dan il-qasam irrappurtaw lill-Kummissjoni tħassib dwar pressjonijiet fuq livell lokali li jfixklu l-investigazzjoni effettiva tal-kriminalità u l-korruzzjoni. L-intimidazzjoni tax-xhieda għadha problema serja, u jista’ jkun hemm modi li jinkoraġġixxu lix-xhieda biex jaċċettaw aktar malajr programmi għall-protezzjoni tax-xhieda[34].

    Il-prosekuzzjoni u l-qrati speċjalizzati stabbiliti sentejn ilu bil-mod il-mod qed jibdew jipproduċu xi riżultati, bi ftit kundanni finali, u xi evidenza ta’ proċeduri aktar mgħaġġla. Iżda l-azzjoni tagħhom għadha mxekkla minn attribuzzjoni ta’ kompiti mhux iffukati u dispożizzjonijiet ta’ natura formali ħafna tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. Il-Prosekutur Ġenerali għamel proposti f’Novembru biex jiġu indirizzati xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet.

    Minkejja sforzi sostanzjali, il-konfiska tal-assi għadha ma tidhirx li hija mmirata biżżejjed kontra l-gruppi ta’ kriminalità organizzata. Meta jkun urġenti, jiġu ordnati miżuri ta’ ffriżar interim mill-prosekuzzjoni u jgħaddu għand il-Kummissjoni għall-Konfiska tal-Assi. Din il-Kummissjoni tkompli tilħaq riżultati sinifikanti, minkejja li jeżisti qafas legali ta' piż. Fl-aħħar rapport tal-MKV issemmew punti interrogattivi fir-rigward tal-qafas legali ġdid għall-konfiska tal-assi[35] – dawn il-kwistjonijiet għadhom pendenti.

    Il-Ministeru tal-Intern għandu l-kapaċitajiet tiegħu stess għall-forensika , id-DNA, il-ballistika u l-grafoloġija, iżda oqsma oħra ta’ għarfien espert jeħtieġu l-użu ta’ esperti akkreditati għall-qrati, li joħolqu kwistjonijiet ta’ disponibbiltà, kompetenza, spejjeż u – possibbilment – imparzjalità. Il-Bulgarija ma għandhiex uffiċċju ta’ esperti jew mekkaniżmu ieħor simili. L-osservaturi qajmu din il-kwistjoni bħala raġuni waħda potenzjali għan-nuqqas ta’ każijiet għall-progress fil-qorti[36].

    Il-Gvern Bulgaru l-ġdid ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jneħħi l-investigazzjoni tal-kriminalità organizzata mill-mandat ta’ SANS, u jreġġa' lura l-għaqda kontroversjali tal-eks Direttorat tal-pulizija fuq il-kriminalità organizzata – GDBOP – permezz ta' SANS fl-2013[37]. Ir-riforma preċedenti f’dan il-qasam wasslet għal diversi xhur ta’ tfixkil tal-operat f’każijiet ta’ kriminalità organizzata, inkluż f’kooperazzjoni mas-servizzi tas-sigurtà ta' Stati Membri oħra. Intwera tħassib li riorganizzazzjoni ġdida tas-servizzi responsabbli għall-investigazzjoni tal-kriminalità organizzata tinsab f'riskju għal tfixkil simili, iżda l-gvern għamilha ċara li huwa konxju minn dan ir-riskju u se jieħu l-miżuri biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni.

    3.            KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

    Mill-aħħar rapport tal-Kummissjoni f'Jannar 2014, il-progress inkwantu għall-indirizzar ta’ riforma ġudizzjarja u t-twettiq ta' avvanzi konkreti fil-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata kien bil-mod. Il-fatt li fil-perjodu kopert minn dan ir-rapport kien hemm tliet gvernijiet differenti u xi diffikultajiet minħabba s-sitwazzjoni parlamentari kkontribwixxa b’mod ċar għal nuqqas ta' ħeġġa lejn ir-riforma. Madankollu, il-bażi biex ir-riforma timxi 'l quddiem hija li jiġu rikonoxxuti l-problemi u identifikati l-miżuri biex jirrimedjaw għalihom. Il-gvern attwali ħa pass importanti billi adotta strateġija għar-riforma ġudizzjarja b’livell impressjonanti ta’ preċiżjoni. Hemm ukoll indikazzjonijiet li għall-analiżi li ġejja tal-miżuri eżistenti ta’ kontra l-korruzzjoni se jiġi pprovdut kontribut siewi għal riflessjonijiet dwar strateġija futura. Il-fażi li jmiss se tkun li jintwera li r-riforma hija verament prijorità politika billi dawn l-oqfsa jitmexxew 'il quddiem, jinbena kunsens u jiġu identifikati azzjonijiet preċiżi bi stadji speċifiċi – u mbagħad tiġi żgurata l-implimentazzjoni tagħhom. Dan ikun jeħtieġ bidla ulterjuri fil-kultura politika, u sens reali li dawn il-kwistjonijiet huma fuq nett fl-aġenda.

    Xi istituzzjonijiet ewlenin komplew jiżviluppaw bidliet maniġerjali li għandhom jappoġġjaw l-isforz għar-riforma waqt il-bidla fil-post. Barra mit-tmexxija rapida tar-riforma biex tkun konformi mal-istrateġija, il-ġbir ta’ dejta aktar sistematika u professjonali, u iktar trasparenza dwar it-tqegħid ta’ informazzjoni fil-pubbliku, se jgħin ukoll biex tinbena fiduċja fil-professjonaliżmu u l-impenn tal-awtoritajiet.

    Il-kredibilità ta’ progress se jiddependi wkoll fuq ir-reazzjoni għal kontroversji speċifiċi u biex isir progress fir-rigward ta' każijiet speċifiċi. Fl-aħħar rapporti tal-MKV issemma kif ix-xettiċiżmu pubbliku dwar ir-riforma kien beda minn kontroversja f’oqsma bħat-trasparenza u l-mertu fil-ħatriet ġudizzjarji, jew ir-reazzjoni għal trasgressjonijiet bħall-ħarba ta' kriminali kkundannati jew in-nuqqasijiet evidenti fl-allokazzjoni każwali tal-kawżi. Ir-reazzjonijiet tal-awtoritajiet Bulgari f’każijiet bħal dawn għadhom bla kundanna, li jwassal għal dubji dwar l-indipendenza ġudizzjarja. Jibqa’ l-fatt li l-għadd ta’ sentenzi finali tal-qorti fuq korruzzjoni ta’ livell għoli u każi ta’ kriminalità organizzata huwa baxx ħafna. Kif juri l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika, dawn in-nuqqasijiet fir-rigward tal-miżuri ewlenin tal-bidla jinsabu wkoll fil-qalba tax-xettiċiżmu tal-Bulgari dwar ir-riforma sa issa[38].

    Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Bulgarija biex tieħu azzjoni fl-oqsma li ġejjin:

    1. Indipendenza, responsabbiltà u integrità tal-ġudikatura

    L-istrateġija tar-riforma ġudizzjarja tinkludi bosta proposti mfassla biex jindirizzaw in-nuqqasijiet f’dan il-qasam. Dawn il-miżuri jeħtieġ li jkollhom appoġġ b'għarfien li l-kredibbiltà tas-sistema sserraħ fuq l-awtoritajiet li juri determinazzjoni biex tiġi mmassimizzata l-oġġettività u biex jiġi żgurat li trasgressjonijiet jkunu ttrattati b’mod sod.

    · It-twettiq tar-riforma tal-organizzazzjoni tal-KSM, li jinvolvi assoċjazzjonijiet professjonali u partijiet interessati rilevanti oħra, inkluż il-kunsiderazzjoni tal-proċeduri għall-elezzjonijiet li jmiss tal-KSM li se twassal għal KSM li jista’ jġib fiduċja;

    · L-applikazzjoni ta' standards oġġettivi ta’ mertu, integrità u trasparenza għall-ħatriet fil-ġudikatura, inklużi għal uffiċċji ta’ livell għoli, u dawn il-ħatriet isiru f’waqthom. Kwistjonijiet ta’ integrità huma ta’ importanza partikolari u dawk responsabbli għall-ħatriet iridu juru li l-mistoqsijiet ġew segwiti;

    · In-nomina għall-post ta’ Kap Spettur għandha tiġi riżolta malajr kemm jista' jkun;

    · Titjib rapidu tas-sigurtà tas-sistema ta’ allokazzjoni każwali ta’ każijiet u tmexxija rapida tal-ħidma li għaddejja dwar l-immodernizzar tagħha; twettiq bir-reqqa u imparzjali ta' investigazzjonijiet dwar il-każijiet kollha li fihom jitqajmu suspetti ta’ tbagħbis possibbli fis-sistema.

    2. Riforma tas-Sistema Ġudizzjarja

    L-istrateġija tar-riforma ġudizzjarja tikkostitwixxi bażi soda għal azzjoni futura u d-dibattitu li ħolqot wassal biex korpi bħalma huwa l-Prosekutur Ġenerali jagħtu rispons kostruttiv.

    · Implimentazzjoni tal-istrateġija ġudizzjarja adottata mill-gvern, kif ukoll l-ideat dettaljati proposti mill-prosekuzzjoni;

    · Indirizzar tal-oqsma kritiċi fil-kodiċi kriminali li jeħtieġu titjib urġenti biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

    · Ftehim dwar limitu ta' żmien dettaljat għal riflessjoni aktar fit-tul fuq l-għanijiet fundamentali ta’ kodiċi kriminali ġdid.

    3. Effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja

    Il-Kunsill Ġudizzjarju Suprem kien qed jieħu xi passi maniġerjali importanti li issa jeħtieġ li jiġu segwiti.

    · Ikkompletar tal-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-ammont tax-xogħol tal-maġistrati u l-qrati u konsultazzjoni mal-partijiet interessati ewlenin kollha biex joffru bażi oġġettiva għar-riforma mappa tal-ġudikatura (jekk ikun meħtieġ, il-qrati jiġu ddisassoċjati minn mapep oħra ta' servizzi pubbliċi);

    · Infurzar ta' proċeduri ċari u standards għal penali biex tiġi żgurata sentenzi dixxiplinari konsistenti;

    · Implimentazzjoni tax-xogħol biex jingħalqu lakuni fl-implimentazzjoni effettiva tad-deċiżjonijiet tal-qorti, bħal ħarba biex tkun evitata sentenza ta’ ħabs jew nuqqas li jkunu applikati sanzjonijiet finanzjarji stabbiliti mill-qorti.

    · Isir progress konkret fil-ġustizzja elettronika bħala mezz għat-titjib tal-proċess ġudizzjarju.

    4. Il-korruzzjoni

    L-evalwazzjoni li jmiss tal-istrateġija kontra l-korruzzjoni tal-Bulgarija għandha tipprovdi analiżi utli tal-isfidi li l-Bulgarija qed tiffaċċja. Din tista’ tgħin biex tiġi definita l-istrateġija l-ġdida u biex jingħata bidu għal passi konkreti biex jiġu ttrattati l-problemi, kemm fir-rigward tal-prevenzjoni kif ukoll il-prosekuzzjoni effettiva.

    · Tiġi inkarigata istituzzjoni waħda bl-awtorità u l-awtonomija meħtieġa biex jiġi kkoordinat u kkontrollat l-infurzar tal-attivitajiet ta' kontra l-korruzzjoni;  Jinħoloq sett uniformi ta' standards minimi għas-settur pubbliku fir-rigward ta' korpi ta' kontroll, valutazzjoni tar-riskju u l-obbligu ta' rappurtar;

    · Tiġi stabbilita strateġija nazzjonali soda kontra l-korruzzjoni, li tibda bil-pubblikazzjoni tal-analiżi tan-nuqqasijiet tal-istrateġija attwali;

    · Jiġi żgurat segwitu determinat għall-istrateġija tal-akkwist pubbliku adottata f’Lulju 2014;

    · Jiġu ffinalizzati l-proċeduri tan-nomina għall-bqija tal-Mmmbri tal-KPAKI u l-bidliet leġiżlattivi relatati mal-liġi tal-kunflitti ta’ interess;

    · Jiġi vvalutat kif is-sistema ta’ dikjarazzjonijiet ta’ assi tista' tintuża aħjar (bħal kontrolli fil-mira permezz ta’ valutazzjoni ta’ riskju);

    · Tiġi infurzata l-kapaċità tal-prosekuzzjoni biex jitressqu każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli;

    · Jiġi mmonitorjat il-progress ta’ każijiet ta’ korruzzjoni f’livell għoli u jiġu definiti l-passi u tittieħed azzjoni biex jiġi evitat l-isfruttament ta’ lakuni proċedurali biex ikun hemm dewmien biex issir ġustizzja.

    5. Il-kriminalità organizzata

    Jibqa’ l-fatt li l-għadd kbir ta’ każijiet pendenti u ftit eżempji ta’ progress jitfgħu dell fuq ix-xogħol biex tiġi indirizzata l-kriminalità organizzata u titjieb il-professjonalità tal-infurzar tal-liġi f’dan il-qasam.

    · Jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-Qorti Speċjalizzata għall-Kriminalità Organizzata u l-Uffiċċju tal-Prosekutur marbut biex ikun jista' jkun hemm konċentrazzjoni fuq każijiet bi profil għoli u kumplessi;

    · Jiġi mmonitorjat il-progress ta’ każijiet ta’ korruzzjoni f’livell għoli u jiġu definiti l-passi u tittieħed azzjoni biex jiġi evitat l-isfruttament ta’ lakuni proċedurali biex ikun hemm dewmien biex issir ġustizzja;

    · Jiġi żgurat li jittieħdu s-salvagwardji neċessarji biex jiġi evitat li imputati ta' livell għoli jaħarbu mill-ġustizzja jew jaħbu proprjetà miksuba permezz tal-kriminalità qabel deċiżjoni finali tal-Qorti, bi tqassim ċar tar-responsabbiltà għal kull nuqqas;

    · Jiġi żgurat li kull tibdil tal-istrutturi involuti fl-investigazzjoni tal-kriminalità organizzata jitwettqu b’tali mod li tiġi żgurata kontinwità operattiva.

    [1]               Il-konklużjonijiet tal-Kunsill, is-17 ta’ Ottubru 2006 (13339/06); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fil-Bulgarija li jindirizza limiti speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, it-13 ta’ Diċembru 2006 (C (2006) 6570 finali)

    [2]               Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rapporti preċedenti: http://ec.europa.eu/cvm/key_documents_en.htm

    [3]               Flash Eurobarometer 406

    [4]               Xi Stati Membri jipprovdu assistenza teknika lill-Bulgarija f’oqsma rilevanti għall-MKV.

    [5]               COM(2014) 36 finali, p. 3

    [6]               Rapport tekniku Taqsima 2.1

    [7]               Rapporti jissuġġerixxu madankollu li din il-kwistjoni kienet ikkontestata mill-Parlament fil-21 ta’ Jannar 2015.

    [8]               COM(2012) 411 finali, p. 11.

    [9]               Ara pereżempju COM(2012) 411 finali, p. 6 u COM(2014) 36 finali, p. 9.

    [10]             COM(2014) 36 finali, p. 4.

    [11]             Fit-30 ta’ Jannar 2015 l-Assemblea Nazzjonali bdiet mill-ġdid il-proċedura b’data ta’ skadenza għal nomina ta’ kandidati.

    [12]             Ara r-Rakkomandazzjoni, p. 9 tal-COM(2014) 36 finali.

    [13]             B’mod partikolari fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ proċeduri f’każ ta’ falliment f’żewġ każijiet emblematiċi. Ara r-rapport tekniku Taqsima 4.1

    [14]             Jista’ jkun mistenni li din tkun żona tajba għall-appoġġ tal-fondi tal-UE.

    [15]             Disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja (bil-Bulgaru): http://mjs.bg/107/

    [16]             Jidher li xi elementi tal-istrateġija ġew ikkontestati fil-Parlament.

    [17]             Skont il-gvern interim f’Ottubru 2014, it-test tressaq bħala abbozz.

    [18]             Ara l-aktar il-proposti msemmijin hawn fuq għal diviżjoni tal-KSM fi kmamar għal deċiżjonijiet li jikkonċernaw ħatriet u kwistjonijiet dixxiplinari.

    [19]             Il-proposti konkreti diġà ppreżentati mill-Prosekutur Ġenerali, li jimmiraw għal uffiċċju tal-prosekuzzjoni aktar deċentralizzat, trasparenti u responsabbli, jista’ wkoll jiġi kkunsidrat fil-kuntest ta’ bidliet usa’ għall-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u l-Att dwar is-Sistemi Ġudizzjarji.

    [20]             It-tħejjijiet li ilhom għaddejjin mill-2009 f’dan il-qasam għandhom jipprovdu bażi dettaljata fir-rigward tal-kontribut analitiku.

    [21]             Parzjalment b’reazzjoni għal rakkomandazzjonijiet tal-MKV (ara pereżempju COM(2014) 36 finali, p. 10), il-ħidma analitika li qed issir bħalissa fil-KSM tista' titjieb ukoll abbażi tal-valutazzjonijiet, pereżempju permezz ta’ kontabilità aħjar fuq l-ammont tax-xogħol u l-iżvilupp ta’ bażi aktar ċara għall-evalwazzjoni regolari tal-maġistrati.

    [22]             Hemm implikazzjonijiet għall-organizzazzjoni territorjali ta’ servizzi pubbliċi oħra.

    [23]             Rapport tekniku Taqsima 4.2.

    [24]             Ara r-rapport tekniku Taqsima 6.2.

    [25]             Flash Eurobarometer 406

    [26]             Bl-istess mod, fir-Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni tal-2014 issemmew għadd ta’ sfidi fil-Bulgarija (COM (2014) 38 finali). Il-korruzzjoni (kif ukoll l-indipendenza ġudizzjarja) ukoll issemmiet bħala sfida għall-Bulgarija fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2014 fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. (ĠU 2014/C 247/02).

    [27]             COM(2014) 36 finali, p. 7; rapport tekniku Taqsima 5.4.

    [28]             Bħall-evitar tal-immaniġġjar tal-flus kontanti minn uffiċjali doganali u gwardja tal-fruntieri, jew persunal li jinbidel.

    [29]             Rapport tekniku Taqsima 5.4.

    [30]             Dan kien is-suġġett ta’ proċedimenti kriminali.

    [31]             Ir-rapport SANS dwar l-attivitajiet tagħha għall-2014 seta' jindika ħafna aktar attività fuq il-kriminalità organizzata milli fuq dik kontra l-korruzzjoni.

    [32]             Din titqies bħala problema importanti minn 96 % ċittadin Bulgaru mistħarrġa fil-Flash Eurobarometer 406 reċenti.

    [33]             Rapport tekniku Taqsima 6.1.   

    [34]             F’każ riċenti tal-omiċidju ta’ xhud f’każ emblematiku, ix-xhud irrifjuta li jipparteċipa fi programm għall-protezzjoni tax-xhieda.

    [35]             COM(2014) 35 finali, p. 8

    [36]             Rapport tekniku Taqsima 6.1.

    [37]             COM(2014) 35 finali, p. 8

    [38]             Flash Eurobarometer 406.

    Top